EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0795

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

/* COM/2013/0795 final */

52013DC0795

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar /* COM/2013/0795 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

1.           Introduzzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (minn hawn’ il quddiem “ir-Regolament”) ġie applikat minn Jannar 2009 fl-Istati Membri kollha, ħlief fid-Danimarka. Il-karatteristiċi ewlenin tiegħu huma n-natura miktuba tiegħu, il-limiti ta’ żmien stretti għall-kondotta tal-proċedimenti, in-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ rappreżentanza legali, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika, l-użu ta’ formoli standardizzati għal atti proċedurali, u t-tneħħija tal-proċedura intermedjarja għad-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà tas-sentenza (“exequatur”).

L-Artikolu 28 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta sal-1 ta’ Jannar 2014 rapport li jirrevedi l-operazzjoni tar-Regolament. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq studju estern,[1] konsultazzjoni pubblika onlajn, tweġibiet għal kwestjonarju indirizzat lill-Istati Membri, diskussjonijiet fin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (“EJN”) fl-2011 u l-2013, kif ukoll kontributi mill- konsumaturi[2] u mill-pubbliku inġenerali.[3].

2.           L-applikazzjoni tar-Regolament b’mod ġenerali

B’mod ġenerali, il-proċedura hija meqjusa li ffaċilitat it-tilwim transfruntier dwar talbiet żgħar fl-UE. Naqqset l-ispejjeż ta’ tilwim transfruntier dwar talbiet żgħar sa 40 % kif ukoll it-tul ta' żmien tat-tilwim minn tul ta' sentejn u ħames xhur għal tul ta' żmien medju ta’ ħames xhur.

Meta mqabbla ma’ proċeduri simplifikati nazzjonali, il-Proċedura Ewropea nstabet li tiswa inqas billi hi aktar sempliċi mill-proċeduri nazzjonali. Il-parti l-kbira tal-proċeduri nazzjonali tneħħi biss il-ħtieġa għal rappreżentanza legali f’tilwimiet ta' valur żgħir quddiem il-qrati inferjuri.

Madankollu, l-użu tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar huwa xorta pjuttost limitat meta mqabbel mal-għadd ta’ każijiet potenzjali. F’dan ir-rigward, l-għadd ta’ applikazzjonijiet jista’ jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, li jvarjaw bejn tliet applikazzjonijiet biss fil-Bulgarija u 1047 applikazzjoni fi Spanja għall-2012.[4] Apparti minn fatturi bħal drawwiet ta' xiri tal-popolazzjoni u d-disponibbiltà jew l-ispejjeż ta’ proċeduri nazzjonali alternattivi, din id-differenza fl-użu tal-Proċedura Ewropea tidher li hija marbuta b’mod partikolari mas-sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza u l-operat tagħha.[5] Din il-konklużjoni hija appoġġata mill-fatt li l-għadd ta’ applikanti skont ir-Regolament żdied b’mod kostanti minn mindu daħal fis-seħħ fl-2009.[6]

L-Ewrobarometru 395 juri li żewġ terzi ta’ dawk li użaw il-proċedura huma b’mod ġenerali sodisfatti biha. 13 % minn dawk li wieġbu ma kinux sodisfatti, 17 % rrapportaw li l-Qorti ma kinitx infurmata tajjeb dwar il-proċedura, 16 % kellhom diffikultajiet biex jimlew il-formoli u 10 % fittxew assistenza biex ikunu jistgħu jimlew l-applikazzjoni iżda ma rċevewhiex.

Barra minn hekk, ċerti nuqqasijiet huma rapportati kif stabbilit hawn taħt.

3.           Il-Kamp ta' Applikazzjoni tar-Regolament

3.1.        Il-limitu ta’ EUR 2 000

Ir-Regolament japplika f’każijiet fejn il-valur tat-talba ma jaqbiżx l-EUR 2 000.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri issa għandhom proċeduri simplifikati nazzjonali fis-seħħ.[7] Il-limiti ta’ dawk il-proċeduri jvarjaw ħafna, minn EUR 600 fil-Ġermanja għal EUR 25 000 fil-Pajjiżi l-Baxxi. Kien hemm xejra li jiżdied il-livell ta’ limiti nazzjonali għal proċeduri simplifikati tal-qorti minn mindu daħal ir-Regolament.[8] F’uħud mill-Istati Membri żieda bħal din kienet sinifikanti.[9]

L-Ewrobarometru 347[10] juri li l-limitu ta’ EUR 2 000 jillimita serjament id-disponibbiltà tal-proċedura b'mod partikolari għall-SMEs, li t-tilwim legali transfruntier tagħhom ma’ negozju ieħor jammonta għal medja ta’ EUR 39 700. Għal dawn it-talbiet, in-negozji jridu jerġgħu lura għal proċeduri nazzjonali għal talbiet żgħar fejn jeżistu, jew għal proċedimenti ċivili ordinarji. Dan jista’ jwassal għal spejjeż ta' litigazzjoni sproporzjonati u għal proċeduri twal. Tabilħaqq, 45 % tal-kumpaniji li jesperjenzaw tilwim transfruntier ma jmorrux il-Qorti minħabba li l-ispejjeż għall-proċedura ma jkunux proporzjonati mal-valur tal-pretensjoni, filwaqt li 27 % ma jmorrux il-Qorti minħabba li l-proċedura tieħu fit-tul wisq.

3.2.        Il-kamp ta' applikazzjoni territorjali

Bħalissa r-Regolament japplika għal tilwimiet fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal imqabbad. Dan il-limitu jirriżulta f’li ċċaħħad il-partijiet li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħżlu l-ġurisdizzjoni tad-domiċilju komuni tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 (ir-Regolament Brussell I)[11] fuq ġuriżdizzjoni kompetenti oħra tal-użu tal-Proċedura Ewropea. Pereżempju:

- fejn il-kuntratt jiġi esegwit fi Stat Membru ieħor, pereżempju meta jikkonċerna l-kiri ta’ dar għall-vaganzi fi Stat Membru ieħor;

- fejn l-avveniment li jwassal għal pretensjoni jseħħ fi Stat Membru ieħor, pereżempju inċident tat-traffiku li seħħ f’reġjun fil-fruntiera;

- fejn is-sentenza għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, pereżempju fejn il-konvenut ikollu kont bankarju fi Stat Membru ieħor.

Barra minn hekk, il-limitazzjoni teskludi applikazzjonijiet skont ir-Regolament ippreżentati fi qrati tal-Istati Membri tal-UE minn jew kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi, pereżempju lmenti tal-konsumaturi tal-UE kontra negozji li jinsabu f’pajjiż terz.

Barra minn hekk, din il-limitazzjoni hija sors ta’ inċertezza legali. Iċ-ċittadini jistgħu jkollhom l-aspettattiva li aktar mill-każijiet transfruntieri tagħhom ikunu koperti bir-Regolament u jkunu jistgħu wkoll joħolqu b’mod artifiċjali xenarju transfruntier kif previst fir-Regolament sabiex jibbenefikaw mill-vantaġġi tiegħu, pereżempju, billi jassenjaw it-talba tagħhom għal kumpanija barranija.[12]

4.           Il-Proċedura stabbilita mir-Regolament

4.1.        Ġurisdizzjoni

Il-ġurisdizzjoni tal-qrati fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija regolata bir-Regolament Brussell I.

Xi Stati Membri stabbilixxew qorti waħda jew aktar speċjalizzati li jittrattaw il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (pereż. il-Finlandja, Malta u l-Land ta' Hessen fil-Ġermanja). Konċentrazzjoni bħal din għandha ċerti vantaġġi bħalma huma l-konċentrazzjoni ta' għarfien speċjalizzat tal-qrati, ħiliet lingwistiċi u disponibilità ta' tagħmir b’mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li tippermetti li jiġu ffrankati l-ispejjeż. L-iżvantaġġi potenzjali għall-pretendenti li jkunu jixtiequ jissottomettu talbiet żgħar transfruntieri lill-qorti lokali tagħhom jistgħu jiġu kkumpensati bl-użu li qed jiżdied tal-ipproċessar elettroniku ta’ każijiet u mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod.

4.2.        Proċedura bil-miktub u l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod

Il-Proċedura Ewropea fil-prinċipju hija proċedura bil-miktub.. Dan jevita l- ħtieġa ta' vvjaġġar għall-partijiet u jiffranka l-ispejjeż u l-ħin. Madankollu, il-qorti jew it-tribunal għandhom jagħmlu seduta orali jekk huma jikkunsidraw li dan ikun meħtieġ jew jekk parti titlob dan. Il-qrati huma mħeġġa jżommu seduti orali permezz ta’ konferenza video jew ta’ xi teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni jekk il-mezzi tekniċi jkunu disponibbli.

L-istudju juri li sebgħa Stati Membri/ġuriżdizzjonijiet[13] joffru possibbiltà limitata (inqas minn 10 % tal-qrati) jew ebda possibbiltà għall-użu tal-ICT fil-qorti, filwaqt li 10 Stati Membri/ġuriżdizzjonijiet[14] joffru l-possibbiltà ta' komunikazzjoni permezz tal-ICT fil-qrati kollha. Anki f'dawk l-Istati Membri fejn it-tagħmir rilevanti huwa disponibbli ma jistax ikun garantit li l-faċilitajiet qegħdin fattwalment jintużaw għal seduti orali fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar minħabba l-fatt li l-użu tagħhom jitħalla f'idejn id-diskrezzjoni tal-imħallef. Il-partijiet bħalissa qed jiffaċċjaw spejjeż għolja bla bżonn meta jiġu mitluba li jkunu fiżikament preżenti f’qorti fi Stat Membru ieħor għal seduti orali.

Fl-Ewrobarometru Speċjali 395 terz ta' dawk li wieġbu indikaw li huma kienu se jkunu aktar inklinati li jippreżentaw pretensjoni jekk il-proċeduri jistgħu jitwettqu biss bil-miktub, mingħajr il-ħtieġa li fiżikament jidħlu l-qorti. It-teknoloġija llum tippermetti l-istallazzjoni ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod bi spejjeż pjuttost baxxi (tagħmir simili għal dak tal-Iskype jew telekonferenza).

4.3.        L-applikazzjoni, il-mezzi ta’ servizz u l-użu ta’ proċeduri elettroniċi

Il-pretendent jista’ jressaq it-talba fil-qorti jew fit-tribunal direttament, bil-posta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, bħal faks jew posta elettronika, aċċettat fl-Istat Membru tal-qorti li tisma’ t-talba.

Għaxar (10) Stati Membri[15] u ħames (5) Länder fil-Ġermanja[16] jistgħu jippermettu s-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet f’każijiet transfruntieri (onlajn jew bil-posta elettronika). Dan l-iżvilupp x’aktarx li jiżdied fil-ġejjieni[17] u huwa rifless fil-kuntest tal-proġett pilota dwar e-Codex dwar il-ġustizzja elettronika Ewropea[18] li jivvaluta l-fattibilità ta' sistema ċentralizzata ta' applikazzjoni elettronika għall-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Fir-rigward tan-notifika, notifika postali b’konferma ta' riċevuta huwa l-metodu ewlieni ta’ notifika. Notifika b'mezz elettroniku tista' għalhekk tiġi applikata biss jekk is-servizz bil-posta ma jkunx possibbli. Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament, din id-dispożizzjoni kienet gradwali ħafna peress li neħħiet il-formalitajiet marbuta man-notifika. Sadattant, xi Stati Membri qed jużaw mezz ta' komunikazzjoni elettroniku għall-proċeduri lokali. Il-partijiet għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-modernizzazzjoniet minħabba r-regola li tistabbilixxi l-prijorità tas-servizz postali fuq il-mezzi l-oħrajn kollha ta’ komunikazzjoni. Ukoll, jista' jkun mistenni li fis-snin li ġejjin l-użu tal-ICT fis-sistemi ġudizzjarji jiżdied.

Dan l-użu insuffiċjenti tal-ICT huwa deterrent għall-attrattività tar-Regolament: Għoxrin fil-mija ta’ dawk li wieġbu għall-Barometru Speċjali 395 dwar il-proċedura Ewropea indikaw li jkunu aktar inklinati li jużaw il-proċedura jekk il-proċedimenti kollha jistgħu jitwettqu onlajn.

4.4.        Id-durata tat-tilwim

Ir-Regolament jippreskrivi limiti ta’ żmien sabiex jitħaffef it-tilwim għal talbiet żgħar. Anki jekk ma huma previsti l-ebda sanzjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' rispett lejn dawk il-limiti, id-dejta turi li d-durata tat-talbiet żgħar transfruntieri ta' tilwim naqqset it-tilwim b'mod drastiku mindu ġie adottat ir-Regolament. Id-durata tal-Proċedura Ewropea f'kampjun tal-Istati Membri[19] turi li każ ta' tilwim jieħu madwar tlieta (3) sa tmien (8) xhur b'medja ta' madwar ħames  (5) xhur meta mqabbel ma' sentejn (2) u ħames (5) xhur qabel l-adozzjoni tar-Regolament.

4.5.        It-tneħħija tal-obbligu li wieħed ikun rappreżentat minn avukat

L-Ewrobarometru 395 sab li terz ta' dawk li wieġbu li kienu użaw il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar użaw rappreżentant legali permezz tal-proċedura, filwaqt li ftit iktar minn dawk li wieġbu użaw il-proċedura mingħajr assistenza legali. F’xi każijiet, jidher li ċ-ċittadini rrikorrew għal avukat għax ma bbenefikawx minn assistenza bla ħlas jew minħabba li l-miżati tal-qorti setgħu jitħallsu biss permezz ta’ avukat (ara hawn taħt it-Taqsimiet 6 u 8.2). Anki jekk, għalhekk, id-dritt għal rappreżentanza legali huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini kollha, iċ-ċittadini ma għandhomx ikunu mġiegħla jirrikorru għal avukat minħabba li r-regoli tar-Regolament ma jkunux ġew imħarsa jew minħabba ostakli purament prattiċi.

4.6.        Il-formoli multilingwi standard

Ir-Regolament jipprovdi għal erba’ formoli standard multilingwi. Dawn il-formoli kienu disponibbli fuq l-Atlas Ġudizzjarju Ewropew mill-2008, flimkien ma’ għodda tat-traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha u fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettroniku mill-2011, bħala formoli dinamiċi bl-għajnuna mill-wizard biex wieħed jimlihom.[20]

Iċ-ċittadini ġeneralment jaħsbu li l-formola tal-applikazzjoni hija faċli biex timliha (62 %), filwaqt li xi wħud jirrapurtaw diffikultajiet (16 %). Xi konsumaturi jsibu li l-formoli standard huma wisq kumplessi rigward ċerti punti bħall-ġuriżdizzjoni, id-definizzjoni transfruntiera, il-kalkolu ta’ interess u d-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża.[21]

4.7.        Standards minimi għar-rieżami tas-sentenza

Ir-rimedju eċċezzjonali fl-Artikolu 18 għandu l-għan li jerġa' jindirizza s-sitwazzjoni fejn il-konvenut ma kienx jaf dwar il-proċedimenti fl-Istat Membru tal-oriġini u ma kienx kapaċi jiddefendi lilu nnifsu kif xieraq. Filwaqt li r-Regolament jippreskrivi l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tad-dritt għal rieżami, il-proċedura nnifisha hija rregolata mid-dritt nazzjonali.

Il-proċeduri ta’ rieżami simili għal dawk tal-Artikolu 18 tar-Regolament jeżistu wkoll fi strumenti oħra tal-ġustizzja ċivili, b’mod partikolari l-Ordni ta’ Pagament Ewropea[22], l-Ordni ta’ Eżekuzzjoni Ewropea[23] u r-Regolament ta' Manutenzjoni[24]. L-implimentazzjoni tal-proċedura tar-rieżami skont l-istrumenti Ewropej wasslet għal mistoqsijiet u inċertezzi. Sabiex jiġu indirizzati dawn il-mistoqsijiet u l-inċertezzi, huwa xieraq li tiġi ċċarata d-dispożizzjoni fl-Artikolu 18 billi tittieħed l-ispirazzjoni mid-dispożizzjoni aktar reċenti fir-Regolament ta' Manutenzjoni.

5.           Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor

Ma ġewx irrappurtati problemi li jirrigwardaw it-tneħħija tal-exequatur fir-Regolament. Madankollu, xi problemi dwar l-eżekuzzjoni ġew irrappurtati liċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumaturi, pereżempju dwar il-ħtieġa għat-traduzzjoni u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar proċeduri ta’ eżekuzzjoni jew dettalji ta’ kuntatt tal-aġenti ta' eżekuzzjoni f’pajjiżi differenti.[25] Ftit Stati Membri biss jaċċettaw il-Formola D tar-Regolament bl-Ingliż u b'xi ftit lingwi oħra.[26] Dan jimplika spejjeż addizzjonali għall-Parti li titlob l-eżekuzzjoni. L-ispejjeż tat-traduzzjoni normalment ikollhom jitħallsu għal kull paġna, minkejja l-fatt li ħafna mill-informazzjoni tkun diġà disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u t-Taqsima 4.3 biss li fiha s-sustanza tas-sentenza għandha bżonn tiġi tradotta.

6.           Assistenza għall-partijiet

Ftit arranġamenti partikolari daħlu fis-seħħ fl-Istati Membri biex ikun żgurat li l-partijiet ikunu jistgħu jirċievu assistenza prattika sabiex jimlew il-formoli. Skont ir-Rapport ECC-Net, 41 % tal-Istati Membri rrappurtaw li din l-assistenza mhix disponibbli għaċ-ċittadini u l-Ewrobarometru 395 juri li 10 % ta’ dawk li wieġbu fittxew l-assistenza iżda ma rċevewhiex.

Bħala konklużjoni, jidher li l-Istati Membri ma jipprovdux b’mod konsistenti assistenza mingħajr ħlas. Dan jista’ jkollu rwol fl-użu limitat tal-Proċedura Ewropea.

7.           L-obbligi ta’ informazzjoni għall-Istati Membri

Skont l-Artikoli 24 u 25, l-Istati Membri għandhom jipprovdu ċerta informazzjoni meħtieġa għall-operazzjoni tal-proċedura. Madankollu, informazzjoni dwar diversi kwistjonijiet li jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri attwalment mhijiex disponibbli: informazzjoni dwar miżati tal-qorti u l-metodi tal-ħlas ta' din tal-aħħar, dwar proċeduri nazzjonali għal rieżami skont l-Artikolu 18 kif ukoll dwar id-disponibbiltà ta’ assistenza b’xejn liċ-ċittadini.

Minħabba dan in-nuqqas ta’ trasparenza, il-konsumaturi u n-negozji jitilfu l-ħin billi jifittxu għal informazzjoni dwar l-ispejjeż u ma jistgħux jagħmlu deċiżjoni infurmata għal kollox jekk jużawx il-proċedura jew le.

8.           Ostakli oħra għall-applikazzjoni tar-Regolament

8.1.        Miżati tal-qorti sproporzjonati mal-valur tal-pretensjoni

L-evalwazzjoni turi li l-miżati sproporzjonati tal-qorti huma ostakolu importanti għall-użu tal-proċedura f’xi Stati Membri. Il-miżati tal-qorti jistgħu jkollhom jitħallsu bil-quddiem u jista’ jkollhom effett ta’ deterrent fuq il-pretendenti li qed jikkunsidraw azzjoni bil-qorti.[27]. L-Ewrobarometru 347 juri li 45 % tan-negozji ma jmorrux il-Qorti minħabba li l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti jkunu sproporzjonati għal mat-talba.[28] Id-dokument dwar il-pożizzjoni ta' BEUC[29] jikkonferma li l-miżati tal-qorti sproporzjonati huma fattur li jiskoraġġixxi l-konsumaturi milli jużaw il-Proċedura.

Il-miżati tal-qorti jvarjaw fost l-Istati Membri skont il-metodi ta’ kalkolu fis-seħħ (fissi jew bħala proporzjon tal-valur tat-talba jew taħlita ta’ dawn it-tnejn). Il-miżati tal-qorti li jkunu aktar minn 10 % tal-valur tat-talba jistgħu jitqiesu bħala sproporzjonati. Dan huwa partikolarment validu f’każijiet transfruntieri fejn spejjeż addizzjonali bħal pereżempju l-ispejjeż tat-traduzzjoni għandhom ikunu mistennija. Għal pretensjonijiet ta’ aktar minn EUR 2 000, il-miżati tal-qorti nstabu li kienu ġeneralment proporzjonali mal-valur ta’ pretensjonijiet.

F’ħafna Stati Membri, tiġi stabbilita miżata minima tal-qorti għall-prevenzjoni ta' tilwim abbużiv jew frivolu, jiġifieri t-tressiq ta' każijiet li mhumiex adegwatament evidenzjati jew ġustifikati, jew li huma ta’ valur trivjali, pereż. EUR 10.

8.2.        Ostakoli prattiċi għall-ħlas ta’ miżati tal-qorti

Xi diffikultajiet prattiċi ġew irrappurtati lill-Kummissjoni rigward il-ħlas ta’ miżati tal-qorti fi Stati Membri oħra.

Il-metodi ta’ ħlas huma differenti ħafna madwar l-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jippermettu għall-possibbiltà ta’ mill-inqas forma waħda ta’ ħlas elettroniku (kard tad-debitu/tal-kreditu jew tal-pagament onlajn jew trasferiment bankarju). F'xi Stati Membri huwa permess trasferiment elettroniku. Fi ftit Stati Membri madankollu l-ħlas ta’ miżati tal-qorti jeħtieġ il-ħlas fiżiku fattwali fil-bini tal-qrati jew ħlas permezz ta’ avukat jew ċekkijiet li mhumiex f’użu ġenerali f’ħafna Stati Membri. F’dawk il-pajjiżi l-partijiet ikollhom iġarrbu l-ispejjeż ta’ vvjaġġar jew iqabbdu avukat fl-Istat Membru kkonċernat sabiex ikunu jistgħu jħallsu l-miżati tal-qorti.

9.           Nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza u t-tħaddim tal-proċedura

Għal applikazzjoni b’suċċess tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, huwa meħtieġ li l-atturi rilevanti - iċ-ċittadini, il-qrati u organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu sostenn u pariri - jkunu konxji tal-eżistenza u tal-operat tagħha. L-evidenza turi madankollu li la ċ-ċittadini u lanqas il-qrati ma huma infurmati tajjeb:

L-Ewrobarometru 395 juri li 86 % taċ- ċittadini qatt ma semgħu dwar il-proċedura. B'riżultat ta' dan, il-pretendenti potenzjali, b’mod partikolari l-konsumaturi, jew ma jsegwux it-talbiet tagħhom jew isegwuhom permezz ta’ proċeduri nazzjonali.

Fir-rigward tal-qrati u l-imħallfin, stħarriġ imwettaq mill-ECC-Net fl-Istati Membri kollha wera li kważi nofs il-qrati qatt ma semgħu b'din il-proċedura, filwaqt li n-nofs l-ieħor ma kienux infurmati b'mod sħiħ rigward id-dettalji tagħha. B'konsegwenza ta' dan, għadd kbir ta’ qrati jew tribunali mhumiex fil-pożizzjoni li jassiguraw assistenza effiċjenti liċ-ċittadini kif meħtieġ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament.

Id-dejta turi li, minkejja t-tentattivi tal-Istati Membri li jżidu l-għarfien tal-qrati, it-tixrid tal-informazzjoni ma kienx effettiv. Fejn it-taħriġ ġie offrut mhux biss lill-qrati iżda wkoll lill-marixxalli u lill-aġenti ta' eżekuzzjoni, l-użu tal-proċedura żdied. Ukoll, l-ispeċjalizzazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tista' f’ċerti Stati Membri tkun mezz biex tiġi indirizzata l-problema ta’ nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti legali. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Istati Membri jiddedikaw aktar riżorsi u mezzi biex itejbu l-miżuri ta' sensibilizzazzjoni tagħhom ikun jikkontribwixxi għas-suċċess tal-proċedura.

Il-Kummissjoni min-naħa tagħha ppruvat tindirizza l-problema tan-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni permezz ta' firxa ta’ azzjonijiet bħall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni flimkien ma’ forom interattivi fuq bosta websajts tal-UE (il-websajt tal-EJN, l-Atlas Ġudizzjarju Ewropew, u l-Portal tal-Ġustizzja elettroniku); moduli ta’ taħriġ speċjalizzat għall-imħallfin u l-prattikanti legali u workshops għall-ħarrieġa taħt il-Programm tal-Ġustizzja Ċivili; Tħejjew Gwida ta' Prattika għall-professjonisti legali kif ukoll Gwida tal-Utenti għaċ-ċittadini flimkien mal-EJN fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali li se jiġu ppubblikati fl-2013.

Il-Kummissjoni ppromwoviet ukoll l-applikazzjoni tal-proċedura permezz ta’ mezzi finanzjarji taħt il-Programm tal-Ġustizzja Ċivili. Ukoll, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC) jipprovdu xi assistenza lill-konsumaturi li jużaw il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

L-atturi rilevanti wkoll jidhru li għandhom xi diffikultajiet biex jiddistingwu bejn l-istrumenti varji biex isegwu l-pretensjonijiet tagħhom u jinfurzawhom barra l-pajjiż. B’mod partikolari, huma inċerti dwar meta għandhom jirrikorru għall-Proċedura għal Talbiet Żgħar jew meta għandhom jirrikorru għall-Ordni Ewropea għall-Proċeduri ta' Pagamenti u f’liema każijiet l-użu tal-Ordni Ewropea ta’ Eżekuzzjoni tista' tkun ta’ benefiċċju. Il-gwida ta’ prassi orizzontali dwar kif wieħed jista' jiddistingwi bejniethom u meta għandu jintuża strument wieħed u mhux l-ieħor jista' jkun ta' għajnuna għaċ-ċittadini u l-prattikanti.

10.         Konklużjoni

Dan ir-rapport juri li l-applikazzjoni tar-Regolament b’mod ġenerali ttejbet, issimplifikat u aċċellerat it-trattament ta’ talbiet żgħar f’tilwim transfruntier. Madankollu, jeżistu xi nuqqasijiet.

Ir-Regolament qed ibati minn nuqqas ta’ għarfien. Din il-kwistjoni hija indirizzata minn għadd ta’ miżuri li ttieħdu mill-Kummissjoni kif deskritt hawn fuq.

F’xi każijiet ir-Regolament ma ġiex implimentat kif suppost. Dan jista’ jissewwa billi jiġu ċċarati xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu li qajmu ċerti diffikultajiet. Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-rigward tan-nuqqas ta’ trasparenza għal ċerta informazzjoni dwar il-miżati tal-qorti, il-metodi ta’ ħlas u d-disponibbiltà ta’ assistenza biex jimtlew il-formoli.

Il-problemi li jifdal huma prinċipalment minħabba nuqqasijiet tar-Regolament attwali, pereżempju l-ambitu limitat fir-rigward tal-limitu impost u d-definizzjoni limitata ta’ każijiet transfruntieri; in-nuqqasijiet proċedurali relatati mal-prijorità mogħtija lis-servizz postali; l-użu baxx ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni bil-vidjo mill-bogħod; il-karattru sproporzjonat ta’ miżati tal-qorti f’xi każijiet; in-nuqqas ta’ metodi onlajn ta’ ħlas f’xi Stati Membri, u; l-ispejjeż tat-traduzzjoni mhux meħtieġa fl-istadju tal-eżekuzzjoni.

Għaldaqstant, dan ir-Rapport huwa akkumpanjat minn proposta għar-reviżjoni tar-Regolament attwali u valutazzjoni tal-impatt li tindirizza l-problemi identifikati hawn fuq.

[1]               Deloitte, Valutazzjoni tal-impatti soċjoekonomiċi tal-alternattivi ta’ politika għall-ġejjieni tar-Regolament Ewropew dwar Talbiet Żgħar, Lulju 2013 (minn hawn’ il quddiem: l-Istudju "Deloitte"); disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/civil/document/index_en.htm.

[2]               Ibbażatata fuq ilmenti individwali u fuq ir-rapporti li ġejjin: Centre européen de la Consommation/Europäischen Verbraucherschutz e.V, Procédure de règlement des petits litiges et injunction de payer européenne: des procedures simplifiées pas si simple dans la pratique, July 2011, disponibbli fuq: http://www.europe-consommateurs.eu/uploads/media/4.4.3_procedure_de_reglement_des_petits_litiges.pdf (minn issa 'l quddiem: CEC, Procédure de règlement des petits litiges); ECC-Net, Rapport dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, Settembru 2012, jinsab fuq: http://ec.europa.eu/consumers/ecc/docs/small_claims_210992012_en.pdf (minn issa 'l quddiem: ECC-Net-Report). Barra minn hekk, l-Istudju "l-Implimentazzjoni ta’ strumenti fakultattivi fil-liġi ċivili Ewropea” li sar fil-PE mis-Sinjura B. Fauvarque-Cosson u mis-Sinjura M. Behar-Touchais fl-2011 ġie kkunsidrat. (disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=72928).

[3]               Ewrobarometru speċjali 395, Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, April 2013 (minn hawn’ il quddiem: EB Speċjali 395), disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_395_en.pdf

[4]           Ma hemm l-ebda dejta disponibbli fir-rigward tat-tip, u tal-karatteristiċi tal-każijiet, iżda fir-rigward tal-limitu ta’ EUR 2 000, wieħed jista’ jassumi li r-Regolament kien fil-biċċa l-kbira użat mill-konsumaturi. Ukoll, l-EB Speċjali 395 iffoka fuq il-perċezzjoni tiegħu miċ-ċittadini tal-UE.

[5]               Skont it-tweġiba ta' Spanja tal-kwestjonarju, it-taħriġ mhux biss ġie indirizzat lil qrati u lill-mħallfin bħalma jiġri f’ħafna Stati Membri oħra - jekk ikun hemm - iżda wkoll lill-marixxalli u lill-aġenti ta' eżekuzzjoni. Ara wkoll l-Istudju "Deloitte", il-Parti I, it-Taqsima 3.3.2.1, pp. 73-74.

[6]               Ara l-istudju "Deloitte", il-Parti I, 3.3.2.1, pp .66-67 (it-Tabella 19) li jipprovdi ħarsa ġenerali dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-għadd ta’ applikazzjonijiet u sentenzi tal-ESCP.

[7]               L-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka u l-Finlandja biss ma għandhomx proċedura bħal din. Ara wkoll l-Istudju "Deloitte", il-Parti I, it-Taqsima 3.3.1.1, p. 53.

[8]               Pereżempju, fl-Estonja, fi Franza, fl-Ungerija, fl-Irlanda, fl-Italja, fil-Litwanja, fis-Slovenja, fi Spanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit.

[9]               Fir-Renju Unit, minn £5 000 għal £10 000, fil-Pajjiżi l-Baxxi minn EUR 5 000 għal EUR 25 000; ara l-Istudju "Deloitte", il-Parti I, it-Taqsima 3.3.1.1, pp. 52-53.

[10]             Flash Eurobarometer 347, Businesses-to-Businesses, Alternative Dispute resolution in the EU (Riżoluzzjonijiet Alternattivi għat-Tilwim fl-UE (skont l-Ewrobarometru Flash 347) (minn hawn ’il quddiem: Flash EB 347), pp. 40-42, jinsab fuq: http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_347_en.pdf.

[11]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[12]             Inġibdet l-attenzjoni lejn dawn il-każijiet waqt it-taħditiet fl-EJN.

[13]             Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit – l-Irlanda ta’ fuq

[14]             l-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, l-Isvezja u r-Renju Unit – l-Iskozja.

[15]             Ara l-Istudju Deloitte, il-Parti I, it-Taqsima 3.3.2.2, pp. 76-77: l-Awstrija, l-Estonja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka (għalkemm meta sottomessi bil-posta elettronika jew bil-faks, l-oriġinal għandu jiġi sottomess sussegwentement), il-Finlandja, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi (għalkemm ma ntużawx fil-prattika), il-Portugall, is-Slovenja, ir-Renju Unit (l-Ingilterra u Wales).

[16]             Berlin, Brandenburg, Bremen, Sachsen, Hessen.

[17]             Fil-Ġermanja, pereżempju, il-possibbiltà ta’ sottomissjoni elettronika ta’ talba fil-qrati kollha hija prevista għall-2018.

[18]             http://www.e-codex.eu/index.php/legal-community-benefits; għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ara wkoll: http://www.e-codex.eu/pilots/small-claims.html.

[19]             Għaxar (10) Stati Membri wieġbu għal din il-mistoqsija; Il-Bulgarija: sitt (6) xhur; l-Estonja: erba' (4) xhur; il-Finlandja: tliet (3) xhur; Franza: 4,6 xhur; Malta: sitt (6) xhur; il-Polonja: 6,3 xhur; is-Slovakkja: tliet (3) xhur; is-Slovenja: 4,3 xhur; Spanja: 8,2 xhur; il-Ġermanja: 3,4 - 5,3 xhur.

[20]             Ara https://e-justice.europa.eu/content_small_claims_forms-177-en.do.

[21]             Ara: r-rapport CEC, Procédure de règlement des petits litiges (il-Procedura tar-regolamentazzjoni tat-talbiet żgħar);  u r-rapport ECC-Net.

[22]             Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1 et seq.

[23]             Ir-Regolament 805/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati, ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15 et seq.

[24]             Ir-Regolament tal-Kunsill 4/2009/KE dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1 et seq.

[25]             ECC-Net, Rapport dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, Settembru 2012, p. 28 disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/consumers/ecc/docs/small_claims_210992012_en.pdf

[26]             L-Estonja (l-Ingliż), Ċipru (l-Ingliż), Malta (l-Ingliż), il-Finlandja (l-Isvediż u l-Ingliż), l-Isvezja (l-Ingliż), Franza (l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan, l-Ispanjol) — Sors: X.E. Kramer, Small claim, simple recovery? The European small claims procedure and its implementation in the member states, ERA Forum (2011) 12, p. 130.

[27]             Il-fatt li l-miżati tal-qorti jaqgħu taħt il-prinċipju ta’ “min jitlef iħallas” ma jagħmilx kuraġġ lill-pretendent billi l-eżitu tal-każ huwa inċert u l-pretendent ikollu l-ewwel “jiffriża” l-flus tiegħu stess sakemm l-eżekuzzjoni tkun effettiva.

[28]             EB Flash 347, p. 31. Għalkemm dan l-istħarriġ hu ġenerali għat-tipi kollha ta’ talbiet B-2-B, huwa jenfasizza li l-proporzjonalità tal-ispejjeż - u għalhekk ukoll tal-miżati tal-qorti - hija l-kriterju ewlieni għan-negozji fir-rigward tad-deċiżjoni jekk każ għandux jitressaq il-qorti.

[29]             Nru ta' Ref. X/2013/040; jinsab fuq: http://www.beuc.org/Content/Default.asp?PageID=606.

Top