EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0802

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020” COM(2011) 707 finali – 2011/0340 (COD)

ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020”

COM(2011) 707 finali – 2011/0340 (COD)

2012/C 181/16

Relatur: is-Sinjura MADER

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar it-30 ta’ Novembru u t-13 ta’ Diċembru 2011 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020

COM(2011) 707 finali – 2011/0340 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’109 voti favur, 11-il vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Sinteżi

1.1   Il-Kummissjoni ressqet il-Proposta għal Regolament tagħha dwar programm tal-konsumaturi għall-perjodu 2014-2020 li jorbot mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” bil-ħsieb li tpoġġi “l-konsumatur mogħti s-setgħa fiċ-ċentru tas-Suq Uniku”.

1.2   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-programmi dwar il-konsumaturi u s-saħħa huma indirizzati f’żewġ proposti separati: dan għandu jagħmilha possibbli li t-tnejn li huma jiġu ttrattati b’mod adegwat.

1.3   Josserva r-rieda tal-Kummissjoni li tpoġġi l-konsum fil-qalba tal-politiki tal-UE, illi, fil-kuntest attwali, huwa importanti ħafna. Jieħu nota wkoll tal-livell baxx ta’ riżorsi relatati ma’ din l-ambizzjoni u għandu d-dubji dwar kemm tista’ tiġi implimentatata b’mod effettiv.

1.4   Il-KESE jieħu nota tal-impenn biex tiġi żviluppata statistika bil-għan li tirrikonoxxi r-realtà tas-suq u ssegwi l-evoluzzjoni tiegħu f’kuntest ta’ tensjoni, kemm mil-lat ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kif ukoll dawk soċjali u ambjentali.

1.5   Il-Kumitat josserva r-rieda li jiġu żviluppati indikaturi ta’ segwitu, li huma iżjed bżonjużi meta wieħed iqis li l-programm ikopri perjodu twil fil-konfront tas-sitwazzjoni attwali.

1.6   Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħu l-istandards tas-sigurtà tal-prodotti kummerċjalizzati fit-territorju tal-UE, li jfisser li jridu jiżdiedu l-kontrolli u li tiġi żgurata kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

1.7   Il-Kumitat jappoġġja l-miżuri bil-għan li jittejbu l-programmi ta’ informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumaturi u jiġu promossi l-prattiki tajbin sabiex tiġi provduta l-informazzjoni rilevanti minn sorsi indipendenti. Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jkun hemm informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata, li tkun ta’ kwalità tajba u aċċessibbli għal kulħadd biex tippermetti konsum sostenibbli.

1.8   Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi indipendenti huwa kruċjali f’dan il-kuntest u għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-mezzi finanzjarji tagħhom jiżdiedu b’mod sostanzjali, b’mod partikolari biex ikunu jistgħu jiksbu l-mezzi ta’ għarfien speċjalizzat meħtieġa fid-dawl tal-ambitu wiesa’ tal-attivitajiet tagħhom. Fil-fatt, iż-żamma tal-bilanċ ekonomiku jitlob li jkunu f’pożizzjoni li jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom ta’ kontrapiż.

1.9   Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jirrikonoxxu, jappoġġjaw u jiffinanzjaw l-għaqdiet tal-konsumaturi nazzjonali li jieħdu sehem b’mod sħiħ fit-twettiq tas-Suq Intern.

1.10   Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi differenti proposti biex jiġu estiżi l-mekkaniżmi ekstraġudizzjarji biex jittrattaw l-ilmenti. Iżda, jinnota li ma hemm l-ebda referenza għar-rimedju kollettiv, li huwa mezz indispensabbli biex tiġi żgurata konformità mal-leġislazzjoni, kif diġà enfasizza f’opinjonijiet differenti.

2.   Il-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni fil-qosor

2.1   Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi programm tal-konsumaturi għall-perjodu 2014-2020, bħala suċċessur għall-programm ta’ azzjoni Komunitarja għall-perjodu 2007-2013 fil-qasam tal-politika tal-konsumatur. Huwa jintroduċi qafas ta’ finanzjament għall-azzjonijiet tal-UE.

2.2   Ir-regolament jagħmel parti mis-segwitu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, li jitlob li ċ-ċittadini jiksbu l-mezzi neċessarji biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq uniku.

2.3   Dan ir-regolament ġie stabbilit wara li sar studju tal-impatt fost il-partijiet interessati differenti f’nofs it-term tal-programm ta’ azzjoni Komunitarja għall-perjodu 2007-2013 fil-qasam tal-politika tal-konsumatur.

2.4   Din il-valutazzjoni enfasizzat il-valur miżjud tal-programm, minkejja l-inadegwatezza tal-fondi mogħtija u l-fatt li l-isfidi soċjali u ambjentali ġodda ġew ikkunsidrati biss parzjalment.

2.5   Il-programm għall-perjodu 2014-2020 iqis l-osservazzjonijiet differenti li saru. Sabiex jiġu ffinanzjati, l-azzjonijiet proposti għandhom jittrattaw kwistjonijiet marbuta mal-ambjent ekonomiku, soċjali u tekniku, b’mod partikolari l-problemi relatati mal-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-bżonn li nimxu lejn modi ta’ konsum iżjed sostenibbli, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-problemi tal-konsumaturi vulnerabbli.

2.6   Il-programm il-ġdid għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan tal-politika futura tal-konsumatur, billi “jpoġġi lill-konsumatur mogħti s-setgħa fil-qalba tas-suq uniku”.

2.7   Skont il-Kummissjoni, dan l-għan jinvolvi l-protezzjoni aħjar tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur, il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u aċċess faċli għal mezzi ta’ rimedju effikaċi.

2.8   Il-Kummissjoni tipproponi li tilħaq dan l-għan ġenerali permezz ta’ erba’ għanijiet speċifiċi:

il-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-prodotti permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-swieq fl-Unjoni Ewropea kollha;

it-titjib tal-edukazzjoni u l-informazzjoni tal-konsumaturi u li jsiru jafu iktar id-drittijiet tagħhom, l-iżvilupp tal-bażi ta’ informazzjoni li fuqha hija bbażata l-politika tal-konsumaturi u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi;

il-konsolidazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur, b’mod partikolari permezz tar-regolamentazzjoni u t-titjib tal-aċċess għar-rikorsi;

l-appoġġ lil miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li jiġu rispettati d-drittijiet tal-konsumatur, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-leġislazzjoni u billi jittejjeb is-servizz ta’ konsulenza lill-konsumatur.

3.   Valutazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1   Il-KESE jaqbel mal-għan tal-programm li “jpoġġi lill-konsumatur mogħti s-setgħa fil-qalba tas-suq uniku”. Huwa tal-fehma li, kif tagħmel tajjeb tenfasizza l-Kummissjoni, għandha tingħata prijorità għolja lill-kunċett li l-interessi tal-konsumaturi jitqiesu fil-politiki kollha tal-UE, peress li l-infiq tagħhom jgħodd għall-56 % tal-PDG u huwa essenzjali biex tingħata spinta lit-tkabbir.

3.2   L-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jadottaw politika tal-konsumatur għas-seklu 21 u jaċċettaw il-fatt li l-konsumaturi huma l-ixpruni u l-partijiet interessati li jippermettu lis-suq jaħdem b’mod tajjeb. Fil-fatt, suq ġenwinament kompetittiv jeħtieġ konsumaturi infurmati tajjeb u fiduċjużi. It-tisħiħ tal-pożizzjoni jew l-emanċipazzjoni tal-konsumatur huwa fattur li jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-prodotti u s-servizzi u jiżgura li l-ekonomija tas-suq taħdem b’mod iżjed effikaċi.

3.3   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tal-konsumatur għandu jiġi estiż u l-UE għandha taspira li tfittex livell ogħla ta’ kompetittività u innovazzjoni għaċ-ċittadini tagħha. Il-politika tal-konsumatur għandha tiġi kkunsidrata bħala prijorità fl-aġenda politika u tiġi integrata fil-politiki u l-programmi ta’ ħidma rilevanti kollha.

3.4   F’dan ir-rigward, il-Kumitat jiddispjaċih li l-pakkett baġitarju allokat lill-Istrateġija Ewropa 2020 huwa ’l bogħod b’mod ċar mill-intenzjoni ddikjarata. B’rabta mal-500 miljun konsumatur fl-UE-27, l-ammont allokat fis-sena għal kull konsumatur huwa ta’ 5 ċentezmi euro; dan l-ammont huwa ferm inqas miċ-ċifra għall-programm 2007-2013, li l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu (1) stima bħala 7 ċenteżmi euro.

3.5   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-punti prinċipali tal-programm permezz ta’ erba’ għanijiet speċifiċi. Dan il-programm huwa tkomplija diretta tal-programmi preċedenti u ma fih xejn innovattiv għalkemm it-teknoloġiji l-ġodda jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tas-suq. Huwa tal-fehma li l-modi deskritti għall-ksib tal-għanijiet stabbiliti għandhom ikunu iżjed speċifiċi u komplementati.

3.6   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi lista tal-programmi kollha tal-Unjoni li jittrattaw u jikkontribwixxu għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur, sabiex il-politika tal-konsumatur tiġi integrata fil-programmi kollha tal-UE.

3.7   Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn li fil-proposta tal-Kummissjoni jiddaħħal il-ħames għan dwar ir-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi. Naturalment, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet rappreżentattivi huwa inkluż fil-programm tal-Kummissjoni, u jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll ir-rikonoxximent tal-appoġġ lejn l-organizzazzjonijiet li jirrrappreżentaw il-konsumaturi u l-għarfien tagħhom. Fil-fatt, li tkun possibbli rappreżentazzjoni aħjar tal-konsumaturi u li jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom għandhom ikunu għan separat. Sabiex jiġi żgurat li sseħħ il-wegħda tal-Kummissjoni li l-konsumatur jitpoġġa fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE, il-Programm għandu jiġi emendat biex jinkludi l-ħames għan.

3.8   Parti mill-baġit tal-Programm tal-Konsumaturi (spejjeż tal-ivvjaġġar, ħidma ta’ tħejjija u parteċipazzjoni fil-gruppi tal-esperti) għandha tiġi allokata għal dan il-għan sabiex il-konsumaturi jkunu rappreżentati aħjar min-naħa ta’ għaqdiet indipendenti tal-konsumatur, fi ħdan il-gruppi differenti tal-esperti, f’każijiet fejn il-kontribut tal-konsumaturi huwa meħtieġ. Bl-istess mod, jekk meħtieġ, programmi oħra tal-UE għandhom jallokaw baġit speċifiku li jiffavorixxi l-kontribut tal-għaqdiet li jirrappreżentaw il-konsumatur.

3.9   Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li tressaq Aġenda tal-konsumatur Ewropew ambizzjuża (imħabbra fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni 2012 għat-tieni trimestru tal-2012) u li tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tal-awtonomija tal-konsumaturi (“empowerment”), b’konformità mal-prinċipji li fuqhom tissejjes l-ekonomija soċjali tas-suq u kif ħareġ fid-dieher mir-rapporti adottati mill-Parlament Ewropew.

3.10   Il-proposta għal “Aġenda tal-Konsumatur Ewropew” għandha ġenwinament tfittex li “tawtonomizza” lill-konsumatur fuq il-bażi tas-sigurtà, l-informazzjoni rilevanti u l-edukazzjoni, id-drittijiet u l-mezzi ta’ rikors u aċċess għall-ġustizzja, kif ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

3.11   Madankollu, ir-“responsabilizzazzjoni” tal-konsumatur Ewropew m’għandhiex twassal għal trasferiment tar-responsabbiltà lejn il-konsumatur. Il-Programm tal-Konsumatur għandu l-ewwel u qabel kollox joħloq il-kundizzjonijiet għal suq ġust u ekwu li fih il-konsumaturi jħossuhom fiduċjużi jikkunsmaw b’mod liberu, ikunu f’liema post ikunu. Din il-fiduċja tinvolvi l-bżonn li jkunu infurmati u jingħataw pariri b’mod suffiċjenti u imparzjali dwar id-drittijiet tagħhom sabiex jagħmlu għażliet ġusti fil-konfront tal-konsum.

3.12   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-Aġenda tal-Konsumatur Ewropew u l-Proposta għal Regolament dwar Programm tal-Konsumaturi joħorġu fl-istess żmien biex jiġu żgurati l-koerenza u l-kwalità bejn il-Programm u l-għanijiet strateġiċi.

3.13   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll, fir-rigward tat-tfassil ta’ inizjattivi leġislattivi u regolatorji min-naħa tal-Kummissjoni, il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur (Artikolu 169 tat-Trattat). F’dan ir-rigward, ifakkar li l-livell magħżul ta’ armonizzazzjoni għandu jkun adatt u li, fl-ebda każ, ma għandu jwassal għal jew jippermetti tnaqqis fid-drittijiet tal-konsumatur Ewropew, huwa liema hu l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha. F’dan ir-rigward, il-KESE jopponi kwalunkwe inizjattiva, bħas-sistema ta’ għażla, li tippermetti li tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-protezzjoni eżistenti, bil-għan li jiġu protetti l-konsumaturi li huma l-partijiet l-iżjed dgħajfa fil-kuntratt u li mhux dejjem ikollhom il-mezzi jfittxu għajnuna.

3.14   Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-konsumaturi u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jirċievu garanziji li jiġu kkonsultati meta jkunu qed jitfasslu dokumenti u miżuri li jolqtuhom, u huwa tal-fehma wkoll li għandu jkollhom iżjed riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom.

3.15   Il-KESE jagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-prodotti fis-suq kollu. Jappoġġja l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ kooperazzjoni speċifiċi b’konformità mad-Direttiva 2001/95/KE (2) u r-riċerka li saret bil-għan li jiġu stabbiliti standards ġodda jew kriterji ġodda ta’ sigurtà. Rigward il-problemi li għandhom jiġu indirizzati, il-Kumitat jistaqsi x’livell ta’ riżorsi se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-korpi differenti responsabbli għall-monitoraġġ. Fil-fehma tiegħu, jinħtieġ li jiġu organizzati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni koordinati mill-Kummissjoni.

3.16   Il-KESE japprova l-miżuri proposti bil-għan li jiġi infurmat u mgħallem il-konsumatur. It-titjib ta’ dawn iż-żewġ aspetti tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-għarfien tagħhom dwar drittijiethom u b’hekk tiżdied il-fiduċja tagħhom. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza li d-dokumenti leġislattivi tal-Unjoni għandhom ikunu iktar trasparenti u jinftiehmu aħjar miċ-ċittadini.

3.17   Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien ta’ bażijiet tad-data permezz tat-twettiq ta’ studji, analiżijiet u statistika li għandhom iwasslu biex ikun hemm għarfien aħjar tas-suq għall-finijiet tat-tfassil ta’ politiki f’oqsma li jolqtu lill-konsumatur.

3.18   Rigward il-proġett DOLCETA, li jagħmel parti mill-Programm tal-Konsumaturi iżda li mhux ser ikompli bl-istesss għamla u fuq l-istess skala, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni ssib mod kif iżżomm l-informazzjoni u l-għarfien miksuba permezz ta’ dan il-proġett bil-għan li tiżgura li ma jinħeliex l-investiment sostanzjali involut.

3.19   Huwa tal-fehma li l-inizjattivi kollha li jwasslu għat-titjib tat-trasparenza tas-swieq huma primordjali, hu x’inhu l-qasam involut (pereżempju, l-oqsma tal-prodotti finanzjarji, tal-protezzjoni tad-data personali, l-enerġija, it-teknoloġiji diġitali u tat-telekomunikazzjoni u t-trasport).

3.20   Mill-perspettiva tal-politika tal-konsumatur, filwaqt li l-edukazzjoni hija fundamentali biex tiżgura li l-konsumaturi jsiru konxji tar-rwol, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fi ħdan is-suq u s-soċjetà biex jadattaw l-imġiba tagħhom fid-dawl ta’ dan, madankollu għandu jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta’ edukazzjoni tal-konsumatur hija minn daqqiet skuża użata mill-politiċi u l-intrapriżi b’intenzjonijiet ħżiena biex ifarfru mir-responsabbiltà u biex jillimitaw l-isforzi tagħhom biex joħolqu ambjent li jaġevola lill-konsumatur.

3.21   Il-Kumitat huwa tal-fehma li tingħata prijorità lill-infurzar u t-titjib tad-drittijiet tal-konsumatur.

Barra minn hekk, jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni meta tisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq l-għan tal-edukazzjoni u l-informazzjoni adattata għall-konsumaturi kollha.

3.22   Taħt kull ċirkustanza, l-għanijiet tat-titjib tat-taħriġ u l-informazzjoni ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jiġu involuti l-atturi soċjoekonomiċi differenti. Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li titkompla l-ħidma fuq dak li diġà sar, sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki, jittejbu jekk meħtieġ u jiġu użati sabiex il-miżuri u l-għodod disponibbli jista’ jkollhom impatt ġenwin fuq il-konsumaturi: dan jitlob li jingħatawlhom riżorsi sostanzjali.

3.23   Għandna niffukaw ukoll fuq it-taħriġ tal-intrapriżi li, b’xorti ħażina, mhumiex infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet tal-konsumatur. Programmi oħra tal-UE għandhom jipprovdu taħriġ ta’ dan it-tip lill-intrapriżi dwar id-dritt tal-protezzjoni tal-konsumatur.

3.24   L-għaqdiet tal-konsumatur għandhom l-għan li jidentifikaw u jagħtu tweġiba koerenti għall-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi, u li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom. Bis-saħħa tal-miżuri li jieħdu biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-konsumatur, jikkontribwixxu biex jiżviluppaw ir-regoli legali.

3.25   Minħabba li dan ir-rwol ċentrali jaqa’ fuq l-għaqdiet tal-konsumatur fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, li jeħtieġu għarfien iżjed u iżjed wiesa’, il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom b’mod konsiderevoli billi jiżdiedu l-fondi ddedikati għalihom. Huwa jagħti importanza kbira lill-għajnuna li tingħata lill-għaqdiet f’dawn il-livelli differenti, u b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn il-moviment tal-konsumatur mhuwiex żviluppat biżżejjed.

3.26   Il-KESE josserva li kwart tal-baġit tal-Programm ser jiġi allokat liċ-ċentri Ewropej tal-konsumatur. Dan l-investiment huwa partikolarment bżonjuż u ġeneralment huwa appoġġat mill-KESE li fl-istess ħin jitlob lill-Kummissjoni tkompli tressaq rapporti annwali iktar dettaljati dwar il-funzjonament ta’ dawn iċ-ċentri. Il-KESE jenfasizza l-importanza li dawn ir-rapporti jkunu bbażati fuq kriterji preċiżi u rilevanti sabiex jiġi enfasizzat il-fatt li dan in-netwerk jikseb riżultati konkreti għall-konsumatur Ewropew anke jekk għadu mhux magħruf kemm jista’ jkun fost in-nies.

3.27   Element importanti ħafna huwa l-introduzzjoni fil-programm li jmiss dwar il-politika tal-konsumatur ta’ mekkaniżmu proattiv u prominenti ta’ finanzjament bil-għan li jitkompla l-iżvilupp tal-moviment tal-konsumatur.

3.28   Fir-rigward tal-aċċess għar-rimedju, il-KESE josserva li l-Kummissjoni turi r-rieda tagħha li tagħti prijorità lis-soluzzjonijiet ibbażati fuq il-koregolazzjoni jew l-awtoregolazzjoni. Huwa jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi meħudin mill-professjonisti għat-titjib tal-prattiki. Madankollu, jafferma li l-prattiki tal-hekk imsejħa “soft law” ma jistgħux jissostitwixxu ambjent leġislattiv jew regolatorju.

3.29   Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi meħudin mill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-aċċess tal-konsumaturi għall-metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR – alternative dispute resolution) u jappoġġja l-proposta li jsir monitoraġġ tal-funzjonament u l-effikaċja tagħhom. Huwa tal-fehma li dawn il-mekkaniżmi jkunu effikaċi biss jekk jiġi żgurat li s-sistemi proposti lill-konsumaturi jkunu indipendenti.

3.30   Iżda, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-proposta għandha tkun ikkompletata, peress li l-konsolidazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur tassumi wkoll li l-konsumaturi għandu jkollhom il-mezzi legali adatti biex jiddefendu drittijiethom. Kif qal fl-opinjoni tiegħu dwar il-programm 2007-2013 u fl-opinjonijiet tiegħu dwar is-sistema tal-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum (3) u dwar il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (4), jipproponi li ssir referenza għall-bżonn li jiġi previst aċċess ikbar għall-ġustizzja u, b’mod partikolari, għar-rimedju kollettiv.

3.31   Il-KESE jappoġġja l-miżuri proposti bil-għan li jiżguraw konformità mal-leġislazzjoni, b’mod partikolari l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-infurzar tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-koordinazzjoni tas-superviżjoni, li jirrendu l-miżuri iżjed effettivi.

3.32   Il-KESE huwa tal-fehma li s-soluzzjoni għat-tilwim, inkluż dak onlajn, għandha tkun sorveljata b’mod kontinwu. Josserva li ġew stabbiliti għanijiet ġodda, b’mod partikolari għaċ-ċentri Ewropej tal-konsumatur, li l-għan tagħhom huwa li jgħinu biex il-konsumaturi jkunu infurmati u biex isolvu tilwim transkonfinali. Huwa tal-fehma li huwa importanti li ssir valutazzjoni waqt li jkun għadu għaddej il-programm sabiex jiġu aġġustati l-fondi li huma previsti li jiġu allokati.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(3)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1.

(4)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40.


Top