Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0656

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar rekwiżiti ġodda possibbli għall-ittikkettar ta' prodotti tat-tessut u dwar studju ta' sustanzi allerġeniċi fil-prodotti tat-tessut

    /* COM/2013/0656 final */

    52013DC0656

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar rekwiżiti ġodda possibbli għall-ittikkettar ta' prodotti tat-tessut u dwar studju ta' sustanzi allerġeniċi fil-prodotti tat-tessut /* COM/2013/0656 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar rekwiżiti ġodda possibbli għall-ittikkettar ta' prodotti tat-tessut u dwar studju ta' sustanzi allerġeniċi fil-prodotti tat-tessut

    1.           Introduzzjoni

    Ir-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2011 dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut[1] (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar it-Tessuti" jew "ir-Regolament") huwa l-uniku biċċa leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur li tapplika għall-prodotti tat-tessut[2]. Dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli għall-ittikkettar u l-immarkar ta' prodotti tat-tessut, u jirregola l-ismijiet tal-fibri tat-tessut. Huwa japplika għall-prodotti kollha li fihom mill-inqas 80% fil-piż ta' fibri tat-tessut, dan jinkludi prodotti mhux maħdumin, parzjalment maħdumin, maħdumin, parzjalment manifatturati, parzjalment lesti jew lesti.

    L-Artikolu 24 tar-Regolament dwar it-Tessuti jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Settembru 2013, u fejn hu rilevanti, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi "dwar rekwiżiti ġodda possibbli tat-tikkettar li għandhom jiddaħħlu fil-livell tal-Unjoni bil-ħsieb li l-konsumaturi tingħatalhom informazzjoni preċiża, rilevanti, li tkun tinftiehem faċilment u komparabbli, dwar il-karatteristiki tal-prodotti tat-tessut.". Il-kwistjonijiet studjati jinkludu fost oħrajn, skema ta' tikkettar li turi l-oriġini, sistema ta' tikkettar armonizzata dwar il-kura tal-prodott, sistema uniformi għall-Unjoni kollha ta' tikkettar tad-daqsijiet, indikazzjoni dwar sustanzi allerġeniċi, tikkettar elettroniku u b'teknoloġiji ġodda oħrajn, simboli jew kodiċijiet indipendenti minn lingwa għall-identifikazzjoni tal-fibri tat-tessuti. Billi l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar it-Tessuti jintroduċi r-rekwiżit li prodotti li fihom biċċiet mhux magħmulin mit-tessut, iżda li jkunu ta' oriġini mill-annimali, ġiet studjata wkoll il-possibbiltà li jkunu tikkettati jew immarkati l-prodotti tal-ġild. Barra minn hekk, l-Artikolu 25 tar-Regolament jeżiġi li l-Kummissjoni twettaq studju li jevalwa jekk hemmx rabta kawżali bejn ir-reazzjonijiet allerġiċi u s-sustanzi jew it-taħlitiet kimiċi li jintużaw fil-prodotti tat-tessut, u, fejn ikun rilevanti, tippreżenta l-proposti leġiżlattivi.

    Dan ir-rapport ġie bbażat fuq ir-riżultati tal-istudji li twettqu f'isem il-Kummissjoni. Dawn l-istudji analizzaw sistemi diversi tal-ittikkettar tat-tessuti u l-prodotti tal-ġild, kif ukoll ir-rabta kawżali bejn l-allerġiji u s-sustanzi kimiċi fil-prodotti tat-tessut lesti. Ir-riżultati ta' dawn l-istudji kienu s-suġġett ta' taħdit estensiv bejn esperti mill-Istati Membri, l-industrija, u partijiet interessati oħrajn, b'mod partikolari permezz tal-Grupp Espert dwar l-Ismijiet u t-Tikketti tat-Tessuti[3]. L-istudju dwar it-tikkettar tal-prodotti tat-tessut qies ir-riżultat ta' studju li sar f'isem id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni[4], tal-Parlament Ewropew, fl-2010. Ir-rapport preżenti jqis l-istandards eżistenti rilevanti Ewropej u internazzjonali, u jieħu ħsieb ukoll l-interessi tal-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs). Huwa jinkludi ħarsa ġenerali lejn l-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fil-kapitolu 2, analiżi sommarja ta' rekwiżiti tal-ittikkettar possibbli (l-Artikolu 24) u s-sejbiet ewlenin tal-istudju dwar is-sustanzi kimiċi (l-Artikolu 25) fil-kapitoli 3 u 4 rispettivament, u jippreżenta l-konklużjonijiet fil-kapitolu 5.

    2.           Ħarsa ġenerali lejn is-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ tal-UE

    L-industrija tal-UE tal-prodotti għall-konsumaturi b'enfasi fuq id-disinn hija magħmula minn firxa wiesgħa ta' setturi, b'mod partikolari s-setturi tat-tessuti u tal-ħwejjeġ (T&C), tal-ġilda u taż-żraben, tal-passatempi (sport, logħob u ġugarelli), u tal-ġojjelli, tat-tiżjin ta' ġewwa, eċċ. Dawn is-setturi jinkludu aktar minn nofs miljun impriża, li huma attivi fil-katina tal-valur (inkluż fid-disinn, fl-iżvilupp tal-prodotti, fil-manifattura, fid-distribuzzjoni u fil-bejgħ). Flimkien dawn jiġġeneraw dħul totali annwali ta' madwar EUR 500 biljun u jipprovdu madwar ħames miljun impjieg fl-UE.

    L-industrija Ewropea tat-tessuti u tal-ħwejjeġ hija settur industrijali divers ħafna[5], immexxi mill-innovazzjoni u l-kreatività u magħmula l-iktar minn SMEs: il-kumpaniji kellhom medja ta' 10 impjegati fl-2009, ċifra aktar baxxa minn dik tal-bidu tad-deċennju, li kienet ta' 18-il impjegat. Fl-2011, is-settur kien magħmul minn aktar minn 185 000 kumpanija li kienu jimpjegaw 1,7 -il miljun ruħ fl-Ewropa, bi dħul totali ta' EUR 152 biljun[6]. Minħabba l-kompetizzjoni dinjija intensa, il-kumpaniji Ewropej qegħdin dejjem iżjed jiddependu fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RD&I) biex iżommu u jtejbu l-kompetittività sostenibbli. Wara aktar minn 15-il sena ta' tibdil strutturali radikali, illum il-ġurnata l-prodotti speċjalizzati ta' valur miżjud għoli jagħmlu porzjon kbir mill-attivitajiet tas-settur. Sforzi sinifikanti fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni saħħew l-għarfien u s-sostenibbiltà tal-kumpaniji tat-tessuti, b'mod partikolari, dawk li joħorġu soluzzjonijiet individwali ta' applikazzjonijiet u servizzi ġodda f'setturi fejn ma hemmx lok għal żbalji bħalma huma dawk tal-kura tas-saħħa, l-inġinerija ċivili, tal-vetturi u aerospazjali.

    Tul l-aħħar 15-il sena, is-settur tat-tessuti u tal-ilbies (T&C) żied l-użu effiċjenti tal-enerġija b'madwar 35%, kemm għal kull unità li joħroġ kif ukoll fil-valur miżjud, li hu ogħla ħafna mill-medja għas-settur ġenerali tal-manifattura. Dan is-settur ikopri t-taqsimiet tas-suq tal-ħwejjeġ, tat-tessuti għat-tiżjin tad-djar u tat-tessuti tekniċi, u kull wieħed minn dawn jiġġenera madwar terz tal-introjtu totali. Iżda fl-UE il-bilanċ qiegħed ixaqleb favur it-tessuti tekniċi[7], it-taqsima li fiha l-UE għandha vantaġġ kompetittiv relattiv fuq is-sħab kummerċjali tagħha. Is-settur ġenerali tat-T&C għandu sehem ta' 3% tal-valur miżjud u sehem ta' 6% tal-impjiegi fil-manifattura kollha. Il-produttività apparenti tal-impjiegi fis-settur żdied minn madwar 40% għal 46% tul is-snin 2004 sa 2009. Tul dan il-perjodu, il-livell ta' investiment għal kull valur miżjud baqa' stabbli, madwar 11%.

    Figura 1 – L-għadd ta' impriżi u l-introjtu tal-industrija tat-T&C (2004-2009) Sors: Il-Eurostat

    Wara perjodu ta' tnaqqis ta' ħames snin, l-industrija tat-T&C donnha rkuprat xi ftit mill-impatt tat-taqlib finanzjarju, iżda din ix-xejra għad trid tiġi kkonfermata mid-dejta għall-2012. Il-fatturi u l-kwistjonijiet ewlenin li jinfluwenzaw il-kompetittività tal-industrija tat-T&C huma dawk li jaffettwaw ukoll lill-industriji l-oħrajn. B'mod partikolari, l-aċċess għall-finanzi huwa kruċjali biex ikun hemm l-investiment fil-modernizzar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni u fl-iżvilupp ta' prodotti b'kontenut għoli ta' disinnjar innovattiv u kreattiv, maħsubin għal swieq eżistenti jew ġodda. In-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa hija kwistjoni importanti oħra, mhux biss fit-T&C iżda madwar l-industrija tal-manifattura kollha. Ċerti kwistjonijiet, bħal dik tad-Drittijiet tal-Proprejtà Intellettwali u l-ksur tagħhom jirrikjedu aktar soluzzjonijiet speċifiċi u mmirati lejn is-settur tat-T&C. Soluzzjoni waħda biex l-impriżi jibqgħu mexjin 'il quddiem hija li jfittxu b'mod attiv l-innovazzjoni kemm teknoloġika kif ukoll dik li mhijiex teknoloġika, u jiżviluppaw prodotti ta' kwalità, b'kontenut għoli ta' disinnjar innovattiv u kreattiv u ta' marki magħrufin, biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' domanda fl-UE. Is-settur qed isir dejjem iżjed kompetittiv.

    3.           Is-sitwazzjoni attwali u s-sejbiet dwar l-iżviluppi probabbli rigward l-ittikkettar

    Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali tar-rekwiżiti attwali fejn għandu x'jaqsam mal-ittikkettar tal-prodotti tat-tessut u valutazzjoni tal-ħtieġa tar-rekwiżiti ġodda possibbli u kemm ikun vantaġġjuż u fattibbli li t-tikketti u l-marki tal-prodotti tat-tessut u tal-ġild ikunu armonizzati.

    Skont ir-Regolament dwar it-Tessuti, il-prodotti tat-tessut disponibbli fis-suq tal-UE jrid ikollhom tikketta jew marka li turi l-kompożizzjoni tal-fibra bl-ismijiet tal-fibri elenkati fl-Anness I tar-Regolament. L-ismijiet tal-fibri u l-perċentwal tal-piż tal-fibri kollha li jkun hemm f'tessut għandhom jintwerew f'ordni mill-itqal sal-inqas tqil. Ir-rekwiżiti tal-ittikkettar u l-immarkar dwar il-kompożizzjoni japplikaw għall-prodotti u l-komponenti tat-tessut li fihom mill-inqas 80% fil-piż ta' fibri tat-tessut. Ir-Regolament ma jirregolax aspetti oħrajn tal-ittikkettar u l-immarkar. Il-prodotti tal-ġild mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-ittikkettar u l-immarkar[8], minbarra x-xedd tas-saqajn, li hu kopert mid-Direttiva dwar ix-Xdud tas-Saqajn 94/11/KE[9]. Ċerti kategoriji ta' prodotti tat-tessut, inklużi t-twapet, tipi oħra ta' għata tal-art u prodotti tat-tiżjin tad-djar huma koperti wkoll bir-Regolament (UE) Nru 305/2011[10] li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini.

    Il-ħtieġa ta' rekwiżiti ġodda possibbli hija vvalutata fuq studji mwettqin f'isem il-Kummissjoni u vverifikati u ssupplimentati b'diskussjonijiet estensivi[11] ma' spettru wiesa' ta' partijiet interessati. Billi l-istudji dwar l-armonizzazzjoni possibbli tal-ittikkettar huma studji tal-fattibbiltà li l-mira tagħhom hi biex jinfurmaw valutazzjoni tal-impatt potenzjali, l-għażliet politiċi huma aktar numerużi u ddefiniti b'mod aktar ġenerali milli jkunu fl-istadju tal-valutazzjoni tal-impatt formali. Dawn l-istudji jagħtu idea ġenerali tajba tal-impatti u l-benefiċċji potenzjali ta' xi rekwiżiti ġodda. L-eżempji illustrattivi ppermettew evalwazzjoni dwar kienx hemm bżonn ta' valutazzjoni oħra sostanzjata tal-kosti u l-benefiċċji.

    Billi l-Artikolu 24 tar-Regolament dwar it-Tessuti jistipula li r-rekwiżiti possibbli tat-tikkettar iċċentrati fuq il-konsumaturi[12] għandhom jiġu eżaminati f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, l-istudju dwar it-tikkettar tat-tessuti[13] inkluda stħarriġ tal-konsumaturi u intervisti mal-partijiet interessati[14]; dan ivvaluta għadd ta' għażliet għat-tikkettar u l-immarkar, kif jidher hawn:

    (a) Skema ta' tikkettar dwar l-oriġini

    It-tikkettar dwar l-oriġini hija ta' interess għall-konsumaturi. Diskussjoni ddettaljata dwar ir-rilevanza tal-introduzzjoni ta' skema ta' tikkettar dwar l-oriġini fir-Regolament dwar it-Tessuti bħalissa mhijiex xierqa minħabba l-adozzjoni riċenti ta' Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur[15] fejn il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tipprovdi skema madwar l-UE kollha u fuq għadd ta' setturi, li tikkonsidra l-pajjiż tal-oriġini u aspetti oħrajn tat-traċċabbiltà. Dawn l-iżviluppi ntlaqgħu tajjeb minn għadd sinifikanti tal-partijiet interessati, fosthom persuni fis-settur tat-tessuti.

    (b) Sistema ta’ tikkettar dwar il-kura tal-prodott

    Il-konsumaturi jagħtu l-ogħla prijorità lill-indikazzjonijiet dwar l-aħjar mod li wieħed jieħu ħsieb it-tessuti. B'mod ġenerali, huma mdorrijin bis-sistema ta' tikkettar kurrenti adottata mis-settur privat, u jifhmuha.' Din is-sistema volontarja, li hija stabbilita madwar id-dinja hija l-proprjetà ta' partijiet interessati, u kkontrollata minnhom, u hija l-bażi tal-istandard EN ISO 3758:2012 (Il-Kodiċi tat-Tikkettar tal-Kura tat Tessuti— bl-Użu ta' Simboli) u skemi oħrajn (eż. fl-Istati Uniti tal-Amerika). Il-benefiċċji mistennija minn approċċ leġiżlattiv (obbligatorju) huma limitati u jiddependu fuq il-kapaċità tal-impriżi biex jassorbu l-kostijiet, iżda għandhom mnejn ma jgħamlux tajjeb, fil-każ possibbli li l-ispejjeż jitmexxew għal fuq il-konsumaturi aħħarin. It-titjib ta' kif taħdem is-sistema kurrenti fih it-tajjeb tiegħu, preferibbilment dan it-titjib isir biex jissodisfa b'mod aħjar il-bżonnijiet tal-konsumaturi, pereżempju billi jintużaw simboli ġodda u, fejn ikun jixraq, billi jissensibilizza lill-konsumaturi dwar, pereżempju, il-ħasil tal-ħwejjeġ b'temperaturi tal-ilma baxxi, li dan diġà qed jagħmlu s-settur privat.

    (c) Sistema ta’ tikkettar dwar id-daqsijiet

    L-identifikazzjoni tad-daqs it-tajjeb hija prijorità għolja għall-konsumaturi. Dawn jafu għadd ta' sistemi volontarji diversi, u n-negozji u l-organizzazzjonijiet pubbliċi joffru t-tabelli ta' konverżjoni. Minkejja d-diffikultajiet, ġew żviluppati standards Ewropej u internazzjonali (ISO), b'mod partikolari l-istandard EN 13402, li jistabbilixxi sistema ta' kodifikar għall-allokazzjoni tad-daqsijiet tal-ħwejjeġ. Il-benefiċċji ta' sistema obbligatorja mistennija li jkunu limitati meta din titqabbel ma' sistema uniformi madwar l-UE ibbażata fuq standard. Għandu jkun hemm aktar enfażi fuq it-tkomplija tal-ħidma kurrenti ta' standardizzazzjoni. Fejn ikun jixraq, il-partijiet interessati rilevanti u l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom biex jintgħelbu d-diffikultajiet u jiżviluppaw konsensus aktar wiesa' dwar sistema bbażata fuq standard.

    (d) Indikazzjoni tas-sustanzi allerġeniċi

    Għal ħafna konsumaturi, il-preżenza ta' sustanzi allerġeniċi fil-prodotti lesti tat-tessut, u r-riskji li dawn jikkawżaw, hija kwistjoni importanti. Diġà hemm xi skemi volontarji ta' ċertifikazzjoni u ttikkettar marbutin mal-kontenut tal-prodotti biex jgħarrfu lill-konsumaturi dwar il-preżenza, jew, f'ċerti prodotti n-nuqqas, ta' dawn is-sustanzi. Iżda l-livelli ta' konċentrazzjoni li jistgħu jwasslu għal reazzjonijiet allerġiċi f'ċerti individwi għadhom ma ġewx stabbiliti għal kull sustanza li tista' tkun tinsab fil-prodotti tat-tessut. Għandha ssir tfittxija ta' dejta epidemjoloġika li tkun xjentifikament soda. Għad hemm ukoll inċertezzi, b'mod notevoli dwar ir-rabta kawżali bejn il-prodotti tat-tessut u l-allerġiji fil-popolazzjoni, l-esponiment tal-konsumaturi u l-varjabbiltà tar-reazzjoni allerġika ta' individwi differenti għal dożi speċifiċi, u s-sustanzi kimiċi li jibqgħu fil-prodotti lesti tat-tessut. Fil-preżent, dawn l-inċertezzi tabilħaqq ifixklu l-għotja tat-tagħrif preċiż, rilevanti u komparabbli lill-konsumaturi, dwar ir-riskji reali li huma marbuta mal-preżenza tas-sustanzi kimiċi fil-prodotti tat-tessut. Biex ikun effettiv, dan it-tagħrif irid jinftiehem u jkollu sinifikat għall-konsumaturi kollha. Jeħtieġ ukoll aktar tagħrif affidabbli u verifikabbli biex tintwera l-konformità, biex jitwettqu l-verifiki ta' sorveljanza tas-suq, u biex jiġu applikati miżuri ta' rinforz. Il-leġiżlazzjoni orizzontali eżistenti, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH)[16] u r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (CLP)[17] u leġiżlazzjoni oħra (pereżempju dwar il-kożmetiċi, il-bijoċidi u l-pestiċidi) jistgħu jipprovdu soluzzjoni li tindirizza r-riskji ta' ċerti sustanzi fil-prodotti tat-tessut.

    (e) L-ittikkettar elettroniku u b'teknoloġiji oħra, u simboli jew kodiċijiet indipendenti mil-lingwa (għall-identifikazzjoni tal-fibri)

    Hemm bosta teknoloġiji u għodod tat-twassil tat-tagħrif ġodda u innovattivi, pereżempju l-kodiċijiet b'żewġ dimensjonijiet (2-D codes) u l-RFID (identifikazzjoni permezz tar-radjufrekwenzi) li issa huma disponibbli b'mod kummerċjali u li qegħdin jintużaw fuq prodotti tal-ikel u tat-tessut. L-esperimentazzjoni ta' kumpaniji kbar tal-bejgħ bl-imnut f'oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-ġestjoni tal-inventarji, tal-ordnijiet u tal-klijenti qegħdin jagħtu riżultati interessanti. Madankollhu hemm ħtieġa għal soluzzjonijiet li jkunu aktar kost-effikaċi u affordabli, biex ikunu jistgħu jużawhom b'mod aktar mifrux l-SMEs. Il-benefiċċji għall-konsumaturi ta' approċċ leġiżlattiv (obbligatorju) jidhru limitati u l-kostijiet għadhom kbar wisq. L-impriżi individwali għandu jkollhom l-għażla bejn sistemi differenti kompetittivi.

    (f) Forom oħra ta' tikkettar u tikkettar li juri l-awtentiċità tal-prodotti tal-ġild

    Il-Kummissjoni analizzat ukoll tipi oħra ta' tikkettar li mhumiex imsemmijin b'mod espliċitu fl-Artikolu 24 tar-Regolament, b'mod partikolari, li jiddeskrivu l-prodotti bħala organiċi, ambjentali, soċjali, kemm huma lesti li jieħdu n-nar, u awtentiċi. Deher li l-konsumaturi kienu jafu bl-istandards differenti li jeżistu u l-iskemi internazzjonali, nazzjonali jew tal-UE, eż. it-tikkettar organiku (sistema privata), it-tikkettar ambjentali (l-Ekotikketta tal-UE, iċ-Ċinju Nordiku (Nordic Swan), l-Anġlu Blu (Blue Angel), eċċ.), it-tikkettar soċjali (l-istandard tal-ISO 26000). Bosta tikketti ambjentali diġà jistipulaw il-limiti għall-użu ta' sustanzi perikolużi li jistgħu jkollhom effett negattiv fuq l-ambjent u jikkawżaw reazzjonijiet allerġiċi. Għaldaqstant, l-interess tal-konsumaturi fi skemi ta' tikkettar simili fil-livell tal-UE skont ir-Regolament dwar it-Tessuti kien baxx. Min-naħa l-oħra, ir-riżultati ta' stħarriġ tal-konsumaturi u tal-manifatturi dwar l-ittikkettar ta' prodotti tal-ġild[18] urew il-fehma li tikketta dwar l-awtentiċità tal-ġilda tkun ta' benefiċċju. Għaldaqstant, dan l-aħħar il-Kummissjoni varat proċess ta' valutazzjoni tal-impatti biex tivvaluta b'mod preċiż il-kostijiet u l-benefiċċji ta' għażliet politiċi diversi, inkluża waħda leġiżlattiva fil-qasam tat-tikkettar dwar l-awtentiċità tal-ġilda. Fuq ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni tal-impatti, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk għandhiex tipproponi azzjoni fil-livell tal-UE.

    4.           Studju dwar is-sustanzi allerġeniċi

    Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar it-Tessuti, il-Kummissjoni ngħatat il-mandat li tistudja r-rabta kawżali possibbli bejn l-allerġiji u s-sustanzi jew it-taħlitiet kimiċi li jintużaw fil-prodotti tat-tessut, u, abbażi ta' dan l-istudju[19], tippreżenta l-proposti leġiżlattivi fejn jixraq, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Skont l-Artikolu, l-istudju qies is-sejbiet ta' studji li twettqu fil-livell tal-Istati Membri, u ffoka fuq is-sustanzi kimiċi f'prodotti tat-tessut lesti, iżda mhux fuq il-fibri jew id-drappijiet tat-tessut. L-aspetti dwar ir-riskji okkupazzjonali għas-saħħa u l-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi wkoll ma ddaħħlux fl-istudju. Abbażi tar-riżultati tal-istudju, din it-taqsima tesplora l-għażliet possibbli biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar sustanzi allerġeniċi fil-manifattura tat-tessuti.

    Il-maġġoranza tal-prodotti tat-tessut jistgħu jitqiesu li mhumiex ta' periklu[20], minkejja li ċerti individwi sensitizzati jiżviluppaw reazzjonijiet allerġiċi għall-fibri tat-tessut, jew għas-suf stess jew għal ċerti sustanzi (jew taħlitiet) kimiċi li jintużaw fil-manifattura tal-prodotti tat-tessut. Madwar wieħed sa tnejn fil-mija tal-allerġiji ta' kuntatt huma rrappurtati li jkunu ġejjin mit-tessuti[21] (ir-raba' li l-iżjed jiġi rrappurtat wara l-kożmetiċi[22], l-aċċessorji tal-metall u l-farmaċewtiċi). Madwar tnejn minn kull tliet każijiet ta' allerġiji marbutin mat-tessuti huma attribwiti għal żebgħat li jinxterdu (disperse dyes), li wħud minnhom jistgħu jikkawżaw id-dermatite ta' kuntatt (ACD) f'individwi sensitizzati. L-għarfien xjentifiku kurrenti juri li xi reżini li jintużaw fit-tlestija tat-tessuti jistgħu jirrilaxxaw sustanzi li jikkawżaw l-ACD f'individwi sensitizzati. Bosta addittivi u awżiljari tat-tessuti rarament ikunu sensitizzaturi, iżda ż-żebgħat reattivi ma għandhomx potenzjal li jissensitizzaw. Jeżistu sustanzi li huma kklassifikati bħala sensitizzaturi jew irritanti tal-ġilda abbażi tal-proprejtajiet intrinsiċi tagħhom, li jistgħu jibqgħu fil-prodotti tat-tessut lesti.

    Għad mhuwiex possibbli li wieħed jasal għal konklużjoni ġenerali dwar jekk hemmx rabta kawżali bejn ir-reazzjonijiet allerġiċi u s-sustanzi kimiċi li jintużaw fil-prodotti tat-tessuti li jibqgħu fil-prodott lest. Għad fadal l-inċertezza dwar ir-rilaxx reali u l-limitu ta' sikurezza tal-livelli ta' konċentrazzjoni ta' sustanzi kimiċi li jissensitizzaw u jirritaw fuq il-prodotti tat-tessut lesti, u minħabba f'hekk huwa diffiċli li wieħed jagħti informazzjoni preċiża u rilevanti dwar ir-riskji lill-konsumaturi. Barra minn hekk, tinħtieġ valutazzjoni tar-riskju biex jiġi stabbilit jekk dawk is-sustanzi jikkostitwixxu riskju inaċċettabbli li tirrikjedi l-azzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' restrizzjoni tar-REACH. Id-dejta epidemjoloġika evalwata bejn il-pari hija skarsa[23], u fejn hi disponibbli mhijiex riċenti.

    Il-maġġoranza l-kbira tas-sustanzi li jintużaw fil-manifattura tat-tessuti u li jinsabu fil-prodotti tat-tessut lesti la mhuma sensitizzaturi u lanqas mhuma irritanti[24]. Jeżistu sustanzi li jqajmu tħassib[25], iżda l-użu ta' dawn huwa ristrett jew ipprojbit skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (eż. REACH, ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi, ir-Regolamenti dwar id-Deterġenti, u l-Ekotikketta tal-UE). Rigward is-sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHC), fi tmiem l-2012, b'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Istati Membri, il-Kummissjoni żviluppat il-pjan direzzjonali tal-SVHC[26] biex tidentifika l-SVHC kollha li huma rilevanti għall-UE u tinkludihom fil-lista tal-kandidati għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament REACH sal-2020. Il-pjan direzzjonali jinvolvi skrining inizjali biex jitneħħew mil-lista prijoritarja is-sustanzi li, fost oħrajn, mhumiex manifatturati u/jew użati fl-UE, segwit minn analiżi tal-Għażla ta' Ġestjoni tar-Riskju biex jiġi identifikat l-aħjar mod biex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali ta' dawk is-sustanzi li huma manifatturati u/jew użati fl-UE. Fejn ikun xieraq, din l-analiżi se tagħti ħjiel tal-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu sussegwentement, jew skont ir-REACH inkella barra minnu. Kull approċċ regolatorju possibbli jrid ikun ibbażat fuq informazzjoni affidabbli, verifikabbli, u li tinftiehem faċilment biex iwassal għall-benefiċċji mixtieqa għall-konsumaturi u n-negozji, u jiffaċilita l-konformità, l-infurzar u s-sorveljanza tas-suq.

    Huwa probabbli li żviluppi sossegwenti jkunu ffokati fuq il-promozzjoni tar-riċerka dwar sustanzi alternattivi mhux allerġeniċi u fuq l-esponiment u l-valutazzjoni tar-riskji, kif ukoll l-indirizzar ta' inċertezzi fir-rigward ta' sustanzi li jistgħu jiġu rilaxxati minn prodotti tat-tessut lesti, u l-valuri tal-konċentrazzjonijiet/tal-limitu għall-protezzjoni mill-allerġiji. Barra minn hekk, il-ħidma li saret għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tista' tirrapreżenta parti mill-azzjoni ta' segwitu possibbli tal-istudju dwar ir-rabta bejn ir-reazzjonijiet allerġiċi u s-sustanzi kimiċi fil-prodotti tat-tessut. Il-ħidma tal-pjan direzzjonali tal-SVHC se tinkludi t-twaqqif ta' grupp ta' koordinazzjoni ad-hoc biex jagħmel skrining tas-sensitizzaturi u jidentifika liema minnhom huma SVHCs. Il-grupp jista' jiskrinja l-listi tas-sustanzi li jinsabu fil-prodotti tat-tessut li ġew ikkompilati fil-kuntest tal-istudju marbut mal-Artikolu 25 u, jekk ikun rilevanti, jinkludihom għal aktar prijorità u għall-analiżi tal-Għażla tal-Ġestjoni tar-Riskji.

    5.           Konklużjoni

    L-istudji li twettqu f'isem il-Kummissjoni u l-konsultazzjonijiet ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati wrew li l-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda għall-istabbiliment ta' rekwiżiti ġodda għall-prodotti tat-tessut, huwa ta' interess għall-konsumaturi.

    Madankollu, abbażi tal-valutazzjonijiet li twettqu, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti tat-tikkettar bħall dawn li jidhru hawn taħt, mhuwiex meħtieġ li jiġu indirizzati fir-Regolament dwar it-Tessuti peress li huma jew diġà stabbiliti jew qegħdin jiġu żviluppati f'oqfsa oħrajn, regolatorji jew mhux regolatorji: (i) l-ittikkettar dwar il-kura u d-daqsijiet qed jiġi indirizzat minn skemi jew standards volontarji; (ii) il-ħidma ta' standardizzazzjoni, b'mod partikolari, miexja lejn sistema ta' allokazzjoni u kodifikazzjoni tad-daqsijiet, fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali; u (iii) it-tikkettar rigward il-pajjiż tal-oriġini qed jiġi indirizzat mill-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur, li tistipula soluzzjoni transettorjali għall-aspetti marbutin mat-traċċabbiltà u l-pajjiż tal-oriġini, fl-Artikolu 7 tagħha.

    Dwar ir-rekwiżiti tat-tikkettar dwar sustanzi allerġeniċi li jintużaw fil-manifattura tat-tessuti, b'mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li tikkunsidra li huma meħtieġa aktar sforzi fir-riċerka u fl-użu ta' sustanzi alternattivi mhux allerġeniċi. Minkejja li jeżistu xi skemi volontarji ta' tikkettar li jinformaw lill-konsumaturi dwar il-preżenza ta' sustanzi perikolużi (inklużi sustanzi allerġeniċi) fil-prodotti tat-tessut, l-iskemi tal-ittikkettar u għodod oħrajn li jwasslu l-informazzjoni dwar sustanzi allerġeniċi għandhom jiġu investigati aktar fil-fond. Barra minn hekk, għandha tiġi vvalutata l-ħtieġa ta' aktar miżuri għall-kontroll ta' sustanzi (b'mod partikolari s-sensitizzaturi) fil-prodotti lesti tat-tessut, li jistgħu jiġu rilaxxati mill-prodotti, u jekk ikun jixraq, tiġi indirizzata skont l-istrumenti rilevanti disponibbli fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, u b'mod partikolari skont ir-Regolament REACH. Għandhom jitqiesu r-riżultati tal-proċessi paralleli, fosthom, il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tessut.

    [1]               ĠU L 272, 18.10.2011, p. 1. http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:272:0001:0064:MT:PDF

    [2]               Ir-Regolament dwar it-Tessuti ħassar id-Direttivi 73/44/KE, 96/73/KE u 2008/121/KE mit-8 ta' Mejju 2012. Il-perjodu tranżizzjonali għall-prodotti tat-tessut li jikkonformaw mad-Direttiva 2008/121/KE u li tqiegħdu fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament jagħlaq fid-9 ta' Novembru 2014.

    [3]               Il-minuti tal-laqgħat tal-Grupp Espert dwar l-Ismijiet u t-Tikketti tat-Tessuti jinsabu fuq http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/textiles/documents/index_en.htm

    [4]               L-istudju tal-Parlament Ewropew dwar it-tikkettar tal-prodotti tat-tessut jinsab fuq http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201108/20110825ATT25276/20110825ATT25276EN.pdf

    [5]               Is-settur jinkludi attivitajiet diversi ħafna: il-produzzjoni ta' fibri artifiċjali, il-brim tal-fibri (jew marbut mal-ipproċessar ewlieni tal-fibri, jew integrat fil-manifattura tat-tessuti), l-insiġ (ħafna drabi integrat maż-żebgħa u t-tlestija) u l-innittjar u t-tlestija (li jinkludi ukoll iż-żebgħa, l-istampar, il-kisi u l-laminar).

    [6]               Il-Eurostat

    [7]               Is-settur tat-tessuti tekniċi, li fih madwar 15 000 kumpanija jħaddem madwar 300 000 impjegat. Is-swieq tal-użu maġġuri jinkludu: l-agrikultura, il-forestrija u l-akkwakultura; il-bini u l-kostruzzjoni; il-komponenti funzjonali tal-ilbies, u x-xedd tas-saqajn; il-ġeotessuti u l-inġinerija; il-komponenti tal-mobbli u l-għatja tal-art; il-filtrazzjoni u prodotti għall-użu industrijali; l-iġjene u l-mediċina; l-attrezzar u t-tagħmir tal-vetturi; il-protezzjoni ambjentali; l-imballaġġ u l-ħżin; il-protezzjoni tal-persuni u tal-proprjetà; l-isport u r-rikreazzjoni

    [8]               Il-prodotti li jkun fihom inqas minn 80% tal-piż magħmul minn fibri tat-tessut huma barra l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar it-Tessuti u mhumiex suġġetti għar-rekwiżiti tal-ittikkettar u l-immarkar. Pereżempju, dan hu l-każ tal-prodotti li fihom 79% tal-piż tagħhom magħmul mill-ġild.

    [9]               ĠUJ L 100, 19/04/1994, p.37 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1994L0011:20070101:MT:PDF

    [10]             OJ L88, 4.4.2011, p.5 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:088:0005:0043:MT:PDF

    [11]             Laqgħat (nota tal-qiegħ 3) u stħarriġ tal-konsumaturi (nota tal-qiegħ 14)

    [12]             L-Artikolu 24.1– "bil-ħsieb li l-konsumaturi tingħatalhom informazzjoni preċiża, rilevanti, li tkun tinftiehem faċilment u komparabbli"

    [13]             L-istudju dwar it-tikkettar tat-tessuti jinsab fuqhttp://ec.europa.eu/enterprise/sectors/textiles/files/studies/study-report-labelling-textile_en.pdf

    [14]             Kif indikat fl-istudju dwar it-tikkettar tat-tessuti, twettaq stħarriġ fost il-konsumaturi f'seba' Stati Membri b'aktar minn 3500 persuni li wieġbu

    [15]             COM(2013) 78 final - Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE tat-13.2.2013

    [16]             ĠU L396, 30.12.2006, p.1 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2006:396:0001:0849:MT:PDF

    [17]             ĠU L353, 31.12.2008, p.1 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:353:0001:1355:mt:PDF

    [18]             L-istudju dwar it-tikkettar tal-ġild jinsab fuqhttp://ec.europa.eu/enterprise/sectors/leather/files/study-report-labelling-leather_en.pdf

    [19]             Studju dwar ir-Rabta Kawżali bejn ir-reazzjonijiet allerġiċi u s-sustanzi jew it-taħlitiet kimiċi li jintużaw fit-tessuti - Study on the Link Between Allergic Reactions and Chemicals in Textile Productshttp://ec.europa.eu/enterprise/sectors/textiles/files/studies/study-allergic-reactions-textile_en.pdf

    [20]             Fl-2012, il-maġġoranza l-kbira tan-notifiki tar-RAPEX rigward oġġetti tat-tessut u tal-ilbies kienu dwar ir-riskju assoċjat mal-użu tal-istrixxi u mhux mas-sustanzi kimiċi.

    [21]             Nru tal-Informazzjoni BfR (l-Istitut Federali għall-Valutazzjoni tar-Riskju) 018/2007 http://www.bfr.bund.de/cm/349/introduction_to_the_problems_surrounding_garment_textiles.pdf

    [22]             “It can be estimated that the frequency of contact allergy to fragrance ingredients in the general population in Europe is 1-3%”. [Jista' jiġi stmat li l-frekwenza tal-allerġiji ta' kuntatt għall-ingredjenti tal-fwejjaħ fil-popolazzjoni ġenerali tal-Ewropa hija ta' bejn wieħed u tlieta fil-mija.] Hekk qal il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur, fl-opinjoni tiegħu dwar l-allerġeni tal-fwejjaħ fil-prodotti kożmetiċi, paġna 7. L-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur, SCCS/1459/11 tinsab fuq http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_102.pdf

    [23]             “Data from human dose elicitation experiments are very limited in several respects.” [Id-dejta minn esperimenti fuq il-bnedmin b'dożi ta' sustanzi kimiċi biex jaraw toħroġx allerġija huma limitati ħafna f'diversi modi] skont l-Opinjoni tal-SCCS/1459/11 dwar l-allerġeni tal-fwejjaħ fil-prodotti kożmetiċi, paġna 8

    [24]             Ġew identifikati madwar 70 sustanza allerġenika fir-rapport tal-KEMI Nru 3/13 http://www.kemi.se/Documents/Publikationer/Trycksaker/Rapporter/Rapport-3-13-textiles.pdf

    [25]             Is-sustanzi ta' tħassib jinkludu: dawk li huma karċinoġeni, mutaġeni u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR), persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT), ifixklu s-sistema endokrinali, eċċ.

    [26]             Il-pjan direzzjonali tal-SVHC jiddefinixxi l-proċess għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' bosta kategoriji ta' SVHCs potenzjali, inklużi s-sensitizzaturi. (http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/13/st05/st05867.en13.pdf)

    Top