EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0538

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Is-27 RAPPORT ANNWALI DWAR IL-MONITORAĠĠ TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DRITT TAL-UE (2009)

/* KUMM/2010/0538 finali */

52010DC0538

/* KUMM/2010/0538 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Is-27 RAPPORT ANNWALI DWAR IL-MONITORAĠĠ TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DRITT TAL-UE (2009)


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 1.10.2010

KUMM(2010) 538 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Is-27 RAPPORT ANNWALI DWAR IL-MONITORAĠĠ TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DRITT TAL-UE (2009)

SEG(2010) 1143 SEG(2010) 1144

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Is-27 RAPPORT ANNWALI DWAR IL-MONITORAĠĠ TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DRITT TAL-UE (2009)

INTRODUZZJONI

Fl-2007 il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Ewropa li tikseb ir-riżultati'[1] iddikjarat li l-Kummissjoni kienet se tiżviluppa l-enfasi tar-rapport annwali tagħha fuq kwistjonijiet strateġiċi, l-evalwazzjoni tal-istat attwali tal-dritt, il-prijoritajiet u l-ipprogrammar tal-ħidma fil-ġejjieni.

Dan ir-rapport se jsegwi struttura simili għal dik tas-sena l-oħra, immodifikata biex takkomoda l-kwistjonijiet relevanti għall-2009.

INFORMAZZJONI ĠENERALI

Introduzzjoni

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009. Dawn it-trattati jimmodifikaw xi kompetenzi tal-UE u jżidu xi funzjonijiet ta' monitoraġġ u infurzar tal-Kummissjoni filwaqt li wħud mir-regoli ġenerali. L-Artikolu 4 tat-TUE jżomm l-obbligu primarju tal-Istati Membri li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE (l-eks Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej (TKE)). L-Artiklu 17 TUE jżomm ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE (l-eks Artikolu 211 TKE). L-Artikoli 258 u 260 tat-TFUE jikkonċernaw l-awtorità tal-Kummissjoni li tressaq proċedimenti ta' ksur (l-eks Artikoli 226 u 228 TKE). l-Artikolu 260 tat-TFUE fih żewġ elementi ġodda:

- il-Kummissjoni tista' titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠE) biex timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq Stat Membru għat-traspożizzjoni tardiva ta' direttiva adottata taħt proċedura leġiżlattiva meta tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 tat-TFUE; kif ukoll

- il-Kummissjoni trid biss tagħti lill-Istat Membru l-opportunità biex iressaq osservazzjonijiet qabel ma terġa' tressaq il-każ quddiem il-QĠE skont l-Artikolu 260(2) tat-TFUE, wara li jkun hemm l-ewwel deċiżjoni taħt l-Artikolu 258 tat-TFUE.

Il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta komunikazzjoni li taġġorna l-approċċ tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Fl-aħħar tal-2009[2], id-dritt tal-UE kien jinkludi r-regoli tat-Trattat, madwar 6140 regolament u bi ftit inqas minn 1820 direttiva fis-seħħ fis-27 Stati Membri kollha.

Statistiċi ġenerali dwar ilmenti u proċeduri ta' ksur

Il-proċess ta' ksur għandu rwol essenzjali sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tal-liġi. Fl-aħħar tal-2009, madwar 77% mill-ilmenti ingħalqu qabel l-ewwel pass formali fi proċediment ta’ ksur; madwar 12% ulterjuri mit-total kienu magħluqa qabel l-opinjoni motivata u madwar 7% oħra qabel deċiżjoni tal-QĠE.

Fl-aħħar tal-2009, il-Kummissjoni kienet qed tiġġestixxi iktar minn 2900 proċess ta' ilmenti u ta’ ksur. In-numru totali ta' każijiet żdied b'16% mill-aħħar tal-2008, b'żieda ta' 26% fi proċedimenti għan-nuqqas ta' notifika ta' miżuri ta' traspożizzjoni ta’ direttivi. Kien hemm 54% mit-total li kienu lmenti, jew inkella 63% mill-każijiet kollha dwar kwistjonjiet li ma jirrigwardawx it-traspożizzjoni tardiva ta’ direttivi, tnaqqis ta' 15% mill-2008. In-numru ta' każijiet ġodda ex officio li kienu qed jiġu eżaminati fl-aħħar tal-2009 naqas bi 11% meta mqabbel mal-2008.

Medja ta’ 51% mit-total ta’ miżuri għat-traspożizzjoni meħtieġa fl-2009 kienu tardivi, meta mqabbla ma’ 55% fl-2008, fil-kuntest ta’ tnaqqis fin-numru ta’ direttivi li kellhom jiġu trasposti fl-2009.

Meta wieħed iqabbel is-snin ta’ reġistrazzjoni tal-ksur 1999-2003 mal-1999-2008, iż-żmien medju sabiex jiġu pproċessati il-każi ta' ksur, mill-ftuħ tal-każ sakemm jiġi ppreżentat ir-rikors fil-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 258 tat-TFUE, niżel minn 27 xahar għal 24. Iż-żmien medju meħtieġ sabiex jiġu pproċessati każijiet rigward nuqqas ta' notifika dwar miżuri għat-traspożizzjoni ta' direttivi mill-Istati Membri baqgħet madwar 15-il xahar. Fl-2009, tressqu żewġ (2) każijiet quddiem il-Qorti skont l-eks Artikolu 228 TKE (issa l-Artikolu 260 TFUE), meta imqabbel ma’ ebda każ fl-2008.

Il-Kummissjoni tinnota li l-volum ta' lmenti rreġistrati u proċedimenti ta' ksur qed jiġi affettwat mit-tibdil fil-metodi ta' ħidma tagħha[3]. Peress li dan it-tibdil se jieħu xi żmien biex jidħol fis-seħħ kompletament, għadu kmieni wisq biex wieħed jiġbed konklużjonijiet.

Petizzjonijiet

In-numru ta' petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew li jqajmu kwistjonijiet rigward l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE jiddependi mid-deċiżjonijiet li jieħdu ċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà ċivili biex juru t-tħassib tagħhom b’dan il-mod. Anki jekk ħafna mill-petizzjonijiet ma jikkonċernawx il-proċedimenti ta' ksur, dawn jipprovdu lill-Parlament u lill-Kummissjoni b'informazzjoni utili dwar it-tħassib taċ-ċittadini.

Il-ħarsien ambjentali u s-suq intern ikomplu jistimulaw ħafna mill-petizzjonijiet: 173 u 82 petizzjoni ġdida rispettivament. Fil-ħarsien ambjentali ikkontribwew l-aktar għall-volum l-evalwazzjoni tal-impatt (52), in-natura (50), l-ilma mormi (26), il-ġestjoni tal-kwalità tal-ilma u l-ħarsien tar-riżorsi (17), il-kwalità tal-arja u l-ħsejjes (13) kif ukoll l-emissjonijiet industrijali (6). Fis-suq intern ikkontribwew ħafna ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (28), is-servizzi (19), id-dritt tal-kumpaniji (10), l-akkwist pubbliku (8) u l-istituzzjonijiet finanzjarji (17). Id-drittijiet fundamentali (43), il-moviment liberu tal-persuni (36), iċ-ċittadinanza u d-drittijiet elettorali (12) fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; is-sigurtà fit-toro, inkluż ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan u tal-liġijiet tat-traffiku (30); il-kofinanzjament ta' proġetti taħt il-politika reġjonali (18); u s-soċjetà tal-informazzjoni (9) ukoll kellhom relevanza prominenti.

Fost ħafna kwistjonijiet diversi koperti mill-petizzjonijiet, jistgħu jissemmew b'mod partikolari il-petizzjonijiet li jiġbdu l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tal-iskart fil-Campania fl-Italja u gamma wiesgħa ta' kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-iskart, partikolarment fil-Greċja u fi Spanja. Fis-suq intern, ħafna petizzjonijiet identifikaw aspetti xi kultant kumplessi ta' sitwazzjonijiet individwali tar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali. Ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-ispiżeriji u l-logħob tal-azzard u l-imħatri fl-isports kienu wkoll fil-mira fil-qasam tas-servizzi ġenerali, filwaqt li l-istituzzjonijiet ta' kreditu, il-garanziji, il-moviment ħieles tal-kapital u kwistjonijiet ta' ħlas ġibdu l-attenzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Ħafna petizzjonijiet kienu jikkonċernaw il-proċediment ta' ksur li bħalissa qiegħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċerna l-liġi urbana f'Valencia[4].

KWISTJONIJIET KURRENTI TA' IMPLIMENTAZZJONI, ĠESTJONI U INFURZAR

Traspożizzjoni u rrappurtar tardivi u azzjoni preventiva

a) Traspożizzjoni tardiva

Minkejja t-titjib riċenti fin-nuqqas ta' traspożizzjoni ġenerali, in-numru ta' każi ta' ksur mibdija għal traspożizzjoni tardiva tad-direttivi baqgħet sors ewlieni ta' tħassib. Volumi kbar kienu evidenti fir-rigward ta': it-tagħmir mediku (22 każ ġdid), il-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq ferroviji transkonfinali interoperabbli (17), ir-regoli emendati dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (17) u d-direttiva tal-ilma ta' taħt l-art (17), pereżempju. It-traspożizzjoni tardiva kienet ukoll mifruxa fil-qasam tal-aġġornament tekniku tad-direttivi fil-qasam tal-intrapriża. 24 Stat Membru rċevew ittri ta' avviż formali għall-komunikazzjoni ta' rapporti tardiva jew inadegwata fil-qasam ta' prijorità tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Xi drabi d-dewmien kien prolongat: sentenzi tal-QĠE ġew mogħtija f'seba' kawżi dwar id-direttiva tal-2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, peress li dawn it-traspożizzjonijiet kienu iktar minn sentejn tard. Kellhom jiġu ġestiti madwar 140 proċediment ta' ksur għal traspożizzjoni tardiva fil-qasam tad-dritt tal-kumpaniji, il-governanza korporattiva u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li minnhom 11 laħqu l-istadju ta' deċiżjoni tal-QĠE. Erba' kawżi dwar id-Direttiva 2004/83 dwar l-istatus ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat waslu sad-deċiżjoni tal-QĠE. Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, tressqet it-tieni kawża kontra l-Greċja quddiem il-QĠE b'talba għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji minħabba li kienet aktar minn tliet snin tard bit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80 dwar il-kumpens lill-vittmi ta' delitti.

Konklużjonijiet: It-traspożizzjoni u l-irrappurtar tardivi jkomplu jikkostitwixxu problema sistematika mifruxa, li taffettwa kemm l-aġġornament tekniku ta’ miżuri importanti għall-industrija tal-UE, il-politiki prijoritarji tal-UE u kif ukoll il-miżuri ta' interess għaċ-ċittadini. Minkejja li ġie reġistrat xi titjib din is-sena fuq is-sena l-oħra, id-dewmien estensiv u kostanti qed ikompli jfixkel it-twettiq tal-għanijiet tal-UE.

b) Miżuri preventivi

Komplew jiġu maħluqa netwerks ta' kuntatt għat-traspożizzjoni tad-direttivi u għodod tal-internet b'mistoqsijiet u tweġibiet. Eżempju tajjeb huwa l-għodda tal-internet maħluqa għad-Direttiva 2007/64 dwar is-servizzi ta’ ħlas, li iktar tard ġiet estiża għad-Direttiva 2009/110 dwar il-flus elettroniċi. Fiha tihsab informazzjoni dwar id-direttiva stess u dwar il-progress ta' traspożizzjoni, inkluż l-użu tal-għażliet. Bl-istess mod ġie maħluq dejtabejż pubbliku fil-qasam tal-prattiċi kummerċjali inġusti li jinkludi testi tal-liġijiet nazzjonali u ġurisprudenza Ewropea u nazzjonali.

Il-gruppi ta’ esperti kellhom rwoli importanti fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE inklużi żviluppi kbar f'oqsma bħalma huma: xogħol temporanju ma' aġenzija, Kumitati Ewropej tax-Xogħol u s-sikurezza tal-ajru. Ġew stabbiliti linji gwida interpretattivi u għajnuniet għall-partijiet interessati f'oqsma bħalma huma: il-ġestjoni tal-vibrazzjonijiet u tal-ħsejjes fuq il-post tax-xogħol, rimedji fl-akkwist pubbliku u l-ispezzjoni tal-akkwist ta’ tessuti u ċelluli. Tfasslu linji gwida għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (47 b'kollox) u l-kwalità tal-ilma għall-għawm.

Il-Grupp għat-Traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas iltaqa' għaxar darbiet minn Jannar 2008 'il hawn bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tas-suq tal-ħlas u tal-konsumaturi, ġabar madwar 300 mistoqsija, u ta kummenti bil-miktub li kkontribwew għal ftehim komuni. Il-laqgħat tal-grupp ta' kuntatt għadhom jinżammu biex jeżaminaw kif l-obbligu tad-direttiva għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment jista' jiġi sodisfatt, inklużi workshops li għalihom ġew mistiedna organizzazzjonijiet internazzjonali u OMG.

Kompla jitwettaq xogħol preventiv importanti taħt id-direttiva 98/34 b'konsulenza u gwida provduti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq madwar 700 abbozz ta' regolamenti tekniċi nazzjonali li jirrigwardaw prodotti li mhumiex suġġetti għal armonizzazzjoni tal-UE u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Il-Kumitat dwar l-Istandards u r-Regolamenti Tekniċi ltaqa' tliet darbiet biex jiddiskuti t-tħaddim tad-direttiva u twaqqaf grupp ta' ħidma ġdid biex jikkonsidra żviluppi possibbli.

L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva tas-Servizzi kienu s-suġġett ta' 20 laqgħa bilaterali mal-Istati Membri u ta' 9 laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti.

Ġie stabbilit Korp ġdid ta' regolaturi Ewropej (BEREC) permezz tar-Regolament 1211/2009 biex fost l-oħrajn jiżgura l-iżvilupp ulterjuri ta' prassi regolatorja konsistenti fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ġiet stabbilita Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) permezz tar-Regolament 713/2009 biex tiżgura qafas integrat għall-applikazzjoni uniformi tas-suq intern fil-qasam tal-elettriċità u l-gass.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-TUE, il-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali hija regolata, bla ħsara għal perjodu tranżizzjonali, mill-istess proċeduri u regoli bħall-kumplament tal-leġżlazzjoni tal-UE. Ġiet imfassla gamma ta' miżuri biex titjieb l-implimentazzjoni tal- acquis , inklużi: l-organizzar ta' workshops reġjonali ma' leġiżlaturi u professjonisti eżerċenti nazzjonali; kuntratti simplifikati u laqgħat bilaterali mal-amministraturi nazzjonali; il-pubblikazzjoni ta' manwali; appoġġ għan-netwerks tal-partijiet interessati u l-involviment tas-servizzi tal-Kummissjoni fit-taħriġ nazzjonali tal-professjonijiet ġudizzjarji.

Il-Kummissjoni rrevediet is-sensiela ġenerali ta’ miżuri preventivi li qed jiġu użati mal-Istati Membri fil-grupp ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE biex tiġi żgurata t-trasparenza u biex jiġu identifikati żviluppi utli.

Konklużjonijiet : Il-Kummissjoni tistieden attivament lill-Istati Membri biex jipparteċipaw fl-identifikazzjoni u t-twettiq ta' miżuri preventivi għal kull miżura leġiżlattiva ġdida biex b'hekk tonqos il-ħtieġa li, fit-tul, wieħed jirrikorri għal interpretazzjoni ġudizzjarja jew reviżjoni leġiżlattiva.

It-tabelli ta' korrelazzjoni u l-evalwazzjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru mal-obbligi tad-direttivi tal-UE

It-tabelli ta' korrelazzjoni jikkostitwixxu wieħed mill-elementi ta' azzjoni preventiva billi jelenkaw id-dispożizzjonijiet ta' regolamenti ta' Stat Membru li jitrasponu l-obbligi tad-direttivi fis-sistema legali nazzjonali. Huma inizjalment jgħinu biex jiżguraw il-konformità tal-abbozz tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Iktar tard huma jgħinu biex jiżguraw li l-proċess ta' traspożizzjoni jitlesta kompletament u korrettament u jgħinu wkoll lin-negozji u lill-konsumaturi biex jaraw kif ikun ġie traspost id-dritt tal-UE fuq bażi nazzjonali. Huma jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta jkunu qegħdin jirrevedu t-traspożizzjoni u dan jippermetti l-identifikazzjoni bikrija ta' kwistjonijiet u d-djalogu. Huma jikkontribwixxu wkoll għat-trasparenza legali u għall-aċċess għad-dritt, billi jindikaw dispożizzjonijiet legali relevanti għall-interessi ta' differenti ċittadini u ta' negozji. Huma jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-ħidma li qed issir fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tikkollega l-UE mad-dejtabejżis nazzjonali li fihom testi leġiżlattivi.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-ħtieġa għal tabelli ta' korrelazzjoni f'diskussjoni mal-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet oħra.

Konklużjonijiet : It-tabelli ta' korrelazzjoni jikkontribwixxu għat-trasparenza u jistgħu jtejbu l-aċċess għad-dritt. Huma jirrappreżentaw element importanti mill-kooperazzjoni bejn l-Istat Membru mal-Kummissjoni fl-iżgurar tal-implimentazzjoni korretta tad-direttivi. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex l-appoġġ mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE għall-għoti komprensiv ta' dawn it-tabelli.

Il-ġestjoni tal-artikoli tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-gruppi ta’ esperti

Il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa l-ħidma ta' ġestjoni tad-dritt tal-UE mal-Istati Membri permezz ta’ gruppi ta’ esperti.

Il-Grupp ta’ Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip (TAAEG) ġie maħluq biex jiżgura applikazzjoni uniformi ta' rekwiżiti tekniċi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi bil-mutur b'konnessjoni mas-sistema li se ssir mandatorja fl-2012. Il-Grupp ta' Koordinaturi adottaw il-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-prattiċi amministrattivi nazzjonali taħt id-Direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (2005/36) li tikkjarifika dak li titlob id-direttiva u l-aħjar prattika fl-applikazzjoni tagħha. Saru laqgħat fuq bażi ta’ kull xahar mal-Istati Membri fil-qasam dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fit-tikettar tal-ikel (Regolament 1924/2006), sabiex jiġu ġestiti madwar 44,000 indikazzjoni tal-Istati Membri.

Wara s-sentenza fil-kawża Metock[5], ġew diskussi linji gwida fil-grupp ta’ esperti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 qabel it-tnedija ta' programm ta' laqgħat bilaterali mal-Istati Membri kollha rigward it-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE fuq il-moviment ħieles taċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom.

F'Jannar 2009, l-UE rreaġixxiet effettivament għall-kriżi kbira tal-gass li involviet qtugħ konsiderevoli fil-provvista. Is-sigurtà tal-provvista kienet effettivament salvagwardjata permezz ta' reazzjoni komuni, li ssawret fuq il-ħidma tal-Grupp tal-Koordinazzjoni għall-Gass stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE, li kkonferma li approċċ tal-UE jista' jieħu ħsieb il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri kollha u l-iktar effettiva hija l-azzjoni komuni.

Fis-servizzi finanzjarji, il-Grupp għat-Traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħtiġijiet ta’ Kapital kompla jaħdem fuq kwistjonijiet ta' interpretazzjoni u kjarifika, biex jiżgura implimentazzjoni koerenti tar-regoli eżistenti. Huwa għen lill-Kummissjoni fil-preparazzjoni ta' żewġ direttivi ta' implimentazzjoni u l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-trattament prudenzjali tal-operazzjonijiet ta' rititolizzazzjoni. Dawn il-miżuri rrispondew għall-kriżi finanzjarja bir-rinforzar tar-regoli dwar il-likwidità, ir-riskji kbar u l-kwalità tal-kapital, filwaqt li żguraw l-azzjoni ta' emerġenza neċessarja biex tinżamm il-fiduċja fi Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti.

Ġie stabbilit ukoll grupp ta' esperti ġdid tan-Natura 2000 biex jiġbor u jiskambja informazzjoni dwar l-aħjar prattiċi inkluża il-konċiljazzjoni tal-konservazzjoni tan-natura mal-iżvilupp ekonomiku.

Konklużjonijiet : Dawn l-eżempji jikkonfermaw il-varjetà kbira u l-volum imdaqqas tax-xogħol ta' ġestjoni meħtieġ bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jimmassimizzaw il-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-għoti tal-informazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-problemi għaċ-ċittadini, għall-interessi tan-negozju u tas-soċjetà ċivili u r-reġistrazzjoni u l-ġestjoni tal-ilmenti

Iċ-ċittadini għandhom ikunu jafu fejn jistgħu jsibu t-tip ta' informazzjoni li jkunu qed ifittxu. Il-Kummissjoni żviluppat numru ta' servizzi. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jsibu s-servizz adegwat għall-ħtiġijiet tagħhom. Il-Kummissjoni qed tkompli ttejjeb l-aċċess, l-informazzjoni u l-għajnuna dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet permezz ta' iktar żvilupp tal-portal tal-internet 'L-Ewropa Tiegħek'[6].

Il-proċedura tal-ilmenti tikkostitwixxi sors ta' informazzjoni speċifika għall-Kummissjoni u proċess li permezz tiegħu ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jesprimu t-tħassib tagħhom dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE. Sa Ottubru 2009 il-Kummissjoni operat sistema[7] li taħtha saret evalwazzjoni inizjali ta' korrispondenza li kienet tidħol biex tiddeċiedi jekk kienx hemm biżżejjed indikazzjonijiet ta' ksur potenzjali li jiġġustifikaw ir-reġistrazzjoni ta' lment. Dan irriżulta f'xi korrispondenza li ma ġietx rreġistrata bħala lment.

Dan ta lok għal tħassib fost il-korrispondenti, fil-Parlament u mal-Ombudsman Ewropew. Sa minn Ottubru 2009 il-Kummissjoni bdiet tittestja metodu ġdid li permezz tiegħu l-korrispondenza kollha dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE tkun reġistrata speċifikament u l-korrispondenza kollha li jkollha indikazzjonijiet ċari li hija intiża li tkun ilment dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE tkun reġistrata bħala lment, u b'hekk tipprovdi rispons iktar dirett u pożittiv għaċ-ċittadini. Dan il-metodu beda jipproduċi iż-żieda kbira mistennija fil-volum ta' lmenti reġistrati, hu x'inhu l-kontenut tagħhom. Sena sħiħa ta' operazzjoni b'dan il-metodu l-ġdid għandha tipprovdi bażi suffiċjenti għall-Kummissjoni biex tikkonsidra li tikkonsolida numru ta' titjibiet fir-riformulazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha tal-2002.

Matul l-2009 SOLVIT amministra żieda ulterjuri ta' 50% fil-volum ta' fajls lil hinn mit-22% żieda tas-sena ta' qabel, filwaqt li żamm rata ta' suċċess kostantement għolja ta' 86%. Id-drittijiet ta' residenza, is-sigurtà soċjali, il-kwalifiki professjonali u l-libertà li jiġu provduti s-servizzi kienu l-iktar li dehru fost il-kwistjonijiet imressqa. Is-SOLVIT kompla jżid il-valur u l-effiċjenza tiegħu, billi joffri assistenza u soluzzjonijiet liċ-ċittadini u n-negozji filwaqt li għandu rwol importanti fl-identifikazzjoni tal-impedimenti strutturali għall-moviment ħieles.

L-ewwel Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-proġett “EU Pilot” ġie adottat f'Marzu 2010[8]. Fid-dawl tas-suċċess tal-proġett, il-Kummissjoni pproponiet l-estensjoni tal-proġett “EU Pilot” għall-Istati Membri kollha u l-użu ġenerali tiegħu fit-tfittix ta' riżoluzzjoni bikrija għal ksur potenzjali tad-dritt tal-UE.

Huwa kruċjali wkoll li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-livelli kollha tal-gvern sabiex titjieb l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri u jitnaqqas il-volum ta' lmenti. Huwa meħtieġ li titjieb id-disseminazzjoni tal-għarfien dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE fost il-professjonisti legali, jiżdied it-taħriġ fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-UE u biex l-informazzjoni ssir aċċessibbli għal dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, pereżempju permezz tal-Portal Ewropew tal-E-Justice.

Konklużjonijiet : Il-Kummissjoni qed tippjana li tirrevedi l-politika ġenerali tagħha dwar ir-reġistrazzjoni tal-ilmenti u r-relazzjonijiet mal-persuni li jressqu lment fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-metodi ġodda li qed jiġu ttestjati issa. L-istrumenti orizzontali, bħalma huma s-SOLVIT u l-EU Pilot qed ikomplu jiżviluppaw u jippruvaw il-valur tagħhom, billi jsolvu malajr il-problemi affaċjati miċ-ċittadini u l-impriżi. L-EU Pilot jipprovdi kumplement effettiv ħafna għall-gamma ta' mezzi dedikati għall-iżgurar tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE, li jippermettu r-riżoluzzjoni bikrija ta' ksur mingħajr ma wieħed jirrikorri għal proċedimenti formali jew li jippreparaw għal tali proċedimenti fejn ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-livell għoli ta' impenn muri mill-Istati Membri biex jiżguraw is-suċċess ta' dawn l-istrumenti. Hija timpenja ruħha li tkompli taħdem mill-qrib sabiex tiżviluppa din is-sħubija u stiednet l-Istati Membri kollha biex jieħdu sehem fl-iżvilupp ulterjuri tal-EU Pilot.

Kwistjonijiet ta' infurzar

Ir-Regolament REACH (1907/2006) għandha tiġi infurzata primarjament permezz ta' sistema ta' kontrolli uffiċjali u azzjonijiet oħra fil-livell tal-Istat Membru li għadhom qed jiġu żviluppati waqt li l-obbligi prinċipali tar-REACH qegħdin jiġu introdotti gradwalment. L-infurzar tal-obbligi biex tiġi ristretta l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti kimiċi saret operazzjonali fit-tieni nofs tal-2009. Ir-riżultati tal-istudju dwar il-penalitajiet nazzjonali se jitressaq għad-diskussjoni mal-Istati Membri fl-2010 bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza.

Fl-2009 il-Kummissjoni fasslet rapport rigward l-ewwel sentejn tal-applikazzjoni tar-Regolament 2006/2004 dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi u adottat Komunikazzjoni dwar l-'Infurzar tal-Acquis dwar il-Konsumatur' li telenka ħames oqsma għal aktar xogħol[9].

Il-Kummissjoni rrevediet u saħħet ukoll il-linji gwida dwar is-Sistema ta' Informazzjoni Rapida tal-UE għal prodotti tal-konsumatur perikolużi (RAPEX) taħt id-Direttiva 2001/95. Ġie stabbilit ukoll qafas biex titkejjel l-effettività tal-infurzar fuq livell nazzjonali. Il-Kummissjoni qed tipprepara wkoll regolament li għandu jiġi adottat taħt ir-Regolament 216/2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili biex tipprovdi għal sanzjonijiet intermedji sal-irtirar taċ-ċertifikazzjoni.

Il-proċedimenti ta' ksur jiżguraw l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u r-rettifika tal-ksur. Il-proċedimenti amministrattivi nazzjonali u tal-qorti jippermettu r-reviżjoni tal-azzjonijiet kollha tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Xi kultant, ġie meqjus xieraq li l-leġiżlazzjoni tal-UE tinkludi dispożizzjonijiet dwar proċeduri tal-appell, bħal fil-każ tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali, l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, deċiżjonijiet dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż, ir-rimedji fl-akkwist pubbliku jew fil-qafas regolatorju għal komunikazzjonijiet elettroniċi.

Għandha tingħata iktar attenzjoni lill-miżuri ta' infurzar fit-tħejjija ta' leġiżlazzjoni ġdida, inklużjoni d-dritt ta' reviżjoni jew ta' appell minn deċizjonijiet, biex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva. Jistgħu jiġu żviluppati metodi ta' infurzar eżistenti żviluppati jew jistgħu jiddaħlu oħrajn ġodda, li jiddependu fuq in-natura u l-volum ta' kwistjonijiet li jinqalgħu f'oqsma differenti.

Fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE tirreferi għal tali miżuri, għandhom jiġu utilizzati u għandha tiġi evalwata l-adegwatezza tagħhom. Il-Kummissjoni se tiffoka għalhekk l-attività tagħha fuq l-implimentazzjoni korretta ta' dawk il-proċessi, u tirrevedi u tirraporta dwar it-tħaddim tagħhom u l-effettività għall-finijiet tagħhom, u żżomm lura milli tissostitwixxi l-azzjoni tagħha għall-użu tagħhom biex b'hekk jiġi evitat li jiġi mminat ir-rwol tagħhom.

Fl-2009 il-Kummissjoni żviluppat ulterjorment il-prattika tagħha tal-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet xi drabi b'kooperazzjoni mal-Aġenziji. Saru numru rekord ta' żjarat mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni li rriżultat f'talbiet għall-korrezzjoni urġenti ta' numru ta' kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità sinifikanti. Saru madwar 200 spezzjoni biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà marittima nazzjonali li kienu jikkonċernaw primarjament evalwazzjonijiet ta' portijiet u ta' vapuri u l-applikazzjoni effettiva ta' pjani ta' sigurtà.

Konklużjonijiet : Il-Kummissjoni tikkonferma l-ħtieġa għal aktar enfasi fuq strumenti effettivi biex jiġi żgurat l-infurzar tad-dritt tal-UE. Dawn jistgħu jkunu ta' applikazzjoni orizzontali jew imfassla għal setturi speċifiċi. Fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE tirreferi għal proċeduri nazzjonali, il-Kummissjoni se tipprijoritizza l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-prestazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet ta' infurzar u b'hekk tevita azzjoni kompetittiva jew alternattiva. L-ispezzjonijiet, li ilhom li ġew stabbiliti fil-kuntest tas-saħħa tal-bniedem, qed jiġu utilizzati dejjem aktar f'oqsma oħra bħalma huma s-sikurezza u s-sigurtà fit-trasport, fejn jista' jkollhom rwol b'saħħtu fl-ikkonfermar tal-interpretazzjoni tal-liġi u jiżguraw l-applikazzjoni korretta tagħha u b'hekk jiġi kkonfermat impenn qawwi fil-konfront tar-riżultati.

Ir-rwol tal-proċedimenti ta' ksur

Il-Komunikazzjoni tal-2007 dwar 'Ewropa li tikseb ir-riżultati', stabbiliet il-politika preżenti tal-Kummissjoni dwar il-ħidma tagħha biex tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE. Hi spjegat l-enfasi ġdida għar-Rapporti Annwali tal-Kummissjoni: dwar kwistjonijiet strateġiċi, l-evalwazzjoni tal-istat preżenti tad-dritt fis-setturi differenti, il-prijoritajiet u l-programmazzjoni ta' xogħol għall-ġejjieni. Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni anness ma' dan ir-Rapport fih indikazzjonijiet dettaljati għas-setturi differenti, inklużi l-prijoritajiet fil-ġestjoni tal-każijiet ta' ksur.

Il-prijoritajiet ġew issa żviluppati fuq il-gamma sħiħa tal-ħidma ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni sal-livell ta' ilmenti individwali u ta' proċedimenti ta' ksur skont il-kriterji stabbiliti fil-Kommunikazzjoni tat-2007. Il-progress tal-ħidma dwar l-ilmenti u l-ksur jiġi regolarment rivedut fid-dawl tan-natura tal-każ u l-valuri indikattivi ffissati. Qed tingħata attenzjoni partikolari lil każijiet li ilhom li nfetħu jew li ma sar l-ebda progress suffiċjenti u riċenti dwarhom. Il-ġustifikazzjonijiet tal-ipproċessar imdewwem ta' xi każijiet jittieħdu f'kunsiderazzjoni, pereżempju meta jkun qed jitressaq każ bi prova differenti jew fejn tkun saret referenza minn qorti nazzjonali għal deċiżjoni preliminari mill-QĠE dwar l-istess kwistjoni. Fejn ikun hemm proċediment li jkun għadu għaddej quddiem qorti nazzjonali, il-Kummissjoni tista' tikkonsidra li tagħlaq dawk il-proċessi li dwarhom ma jkun għadu ttieħed l-ebda pass formali fir-rigward tal-proċedimenti ta' ksur, u tissospendi proċedimenti attivi ta' ksur, b'mod partikolari, f'każijiet fejn il-proċediment nazzjonali jkollu l-istess suġġett bħall-proċediment ta' ksur, peress li jkollha bażi ċara li fuqha tkun tista' tikkunsidra azzjoni ulterjuri ġaladarba l-proċess ġudizzjarju nazzjonali jiġi konkluż. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni se tibqa' lesta li tikkonsidra kwalunkwe tħassib taċ-ċittadini li jkun għad hemm wara l-konklużjoni tal-proċedimenti nazzjonali.

Konklużjonijiet : Il-prijoritajiet stabbiliti fid-dokumenti li jakkumpanjaw dan ir-Rapport dwar "Is-sitwazzjoni fis-setturi differenti" huma mfassla biex jiżguraw li l-Kummissjoni tiffoka dwar l-azzjonijiet li huma l-iktar probabbli li jiżguraw l-applikazzjoni tempestiva u effettiva tad-dritt fl-interess l-aktar wiesa' tal-akbar numru ta' ċittadini u impriżi biex tiġi żgurata l-effiċjenza billi tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċedimenti eżistenti. Il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha li taħdem skont dawn il-prijoritajiet.

L-irrappurtar u r-reviżjoni tal-implimentazzjoni

Qed tingħata iżjed attenzjoni l-irrappurtar ex post dwar l-impatt tar-regoli tal-UE. Il-Parlament żied l-enfasi fuq il-kwistjonijiet ta' implimentazzjoni. Ta' spiss tiġi inkluża dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar rapporti fuq l-ewwel snin ta' applikazzjoni tal-miżuri. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness ma' dan ir-Rapport fih referenzi għal ħafna studji u rapporti magħmula mill-Kummissjoni fl-2009 u maħsuba għall-2010.

Konklużjonijiet : Iż-żieda fl-enfasi fuq l-evalwazzjoni ex post tal-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE tiġbed l-attenzjoni għar-rapporti li l-Kummissjoni hija obbligata tagħmel dwar il-prestazzjoni tal-miżuri leġiżlattivi differenti tal-UE. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-valur ta' dawn ir-rapporti u ta' spiss tinkludi fihom kontribuzzjonijiet dettaljati mill-Istati Membri, bħala waħda mill-kontribuzzjonijiet prinċipali tagħha għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-impatt tad-dritt tal-UE.

KONKLUŻJONIJIET:

Dan ir-rapport annwali juri l-importanza kritika tal-applikazzjoni sħiħa u korretta tad-dritt tal-UE fit-twettiq tad-drittijiet u l-obbligi maħluqa mid-dritt tal-UE. Ir-rapport ta' din is-sena jagħmilha ċara li komplew jiġu żviluppati u segwiti prijoritajiet iżda barra minn hekk li l-istrumenti żviluppati maż-żmien biex jiffaċilitaw u jtejbu l-monitoraġġ tad-dritt tal-UE qed isiru aktar maturi u jżidu l-kontribut tagħhom għall-effettività u t-tempestività tal-proċess ta' monitoraġġ.

Baqa' xi sfidi, l-iktar fir-rigward ta' xi aspetti essenzjali u bażiċi bħalma hija t-traspożizzjoni korretta u tempestiva ta' direttivi. L-approċċi preventivi li qegħdin jiġu żviluppati bħalissa bi sħubija mal-Istati Membri jirrappreżentaw investiment konsiderevoli minn dawk kollha kkonċernati u għandhom jagħtu l-frott f'termini tal-iżgurar ta' konformità aktar rapida u profonda mad-dritt tal-UE fis-snin li ġejjin.

[1] COM(2007) 502.

[2] Ir-referenzi kollha huma għall-2009 barra fejn hemm indikat mod ieħor.

[3] Ara hawn taħt, taqsima 3.4

[4] Kawża C-306/08, Kummissjoni vs Spanja.

[5] C127/08 tal-25 ta' Lulju 2008, Blaise Baheten, Metock et vs il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u r-Riforma tad-Dritt

[6] http://ec.europa.eu/youreurope/

[7] deskritta fid-dokument tal-2002 tagħha 'Komunikazzjoni dwar ir-relazzjonijiet ma’ persuna li tressaq ilment fir-rigward ta’ ksur tad-dritt Komunitarju' – COM(2002) 141

[8] COM(2010) 70

[9] COM(2009) 330.

Top