EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0418(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel

ĠU C 89, 18.4.2009, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/13


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel

2009/C 89/06

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“INSALATA DI LUSIA”

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0433-22.11.2004

DPO ( ) IĠP ( X )

Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-istat membru:

Isem:

Ministero delle politiche agricole alimentari e forestali

Indirizz:

Via XX Settembre n. 20 –

00187 Roma

ITALIA

Tel:

+39 064819968

Feks:

+39 0642013126

posta elettronika:

qtc3@politicheagricole.it

2.   Grupp:

Isem:

Cooperativa Ortolani di Lusia s.c.r.l.

Indirizz:

Via Provvidenza, 1 –

45020 Lusia (RO)

ITALIA

Tel:

+39 0425607069

Feks:

+39 0425667722

posta elettronika:

ortolani@gal.adigecolli.it

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6

Frott, ħaxix u ċereali fl-istat naturali jew ipproċessati tal-Anness II - Ħass

4.   Speċifikazzjoni: (sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Insalata di Lusia”

4.2.   Deskrizzjoni:

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Insalata di Luisa” hi riżervata esklussivament għall-ħassa Lactuca Sativa, fiż-żewġ varjetajiet Cappuccia u Gentile.

Zokk: qasir, massimu ta' 6 ċm, u mlaħħam sew, li minnu jikbru l-weraq.

Togħma: friska u tqarmeċ;

Pjanta: il-prodott fis-serra jippreżenta struttura aktar kumpatta bil-basla kemmxejn aktar miftuħa milli meta jkun imkabbar fil-beraħ.

Karatteristiċi essenzali:

ras ħafifa;

irtubija, minħabba n-nuqqas ta' fibrożità, flimkien ma' turġidità anki wara 10-12-il siegħa mill-ħsad, nuqqas ta' linjifikazzjoni;

tqarmiċ minħabba l-weraq żgħir, frisk u minfuħ;

ċerta benna u mluħa perċettibbli, li jeskludi l-bżonn li jizdied il-melħ (klorur tas-sodju) għat-taħwir.

4.3.   Żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tinkludi l-komuni mniżżla hawn taħt, inklużi fil-provinċji ta' Rovigo u Padova:

Provincia di Rovigo: Lusia, Badia Polesine, Lendinara, Costa di Rovigo, Fratta Polesine, Villanova del Ghebbo u Rovigo;

Provinċja ta' Padova: Barbona, Vescovana u Sant’Urbano.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Kull fażi tal-proċess tal-produzzjoni tiġi kkontrollata billi jiġi ddokumentat kull element li jiddaħħal u kull prodott li joħroġ. B'dan il-mod, u permezz ta' tniżżil f'listi speċifiċi, ġestiti mill-organu ta' spezzjoni, tal-ħbula tal-art fejn isir it-tkabbir skont ir-reġistru tal-artijiet, tal-produtturi u tal-pakkeġġaturi, kif ukoll permezz tan-notifika immedjata lill-organu ta' spezzjoni tal-kwantitajiet prodotti, it-traċċabilità tal-prodott tiġi ggarantita.

Il-persuni kollha, fiżiċi jew ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, se jkunu suġġetti għall-kontroll mill-organu ta' spezzjoni, skont kif previst mill-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-pjan ta' kontroll relatat.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni:

Il-ħamrija jrid ikollha perċentwal ta' ramel ta' mhux inqas minn 30 % u kwantità ta' tafal ta' mhux aktar minn 20 %. Barra minn hekk, irid ikollha l-ilma għall-irrigazzjoni. Il-produzzjoni tal-ħass ta' Lusia jista' jsir sew fil-beraħ u sew fis-serer.

Għat-tħejjija tal-ħamrija, huwa obbligatorju li tinħarat (jew proċess ekwivalenti) mill-inqas darba fis-sena, sabiex jintradmu sa fond ta' 30-40 ċm ir-residwi mill-ħsad ta' qabel u l-fertilizzanti li kienu nfirxu fuq il-ħamrija.

Għat-tkabbir fis-serra, minħabba d-diffikultajiet li jaf iġib miegħu dan il-proċess f'ambjenti limitati, huma permessi, bħala alternattiva, it-tħaffir jew it-tagħżiq.

Għaċ-ċikli tat-tkabbir suċċessivi, huma permessi proċessi għar-restawr tal-istruttura tal-ħamrija u l-irdim ta' residwi tal-koltivazzjoni permezz tal-ħrit, it-tħaffir, it-tgħażiq jew it-tinqix biz-zappuna.

Wara dan il-ħdim, u għalhekk qabel it-trapjantar, isir ħrit mekkaniku jew twittija segwit mill-mogħdija b'romblu sabiex il-ħamrija tiġri rfinata u kollha livell, u b'hekk jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet sabiex in-nebbieta tkun tista' tfelles.

In-newba mhix obbligatorja, meta jitqiesu l-karatteristiċi fiżiko-agronomiċi tal-art fiż-żona definita.

It-trapjantar isir billi tintuża nebbieta b'mill-inqas tliet werqiet veri u bl-għeruq li jkunu għadhom imqabbdin mat-tuba tal-ħamrija. Jintuża arranġament ta' tħawwil ta' 30-40 ċm bejn il-fillieri u 30 sa 35 ċm bejn il-pjanti.

Għan-nitroġenu, il-fosfru u l-potassju, il-kwantità ta' fertilizzant għal kull ċiklu ta' koltivazzjoni jrid jiġi stabbilit skont analiżi tal-ħamrija u ma tistax taqbeż dawn il-valuri għal kull ettaru: nitroġenu 150, fosforu 100, potassju 200.

Huwa obbligatorju li jintuża demel ta' bovini maturi jew komposti organiċi oħra.

L-użu ta' fertilizzanti kimiċi bin-nitroġenu irid ikun mifrux fuq mill-inqas żewġ interventi, jiġifieri dak ta' qabel it-trapjant li m'għandux jaqbeż il-50 % tal-kwantità li trid tinxtered, u l-aħħar fażi li trid isseħħ mhux aktar tard minn ħmistax wara t-trapjant.

Fir-rigward tal-metodu tat-tisqija, dan jista' jsir bil-qatra jew inkella bi friefet żgħar bi pressjoni baxxa sabiex jiġi evitat li l-ħamrija tintrass.

Il-kontroll tal-ħaxix ħażin irid isr b'tekniki agronomiċi (kisi bil-ħuxlief, ħmiemel foloz, tgħażiq, ħrit) u/jew prodotti kimiċi (erbiċidi). Il-produzzjoni massima għal kull ċiklu ta' produzzjonji għal kull ettaru hija ta': 55 tunnellata għall-varjetà Cappuccia; 50 tunnellata għall-varjetà Gentile.

Wara l-ħsad, jitnaddfu l-irjus (it-tneħħija tal-weraq ta' taħt) li wara jitqiegħdu fil-kontenituri użati għall-bejgħ. Iż-żewġ operazzjonijiet iseħħu fl-għalqa sabiex tiġi evitata aktar manipulazzjoni li twaqqa' l-kwalità tal-prodott.

Malli jitlestew dawn l-operazzjonijiet, il-prodott jiġi trasportat sal-istabbiliment ewlieni tal-impriza tal-produzzjoni fejn iseħħ il-ħasil tal-ħass mingħajr ma jitneħħa mill-imballaġġ. Wara l-ħasil, il-pakkett jitlesta billi jitqiegħed plastik trasparenti fuq il-parti ta' fuq tal-kontenitur.

Fil-każ li impriża waħda tkun assoċjata ma' koperattiva ta' produtturi, dawn l-operazzjonijiet jistgħu jsiru fl-istabbiliment tal-koperattiva stess.

Importanti li l-imballaġġ aħħari jseħħ fiż-żona minħabba li l-fażijiet tal-ħsad, it-tindif, il-ħasil u l-ippakkeġġar għandhom ikunu fil-qrib ħafna ta' xulxin, sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi tal-prodott. Fil-fatt, l-“Insalata di Lusia” titlef il-karatteristiċi tal-weraq minfuħ u jqarmeċ jekk tgħaddi minn manipulazjoni żejda u trasport fit-tul.

4.6.   Rabta:

L-“Insalata di Lusia” hija apprezzata mill-konsumatur minħabba r-ras ħafifa, il-fatt li żżomm tajjeb, in-nuqqas ta' fibrożità (il-pjanta hija fil-biċċa l-kbira komposta mill-ilma), il-weraq il-ġodda li jqarmċu, huwa frisk u minfuħ, u għat-togħma bnina naturali tagħha.

Dawn il-kwalitajiet huma marbuta maż-żona ġeografika u mat-taqgħida partikolari ta' għadd ta' fatturi marbuta mal-klima u mal-ħamrija li jinstabu fit-territorju tal-produzzjoni tal-“Inslata di Lusia”, bħal ma huma l-preżenza ta' ħamrija fertili ħafifa u għanja b'imluħ minerali, l-umdità atmosferika u l-preżenza kostanti tal-ilma tul il-kanali.

It-togħma partikolari tal-ħassa Lusia tintradd mill-fatt li mhemmx bżonn wieħed iżidilha l-melħ, minħabba li titkabbar f'art mimlija mluħ minerali. Fil-fatt, il-ħamrija taż-żona tal-IĠP għandha saff fuqani magħmul minn ramel li nġarr mill-bosta għargħar li seħħ fil-perjodi pre-Rumani u fil-Medju Evu bikri mill-ħamla ta' xi friegħi tax-xmara Tartaro li faru, u fil-perjodu medjevali u modern mit-tifwir tal-Adige. L-aħħar darba li l-Adige far bil-kbir kien fi tmien is-seklu 19 u l-għaram enormi tar-ramel li nħolqu minn dak l-għargħar twittew bis-saħħa ta' ħidma fit-tul li damet sejra sal-1960. Hija fuq dan ir-ramel, mirfud minn seklu ta' veġetazzjoni spontanja, li titħawwel l-ħassa Lusia, li hija ogħna minn oħrajn fil-potassju u l-kalċju.

L-ilma tal-pjan għaddej taħt l-art maħduma, mitmugħ mill-Adige u li f'din iż-żona huwa għal kollox imdendel, u l-fosos tal-irrigazzjoni li jinżammu dejjem miftuħa, iżomm kostanti l-livell tal-umdità tal-art, u għalhekk l-irrigrazzjoni tista' tiġi limitata sal-fażi ta' eżatt wara t-trapjantar. Dan ifisser inqas tnixxijja mill-weraq u b'hekk inqas telf tan-nutrjienti li fihom u inqas ħtieġa ta' trattament bil-fungiċidi.

Il-ħażna tal-ilma tal-wiċċ qiegħda f'fond ta' metru u tinżamm regolari bis-saħħa ta' sistema ta' kanali artifiċjali. Dawn il-fatturi flimkien jippermettu li jitnaqqsu l-operazzjonijiet tat-tisqija, u għalhekk it-tixrid tat-taħsir, u jħallu bla mittiefsa t-togħma friska u t-qarmiċa tipika tal-“Insalalta di Lusia”, li jagħżluha minn ħass prodott f'żoni oħra.

Id-disponibbiltà tal-ilma li hija ggarantita mix-xmara Adige, l-għoli tal-ilma tal-pjan, u l-għamla tal-ħamrija jippermettu li l-ħassa titkabbar anki fis-Sajf (Lulju u Awwissu), b'riżultati mill-aħjar li jiggarantixxi l-preżenza fis-suq għal 10 sa 11-il xahar fis-sena.

Fil-fatt, l-art ħafifa u medja b'għamla raffa, li hija tipika tal-inħawi max-xtut tax-xmara Adige, u l-livell tajjeb ta' permeabbiltà, li jippermetti l-iskular tal-ilma tax-xita, jippermettu li l-fażijiet tal-proċess tal-produzzjoni jseħħu b'mod ottimali fi kwalunkwe kundizzjoni klimatika-meteoroloġika.

Minbarra dan, anki l-esperjenza miksuba tul ħamsin sena ta' tkabbir ta' ħass u l-ħidma esperta tal-produtturi, ippermettew l-irfinar tat-tekniki tal-produzzjoni, u pperfezzjonaw is-sinerġiji li ġejjin mill-bilanċ xieraq bejn il-fatturi klimatiċi u agronomiċi.

4.7.   Korp ta’ spezzjoni:

Isem:

CSQA Srl Certificazioni (Ente privato conforme alla norma EN 45011)

Indirizz:

Via S. Gaetano, 74 – 36016 Thiene (VI)

ITALIA

Tel:

+39 0445366094

Feks:

+39 0445382672

posta elettronika:

f.broggiato@csqa.it

4.8.   Tikkettar:

Il-ħassa li titqiegħed għall-konsum bl-użu tal-I.Ġ.P. INSALATA DI LUSIA trid tiġi ppakkeġġata bl-użu ta' kontenituri tal-plastik, tal-injam, tal-kartun, tal-ġablow u materjali oħra għall-imballaġġ tal-ikel.

Il-kontenut ta' kull imballaġġ irid ikun omoġeneu u għandu jkun fiħ biss il-ħass tal-istess varjetà, oriġini, tip, kategorija u daqs. Il-parti li tidher tal-kontenut tal-imballaġġ trid tkun rappreżentattiva tal-kontenut kollu.

Il-parti ta' fuq tal-imballaġġ li jkollu fih il-prodott għandha tkun protetta minn ilqugħ trasparenti magħmul minn materjal xieraq għall-ikel b'miktub fuq il-logo tal-IĊP biss “ INSALATA DI LUSIA”, b'tali mod li jippermetti li l-prodott jintwera u li jieħu n-nifs b'mod naturali.

Fuq il-kontenituri, il-logo IĠP għandu jkun viżibbli, b'daqs mhux iżgħar minn dak ta' kitba oħra li jkun hemm fuq l-istess imballaġġ.

Image

Dan il-logo huwa ffurmat mill-ittri “i” (b'tikka ovali fuqha) u “L”. Il-ġnub ta' ġewwa tal-ittri huma ta' forma konkava u jiffurmaw bordura ellittika li f'nofsha hemm disinn stilizzat tal-torri medjevali ta' Lusia. Il-partijiet ta' barra u ta' fuq tal-logo huma delimitati minn bordura esterna li fuq barra tagħha, fil-parti ta' fuq lejn in-nofs, hemm il-kitba “I.G.P”. Taħt il-logo, u fi ħdan il-bordura, tidher il-kitba “INSALATA di LUSIA”.

Il-logo I.G.P. “INSALATA DI LUSIA”, li jkun ġa mqiegħed fuq il-kontenituri, ma jkunx jista' jerġa' jintuża.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top