EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0307(02)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 69, 7.3.2012, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 69/10


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 69/08

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ACEITUNA ALOREÑA DE MÁLAGA”

KE Nru: ES-PDO-0005-0785-03.08.2009

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Aceituna Aloreña de Málaga”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip tal-prodott:

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem mogħti fil-punt 1:

Żebbuġa tal-mejda mħawra, miksuba mill-frott bnin taż-żebbuġ (Olea europea, L.) tal-varjetà “Aloreña”, maħsuda meta tkun saret biżżejjed qabel ma tkanġi l-kulur, maqsuma, u bil-ħlewwa miżjuda fis-salmura permezz tal-fermentazzjoni naturali. Iż-żebbuġ jitħawwar bis-sagħtar, bil-bużbież, bit-tewm u bil-bżar, jew b'estratti ta’ dawn il-ħwawar fi proporzjon li jvarja bejn 1 % u 3 %. Dan il-proċess jissejjes fuq drawwiet li ġejjin mill-qedem, li ntirtu minn ġidd għal ġidd tul is-sekli.

L-“Aceituna Aloreña de Málaga” tiġi ppreparata fi tliet forom differenti: verdes frescas (żebbuġ aħdar u frisk), tradicionales (tradizzjonali) u curadas (immaturat). Dawn it-tliet tipi jaqsmu karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, imnissla esklussivament mill-metodu ta’ preparazzjoni mħaddem fir-reġjun fejn iż-żebbuġ jitkabbar u jiġi pproċessat:

(a)

Iż-żebbuġ jiġi mmaturat fis-salmura. B'kontenut baxx ta’ olewropejina, dan iż-żebbuġ m'għandux bżonn trattament b'idrossidu tas-sodju biex tiżdiedlu l-ħlewwa, u b'hekk joħlew biss fl-ilma mielaħ, u jitħawru bis-sagħtar, bil-bużbież, bit-tewm u bil-bżar. Iż-żebbuġ ikun frisk u naturali, bi gradi varji ta’ fermentazzjoni.

(b)

Hueso flotante, jiġifieri għadma li tinqala' faċilment minn mal-laħam taż-żebbuġa. Din il-karatteristika hija mfittxa ħafna fiż-żebbuġ tal-ikel.

(c)

F'dak li jirrigwarda l-karatteristiċi ta’ ġewwa, ta’ min jissemma l-preġju li d-dewwieqa jagħtu lil dan iż-żebbuġ għall-proporzjon ta' bejn il-laħam u l-għadma, għall-konsistenza tqarmeċ, u għall-omoġeneità u sodizza tiegħu.

(d)

Billi dan il-prodott ma jiġix ittrattat bl-alkali, iż-żebbuġ jispikka għall-preżenza tal-ġilda u għall-konsistenza mlaħħma tiegħu.

(e)

Fejn jidħlu r-riħa u t-togħma, f'diversi analiżijiet organolettiċi, id-dewwieqa faħħru t-taħwir, l-aroma, il-bilanċ xieraq bejn il-melħ u l-isfumatura ta’ mrar (li huwa tipiku wkoll tal-metodu ta’ tħejjija mingħajr trattament bl-alkali), eċċ. Il-livell ta’ mrar jiddependi mill-grad ta’ fermentazzjoni taż-żebbuġ; b'hekk, iż-żebbuġ aħdar u frisk ġeneralment ikun iktar morr miż-żebbuġ li jkunu għaddew mill-fermentazzjoni sħiħa.

L-ipproċessar tal-“Aceituna Aloreña de Málaga” jwassal għal tliet prodotti li jistgħu jintgħażlu minn xulxin, skont il-metodu ta’ fermentazzjoni mħaddem:

1.   “Aceituna Aloreña de Málaga”verde fresca (żebbuġ aħdar u frisk):

Iż-żebbuġ jinqasam u jitqiegħed minnufih f'reċipjenti f'post frisk, fejn jista' jinżamm mingħajr ma jintlaqtu l-karatteristiċi tiegħu organolettiċi u fiżiko-kimiċi tipiċi ta' din iż-żebbuġa; jista' jinżamm ukoll fi kmamar frigorifiċi b'temperatura massima ta' 15 °C, ukoll biex ma jintlaqtux il-karatteristiċi organolettiċi u fiżiko-kimiċi tipiċi ta' dan il-metodu ta' produzzjoni. Iridu jgħaddu tal-anqas 3 ijiem minn meta ż-żebbuġ jinqasam u jitqiegħed fis-salmura sa meta jiġu ppakkjati.

Karatteristiċi organolettiċi

Iż-żebbuġ tat-tip verde fresca (aħdar u frisk) huwa karatterizzat minn lewn aħdar ċar, b'riħa pjaċevoli ta’ frott aħdar u ta’ ħaxix, li tissuġġerixxi l-freskizza u l-ħsad riċenti tiegħu. B'mod simili, jispikkaw ukoll il-ħwawar karatteristiċi użati fil-preparazzjoni tiegħu. Dan iż-żebbuġ għandu konsistenza soda u tqarmeċ, bl-għadma tinqala' faċilment minn mal-laħam. Il-fdal tal-qoxra jibqa' wara li ż-żebbuġ ikun ġie mixtarr. Fost it-togħmiet bażiċi, ta’ min isemmi l-isfumatura morra karatteristika tiegħu, kif ukoll, xi minn daqqiet, il-preżenza tal-melħ skont kif ikun tħawwar. Bħala sensazzjonijiet fuq il-palat, iż-żebbuġ ikun qares u pikkanti.

2.   “Aceituna Aloreña de Málaga”tradicional (tradizzjonali):

Wara t-twassil, il-klassifikazzjoni u l-qsim, iż-żebbuġ jitqiegħed f'reċipjienti li jinżammu f'postijiet mingħajr kundizzjonament tal-arja, tul mhux inqas minn għoxrin jum, biex imbagħad jiġi ppakkjat għall-konsum. Iż-żebbuġ jista' jibqa' f'dawn il-kundizzjonijiet sakemm ma jintlaqtux il-karatteristiċi organolettiċi u fiżiko-kimiċi tipiċi ta’ din il-forma ta' preparazzjoni.

Karatteristiċi organolettiċi

Iż-żebbuġ imħawwar b'mod tradizzjonali huwa ta’ lewn aħdar li jagħti fl-isfar pallidu, inqas sfiq mill-aħdar taż-żebbuġ tat-tip verdes frescas. Ir-riħa tiegħu tfakkar fil-frott frisk u fil-ħwawar tipiċi użati fil-preparazzjoni tiegħu, mingħajr l-isfumatura ta’ ħaxix frisk li jkollu ż-żebbuġ tat-tip verdes frescas. Għandu konsistenza inqas soda iżda xorta tqarmeċ, bl-għadma tinqala' faċilment minn mal-laħam, u bil-preżenza tal-qoxra. Dan iż-żebbuġ huwa kemxejn morr, u inqas qares u pikkanti minn tat-tip verdes frescas.

3.   “Aceituna Aloreña de Málaga”curada (immaturat):

Wara t-twassil u t-tlaħliħ, iż-żebbuġ ta’ dan it-tip jitqiegħed, mingħajr ma jinqasam, f'kontenituri ta’ fermentazzjoni fejn jgħaddi minn proċess ta’ maturazzjoni ta’ mhux inqas minn 90 jum, biex imbagħad jiġi ppakkjat għall-konsum. Iż-żebbuġ jista' jibqa' f'dawn il-kundizzjonijiet sakemm ma jintlaqtux il-karatteristiċi organolettiċi u fiżiko-kimiċi tipiċi ta’ din il-forma ta' preparazzjoni.

Karatteristiċi organolettiċi

Iż-żebbuġ immaturat huwa kkaratterizzat minn lewn isfar li jagħti fl-ismar, b'riħa ta’ frott misjur u ta’ ħaxix frisk. Barra minn hekk, tispikka l-preżenza tal-ħwawar u ta’ sfumaturi tal-ħalib, karatteristiċi li ġejjin mill-elaborazzjoni u fermentazzjoni tiegħu. Dan iż-żebbuġ għandu konsistenza inqas soda u tqarmeċ, bl-għadma tinqala' faċilment minn mal-laħam. Il-fdal tal-qoxra jibqa' wara li ż-żebbuġ ikun ġie mixtarr. Għandu togħma aċiduża u mhux morra, u jħalli togħma pikkanti fit-tul.

Iż-żebbuġ protett bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Aceituna Aloreña de Málaga” għandu jkun bilfors żebbuġ ta’ kwalità suprema jew superior:

Żebbuġ ta’ kwalità suprema: Jinkludi ż-żebbuġ tal-kategorija extra, skont ir-regolamenti tekniċi tas-saħħa għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żebbuġ tal-ikel, b'daqs ta' 140-200.

Żebbuġ ta’ kwalità superior: Jinkludi ż-żebbuġ tal-kategorija I, skont ir-regolamenti tekniċi tas-saħħa għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żebbuġ tal-ikel, b'daqs ta' 140-260.

Il-metodu ta’ valutazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi jissejjes fuq l-istandard COI/OT/NC Nru 1. L-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żebbuġ tal-mejda huwa COI/OT/MO Nru 1, 2008. Il-metodu għall-analiżi sensorjali taż-żebbuġ tal-ikel, li jissejjes fuq ir-riċerka mwettqa mid-Dipartiment tax-Xjenza u t-Teknoloġija Alimentari tal-Università ta' Córdoba, huma miġbur fil-manwal tal-kwalità u tal-proċeduri tal-organu ta’ spezzjoni.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Mhux applikabbli.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Mhux applikabbli.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Aceituna Aloreña de Málaga” għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita: il-produzzjoni tal-materja prima, l-elaborazzjoni tal-prodott, u l-ippakkjar aħħari.

L-ippakkjar isir hekk kif jaslu l-ordnijiet, u ż-żebbuġ għandu jitħalla tal-anqas tliet ijiem fir-reċipjenti qabel ma jiġi ppakkjat. Meta ż-żebbuġ jasal biex jiġi ppakkjat, jiżdiedu miegħu l-ħwawar tipiċi lokali. Minħabba li dan il-prodott jitħassar biż-żmien, u minħabba l-karatteristiċi speċifiċi u l-metodu ta' produzzjoni tiegħu, l-ippakkjar għandu jsir dejjem fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni u tal-elaborazzjoni tad-DPO “Aceituna Aloreña de Málaga”; b'hekk jinżammu l-karatteristiċi organolettiċi tipiċi ta' dan iż-żebbuġ sa wara li jkun tqiegħed fis-suq.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar il-qtugħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

L-ippakkjar isir skont il-kategorija, hekk kif inhu stipulat fir-regolamenti tekniċi tas-saħħa. F'dan is-sens, iż-żebbuġ protett bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Aceituna Aloreña de Málaga” għandu jkun bilfors żebbuġ ta’ kwalità suprema jew superior.

Biex jittawwal il-perjodu tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iż-żebbuġ jista' jgħaddi minn ċertu trattament, bħal ngħidu aħna l-pasturizzazzjoni jew l-ippakkjar bil-vakwu f'atmosfera kkontrollata, bil-kundizzjoni li l-prodott aħħari jżomm il-karatteristiċi organolettiċi u fiżiċi oriġinali tiegħu.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Fit-tikketta għandha tidher b'mod obbligatorju t-tismija tad-DPO “Aceituna Aloreña de Málaga”. L-ippakkjar għandu jkollu siġill innumerat ta' garanzija maħruġ mill-organu ta’ spezzjoni.

Fuq it-tikketta għandu jiġi speċifikat it-tip taż-żebbuġ: verdes frescas (aħdar u frisk), tradicionales (tradizzjonali) jew curadas (immaturat).

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ta' produzzjoni tinstab fix-Xlokk tal-provinċja ta' Málaga, u tinkludi total ta' 19-il muniċipalità: Alhaurín de la Torre, Alhaurín el Grande, Almogía, Álora, Alozaina, Ardales, El Burgo, Carratraca, Cártama, Casarabonela, Coín, Guaro, Málaga, Monda, Pizarra, Ronda, Tolox, El Valle de Abdalajís u Yunquera.

5.   Rabta maż-żona ġeografika ddefinita:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Ir-reġjun naturali ta’ Guadalhorce (Sierra de las Nieves u Valle del Guadalhorce) jinsab fiż-żona tal-ktajjen tal-muntanji magħrufin bħala l-Cordilleras Béticas. Ix-xmara u l-wied tal-Guadalhorce huma delimitati minn sensiela ta' muntanji u għoljiet. Din is-sistema ta' muntanji tħaddan biċ-ċar iż-żona ta’ produzzjoni, bl-unika fetħa tkun l-estwarju tax-xmara Guadalhorce.

Il-klima ta’ dan ir-reġjun hija taħlita ta’ dik kontinentali u dik tipika tal-baċin Mediterran, jiġifieri mikroklima partikulari ħafna li tagħti lok għal diversità wiesgħa ta’ wċuħ tar-raba', li jvarjaw minn dawk tipiċi taż-żoni tropikali (bħall-avokado) saċ-ċereali tipiċi tal-agrikultura f'art watja. F'dan l-ambjent, is-siġar taż-żebbuġ jinstabu l-iktar f'żoni niexfa tul il-wileġ li jdawru l-wied. Dan, flimkien mal-klima moderata, jinfluwenza sew il-karatteristiċi aħħarija tal-prodott, iż-żmien tal-ħsad, id-daqs tas-siġar, eċċ.

Mill-banda l-oħra, l-orografija tal-art hija mħarbta ħafna, bl-imsaġar taż-żebbuġ jikbru tul il-wileġ li jdawru l-wied ta' Guadalhorce, li min-naħa tiegħu jinsab perfettament iddelimitat mill-katina ta' muntanji. Dan ifisser li s-siġar taż-żebbuġ jikbru f'ħamrija marġinali u fqira, u b'hekk ma jkollhomx il-produttività għolja tas-siġar tal-art watja. Il-produttività ta' dan it-tip ta' żebbuġ hija baxxa, iżda ta' kwalità liema bħalha.

Fost it-tekniċi agrikoli għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ fil-wied ta' Guadalhorce, l-iktar teknika li tolqot il-karatteristiċi aħħarija tal-prodott hija ż-żabra, ikkaratterizzata f'dan ir-reġjun għas-severità tagħha u għall-istruttura finali tas-siġra. Din iż-żabra ssir l-iktar fuq l-iżgħar friegħi, mingħajr ma jitneħħew il-friegħi ewlenin tas-siġra li jagħtu lis-siġra sura ta’ tazza tal-inbid u li fuqhom titħalla veġetazzjoni ħafifa, wara li jkunu tneħħew fil-biċċa l-kbira minnhom il-friegħi sekondarji. Dan jagħti lis-siġra struttura sferika, partikulari għaliha.

Il-proċess tal-preparazzjoni taż-żebbuġ jinkludi diversi trattamenti li jneħħulu l-imrar u jżidulu l-ħwawar. Dan il-proċess jissejjes fuq drawwiet tal-qedem, mgħoddija minn ġidd għal ġidd tul is-sekli. Il-metodu ta’ llum huwa prattikament l-istess bħal fil-qedem, u għaldaqstant, huwa distint u partikularissmu għaż-żona oriġinarja ta’ dan il-prodott.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

1.

Il-kontenut ta’ olewropejina, polifenol li jagħti liż-żebbuġ it-togħma morra tagħhom. Iż-żebbuġ tad-DPO “Aceituna Aloreña de Málaga” jkollu madwar 103 mg olewropejina kull kilo, u b'hekk tista' tiżdiedlu l-ħlewwa biss permezz ta’ trattament bis-salmura. Wara 48 siegħa fl-ilma mielaħ, iż-żebbuġ ikun ħola.

2.

Iż-żebbuġa jkollha għadma flotante, jiġifieri li tinqala' faċilment minn mal-laħam. Fit-tradizzjoni lokali, biex wieħed jiddetermina l-iktar mument xieraq għall-ħsad, għandu jaqsam iż-żebbuġa mill-ewkatur, u jekk il-laħam jinqala' faċilment minn fuq l-għadma, ikun ifisser li wasal iż-żmien għall-ħsad. Din hija karatteristika mfittxija ħafna fiż-żebbuġ tal-mejda, u li ftit varjetajiet taż-żebbuġ igawdu minnha.

3.

Il-proporzjon ta’ bejn il-laħam u l-għadma, b'minumu ta’ 3:1, huwa fost l-ogħla proporzjonijiet għaż-żebbuġ tal-mejda.

4.

L-“Aceituna Aloreña de Málaga” ikollha daqs ta’ bejn 140 u 260, firxa li tikklassifikaha fil-kategorija extra, skont il-punt 3.2.1 tal-“Klassifika kwantitattiva” tal-istandard COI/OT/NC Nru 1. Tradizzjonalment, dan il-parametru huwa apprezzat ħafna mill-produtturi u mill-konsumaturi, u b'hekk jinħolqu u jitwettqu prattiċi agrikoli speċifiċi biex jiksbuh.

5.

Deskrizzjoni organolettika tat-tipi differenti tal-“Aceituna Aloreña de Málaga”:

5.1.

Verde fresca (aħdar u frisk):

Iż-żebbuġ tat-tip verde fresca (aħdar u frisk) huwa karatterizzat minn lewn aħdar ċar, b'riħa pjaċevoli ta’ frott aħdar u ta’ ħaxix, li tissuġġerixxi l-freskizza u l-ħsad riċenti tiegħu. B'mod simili, jispikkaw ukoll il-ħwawar karatteristiċi użati fil-preparazzjoni tiegħu. Dan iż-żebbuġ għandu konsistenza soda u tqarmeċ, bl-għadma tinqala' faċilment minn mal-laħam. Il-fdal tal-qoxra jibqa' wara li ż-żebbuġ ikun ġie mixtarr. Fost it-togħmiet bażiċi, ta’ min isemmi l-isfumatura morra karatteristika tiegħu, kif ukoll, xi minn daqqiet, il-preżenza tal-melħ skont kif ikun tħawwar. Bħala sensazzjonijiet fuq il-palat, iż-żebbuġ ikun qares u pikkanti.

5.2.

Tradicional (tradizzjonali):

Iż-żebbuġ imħawwar b'mod tradizzjonali juri lewn aħdar li jagħti fl-isfar pallidu, inqas sfiq mill-aħdar intens taż-żebbuġ tat-tip verde fresca. Ir-riħa tiegħu tfakkar fil-frott frisk u fil-ħwawar tipiċi użati fil-preparazzjoni tiegħu, mingħajr l-isfumatura ta’ ħaxix frisk li jkollu ż-żebbuġ aħdar frisk. Għandu konsistenza inqas soda iżda xorta tqarmeċ, bl-għadma tinqala' faċilment minn mal-laħam, u bil-preżenza tal-qoxra. Dan iż-żebbuġ huwa kemxejn morr, u inqas qares u pikkanti miż-żebbuġ aħdar frisk.

5.3.

Curada (immaturat):

Iż-żebbuġ immaturat huwa kkaratterizzat minn lewn isfar li jagħti fl-ismar, b'riħa ta’ frott misjur u ta’ ħaxix frisk. Barra minn hekk, tispikka l-preżenza tal-ħwawar u ta’ sfumaturi tal-ħalib, karatteristiċi li ġejjin mill-elaborazzjoni u fermentazzjoni tiegħu. Dan iż-żebbuġ għandu konsistenza inqas soda u tqarmeċ, bl-għadma tinqala' faċilment minn mal-laħam. Il-fdal tal-qoxra jibqa' wara li ż-żebbuġ ikun ġie mixtarr. Għandu togħma aċiduża u xejn morr, u jħalli togħma pikkanti fit-tul.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott:

Kif ġie spjegat aktar 'il fuq, is-siġra taż-żebbuġ hija sensittiva ħafna għall-kundizzjonijiet ambjentali li fihom titkabbar u tiġi manipulata. Is-siġra taż-żebbuġ hija versatili ħafna, fis-sens li tadatta ruħha faċilment għall-kundizzjonijiet tal-ambjent. Ta’ min jisħaq fuq il-fatt li ż-żona ta' produzzjoni tal-imsaġar taż-żebbuġ Aloreño tinsab perfettament iddelimitata minn katina ta' muntanji li tikkundizzjona l-karatteristiċi speċjali tal-klima, tal-ħamrija u tal-riliev tagħha. Dan, flimkien mal-esperjenza u s-sengħa tal-popolazzjoni lokali, wassal għal prodott li jiddistingwi ruħu biċ-ċar mill-bqija taż-żebbuġ tal-mejda li nsibu fis-suq.

Il-kontenut ta’ olewropejina tal-“Aceituna Aloreña de Málaga” huwa wieħed mill-elementi li ddeterminaw l-iktar il-proċess ta’ produzzjoni u elaborazzjoni ta’ dan it-tip ta’ żebbuġ. Bis-saħħa tal-kontenut baxx ta' dan il-polifenol, iż-żebbuġ jista' joħla fi ftit jiem permezz ta’ trattament sempliċi bis-salmura. Dan iwassal ukoll biex iż-żebbuġa tinqasam, b'mod li s-salmura tidħol aktar faċilment ġewwa l-frott u tneħħi l-olewropejina li tagħti togħma morra li żebbuġ.

It-tqegħid tal-“Aceituna Aloreña de Málaga” fis-salmura jiddetermina l-konsistenza mlaħħma u tqarmeċ tal-prodott. Il-konsistenza mlaħħma tal-frott frisk tiġi kkonservata sforz il-fatt li ma jiġix mgħolli fl-idrossidu tas-sodju. Din il-konsistenza mlaħħma hija influwenzata wkoll mit-tipi tal-ħamrija fejn jikbru l-imsaġar taż-żebbuġ, is-soltu f'art marġinali ta’ żoni muntanjużi.

Il-faċilità li biha tinqala' l-għadma minn mal-laħam taż-żebbuġa, magħrufa fiż-żona bħala hueso flotante, influwenzat sew il-forma ta’ preparazzjoni tal-“Aceituna Aloreña de Málaga”. Din il-karatteristika tippermetti li ż-żebbuġ jiġi ppreparat maqsum, b'mod li l-għadma tibqa' ħielsa fil-laħam. Fit-tradizzjoni taż-żona, biex wieħed jiddetermina l-iktar mument xieraq għall-ħsad, iż-żebbuġa għandha tinqasam min-nofs, u jekk il-laħam jinfired faċilment fi tnejn, ikun ifisser li wasal iż-żmien għall-ħsad.

It-togħma u l-aroma proprji tal-“Aceituna Aloreña de Málaga” huma marbutin mill-qrib mal-forma ta’ preparazzjoni tagħha, jiġifieri l-fattur tabilħaqq uman. Il-prodott jiġi ppreparat skont drawwiet qodma, li ntirtu tul is-sekli minn ġidd għal ġidd, bl-użu tal-ħwawar tipiċi taż-żona ġeografika: taħlita ta’ xtieli aromatiċi li tinkludi s-sagħtar, il-bużbież, il-bżar u t-tewm. Storikament, dawn il-ħwawar kienu jitkabbru jew jinħasdu fl-istess żona, iżda jistgħu jinġiebu wkoll minn postijiet oħra.

Id-daqs tal-“Aceituna Aloreña de Málaga” hija karatteristika oħra mill-aktar apprezzata u mfittxija ta’ dan il-prodott. Biex jinkiseb dan id-daqs, il-bdiewa jsegwu tekniki taż-żabra tipiċi taż-żona, li jispikkaw għas-severità tagħhom, u għas-sura sferika, b'veġetazzjoni ħafifa, li jagħtu lis-siġar. Dan it-tip ta’ tekniki kulturali jinfluwenza wkoll il-proporzjon ta’ bejn il-laħam u l-għadma, li d-dewwieqa kklassifikaw bħala eċċellenti.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott huwa disponibbli fl-indirizz:

http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/Pliego_aceituna.pdf

jew inkella, huwa disponibbli wkoll fuq il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Consejería de Agricultura y Pesca

(http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal), billi wieħed isegwi l-mogħdija li ġejja: “Industrias Agroalimentarias”/“Calidad y Promoción”/“Denominaciones de Calidad”/“Otros Productos” – l-ispeċifikazzjoni tinsab taħt l-isem tad-denominazzjoni tal-kwalità.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top