EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0162

Il-multilingwiżmu, vantaġġ għall-Ewropa u impenn konġunt Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Marzu 2009 dwar il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni (2008/2225(INI))

ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 59–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/59


It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
Il-multilingwiżmu, vantaġġ għall-Ewropa u impenn konġunt

P6_TA(2009)0162

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni (2008/2225(INI))

2010/C 117 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 151 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2003 għas-Salvagwardja tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 bit-titolu ‘Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni’ (COM(2008)0566) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2008)2443, SEC(2008)2444, SEC(2008)2445) li jakkompanja dik il-komunikazzjoni,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2007 bit-titolu ‘Qafas għall-istħarriġ Ewropew dwar il-kompetenzi lingwistiċi’ (COM(2007)0184),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2007 bit-titolu Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni “Nippromwovu t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika” (COM(2007)0554), u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff (SEC(2007)1222) li jakkompanjah,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qed issir globalizzata (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar strateġija ta’ qafas ġdida għall-multilingwiżmu (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 dwar miżuri biex jippromwovi l-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi fl-Unjoni Ewropea: Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2003 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-ilsna reġjonali u dawk inqas użati Ewropej — l-ilsna tal-minoranzi fl-UE — fil-kuntest tat-tkabbir u tad-diversità kulturali (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1934/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar is-Sena Ewropea tal-Lingwi 2001 (5),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2002,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura tal-21 u t-22 ta’ Mejju 2008, b’referenza speċifika għall-multilingwiżmu,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-20 ta’ Novembru 2008 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (6),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-multilingwiżmu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2008 (7) u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2008 dwar il-multilingwiżmu,

wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0092/2009),

A.

billi d-diversità lingwistika u kulturali għandha impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea minħabba l-penetrazzjoni tal-media, filwaqt li żżid il-mobilità u l-migrazzjoni u tavvanza l-globalizzazzjoni,

B.

billi l-kisba ta’ firxa diversa ta’ kompetenzi lingwistiċi hija kkunsidrata bħala kapaċità tal-ikbar importanza għaċ-ċittadini kollha tal-UE, peress li tippermetti li dawn jieħdu benefiċċju ekonomiku, soċjali u kulturali sħiħ mill-moviment liberu fl-Unjoni u mir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi,

C.

billi l-multingwiżmu huwa ta’ importanza dejjem akbar fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati Membri, il-konvivenza fis-soċjetajiet multikulturali tagħna, u fil-politiki komuni tal-Unjoni,

D.

billi l-evalwazzjoni tal-multilingwiżmu teħtieġ li tkun validata minn strumenti rikonoxxuti, bħal m’hu l-Qafas Ewropew ta' Referenza Komuni għall-Ilsna (CEFR) u oħrajn,

E.

billi ċerti lingwi Ewropej jiffurmaw pont vitali fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u bejn popli u nazzjonijiet mir-reġjuni l-aktar diversi tad-dinja,

F.

billi d-diversità lingwistika hija rikonoxxuta bħala dritt taċ-ċittadin fl-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-multilingwiżmu għandu jkollu wkoll l-għan li jinkuraġġixxi r-rispett għad-diversità u t-tolleranza, sabiex jiġi evitat li tinqala’ l-possibilità ta’ konflitti, sew jekk attivi u sew jekk passivi, bejn il-komunitajiet lingwistiċi differenti fl-Istati Membri,

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tressiq tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-multilingwiżmu u l-attenzjoni mogħtija lilha mill-Kunsill;

2.

Itenni l-pożizzjonijiet li ddefenda maż-żmien dwar il-multilingwiżmu u d-diversità kulturali;

3.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm rikonoxximent tal-parità ta’ bejn il-lingwi uffiċjali tal-UE fl-aspetti kollha tal-attività pubblika;

4.

Jikkunsidra li d-diversità lingwistika tal-Ewropa tikkostitwixxi valur kulturali mill-akbar u jkun żbaljat li l-Unjoni Ewropea tirrestrinġi lilha nnifisha għal lingwa ewlenija waħda;

5.

Jenfasizza l-irwol kruċjali li għandhom l-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw ir-rispett għall-prinċipju tal-parità lingwistika, fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE infushom, kif ukoll fir-relazzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE ma’ amministrazzjonijiet nazzjonali u mal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u internazzjonali;

6.

Ifakkar li l-importanza tal-multilingwiżmu mhix limitata għall-aspetti ekonomiċi u soċjali u li għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-ħolqien u t-trażmissjoni kulturali u xjentifika u lill-importanza tat-traduzzjoni, kemm letterarja kif ukoll teknika, fil-ħajja taċ-ċittadini u għall-iżvilupp fuq medda twila ta' żmien tal-UE; u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-irwol li għandhom il-lingwi fit-tiswir u t-tisħiħ tal-identità;

7.

Jenfasizza li l-multilingwiżmu huwa kwistjoni trasversali li għandha impatt mill-akbar fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jinkludu l-multilingwiżmu wkoll f'politiki oħra minbarra tal-edukazzjoni, bħal m’huma dawk tat-tagħlim matul il-ħajja kollha, tal-inklużjoni soċjali, tal-impjiegi, tax-xandir u tar-riċerka;

8.

Jenfasizza l-importanza vitali tal-ħolqien ta’ programmi speċifiċi biex jappoġġjaw it-traduzzjoni u l-importanza tat-twaqqif ta’ networks ta’ bażijiet tad-data ta’ terminoloġija multilingwa;

9.

Ifakkar li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandhom jintużaw biex ikun promoss il-multilingwiżmu u għalhekk jisħaq fuq l-irwol u l-użu tal-istandard internazzjonali xieraq (ISO 10646) - li jippermetti li jkunu rrappreżentati l-alfabeti tal-lingwi kollha - fis-sistemi amministrattivi u l-mezzi tax-xandir Ewropej u tal-Istati Membri;

10.

Jipproponi l-introduzzjoni ta’ Jum Ewropew tat-Traduttur u l-Interpretu jew li jitqiesu dawn il-professjonijiet u tiżdied l-attenzjoni fuqhom waqt il-Jum Ewropew tal-Lingwi, iċċelebrat fis-26 ta’ Settembru ta’ kull sena;

11.

Isostni li huwa vitali li jiġi ssalvagwardjat il-multilingwiżmu fil-pajjiżi jew fir-reġjuni fejn jeżistu flimkien żewġ lingwi uffiċjali jew aktar;

12.

Jenfasizza l-bżonn li, fl-Istati Membri li jkollhom iktar minn lingwa uffiċjali waħda, tkun żgurata intelliġibbiltà reċiproka totali bejn dawk il-lingwi, speċjalment fir-rigward ta’ ċittadini anzjani u tas-sistema legali, is-saħħa, l-amministrazzjoni u l-impjiegi;

13.

Jinkuraġġixxi li dawk l-uffiċjali li jiġu f’kuntatt maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fix-xogħol tagħhom jitgħallmu lingwa oħra tal-Unjoni Ewropea;

14.

Jemmen li hu neċessarju u xieraq li jinħolqu opportunitajiet għat-tagħlim ta’ lingwi barranin fl-età adulta, permezz ta’ programmi ta’ tagħlim vokazzjonali u ta’ tagħlim għal tul il-ħajja kollha, bil-għan li jkun hemm żvilupp personali u professjonali;

15.

Jenfasizza l-bżonn vitali li tingħata attenzjoni u appoġġ speċjali fl-iskola lil studenti li ma jkunux jistgħu jiġu edukati bl-ilsien nattiv tagħhom, u jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tippromwovi s-sistema ‘lingwa materna + 2’ fl-edukazzjoni;

16.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma waqqfitx programm pluriennali dwar id-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi jew xi Aġenzija Ewropea dwar id-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi, kif kienet mistiedna tagħmel fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq adottata b’maġġoranza kbira mill-Parlament fl-4 ta’ Settembru 2003;

17.

Jenfasizza, ukoll, l-importanza li wieħed ikun jaf sewwa l-lingwi uffiċjali tal-pajjiż ospitanti għall-integrazzjoni sħiħa tal-immigranti u tal-familji tagħhom u jenfasizza li l-gvernijiet nazzjonali għandhom jippromwovu b’mod effettiv korsijiet speċjali tal-lingwa, partikolarment għan-nisa u persuni anzjani; jistieden lill-Istati Membri biex jaġixxu b’mod responsabbli vis-à-vis l-immigranti, jipprovdu lill-immigranti bil-mezzi neċessarji biex jitgħallmu l-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ospitanti, filwaqt li jippermettulhom u jħeġġuhom iżommu l-lingwa tagħhom proprja;

18.

Ifakkar li għal dawn ir-raġunijiet huwa vitali li wieħed jiżgura l-kwalità f’dan il-kuntest, inkluż it-taħriġ relevanti tal-għalliema;

19.

Jenfasizza l-bżonn li tingħata importanza suffiċjenti fil-livell ta’ qabel l-iskola lit-tagħlim tal-lingwi, u fuq kollox il-lingwa nazzjonali tal-pajjiż fejn it-tfal jattendu l-iskola;

20.

Hu tal-fehma li t-tfal, fl-interess tagħhom stess, għandhom ikunu kapaċi jitkellmu l-lingwa tal-pajjiż li jkunu jgħixu fih biex ikun żgurat li ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni matul iż-żmien tal-edukazzjoni tagħhom jew matul it-taħriġ sussegwenti tagħhom u li jkunu kapaċi jieħdu sehem fl-attivitajiet kollha fuq bażi ugwali;

21.

Jissuġġerixxi lill-Istati Membri li jeżaminaw il-possibbiltà ta’ skambji ta’ għalliema f’livelli edukattivi differenti, bil-għan li jgħallmu suġġetti skolastiċi differenti b’lingwi differenti, u jemmen li din il-possibbiltà tista’ tiġi sfruttata, b’mod partikolari, fir-reġjuni ta’ mal-fruntieri u b’hekk jittejbu l-mobbiltà tal-ħaddiema u l-għarfien li ċ-ċittadini jkollhom tal-lingwi;

22.

Jemmen li huwa vitali li ssir il-promozzjoni tal-mobilità u l-iskambju ta’ għalliema u studenti tal-lingwi; ifakkar li l-moviment fluwidu tal-għalliema tal-lingwi fl-Unjoni Ewropa se jgħin biex ikun żgurat kuntatt effettiv għal għadd kbir kemm jista’ jkun minn dawk il-professjonisti mal-ambjent nattiv tal-lingwi li jgħallmu;

23.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-mobilità professjonali għall-għalliema u l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u pajjiżi differenti fit-twettiq ta' proġetti ta' tagħlim li jkunu teknoloġikament u kulturalment innovattivi;

24.

Jinkoraġġixxi u jappoġġja l-introduzzjoni tal-lingwi materni lokali u barranin tal-minoranzi fuq bażi mhux obbligatorja fil-programmi tal-iskejjel u/jew fil-kuntest tal-attivitajiet ekstrakurrikulari miftuħa għall-komunità;

25.

Jistieden lill-Kunsill biex jipproduċi rapport annwali tal-progress fuq il-multilingwiżmu fis-sistemi edukattivi formali u informali, fit-taħriġ vokazzjonali u fl-edukazzjoni tal-adulti fl-Istati Membri, li għandu jagħti attenzjoni partikulari lir-relazzjoni bejn il-prevalenza ta’ lingwi nazzjonali, reġjonali u tal-minoranzi u l-immigrazzjoni;

26.

Itenni li ilu żmien impenjat għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, il-multilingwiżmu u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropa, inklużi l-lingwi reġjonali u tal-minoranzi, minħabba li dawn huma wirt u ġid kulturali li għandhom jiġu mħarsa u mħeġġa; jikkunsidra li l-multilingwiżmu huwa essenzjali għall-komunikazzjoni effettiva u jirrappreżenta mezz kif tkun iffaċilitata l-komprensjoni bejn l-individwi u b’hekk tkun iffaċilitata wkoll l-aċċettazzjoni tad-diversità tal-minoranzi;

27.

Jirrakkomanda li l-kurrikuli akkademiċi tal-Istati Membri jkunu jinkludu l-istudju mhux obbligatorju tat-tielet lingwa barranija, li jkun jibda fil-livell tal-iskola sekondarja;

28.

Jenfasizza l-importanza tal-istudju tal-lingwi tal-pajjiżi ġirien bħala mod biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni u jissaħħaħ il-fehim reċiproki fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li ssaħħha;

29.

Jirrakkomanda l-appoġġ għat-tagħlim tal-lingwi ta’ pajjiżi u reġjuni ġirien, speċjalment fir-reġjuni ta’ mal-fruntieri;

30.

Itenni l-importanza li jkun promoss u appoġġjat l-iżvilupp ta’ mudelli u approċċi pedagoġiċi innovattivi għat-tagħlim tal-lingwi sabiex jitħeġġeġ il-ksib ta’ ħiliet lingwistiċi kif ukoll biex jitqajmu l-kuxjenza u l-motivazzjoni fost iċ-ċittadini;

31.

Jipproponi li f’kull livell tal-edukazzjoni, u jkun xi jkun l-ambjent ġeografiku, għandu jkun hemm għalliema tal-lingwi barranin ikkwalifikati;

32.

Jirrakkomanda li ssir konsultazzjoni tal-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-għalliema tal-lingwi moderni dwar il-programmi u l-metodoloġiji li għandhom ikunu applikati;

33.

Jinsisti fuq il-bżonn ta’ politiki biex ikun stimulat il-qari u titħeġġeġ il-kitba kreattiva bil-għan li jintlaħqu dawn il-għanijiet;

34.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tniedi kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni rigward il-benefiċċji tat-tagħlim tal-lingwi permezz tal-mezzi tax-xandir u t-teknoloġiji l-ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti każ tal-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet dwar it-tagħlim tal-lingwi għat-tfal migranti u t-tagħlim fl-Istat Membru ospitanti tal-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ta' oriġini;

35.

Jirrakkomanda u jinkoraġġixxi l-użu tal-ICT bħala strument indispensabbi fit-tagħlim tal-lingwi;

36.

Jisħaq fuq il-prijorità politika tiegħu tal-ksib ta’ ħiliet lingwistiċi permezz tat-tagħlim ta’ lingwi oħra tal-UE, li waħda minnhom għandha tkun il-lingwa ta’ pajjiż ġar u l-oħra tkun “lingwa franka” internazzjonali: jikkunsidra li din il-ħaġa tkun tagħti liċ-ċittadini kompetenzi u kwalifiki biex jieħdu sehem fis-soċjetà demokratika f’dik li hi ċittadinanza attiva, impjegabbiltà u għarfien ta’ kulturi oħra;

37.

Jissuġġerixxi li livell adegwat ta’ multilingwiżmu għandu jkun żgurat fil-media u fil-kontenut tal-Internet, u b’mod l-aktar partikolari fil-politika tal-lingwa ta’ siti u portali Ewropej u ta’ oħrajn li huma marbuta mal-Unjoni Ewropea, fejn il-multilingwiżmu Ewropew għandu jiġi rrispettat għal kollox, għall-inqas sa fejn għandhom x’jaqsmu t-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

38.

Jinnota li l-użu tas-sottotitoli fi programmi televiżivi jħaffef it-tagħlim u l-prattika tal-lingwi tal-UE u l-fehim aħjar tal-isfond kulturali tal-produzzjonijiet awdjoviżivi;

39.

Jinkoraġġixxi lill-UE tibbenefika mill-vantaġġi potenzjali offruti mil-lingwi Ewropej fir-relazzjonijiet esterni tagħha, u jitlob li jkun hemm żvilupp akbar ta’ dan il-vantaġġ fid-djalogu kulturali, ekonomiku u soċjali mal-bqija tad-dinja bil-għan li jissaħħaħ l-irwol tal-UE u jingħatalu valur miżjud fix-xena internazzjonali u bil-għan li jibbenefikaw pajjiżi terzi, fl-ispirtu tal-politika tal-iżvilupp promossa mill-UE;

40.

Jipproponi li l-Kunsill jorganiżża, flimkien mas-soċjetà ċivili, l-ewwel Konferenza Ewropea dwar id-diversità lingwistika biex issir diskussjoni sħiħa dwar din il-kwistjoni, fil-qafas tar-rakkomandazzjoni tal-grupp internazzjonali ta’ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-lingwi indiġeni, adottata fir-Rapport tal-Forum Permanenti dwar il-Kwistjonijiet Indiġeni fis-Seba’ Sessjoni tiegħu f’Mejju 2008 (E/2008/43);

41.

Jemmen li fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja kollha, għandu jkun ipprovdut appoġġ suffiċjenti biex iċ-ċittadini ta’ kull grupp ta’ etajiet ikunu jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom fuq bażi kontinwa billi jingħataw aċċess għal tagħlim xieraq tal-lingwi jew faċilitajiet oħra għal komunikazzjoni aktar faċli, inkluż it-tagħlim tal-lingwi f’età żgħira, bil-għan li jittejbu l-inklużjoni soċjali, il-prospetti ta’ impjieg u l-benesseri tagħhom;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri li jiffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwi min-nies li jinsabu f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ, nies li huma parti minn minoranzi nazzjonali u migranti, sabiex jgħinu lil dawn in-nies jitgħallmu l-lingwa jew lingwi tal-pajjiż u/jew reġjun ospitanti ħalli tintlaħaq l-integrazzjoni soċjali u tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali; jenfasizza li huwa neċessarju li l-migranti jkunu jistgħu jużaw l-ilsien prinċipali tagħhom biex jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, biex jinkoraġġixxu l-użu tal-lingwa prinċipali tal-persuna kif ukoll li dak li jkun jitgħallem il-lingwa jew lingwi nazzjonali;

43.

Huwa favur appoġġ akbar biex il-lingwi Ewropej jiġu pprojettati internazzjonalment madwar id-dinja kollha, peress li dawn jikkostitwixxu vantaġġ għall-proġett Ewropew, fid-dawl tal-importanza ewlenija tar-rabtiet lingwistiċi, storiċi u kulturali ta’ bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u fl-ispirtu tal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi f’dawk il-pajjiżi;

44.

Jemmen li l-kumpaniji fl-UE, u speċjalment l-SMEs, għandhom ikunu pprovduti appoġġ xieraq għall-istruzzjoni u l-użu tal-lingwa, biex b’hekk ikun faċilitat l-aċċess tagħhom għas-swieq dinjin u speċjalment għas-swieq il-ġodda;

45.

Jenfasizza d-dritt tal-konsumaturi li jirċievu informazzjoni dwar prodotti mibjugħa fis-suq tal-post ta’ residenza tagħhom fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ dak il-post ta’ residenza;

46.

Jiġbed attenzjoni partikulari għall-perikli li jista’ jkun hemm fid-distakk ta’ komunikazzjoni li jeżisti bejn individwi bi sfond kulturali differenti u fid-diskrepanza soċjali li teżisti bejn nies multilingwi u dawk monolingwi; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li f’ħafna Stati Membri n-nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi għadu ostaklu serju għall-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema li ma jkunux mill-pajjiż; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jitnaqqas id-distakk li hemm bejn in-nies multilingwi, li għandhom aktar opportunitajiet fl-Unjoni Ewropea, u n-nies monolingwi li huma esklużi minn ħafna opportunitajiet;

47.

Jemmen li għandu jiġi pprovdut appoġġ għat-tagħlim ta’ lingwi ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk fi ħdan l-UE;

48.

Jitlob bi dritt li l-kopertura tal-indikaturi tal-kompetenza lingwistika għandha tkun estiża malajr kemm jista’ jkun għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, bla ħsara għall-fatt li dawn ikunu estiżi wkoll għal lingwi oħra mitkellma u studjati fl-Ewropa;

49.

Jikkunsidra li l-ġbir tad-data għandu jinkludi l-ittestjar tal-erba’ ħiliet lingwistiċi, jiġifieri, il-fehim tal-lingwa miktuba ul-fehim tal-lingwa mitkellma u l-espressjoni miktuba u orali;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni ta’ bejn l-Istati Membri billi jutilizzaw il-metodu l-miftuħ ta' koordinazzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-esperjenza u tal-prattiki t-tajba fil-qasam tal-multilingwiżmu, filwaqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-benefiċċji ekonomiċi, pereżempju f'impriżi multilingwi;

51.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi Addottati, P6_TA(2008)0124.

(2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 207.

(3)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 271.

(4)  ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 374.

(5)  ĠU L 232, 14.9.2000, p. 1.

(6)  ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10.

(7)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 30.


Top