EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0696

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivilil u l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili għas-snin 2007-2009

/* KUMM/2011/0696 finali */

52011DC0696

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivilil u l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili għas-snin 2007-2009 /* KUMM/2011/0696 finali */


INTRODUZZJONI

1. Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili (DĠ ECHO) wettaq evalwazzjoni tal-azzjonijiet li ġejjin fil-qasam tal-protezzjoni ċivili għall-perjodu 2007-2009:

2. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/EC, Euratom tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili ('CPFI' jew 'Strument Finanzjarju'[1]);

3. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/EC, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili (riformulazzjoni) ('Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili' jew 'Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu' jew 'Riformulazzjoni tal-Mekkaniżmu'[2]);

4. Azzjoni ta' tħejjija, skont it-tifsira tal-Artikolu 49(6)(b) tal-Regolament Finanzjarju[3], dwar kapaċità ta' reazzjoni rapida tal-UE fil-baġits tal-2008, 2009 u 2010;

5. Proġetti pilota, skont it-tifsira tal-Artikolu 49(6)(a) tar-Regolament Finanzjarju, dwar kooperazzjoni transkonfinali fil-ġlieda kontra d-diżastri naturali u dwar in-nirien fil-foresti, fil-baġits tal-2006 u l-2008 rispettivament.

6. Il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili ifittex li jiffaċilita kooperazzjoni msaħħa fl-intervent ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili fil-każ ta' emerġenzi maġġuri, jew it-theddida imminenti tagħhom. Il-protezzjoni li għandu jiżgura l-Mekkaniżmu tkopri primarjament in-nies, iżda wkoll l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, fil-każ ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, atti ta’ terroriżmu u aċċidenti teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali inkluż it-tniġġis aċċidentali tal-ibħra, li jseħħu ġewwa jew barra l-UE, u tikkunsidra wkoll il-ħtiġijiet speċjali tar-reġjuni iżolati, dawk l-aktar periferali u oħrajn jew il-gżejjer tal-UE.

7. Bħalissa hemm 31 Stat li qed jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili (li għaldaqstant huma wkoll eliġibbli għall-Istrument Finanzjarju): is-27 Stat Membru tal-UE, in-Norveġja, l-Islanda, il-Lichtenstein u l-Kroazja ('Stati li qed jipparteċipaw')[4].

8. L-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu jitlob li l-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni sal-aħħar tal-2010 u tittrażmetti l-konklużjonijiet dwar dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

9. Tingħata assistenza finanzjarja taħt is-CPFI għal:

10. azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu;

11. miżuri ta' prevenzjoni jew ta' tnaqqis tal-effetti ta' emerġenza; kif ukoll

12. azzjonijiet imfassla sabiex isaħħu l-istat ta' tħejjija tal-Komunità għal reazzjonijiet għall-emerġenzi, inklużi azzjonijiet li jżidu l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE.

13. Barra minn hekk, is-CPFI jagħmel dispożizzjonijiet speċjali għall-finanzjament ta' ċerti riżorsi tat-trasport fil-każ ta' emerġenza gravi, sabiex tiġi ffaċiltata reazzjoni rapida u effikaċi għal tali emerġenza.

14. L-Artikolu 15(2)(b) tas-CPFI jitlob li l-Kummissjoni tevalwa, fuq bażi interim, ir-riżultati milħqua u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tas-CPFI[5].

15. L-azzjoni preparatorja fuq kapaċità ta' reazzjoni rapida tal-UE, li ġiet varata fl-2008, fittxet li ttejjeb il-kapaċità ġenerali tal-UE li twieġeb għal diżastri ġewwa u barra l-UE billi tiżgura li l-assi tal-Istati Parteċipanti jkunu disponibbli fuq standby lesti biex jintużaw f'operazzjonijiet ta' protezzjoni ċivili tal-UE. Il-Kummissjoni/MIC irċeviet il-mandat biex tattiva dawn l-assi fuq standby għall-ħtiġijiet fil-post.

16. Barra minn hekk, fl-2008, ingħata bidu għal proġett pilota għal kooperazzjoni iktar intensiva bejn l-Istati Parteċipanti biex jikkumbattu n-nirien fil-foresti bil-għan li titjieb il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi operazzjonali u l-appoġġ ta' emerġenza biex Stat Parteċipant ikun jista’ jingħata assistenza biex ilaħħaq man-nirien fil-foresti li jkunu wisq fin-numru u fl-intensità biex ikun jista' jlaħħaq bil-kapaċità loġistika u l-forzi umani tiegħu stess. L-għanijiet tal-proġett pilota ġew integrati fl-azzjoni preparatorja fuq kapaċità ta' rispons rapidu tal-UE bħala parti mis-sejħa għall-proposti tal-2009. F'din il-forma, l-azzjoni preparatorja tkompliet għat-tielet u l-aħħar sena fl-2010 (l-implimentazzjoni ta' wħud mill-proġetti qed tkompli sa nofs l-2012).

17. Fl-aħħarnett, proġett pilota dwar kooperazzjoni transkonfinali fil-ġlieda kontra d-diżastri naturali ipprovda għotjiet bħala sostenn għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni u għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni iktar mill-qrib dwar miżuri ta' protezzjoni ċivili bil-għan li jiżdied l-għarfien u għall-prevenzjoni jew jiġu minimizzati l-konsegwenzi tad-diżastri naturali billi jiġu żviluppati għodod transkonfinali ta' twissija bikrija, għodod ta' koordinazzjoni u għodod loġistiċi.

18. L-Artikolu 21(2) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju[6] jitlob evalwazzjoni tal-azzjonijiet preparatorji u tal-proġetti pilota fit-termini tar-riżorsi umani u finanzjarji allokati u r-riżultati li jinkisbu sabiex jiġi vverifikat li dawn kienu konsistenti mal-objettivi stabbiliti.

OBJETTIVI U METODOLOġIJA TAL-EVALWAZZJONI

19. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati l-oħra sejbiet importanti dwar l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq u l-lezzjonijiet li wieħed għandu jieħu minnha fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Dawn se jgħinu lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni effettivia kontinwata tal-Mekkaniżmu u tal-Istrument Finanzjarju.

20. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-evalwazzjoni se jservu ta' bażi informattiva fit-tħejjija ta' pakkett ta' politika komprensiv li qed jitħejja fl-2011, li se janalizza l-kooperazzjoni fil-ġestjoni tad-diżastri tal-UE partikolarment rigward żewġ temi ewlenin: (1) ir-responsabbiltà tal-atturi kollha li jieħdu miżuri adegwati ta' prevenzjoni u protezzjoni, u (2) solidarjetà u assistenza fi ħdan l-UE fost l-Istati Pateċipanti fi żminijiet ta' ħtieġa.

21. Fl-aħħarnett, l-evalwazzjoni se tkun sors ta’ informazzjoni fit-tħejjija tal-komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Istrument Finanzjarju li għandha tiġi ppreżentata mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011 (skont l-Artikolu 15(2)(c) CPFI), li fil-prattika se tifforma parti mill-proposta għal Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili ġdid.

22. Is-servizzi tal-Kummissjoni ħejjew dokumenti interni preliminari bbażati fuq informazzjoni u esperjenza li jeżitu internament. Wara dan, ġiet kumissjonata konsulenza esterna (COWI A/S b'kollaborazzjoni ma' Aguaconsult) biex b'mod indipendenti tevalwa l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u tagħmel konsultazzjoni wiesgħa u komprensiva tal-partijiet interessati[7], inklużi intervisti u eSondaġġ fuq l-internet. Il-konsulenti abbozzaw rapport ta' evalwazzjoni li jikkunsidra wkoll is-sejbiet tad-dokumenti interni ta' analiżi preliminari. Ir-rapport huwa disponibbli fuq il-portal tal-Kummissjoni[8]. Id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni li huma interessati fl-evalwazzjoni kkontribwew għall-proċess u pparteċipaw fi Grupp ta' Tmexxija maħtur apposta. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonsultaw lill-Istati Parteċipanti, inkluż f'laqgħa bejn id-Diretturi Ġenerali tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni ċivili, biex jinġabru l-veduti tagħhom dwar il-funzjonament tal-Mekkaniżmu, l-Istrument Finanzjarju, u l-azzjonijiet ta' tħejjija u pilota.

23. Il-konsulenti esterni ngħataw il-kompitu biex b'mod indipendenti jevalwaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni ċivili li twettqu bejn l-2007 u l-2009 (inklużi)[9], u b'mod partikolari:

24. Il-funzjonament taċ-Ċentru għall-Monitoraġġ u l-Informazzjoni ('MIC') u s-servizzi li joffri, imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu;

25. It-tħaddim tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport tas-CPFI (l-Artikolu 4(2) punti (b) u (c) u 3));

26. L-implimentazzjoni tal-hekk imsejjaħ "approċċ modulari" u l-arranġamenti ttestjati taħt il-proġetti pilota u l-azzjoni preparatorja biex titjieb id-disponibbiltà tal-assi tar-rispons;

27. Il-programm ta' taħriġ imsemmi fl-Artikolu 5(5) tad-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu (inklużi programmi ta' eżerċizzju u l-programm ta' skambju tal-esperti).

KONKLUżJONIJIET TAL-EVALWAZZJONI

Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni ( Monitoring and Information Centre – MIC )

28. Il-MIC huwa l-fus ċentrali tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE li għandu l-għan li jiffaċilita kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Membri f'intervent ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili fil-każ ta' emerġenzi kbar.

29. L-analiżi tal-operazzjonijiet tiegħu fis-snin 2007-2009 turi ċar li l-MIC wettaq l-għan tiegħu li jagħti servizz lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-UE inġenerali, bl-involviment tiegħu dejjem jiżdied fl-attivitajiet ta' protezzjoni ċivili kemm fl-Ewropea kif ukoll madwar id-dinja. Il-MIC kien aċċessibbli u kapaċi jirreaġixxi immedjatament 24 siegħa kuljum kif stipulat fl-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riformulazzjoni tal-Mekkaniżmu. Il-MIC huwa ġeneralment rikonoxxut li jipprovdi servizzi utili li huma relevanti għall-Istati Parteċipanti meta jsiru interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili ġewwa u barra mill-UE, billi jagħti pariri dwar il-ħtiġijiet fuq il-post, billi jiffaċilita kooperazzjoni eqreb fost l-Istati Parteċipanti u billi jiġbor ir-riżorsi flimkien. Il-karatteristika ewlenija tal-MIC f'dak il-kuntest hija n-natura tiegħu ta' "one-stop-shop". Dan iffranka ħin prezzjuż għall-Istati li jkunu jeħtieġu jitolbu assitenza internazzjonali kif ukoll għall-Istati Parteċipanti li jippriovduha. F'interventi ta' assitenza barra mill-UE il-MIC wettqet funzjonijiet ta’ koordinazzjoni operazzjonali, u integrazzjoni tar-rispons Ewropew fi ħdan l-isforżi kkoordinati tal-UN. L-għadd ta' attivazzjonijiet tal-Mekkaniżmu matul is-snin żdied b'mod konsistenti, ħaġa li tixhed għall-valur miżjud tiegħu.

30. Fl-evalwazzjoni esterna ġiet innutata u mfaħħra l-kooperazzjoni msaħħa bejn il-MIC u dawk li jwieġbu għall-emerġenza ta' sokkors internazzjonali, b'mod partikolari l-aġenziji tan-NU, anke jekk jeħtieġ isiru iktar sforzi rigward atturi oħra, bħall-komunità ta' NGOs umanitarji u atturi militari (bħan-NATO) sakemm l-involviment ta' dawn tal-aħħar ikun ġustifikat fid-dawl tal-linji gwida relevanti (Oslo u MCDA) tan-NU.

31. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2008[10] lill-Parlament Ewerpew u lill-Kunsill dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri, il-Kummissjoni nnutat xi punti fejn rat il-lok għal iżjed titjib:

32. Titjib fl-effettività tal-azzjoni tagħha f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-partijiet interessati internazzjonali, nazzjonali u dawk lokali, dawk partikolari permezz ta' sinerġiji u koordinazzjoni aħjar ta' taħriġ, analiżi tal-ħtiġijiet, ippjanar u operazzjonijiet;

33. Iktar simplifikazzjoni fil-koordinazzjoni 'orizzontali' bejn il-Kummissjoni, il-Presidenza, l-Istati Membri u r-Rappreżentant Għoli, b'mod partikolari għal diżastri naturali fuq skala ikbar, kemm fi Brussell kif ukoll fuq il-post, għal kriżijiet li jinvolvu kemm il-Mekkaniżmu għall-Priotezzjoni Ċivili kif ukoll għall-istrumenti CFSP.

34. Titjib fil-koordinazzjoni 'vertikali' bejn il-livell tal-UE u l-Istati Membri. Din il-koordinazzjoni għandha tiġi ottimizzata minħabba li d-differenzi fil-mandati rispettivi tal-Istati Membri differenti u s-servizzi/aġenziji umanitarji għandhom impatt fuq ir-rispons tal-Kummissjoni.

Abbażi ta' dawn il-konklużjonijiet il-Kummissjoni bdiet tikkunsidra kif tista' ttejjeb kif jaħdem il-MIC. Il-Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċità tal-Unjoni fir-Reazzjoni għad-Diżastri tħeġġeġ dan li ġej[11]: it-tisħiħ taċ-Ċentru ta' monitoraġġ u Informazzjoni sabiex ikun jista' jwettaq rwol ta' ċentru operazzjonali għall-intervent ta' protezzjoni ċivili Ewropew . Dan jeħtieġ ċaqliq kwalitattiv minn kondiviżjoni ta' informazzjoni/reazzjoni għall-emerġenzi lejn antiċipazzjoni proattiva/monitoraġġ tal-emerġenzi fil-ħin reali u ingaġġ/koordinazzjoni operazzjonali. Dan jinkludi sistemi ta’ twissija bikrija, isiru valutazzjonijiet tal-ħtiġiet tal-prestazzjoni, jiġu identifikati r-riżorsi korrispondenti, u tingħata konsulenza teknika dwar ir-riżorsi ta' reazzjoni lill-Istati Membri; jiġu żviluppati xenarji, proċeduri operattivi fissi u valutazzjonijiet ta' tagħlimiet li jkunu ttieħdu; jiġu implimentati l-kompetenzi tal-Kummissjoni għall-ġbir tat-trasport disponibbli u biex it-trasport jiġi kofinanzjat; jiżdiedu t-taħriġ u l-attivitajiet ta’ eżerċizzju tal-Istati Membri u esperti oħrajn; u tingħata għajnuna lill-Istati Membri biex jiġu stabbiliti riżorsi komuni. Abbażi ta' dawn l-elementi mill-analiżi interna tagħha, il-valutazzjoni esterna u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-MIC wettaq ir-rwol tiegħu fil-qalba tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili b'suċċess u b'mod proattiv u effettiv. Filwaqt li l-kooperazzjoni fost l-atturi Ewropej kompliet tagħmel progress kif jixhdu pereżempju l-Programm Ewropew ta’ Monitoraġġ Dinji u s-Servizz ta’ Rispons ta’ Emerġenza tiegħu, kif ukoll is-sinerġiji mal-attivitajiet kollha tal-Kummissjoni li huma relatati mas-saħħa, għad fadal xi sfidi qabel ma jkun żgurat li l-attivitajiet kollha huma koerenti, kkoordinati tajjeb u kumplimentari għall-interventi u l-azzjonijiet implimentati taħt kapaċitajiet ta' ġestjoni tad-diżastri (inklużi dawk disponibbli fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, iżda wkoll għajnuna għall-iżvilupp fuq il-medda twila ta' żmien) tal-UE u dawk internazzjonali (b'mod partikolari dawk sponsorjati min-NU) u l-interventi tal-Istati Parteċipanti. Madankollu jibqa jidher li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni Ewropej fil-qasam tal-protezzjoni ċivili ikun għad baqgħalhom potenzjali mhux utilizzat u li jkun jista' jiġi ffaċilitat mill-MIC futur.

35. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill "Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għad-diżastri: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja"[12], il-Kummissjoni ddeskriviet azzjonijiet ulterjuri sabiex tikseb rispons Ewropew iktar effettiv, effiċjenti, koerenti u viżibbli. Dan jinkludi l-amalgamazzjoni tal-MIC maċ-ċentru ta' kriżi tad-DĠ ECHO biex jinħoloq Ċentru Ewropew ta' Rispons għall-Emerġenza ġenwin 24/7 bħala waħda mill-ġebel tax-xewka tal-viżjoni tagħha. Iċ-Ċentru għandu jiżviluppa fi pjattaforma li tipprovdi appoġġ sħiħ lill-Istati Parteċipanti, u servizzi oħra tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali matul l-operazzjonijiet ta' għajnuna ta' emerġenza, filwaqt li jkollu rwol kruċjali fl-ippjanar tal-operazzjonijiet tal-UE (inkluż l-iżvilupp tax-xenarju u l-ippjanar ta' kontinġenza), kif ukoll il-koordinazzjoni tar-riżorsi li jsiru disponibbli għar-rispons Ewropew.

Programmi ta' taħriġ.

36. L-istudju intern, id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet interessati, l-evalwazzjoni esterna, u l-esperjenza tal-Kummissjoni mill-prattika tat-taħriġ kollha jindikaw li l-programm ta' taħriġ għandu valur għoli fil-kooperazzjoni tal-protezzjoni ċivili tal-UE. Il-korsijiet ta' taħriġ irriżultaw li huma ta' valur biex esperti nazzjonali jitħejjew għall-interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili u tejbu b'mod sinifikanti il-kapaċità tar-rispons tas-sistema tal-protezzjoni ċivili tal-UE. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-programm ta' taħriġ għandu jibqa' komponenti importanti ta' tħejjija fil-kuntest tal-kooperazzjoni fil-protezzjoni ċivili tal-UE.

37. Mill-evalwazzjonijiet joħroġ ċar li l-kontenuti tal-korsijiet huma kkunsidrati għal kollox kumplimentari għall-avvenimenti l-oħra ta' taħriġ li huma pprovduti fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iżviluppi futuri tas-sistema ta' taħriġ tal-UE trid tkompli tiżgura li jkun hemm konsistenza fost il-programmi differenti f'livelli differenti li jidher ikun jeħtieġ koordinazzjoni kontinwata u mtejba bejn dawk kollha li jipprovdu t-taħriġ, b'mod partikolari jekk fil-futur tkun prevista integrazzjoni ulterjuri tal-programmi.

38. Fl-2009 twaqqaf Grupp għall-Politika dwar il-Taħriġ (l-ewwel laqgħa saret f'Settembru 2009). Dan huwa pass inizjali lejn it-twaqqif ta' Arranġamenti Ewropej ta' Taħriġ għall-Ġestjoni tad-Diżastri ( European Disaster Management Training Arrangements - DMTA). Barra minn hekk, id-diretturi tal-korsijiet jiltaqgħu sa seba' darbiet kull ċiklu; tlieta minn dawn il-laqgħat huma laqgħat ta' evalwazzjoni. Fit-tmien ta' kull sena ssir laqgħa annwali tal-koordinaturi tat-taħriġ. F'dan il-qasam, id-diskussjonijiet missew ukoll l-aspetti ta' kompatibbilità tal-programmi nazzjonali ta' taħriġ, il-governanza u suġġetti dwar il-kwalità, kif ukoll fuq il-possibbiltajiet li jitfassal taħriġ dwar materji ta' prevenzjoni u tħejjija.

39. F'dawn l-aħħar snin, il-programm ta' taħriġ irnexxielu jżomm il-pass mal-iżviluppi ta' Mekkaniżmu metjjeb dwar il-protezzjoni ċivili, li estenda b'mod sinifikanti l-attivitajiet u l-kompetenzi tiegħu. L-evalwazzjoni enfasizzat b'mod ċar it-twessigħ tal-ambitu tal-attivitajiet ta' taħriġ, inklużi tipi ġodda ta' korsijiet u korsijiet iktar numerużi. Il-kunsiderazzjoni ta' dawn l-iżviluppi fil-kuntest ta' iżjed pressjoni fuq il-possibbiltajiet tal-finanzjament pubbliku twassal għall-mistoqsija dwar kif wieħed għandu jipprovdi għal programm ta' taħriġ dwar protezzjoni ċivili iktar effiċjenti, li fil-futur jista' ma jkunx jiddependi għal kollox fuq l-organizzazzjoni ċentrali ta' taħriġ fuq koordinazzjoni internazzjonali.

40. Il-korsijiet ta' taħriġ ipprovdew pjattaforma eċċellenti għall-kondiviżjoni ta' esperjenza u networking fost l-esperti tal-protezzjoni ċivili mill-Istati Parteċipanti kif ukoll ma sieħba oħrajn, bħall-membri tat-timijiet tal-UNDAC (United Nations Disaster Assessment and Coordination) u servizzi oħra tal-Kummissjoni. L-ispejjeż u l-benefiċċji ta' tali kuntatti formali u informali huma ġeneralment diffiċili li jiġu evalwati permezz ta' indikaturi oġġettivi. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza fuq skala kbira, tali kuntatti u networks jistgħu jagħmlu d-differenza kruċjali bejn l-aħjar intervent ta' għajnuna possibbli u xenarju inqas ottimu, fejn jintilef ħin prezzjuż f'azzjonijiet ta' koordinazzjoni u organizzazzjoni ineffiċjenti. Ovvjament, il-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-ħolqien ta' networks ukoll jinvolvu spejjeż għas-sistema. Madanakollu, tali effetti tan-netwerk jistgħu jiġu ġġenerati bħala effett periferali waqt is-segwitu tal-objettivi ta' taħriġ ewlenin imsemmija hawn fuq.

41. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tirrifletti wkoll dwar kif tista' torganizza aħjar l-iskambju ta' esperjenzi fil-qasam, fl-eżerċizzju u fit-taħriġ u l-kondiviżjoni ta' tagħlimiet mittieħda b'mod iżjed strutturat[13].

42. L-analiżi tal-2011 tal-leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni Ċivili se tipprovdi opportunità biex ikomplu jiġu kkunsidrati dawn l-aspetti varji. Din se tqajjem ukoll il-kwistjoni ta' jekk jistgħu jiġu pprovduti ammonti ikbar għal azzjonijiet ta' taħriġ taħt l-Istrument Finanzjarju, jew jekk jistgħux jinstabu toroq oħra biex ikomplu jitjiebu l-benefiċċji ta' kooperazzjoni iktar mill-qrib fl-UE dwar l-istat ta' tħejjija fid-diżastri.

Programm ta' eżerċizzju

43. Kif stabbilit mill-analiżi interna tal-Kummissjoni, mir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-evalwaturi esterni, u mill-opinjonijiet tal-Istati Parteċipanti u partijiet interessati oħra, ġie kkonfermat li l-eżerċizzji huma azzjoni effettiva biex jitjieb l-istat ta' tħejjija Ewropea għal diżastri kemm naturali kif ukoll ikkaġunati mill-bniedem. Dawn għenu biex jorqmu l-proċeduri u l-arranġamenti prattiċi li jridu jiġu stabbiliti għal interventi ta' protezzjoni ċivili u kooperazzjoni, inkluża l-opportunità biex jibdew jitħaddmu arranġamenti ta' appoġġ lin-nazzjoni ospitanti. B'mod partikolari, joħroġ ċar li l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni li Timplimenta l-Mekkaniżmu[14] inkisbu: jiġifieri it-titjib tal-kapaċità tar-rispons u l-forniment tal-prattika meħtieġa għat-timijiet, titjib u verifika tal-proċeduri, l-istabbilitment ta' lingwaġġ komuni għall-koordinazzjoni tal-interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili, it-tnaqqis taż-żmien ta' rispons f'emerġenzi kbar, titjib tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn is-servizzi tal-protezzjoni ċivili tal-Istati Parteċipanti, u l-kondiviżjoni tat-tagħlimiet mittieħda.

44. Il-Kummissjoni tikkonkludi li eżerċizzji ta' implimentazzjoni sħiħa fil-qasam tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili kofinanzjat mill-UE irriżulta li huwa element essenzjali għat-titjib tal-livell tal-istat ta' tħejjija tal-komponenti kollha tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili.

45. Filwaqt li kollox ma' kollox l-eżerċizzji li saru matul dan il-perjodu ipprovdew art fertili biex jinkisbu l-għanijiet dikjarati, dawn sofrew mill-fatt li mhumiex integrati fi programm ta' eżerċizzju iktar komprensiv u prinċipalment jirrufmaw sensiela ta' proposti imressqa mill-Istati Parteċipanti. Din l-evalwazzjoni kienet enfasizzata minn diversi partijiet interessati meta dawn intalbu jikkunsidraw l-effettività ġenerali, il-koerenza, il-kooperazzjoni u l-kumplimentarjetà tal-programm ta' eżerċizzju. Uħud milli ġew intervistati ddikjaraw li l-UE għandha tipprovdi linji gwida biex tiżgura livelli u proċeduri komparabbli għall-eżerċizzji, pereżempju standard minimu.

46. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-programm ta' eżerċizzju immatura sal-punt li issa sar iż-żmien li jiġu analizzati l-prioritajiet u l-objettivi konkreti tal-politika bil-għan li jsir titjib fl-istat ta' tħejjija tal-UE, l-ewwel b'mod partikolari billi ssir evalwazzjoni tal-ħtiġiet minimi kurrenti li dwarhom kien hemm qbil għall-finanzjament mill-UE u jiġu żviluppati rekwiżiti aħjar.

47. It-taħriġ fl-eżerċizzji fuq skala sħiħa isiru fil-livell ta' koordinazzjoni kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew. Din il-karatteristika ippreżentat sfidi sinifikanti f'kull stadju taċ-ċiklu tal-eżerċizzju, mhux l-inqas minħabba li l-Istati Parteċipanti laħqu livelli differenti fis-sistemi tal-protezzjoni ċivili tagħhom u fl-approċċ lejn l-eżerċizzji ta' ppjanar, tmexxija u evalwazzjoni. Dan iqajjem il-mistoqsija dwar jekk kooperazzjoni eqreb bejn il-programm ta' eżerċizzji Ewropew u l-programmi ta' eżerċizzji nazzjonali hijiex ta' benefiċċju. Kooperazzjoni eqreb tista' ssaħħaħ iktar l-effettività, il-koerenza, il-kooperazzjoni u l-kumplimentarjetà tal-programm ta' eżerċizzju, kif ukoll l-effiċjenza tiegħu, iżda min-naħa l-oħra tista' tfisser il-ħtieġa ta' riżorsi addizzjonali għall-isofrzi ta' ppjanar u l-koordinazzjoni u t-twaqqif ta' qafas ta' eżerċizzji tal-UE.

48. Mill-elementi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, sabiex isservi aħjar l-għan aħħari li ttejjeb l-operazzjonijiet permezz tat-tħejjija, jeħtieġ jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' programm/qafas komprensiv ta' eżerċizzju. Dan ikun jeħtieġ diversi passi, mit-tfassil ta' glossarju komuni u qbil dwar rekwiżiti minimi rigward il-metodoloġija tal-eżerċizzju (programm ta' evalwazzjoni u ta' pjan ta' titjib, kontroll tal-eżerċizzju, regoli komuni tas-sigurtà, eċċ), u inkluż it-tfassil ta' viżjoni dwar xenarji ta' diżastru li jkun jeħtieġ li jiġu pprattikati. L-attenzjoni hawnhekk għandha tkun fuq l-użu tar-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju u x-xenarji żviluppati fl-Istati Parteċipanti u fuq ix-xenarji ġenerali li jridu jiġu żviluppati fil-livell tal-UE fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk, tali qafas ta' politika dwar l-eżerċizzju, jista' jikkunsidra wkoll xenarji importanti ta' tqassim għal interventi ta' assistenza barra mill-UE.

49. Rigward il-programm ta' eżerċizzji tal-UE, il-Kummissjoni tikkonkludi li filwaqt li dan ġeneralment irnexxa jista' jkun neċessarju li jiġi żviluppat qafas ta' eżerċizzju msaħħaħ sabiex ikompli jtejjeb il-livell ta' tħejjija u kooperazzjoni fost il-pajjiżi Ewropej u jottimizza l-benefiċċji għall-Istati Parteċipanti kollha.

Programm ta' skambju ta' esperti

50. F’kuntest Ewropew u internazzjonali ta' attivitajiet ta' protezzjoni ċivili fl-UE, l-iżvilupp ta' għarfien dirett tal-metodi tax-xogħol u l-proċeduri tal-imsieħba, bħall-awtoritajiet relevanti u entitajiet ta' Stati Membri oħra, jiġġenera ħafna benefiċċji.

51. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-programm ta' skambju ta' esperti wettaq l-għanijiet tiegħu kif previst fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Implimentattiva tal-Mekkaniżmu[15] jiġifieri billi għen lill-esperti: (1) jiggwadanjaw esperjenza f'oqsma oħra; (2) isiru familjari ma' tekniċi varji u proċeduri operazzjonali wżati; u (3) jistudjaw approċċi meħuda minn servizzi ta' emerġenza parteċipanti u istituzzjonijiet oħra. B'mod ġenerali, il-laqgħat ma' kollegi li jaħdmu fi Stati Membri oħra fuq l-istess kwistjonijiet jagħti kontribut kbir biex il-komunikazzjoni tiġi ssimplifikata tg mħaffa f'każijiet ta' emerġenza fejn il-ħin ikun essenzjali.

52. Minħabba li s'issa ġie mħarreġ numru limitat biss ta' esperti u jidher li hemm ħtieġa kontinwa, ikun utili jekk din l-iskema titkompla, u wieħed jikkunsidra wkoll li din issir iktar magħrufa.

53. Il-Kummissjoni tinnota li l-programm huwa primarjament organizzat bħala opportunità ta' tagħlim għall-esperti li jintbagħtu barra mill-pajjiż. Fil-kuntest tat-titjib tal-kooperazzjoni fost l-Istati Parteċipanti, ta' min jikkunsidra li jiġu organizzati skambji b'tali mod li esperti f'suġġetti partikolari ikunu disponibbli għal Stati Parteċipanti oħra meta dawn jitolbuhom.

Moduli

54. L-approċċ modulari issa huwa stabbilit sew fid-dinja tal-protezzjoni ċivili Ewropea bħala mezz ta' titjib għall-interoperabbiltà, il-veloċità tat-tqassim, it-tbassir tar-rispons, l-appoġġ li hu meħtieġ mill-istat affettwat (biex il-modulu jkun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu), u l-kwalità u l-effettività ġenerali tal-interventi Ewropej fil-protezzjoni ċivili. L-istabbilitiment ta' moduli u t-twaqqif tad-dejtabejż tal-moduli fis-CECIS[16] iffaċilita wkoll il-proċess tat-talba u t-twassil tal-assistenza ġewwa l-UE, minħabba li dan tejjeb l-ippjanar kemm mill-lat tad-donatur kif ukoll tad-destinatarju (jiġifieri fil-każ ta' għargħar, meta t-talba tirreferi għal ċertu numru ta' moduli ta' ppumpjar ta' kapaċità għolja, din b'mod ċar tispeċifika l-kapaċità tal-moduli, il-post fejn jistgħu jintużaw, l-appoġġ meħtieġ, eċċ.). Il-Kummissjoni temmen li l-approċċ modulari ta prova ċara tal-valur miżjud tiegħu.

55. L-analiżi interna tal-Kummissjoni, ir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-evalwaturi esterni, u l-opinjonijiet tal-partijiet interessati fl-Istati Parteċipanti stabbilixxew li l-moduli tal-protezzjoni ċivili huma ġeneralment ikkunsidrati bħala mezzi effettivi biex jitjieb l-istat ta' tħejjija Ewropew għal diżastri kemm naturali kif ukoll dawk ikkaġunati mill-bniedem.

56. Il-kunċett ta' moduli jeħtieġ jissaħħaħ iktar billi dawn jiġu involuti f'eżerċizzji speċifiċi. Ix-xogħol f'din id-direzzjoni ġie inizjat fl-2010, meta beda l-ewwel ċiklu ta' eżerċizzji ta' sitt moduli. L-eżerċizzji tal-moduli huma eżerċizzji speċifiċi fil-kamp għat-taħriġ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-moduli differenti u tim ta' koordinazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE waqt emerġenza. Minkejja li l-eżerċizzji tal-moduli mhumiex parti minn dan ir-rapport ta' evalwazzjoni (minħabba l-fatt li l-progress beda biss fl-aħħar tal-2010), ir-reazzjoni inizjali mill-Istati Parteċipanti dwar dan il-komponent hija pożittiva ħafna.

57. Barra minn hekk, qed isir progress fix-xogħol dwar l-iżvilupp ta' proċeduri operattivi standard għall-moduli, bil-għan li jkomplu jtejbu l-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni fil-kamp u mal-kwartieri ġenerali. Qed jiġu żviluppati wkoll linji gwida dwar appoġġ lin-nazzjon ospitanti. Iż-żewġ inizjattivi huma kkoordinati mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Istati Parteċipanti huma involuti fil-qafas tal-grupp ta' ħidma tal-Moduli.

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji

58. Għadd ta' proġetti immirati biex jiżguraw id-disponibbiltà ta' assi ta' rispons kienu kofinanzjati mill-UE permezz ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji. Dawn il-proġetti fittxew li jittestjaw arranġamenti innovattivi ta' governanza dwar il-ġestjoni tal-assi tal-Istati Parteċipanti (l-aktar il-moduli) li jkunu tqegħdu fuq stand-by għall-operazzjonijiet tal-UE bi ftehim reċiproku bejn il-Kummissjoni u l-Istati Parteċipanti kkonċernati, kif ukoll assi/servizzi supplimentari fil-livell tal-UE.

59. Għadd sinifikanti ta' assi standby tal-Istati Parteċipanti, kif ukoll kapaċitajiet/servizzi supplimentari, ġew skjerati f'emerġenzi attwali b'riżulati inkoraġġanti bħala parti minn azzjoni preparatorja u proġetti pilota, u dan jindika li l-moduli li ġew ittestjati huma vjabbli. Filwaqt li l-evalwazzjoni esterna tikkonkludi li jidher li għadu kmieni wisq biex wieħed jiġbed konklużjonijiet definittivi min-numru limitat ta' tqassim dwar jekk inkisibx rispons iktar effiċjenti għad-diżastri mill-UE, huwa aċċettat li dawn il-faċilitajiet taw kontribut għal rispons għad-diżastri mill-UE iktar adegwat

60. Bħala parti mill-Azzjoni Preparatorja dwar Kapaċità ta' Rispons Rapidu tal-UE, il-Kummissjoni kkofinanzjat madwar 20 proġett li jinvolvu iktar minn nofs l-Istati Parteċipanti kollha biex jiġu żviluppati arranġamenti standby għal riżorsi kruċjali. Permezz ta' dawn il-proġetti sensiela ta' assi ta' intervent (l-aktar moduli, inkluż it-tiftix u s-salvataġġ, il-purifikazzjoni tal-ilma, timijiet mediċi, il-ġlied kontra n-nar tal-foresti[17], is-sejbien u dekontaminazzjoni tas-CBRN, kenn temporanju, assistenza teknika u timijiet ta' appoġġ (TAST) tpoġġew fuq standby għal operazzjonijiet ta' protezzjoni ċivili tal-UE mill-istati Parteċipanti. Dawn l-assi ġew ittestjati f'eżerċizzji u intużaw f'operazzjonijiet ta' ħin reali (pereżempju, b'rispons għat-terrimot ta' Haiti u l-għargħar fil-Polonja), b'hekk effettivament żiedu mar-rispons ġenerali tal-UE. Il-mobilizzazzjoni u t-tqassim ta' dawn il-moduli hekk kif jintalbu mill-Kummissjoni/MIC kienu mingħajr intoppi. Xi proġetti għadhom għaddejjin u se jkomplu sa nofs l-2012.

61. Il-benefiċċji sħaħ tal-assi standby għandhom jimmaterjalizzaw f'sistema koerenti li tiġbor fiha numru adegwat ta' assi ta' tipi varji, flimkien ma' ppjanar bil-quddiem (inklużi xenarji ta' referenza u pjani ta' kontinġenza). Dan jista' jsir b'mod partikolari billi tiġi żviluppata l-Kapaċità Ewropea ta' Respons għall-Emerġenzi fil-forma ta' ġbir tal-assi tal-Istati Membri li jkunu għamlu impenn minn qabel fuq bażi volontarja għal operazzjonijiet ta' għajnuna fid-diżastri tal-UE, kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2010 (COM (2010) 600 finali).

62. Fl-2008 inbeda proġett pilota għal kooperazzjoni iktar intensiva bejn l-Istati Parteċipanti biex jikkumbattu n-nirien tal-foresti (EU Forest Fire Tactical Reserve – EUFFTR) bil-għan li titjieb il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi operazzjonali u l-appoġġ ta' emerġenza biex Stat Parteċipanti jingħata assistenza biex ilaħħaq man-nirien tal-foresti li jkunu wisq fin-numru u fl-intensità biex ikun jista' jlaħħaq bil-kapaċità loġistika u l-forzi umani tiegħu stess. Il-proġett EUFFTR kien jikkonsisti f'żewġ ajruplani ta' kontra n-nar (Canadair CL-215) li inkrew mis-suq kummerċjali u disponibbli li jtiru għal 150 siegħa l-wieħed bejn l-1 ta' Lulju u t-30 ta' Settembru 2009. L-ajruplani kienu riżorsa supplimentari Ewropea imfassla biex tirrinforza l-kapaċità ġenerali tal-EU għall-ġlied kontra n-nar. Dawn kienu disponibbli biex jgħinu lill-Istati Membri tal-UE li jitolbu assistenza għall-ġlied kontra n-nar mill-ajru permezz tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili.

63. Id-deċiżjoni għall-iskjerar tal-EUFFTR ittieħdet mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni tan-nirien fil-foresti mal-Istati Membri kollha tan-Nofsinhar. Wara d-deċiżjoni, il-Ministeru tal-Intern Franċiż (il-benefiċjarju tal-proġett) assigura li jintbagħtu l-ajruplani li huma stazzjonati f'Bastia (Korsika). L-EUFFTR intervjeniet f'sitta minn total ta' disa' emerġenzi ta' nirien fil-foresti li għalihom ġie attivat il-Mekkaniżmu fl-2009: darbtejn fi Franza-Korsika u l-Portugall, darba fl-Italja, u darba fil-Greċja. Fit-tliet attivazzjonijiet l-oħra tal-Mekkaniżmu (l-Albanija, il-Greċja u l-Portugall) ingħatat assistenza suffiċjenti u f'waqtha mill-Istati Membri u l-EUFFTR ma ġietx mobilizzata.

64. Kif ġie nnutat ukoll mill-evalwazzjoni esterna, l-anaiżi tal-kumplimentarjetà tal-azzjonijiet hija iktar diffiċili. Jista' jkun li uħud minn dawn l-azzjonijiet ikunu twettqu xorta waħda mingħajr il-kofinanzjament ipprovdut fil-livell tal-UE? L-eSondaġġ qed jindika b'mod ċar li l-kumplimentarjetà intlaħqet bis-sħiħ (80% kontra 10% ta' dawk li wieġbu, ara fuq). Madanakollu, wieħed jinnota li uħud minn dawn ir-riżultati jistgħu jkunu wkoll preġudikati sa ċertu punt, minħabba li l-benefiċjarji tal-proġetti kofinanzjati kienu jiffurmaw proporzjon kbir tal-grupp ta' dawk li wieġbu. L-evalwaturi sabu tħassib li l-finanzjament tal-proġetti pilota jew tal-azzjonijiet preparatorji mhuwiex kumplimentari għal kollox iżda miżura provviżorja għal attività inkompleta ta' prevenzjoni/tħejjija f'pajjiż jew reġjun. Barra minn hekk, dawk li ġew intervistati esprimew xi tħassib li jista' jkun hemm xi tip ta' 'diżinċentiv mhux intenzjonat', li bih xi Stati Parteċipanti ikunu jistgħu jistrieħu fuq assistenza premezz tal-Mekkaniżmu minflok jagħmlu investimenti huma stess (pereżempju għal miżuri preventivi). Evalwazzjoni oġġettiva ikollha toqgħod fuq kuntest ta' linja bażi kontra-fattwali li jiddeskrivi x'kien jiġri fin-nuqqas ta' kofinanzjament mill-UE. Fil-kuntest speċifiku tal-Istati Parteċipanti varji, huwa diffiċli li ssir tali analiżi u tista' tipproduċi riżultati inċerti.

65. Minħabba dawn id-diffikultajiet, il-Kummissjoni mhix f'pożizzjoni li taċċerta għal kollox il-kumplimentarjetà jew in-nuqqas tagħha. Rigward il-possibbiltà ta' esklużjoni (crowding-out) jew is-sostituzzjoni ta' ċerti miżuri ta' prevenzjoni nazzjonali, tali konklużjoni jkollha tirreferi għal minimu standard meqjus ta' x'livell ta' prevenzjoni jkun xieraq.

66. Jista' jiġi diskuss f'evalwazzjoni ta' jekk uħud mir-riżultati, b'mod partikolari il-kapaċità miksuba ta' rispons rapidu imtejjeb, setgħu jintlaħqu b'inqas spejjeż. Bid-dejta li għandha bħalissa għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni mhix f'qagħda li tasal għal konklużjonijiet definittivi dwar il-kost-effettività tal-approċċ. Minkejja dan, għadd ta' dawk li wieġbu għall-eSondaġġ u dawk li ġew intervistati f'evalwazzjoni esterna indikaw il-ħtieġa għal iktar kontroll u evalwazzjoni.

67. Il-Kummissjoni tikkonkludi li li l-iżvilupp tal-kunċett ta' moduli ta' protezzjoni ċivili, azzjonijiet preparatorji u proġetti pilota għollew lill-Ewropa għal livell ta' stat ta' tħejjija iktar għoli. Kwalunkwe diżastru kbir se jintlaqa' b'kapaċità ta' rispons rapidu imtejjeb u għaldaqstant se tgħin biex tiġi salvata l-ħajja, tiġi protetta l-proprjetà u l-ambjent kemm fl-Ewropa, kif ukoll barra minnha. Madanakollu, huwa wkoll ċar li fit-terminu medju u dak fit-tul il-benefiċċji ta' din it-tħejjija msaħħa jrid jiġu ppreżervati permezz taż-żamma u l-iżvilupp ta' moduli li qed jitħaddmu diġa. Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-evalwaturi sabu interess qawwi min-naħa ta' kważi dawk kollha li wieġbu fiż-żamma tas-sistema ta' azzjonijiet preparatorji wara li din tiskadi fl-2010 (20 minn 25 tweġiba huma fil-pożittiv).

Dispożizzjonijiet dwar l-assistenza fit-trasport

68. Id-dispożizzjonijiet rigward it-trasport ilhom fis-seħħ sa' mill-2007, u dawn ġew implimentati sabiex jindirizzaw defiċit li ġie nnutat fit-trasport. Il-Kummissjoni qed tagħti kontribut jew permezz ta': (1) għotjiet diretti lill-Istati Parteċipanti (il-mezzi kollha tat-trasport huma eliġibbli: assi ċivili jew militari kif xieraq sakemm il-linji gwida internazzjonali/tan-NU relevanti jkunu osservati għal kollox[18] jew (2) premezz tal-użu tas-servizzi ta' kuntrattur tat-trasport ("broker") biex jinkrew l-assi. Massimu ta' EUR 90 miljun jistgħu jintużaw għat-trasport taħt l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili matul il-perjodu 2007 sa 2013. L-Istat Parteċipanti li jitlob assistenza finanzjarja jrid jirrimbosa mill-inqas 50% ta' fondi li jirċievi mill-UE fi żmien sitt (6) xhur mill-intervent.

69. Għadda ftit taż-żmien qabel mal-Istati Parteċipanti setgħu jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjoni tat-trasport. It-total ta' kofinanzjament tas-CPFI utilizzat minn meta daħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tat-trasport sal-aħħar tal-2010 jammonta għal madwar EUR 7,5 miljun, bl-2010 u l-2011 juru żieda sostanzjali fin-numru ta' talbiet għall-ġabra flimkien ta’ riżorsi u għall-assistenza finanzjarja[19].

70. L-evalwazzjoni sabet li d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport taw kontribut għal titjib ġenerali fit-twassil tal-assitenza u wasslu għal rispons għad-diżastri iktar effettiv. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ipprovdew ukoll kontribut ta' valur billi ppermettew il-preżenza u l-viżibbiltà tal-Istati Parteċipanti kollha f'sitwazzjonijiet ta' diżastru internazzjonali. Kollox ma' kollox l-arranġamenti dwar it-trasport irriżultaw li kienu utili kemm f'termini ta' appoġġ lill-Istati Parteċipanti fil-ġbir flimkien u l-qsim tal-assi tat-trasport tagħhom kif ukoll billi ppermettew offerti addizzjonali billi indirizzaw il-problema tad-defiċit fit-trasport (jew premezz tas-servizzi ta' trasport li pprovda l-kuntrattur jew permezz ta' assistenza finanzjarja). Fl-eSondaġġ, 40% ta' dawk li ġew intervistati indikaw li d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport għandhom impatt deċiżiv fuq id-deċiżjoni biex tiġi offerta l-assistenza.

71. Il-proċeduri li ġew stabbiliti għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja pernezz ta' għotjiet diretti mogħtija lill-Istati Paretċipanti kienu utili bieex taw kontribut biex tingħalaq lakuna importanti. Fl-istess ħin hemm rikonoxximent ġenerali li l-proċeduri huma kkumplikati u diffiċili u għandhom jiġu ssimplifikati; kif ukoll, hemm bżonn ta' iktar flessibbiltà.

72. Lil hinn minn biss simplifikazzjoni tar-regoli u proċeduri amministrattivi, kunsiderazzjonijiet importanti li joħorġu mill-evalwazzjoni jwasslu għall-ħtieġa li jiġu investigati livelli differenti ta' kofinanzjament skont l-urġenza jew priorità ta' twassil ta' ċerti riżorsi ta' għajnuna, kif ukoll li jitjieb l-aċċess għall-assi/alternattivi ta' trasport.

Proġetti ta' kooperazzjoni

73. Il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tagħha f'dan is-segment mingħajr l-għajnuna tal-evalwazzjoni esterna. Il-konsulenti ma tqabbdux jevalwaw il-proġetti ta' kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-istat ta' tħejjija, l-aktar minħabba li l-metodoloġija tal-eSondaġġ u l-intervista ma kinitx tkun xierqa għal dan il-għan, minħabba li r-riżultati individwali mhumiex magħrufa fid-dettal minn grupp usa' ta' nies.

74. Il-proġetti ta' kooperazzjoni kkofinanzjati mill-Istrument finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili fil-qasam tal-prevenzjoni u t-tħejjija jidhru li laħqu l-għanijiet maħsuba. Il-proġetti kompleti taħt is-sejħa tal-2007 rriżultaw f'għadd ta' linji gwida, konferenzi u rapporti interessanti. Fl-interess tat-trasparenza, ir-rapporti finali huma ppubblikati u l-meriti individwali ta' kull proġett ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni meta aċċettat ir-rapporti finali. Wieħed jista' jinnota wkoll żieda fl-għadd ta' proposti u n-numru ta' proġetti li rċivew sostenn finanzjarju matul is-snin, u dan jindika li hemm ħtiġiet x'jintlaħqu. Minkejja li ħafna mill-proġetti ma jistgħux jiġu evalwati permezz ta' indikaturi finanzjarji sempliċi, bħal ma huma r-riċerka u l-proġetti ta' żvilupp inġenerali, kull wieħed mill-proġetti huwa madanakollu kkunsidrat bħala addizzjoni siewja għall-isforzi Ewropej ta' prevenzjoni u tħejjija, li f'daqqa waħda f'każ ta' emerġenza kbira jistgħu jisfaw dipendenti fuq proġetti diġà żviluppati.

75. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proġetti ta' prevenzjoni u tal-istat ta' tħejjija taw kontribut sinifikanti lil ammont ta' titjib fis-sistema ta' protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri tal-UE, u l-possibbiltà ta' finanzjament għandha tinżamm ukoll fil-futur.

76. Madanakollu, il-mistoqsija hija jekk biż-żieda ta' proġetti ad-hoc individwali li l-għanijiet tagħhom, il-benefiċjarji kkunsidrati u r-riżultati tanġibbli huma diversi ħafna, jistgħux jagħtu kontribut suffiċjenti biex jinkisbu l-għanijiet ta' politika sottostanti jekk ma jkunx hemm qafas ta' politika ġenerali li jista' jintuża' għal skopijiet ta' valutazzjoni komparattiva. Li jingħata sostenn finanzjarju lil selezzjoni ta' proġetti li mhumiex relatati fuq il-bażi ta' sejħiet suċċessivi annwali mhuwiex sostitut xieraq għal qafas ta' politika.

77. Is-sitwazzjoni tvarja ftit fil-qasam tat-tħejjija, minħabba li l-Mekkaniżmu jittratta fil-wisgħa ma' din il-kwistjoni. Madanakollu, il-mistoqsija dwar qafas ta' politika ġenerali għadha relevanti sakemm il-Mekkaniżmu jiffoka fuq atturi tal-protezzjoni ċivili fis-sens strett tal-kelma, filwaqt li l-istat ta' tħejjija taħt l-Istrument Finanzjarju għall-protezzjoni Ċivili jikkunsidra wkoll benefiċjarji oħra, bħall-pubbliku inġenerali u azzjonijiet ta' tħejjija ġenerali u ta' sensibilizzazzjoni. Kwistjonijiet biex jiġu żgurati iktar kumplimentarjetajiet bejn il-proġetti, jonqos l-irduppjar u titjieb is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-proġett jidhru li jixilqilhom kunsiderazzjoni ulterjuri.

78. Anke jekk dan imur lil hinn mill-ambitu ta' din l-evalwazzjoni, l-attenzjoni tista' possibbilment iddur lejn l-istudju tal-potenzjal ta' sinerġiji possibbli ma' programmi tal-UE u politiki bi strumenti kapaċi jappoġġaw ċerti aspetti ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija.

KONKLUżJONIJIET

79. Il-Kummissjoni tinnota li l-konklużjonijiet tal-evalwaturi esterni huma kollox ma' kollox pożittivi, billi jirrikonoxxu u jenfasizzaw l-utilità u r-relevanza tal-attivitajiet dwar il-Protezzjoni Ċivili tal-UE matul il-perjodu taħt analiżi. B'mod partikolari, hemm qbil ġenerali li ċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni jipprovdi servizzi utili li huma relevanti għall-Istati Parteċipanti meta jitħaddmu interventi ta' assistenza ta' protezzjoni ċivili ġewwa u barra mill-UE.

80. Il-Kummissjoni nnutat ukoll it-tħassib u l-ideat għal titjib possibbli li l-partijiet ijnteressat għaddew lill-evalwaturi. Il-preparazzjoni tal-proposti leġiżlattivi fl-2011 tipprovdi opportunitajiet biex jiġi kkunsidrati l-kwistjonijiet relevanti kollha. Barra minn hekk, l-amalgamazzjoni tal-Unitajiet tal-Protezzjoni Ċivili mad-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja (DĠ ECHO), li ġiet deċiża fil-bidu tal-2010, flimkien mat-twaqqif ta' Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili[20] ġdid, se tipproduċi sinerġiji ulterjuri u kumplimentarjetajiet, b'mod partikolari rigward operqazzjonijiet ta' għajnuna f'pajjiżi terzi.

81. Il-Kummissjoni nnutat ukoll in-natura ad hoc tar-rispons għad-diżastri tal-UE li hemm bħalissa u l-ħtieġa li timxi għal sistema fejn l-ippjanar bil-quddiem jippermetti li jkunu disponibbli assi kruċjali biex jiġu mqassma immedjatament. L-ippjanar tal-operazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili tal-UE se jitjiebu permezz tal-iżvilupp ta' xenarji ta' referenza, isir elenku tal-assi tal-Istati Membri u jitfasslu pjani ta' kontinġenza, jiġi stabbilit fond komuni ta' assi li l-Istati Membri jkunu kkommettew minn qabel fuq bażi volontarja għall-operazzjonijiet tal-UE, jiġu ssimplifikati u msaħħa d-dispożizzjonijiet dwar it-trasport, kif ukoll miżuri oħra spjegati fil-Komunikazżzjoni ta' Ottubru 2010 dwar ir-rispons għad-diżastri.

82. Irriżulta li l-korsijiet ta' taħriġ kienu ta' valur biex l-esperti nazzjonali jitħejjew għal interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili, u għaldaqstant tejbu l-kapaċità ta' rispons globali tal-Mekkaniżmu. Madanakollu, l-evalwazzjoni wriet ukoll li l-evoluzzjoni ulterjuri tal-arranġamenti ta' taħriġ hija limitata minħabba n-nuqqas ta' qafas ta' politika ġenerali. Inġibdu konklużjonijiet simili rigward il-programm ta' eżerċizzji, li kellu appoġġ minn kulħadd iżda kien effettwat minn nuqqas ta' qafas ta' politika ġenerali. Biex jaqdu aħjar l-għan aħħari tagħhom, jiġifieri li jtejbu l-operazzjonijiet, hemm bżonn li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' politika integrata dwar it-taħriġ u l-eżerċizzju.

83. Id-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza fit-trasport issa jidhru stabbiliti sew fil-Mekkaniżmu, u f'dawn l-aħħar sentejn ġie nnutat użu għoli sinifikanti tal-arranġamenti ta' ġbir flimkien ta’ riżorsi u ta’ ko-finanzjament, anke jekk saru sejħiet biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri u dawn is-sejħiet ġew innutati. Lil hinn minn biss simplifikazzjoni tar-regoli u proċeduri amministrattivi, kunsiderazzjonijiet importanti li joħorġu mill-evalwazzjoni jwasslu għall-ħtieġa li jiġu investigati livelli differenti ta' kofinanzjament skont l-urġenza jew priorità ta' twassil ta' ċerti riżorsi ta' għajnuna, kif ukoll li jitjieb l-aċċess għall-assi/alternattivi ta' trasport.

84. L-approċċ modulari intlaqa' b'interess u suċċess kbir fost l-Istati Parteċipanti, u għandu jiġi żviluppat iktar, inkluż permezz ta' eżerċizzji speċjalizzati u l-iżvilupp ta' proċeduri operattivi standard ( standard operating procedures – SOPs)

85. L-arrangamenti innovattivi li jfittxu li jtejbu d-disponibbiltà ta' assi ewlenin ta' għajnuna li ġew ittestjati permezz ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji rriżultaw li kienu vjabbli u għandhom ikomplu jinbnew. Wieħed għandu jinnota, madanakollu, li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji għandhom żmien limitat min-natura tagħhom stess u ma jistgħux iservu ta' sostitut għal politika iktar permanenti u qafas regolatorju. L-esperjenza miksuba fid-disinn u l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti qed titma informazzjoni fit-tħejjija tal-analiżi leġiżlattiva tal-2011.

86. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni Ewropej fil-qasam tal-protezzjoni ċivili għamlet progress sostanzjali, iżda għad hemm potenzjali mhux utilizzat. Qasam importanti li attira sensibilizzazzjoni u għarfien dejjem jiżdied hija l-ħtieġa ta' politika fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri u l-ġestjoni tad-diżastri. Qafas ta' politika tal-UE dwar il-prevenzjoni msaħħaħ ikun jista' jindirizza l-aspetti varji tal-prevenzjoni f'oqsma differenti tal-politika tal-UE (l-ambjent, is-sigurtà, is-saħħa u l-politiki reġjonali) u jiffaċilita kooperazzjoni ulterjuri fost l-Istati Parteċipanti.

87. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta' dawn ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet.

[1] ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.

[2] ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248. 16.9.2002, p. 1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1525/2007 tas-17 ta' Diċembru 2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9.)

[4] Pajjiżi apparti l-Istati li qed jipparteċipaw jistgħu jitolbu għal intervent ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili taħt il-Mekkaniżmu, anke jekk mhumiex eliġibbli għal sostenn finanzjarju taħt l-Istrument Finanzjarju.

[5] Din l-evalwazzjoni tkun tkopri s-CPFI kollu, inklużi d-dispożizzjonijiet relatati mat-trasport. Il-mandat tal-ewwel evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ingħata taħt l-Artikolu 15(2)(a), iżda sal-iskadenza mogħtija (il-31 ta' Diċembru 2008) ma kien għad hemm l-ebda esperjenza prattika sabiex issir evalwazzjoni sinifikattiva.

[6] Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).

[7] It-termini ta' referenza għal xogħol ta' konsulenza esterna huma mehmuża mar-rapport tagħhom.

[8] Ara http://ec.europa.eu/echo/policies/evaluation/thematic_en.htm.

[9] Fejn xieraq hija kkunsidrata l-informazzjoni relatata mal-2010.

[10] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0130:FIN:EN:PDF

[11] Brussell, 5.3.2008, COM(2008) 130 finali, paġni 6, 7; disponibbli f’dan l-indirizz: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0130:FIN:EN:PDF

[12] COM (2010) 600 finali

[13] Fil-futur, se tibda' tiġi organizzata laqgħa annwali biex tiffaċilita dan l-iskambji ta' esperjenzi.

[14] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju; 2004/277/KE, Euratom

[15] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju; 2004/277/KE, Euratom

[16] CECIS - Common Emergency Communication and Information System (Sistema Komuni ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni f'każ ta' Emerġenza), li magħha huma mqabbda l-awtoritajiet nazzjonali kollha tal-protezzjoni ċivili tal-Istati Parteċipanti.

[17] Rigward it-tifi tan-nar fil-foresti u attivitajiet relevanti appoġġati mill-UE, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament LIFE+ (KE) Nru 614/2007 l-għanijiet speċifiċi tal-komponent "LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni" tal-Programm LIFE+ jinkludu attivitajiet immirati għall-prevenzjoni tan-nar fil-foresti u t-taħriġ fil-prevenzjoni tan-nar fil-foresti. Bħalissa hemm tliet proġetti li jinsabu għaddejjin mis-Sejħa għall-proposti tal-2008. FORESTFIRE (PL) jimmira li jnaqqas ir-riskju tan-nar fil-foresti ikkaġunat mill-bniedem billi jkabbar is-sensibilizzazzjoni rigward il-prevenzjoni tan-nar fil-foresti. EEFOREST (PT) jimmira li jnaqqas l-għadd ta' nirien fil-foresti fil-muniċipalità ta' Tavira billi jżid l-effiċjenza tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-foresti. FFPE (EE) jiffoka fuq it-titjib tal-implimentazzjoni ta' qjisien rigward il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u t-tkabbir tas-sensibilizzazzjoni rigward il-protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti f'livell nazzjonali.

[18] B'mod partikolari l-hekk imsejħa linji gwida 'Oslo' jew 'MCDA'.

[19] Fl-2007, kien hemm talba waħda għall-finanzjament tat-trasport ta' valur totali ta' madwar EUR 0.03 miljun; il-valur totali tal-kofinanzjament tat-trasport matul l-2008 u l-2009 baqa' madwar EUR0.4 miljun fis-sena; fl-2010, dan laħaq madwar EUR 6.6 miljuni (għal 55 talba), u fl-2011, żdied għal EUR 10.8 miljuni (għal 35 talba) s'issa.

[20] http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm.

Top