This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019L0983
Directive (EU) 2019/983 of the European Parliament and of the Council of 5 June 2019 amending Directive 2004/37/EC on the protection of workers from the risks related to exposure to carcinogens or mutagens at work (Text with EEA relevance)
Direttiva (UE) 2019/983 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva (UE) 2019/983 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/42/2019/REV/1
ĠU L 164, 20.6.2019, p. 23–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 164/23 |
DIRETTIVA (UE) 2019/983 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-5 ta’ Ġunju 2019
li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-kisba ta’ riżultati mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3), ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għal Xogħol Ġust u Tkabbir f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, hija impenn u responsabbiltà ta’ politika kondiviża. Il-prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipprevedi li l-ħaddiema għandhom id-dritt għal ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sigur u adattat. Id-dritt tal-ħaddiema għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol, u għal ambjent tax-xogħol adattat għall-ħtiġijiet professjonali tagħhom jinkludi wkoll il-protezzjoni mill-karċinoġeni u mill-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mit-tul tal-impjieg jew tal-espożizzjoni. |
(2) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja u d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa previsti, rispettivament, fl-Artikoli 2 u 31 tagħha. |
(3) |
Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema minn riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Dik id-Direttiva tipprevedi livell konsistenti ta’ protezzjoni mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni permezz ta’ qafas ta’ prinċipji ġenerali biex jippermetti li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. L-għan ta’ dawk ir-rekwiżiti minimi huwa l-protezzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni u li jingħata kontribut fit-tnaqqis tad-differenzi fil-livelli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-Unjoni kollha u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali huma komponenti importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema stabbiliti bid-Direttiva 2004/37/KE. Dawk il-valuri limitu jeħtieġ li jkunu bbażati fuq l-evidenza, proporzjonati u kapaċi jitkejlu u jenħtieġ li jkunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika aġġornata, il-fattibbiltà ekonomika tal-implimentazzjoni u tal-konformità, valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u d-disponibbiltà ta’ protokolli u tekniki tal-kejl tal-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Valuri limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali aktar stretti jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/37/KE ma żżommx lill-Istati Membri milli japplikaw miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali, bħal valur limitu bijoloġiku. |
(4) |
Id-Direttiva 2004/37/KE għandha l-għan li tkopri sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeni jew mutaġeni tal-kategorija 1A jew 1B stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) kif ukoll bħala sustanzi, taħlitiet jew proċessi msemmija fl-Anness I għad-Direttiva 2004/37/KE. Is-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeni jew mutaġeni tal-kategorija 1A jew 1B stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 huma dawk bi klassifikazzjoni armonizzata jew ikklassifikati skont l-Artikolu 4 jew 36 ta’ dak ir-Regolament u nnotifikati lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) skont l-Artikolu 40 ta’ dak ir-Regolament. Dawk is-sustanzi huma elenkati fl-Inventarju pubbliku ta’ Klassifikazzjoni u Tikkettar miżmum mill-ECHA. Għal kwalunkwe żieda ġdida mal-lista ta’ sustanzi, taħlitiet u proċessi msemmija fl-Anness I għad-Direttiva 2004/37/KE skont il-punt (a)(ii) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, jeħtieġ li l-karċinoġeniċità tas-sustanza speċifika tintwera b’evidenza xjentifika robusta, abbażi ta’ sorsi xjentifiċi validi disponibbli bħall-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-ECHA, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) u korpi nazzjonali, b’attenzjoni partikolari tingħata lil-letteratura ppubblikata evalwata bejn il-pari dwar dik is-sustanza. |
(5) |
Il-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali huma parti mill-miżuri għall-ġestjoni tar-riskju skont id-Direttiva 2004/37/KE. Dawk il-valuri limitu jenħtieġ li jiġu rieżaminati regolarment f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju tal-protezzjoni tal-ħaddiema, u fid-dawl tad-data xjentifika u teknika korretta disponibbli dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni. Jenħtieġ li jitqiesu wkoll it-titjib tat-tekniki tal-kejl, il-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju u fatturi rilevanti oħra. Il-konformità ma’ dawk il-valuri limitu hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra ta’ dawk li jħaddmu skont dik id-Direttiva, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-użu ta’ karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-karċinoġeni jew għall-mutaġeni u l-miżuri li jenħtieġ li jiġu implimentati għal dak l-għan. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu, sa fejn ikun teknikament possibbli, is-sostituzzjoni tal-karċinoġenu jew tal-mutaġenu b’sustanza, taħlita jew proċess li ma jkunx perikoluż jew li jkun inqas perikoluż għas-saħħa tal-ħaddiema, l-użu ta’ sistema magħluqa u miżuri oħra li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-livell tal-espożizzjoni tal-ħaddiema. |
(6) |
Id-drogi perikolużi, inkluż id-drogi ċitotossiċi li primarjament jintużaw fit-trattament tal-kanċer, jista’ jkollhom kwalitajiet ġenotossiċi, karċinoġeniċi jew mutaġeniċi. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu protetti l-ħaddiema li huma esposti għal drogi bħal dawn minħabba xogħol li jinvolvi: il-preparazzjoni, l-għoti bħala trattament jew ir-rimi ta’ drogi perikolużi, inkluż id-drogi ċitotossiċi; servizzi relatati mat-tindif, il-ġarr, il-ħasla jew ir-rimi ta’ skart ta’ drogi perikolużi jew ta’ materjal ikkontaminat b’tali drogi; jew mill-kura personali ta’ pazjenti trattati bi drogi perikolużi. Id-drogi perikolużi, inkluż id-drogi ċitotossiċi, huma soġġetti għall-miżuri tal-Unjoni li jipprevedu rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (6). Drogi perikolużi li fihom sustanzi li huma wkoll karċinoġeni jew mutaġeni huma soġġetti għad-Direttiva 2004/37/KE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-istrument l-aktar adatt biex tiġi żgurata s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema esposti għal drogi perikolużi, inklużi drogi ċitotossiċi. Waqt li tagħmel dan, jenħtieġ li l-aċċess għall-aħjar trattament disponibbli għall-pazjenti ma jiġix ipperikolat. |
(7) |
Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma twassalx għal effetti negattivi. Filwaqt li l-istabbiliment tal-valuri limitu fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-karċinoġeni u tal-mutaġeni skont din id-Direttiva ma jeliminax għalkollox ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirriżultaw minn espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol (riskju residwu), madanakollu dan jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti tar-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni bħal din fl-approċċ skont id-Direttiva 2004/37/KE li huwa gradwali u jistabbilixxi miri. Għal karċinoġeni u mutaġeni oħra, huwa xjentifikament possibbli li jiġu identifikati livelli li taħthom l-espożizzjoni ma tkunx mistennija twassal għal effetti negattivi. |
(8) |
Il-livelli massimi għall-espożizzjoni tal-ħaddiema għal xi karċinoġeni jew mutaġeni huma stabbiliti minn valuri li, skont id-Direttiva 2004/37/KE, ma għandhomx jinqabżu. |
(9) |
Din id-Direttiva ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Il-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina d-Direttiva 2004/37/KE fuq bażi regolari u tressaq proposti leġislattivi, jekk xieraq. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitu ġodda f’dik id-Direttiva fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inkluż data xjentifika u teknika ġdida u l-aħjar prattiki, tekniki u protokolli bbażati fuq l-evidenza għall-kejl tal-livelli ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni, jekk ikun possibbli, tinkludi data dwar ir-riskji residwi għas-saħħa tal-ħaddiema, rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (SCOEL) u opinjonijiet tal-RAC, kif ukoll opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ASCH) u monografi tal-IARC. It-trasparenza tal-informazzjoni hija għodda għall-prevenzjoni f’dak il-kuntest u jenħtieġ li tiġi żgurata. L-informazzjoni relatata mar-riskju residwu hija siewja għal kwalunkwe ħidma futura biex jiġu limitati r-riskji mill-espożizzjoni okkupazzjonali għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni, u jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku fil-livell tal-Unjoni. Din id-Direttiva hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-SCOEL, tal-RAC u tal-ACSH, li l-importanza tagħhom ġiet enfasizzata f’emendi preċedenti għad-Direttiva 2004/37/KE. |
(10) |
Fid-dawl ta’ data xjentifika, huwa meħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati l-mezzi ta’ assorbiment tal-karċinoġeni u l-mutaġeni apparti bl-inalazzjoni, inkluż il-possibbiltà ta’ assorbiment mill-ġilda u, f’każijiet bħal dawk, tingħata notazzjoni għall-ġilda għal sustanzi rilevanti sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta’ protezzjoni. L-emendi għall-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE previsti f’din id-Direttiva jikkostitwixxu pass ieħor fi proċess aktar fit-tul li nbeda biex tiġi aġġornata dik id-Direttiva. |
(11) |
Il-valutazzjoni tal-effetti fuq is-saħħa tal-karċinoġeni soġġetti għal din id-Direttiva kienet ibbażata fuq l-għarfien espert xjentifiku rilevanti mill-SCOEL u l-RAC. |
(12) |
L-SCOEL, li ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (7), jassisti lill-Kummissjoni b’mod partikolari fl-identifikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-analiżi fid-dettall tal-aktar data xjentifika reċenti disponibbli u billi jipproponi valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi, li għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttivi 98/24/KE u 2004/37/KE. |
(13) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-RAC iħejji l-opinjonijiet tal-ECHA dwar ir-riskji tas-sustanzi kimiċi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, l-RAC ħejja l-opinjoni tiegħu kif mitlub skont il-punt (c) tal-Artikolu 77(3) ta’ dak ir-Regolament. |
(14) |
Il-kampanja tal-2018 sal-2019 “Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa: Jimmaniġġjaw is-Sustanzi Perikolużi” hija eżempju tajjeb ta’ kif l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali fil-livell tal-Unjoni. Tajjeb li l-EU-OSHA taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tipprovdi informazzjoni u eżempji ta’ prattiki tajba mfassla apposta għall-ħaddiema li jkollhom kuntatt ma’ ċerti sustanzi, waqt li tenfasizza l-iżviluppi fil-politika u l-qafas leġislattiv diġà fis-seħħ. |
(15) |
Il-kadmju u ħafna mill-komposti inorganiċi tiegħu jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu f’dik id-Direttiva. Barra minn hekk, il-kadmju, in-nitrat tal-kadmju, l-idrossidu tal-kadmju u l-karbonat tal-kadmju ġew identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont il-punt (a) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u huma inklużi fil-lista ta’ kandidati msemmija fl-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-Regolament. |
(16) |
Fir-rigward tal-kadmju, huwa prevedibbli li ser ikun diffiċli li jkun hemm konformità ma’ valur limitu ta’ 0,001 mg/m3 fuq perijodu qasir. Huwa għalhekk xieraq li jiġi introdott perijodu transitorju ta’ tmien snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,004 mg/m3 (frazzjoni inalabbli). Bil-ħsieb li jitħarsu l-aspettattivi leġittimi u sabiex jiġi evitat it-tħarbit potenzjali tal-prattiki eżistenti fl-Istati Membri li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva jkunu jimplimentaw sistema ta’ bijomonitoraġġ b’valur limitu bijoloġiku li ma jaqbiżx 0,002 mg Cd/g ta’ kreatinina fl-awrina, il-valur limitu ta’ 0,004 mg/m3 f’dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jitkejjel bħala frazzjoni respirabbli matul il-perijodu transitorju, fid-dawl tal-opinjonijiet tal-SCOEL u tal-ACSH dwar il-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu. |
(17) |
Abbażi ta’ sorsi xjentifiċi validi disponibbli bħal dawk ipprovduti mill-SCOEL, l-RAC u l-korpi nazzjonali rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-għażla li d-Direttiva 2004/37/KE tiġi emendata biż-żieda ta’ dispożizzjonijiet dwar kombinazzjoni ta’ limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali fl-arja u ta’ valur limitu bijoloġiku għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu. |
(18) |
L-istabbiliment ta’ valur limitu bijoloġiku għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu jipproteġi lill-ħaddiema mit-tossiċità sistemika tagħhom, li taffettwa l-aktar lill-kliewi u l-għadam. Għalhekk il-monitoraġġ bijoloġiku jista’ jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol iżda biss bħala mezz li jikkumplementa l-monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tal-kadmju u tal-komposti inorganiċi tiegħu fl-arja u, għaldaqstant, ġewwa ż-żona tan-nifs għall-ħaddiema. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ linji gwida prattiċi għall-monitoraġġ bijoloġiku. |
(19) |
Il-berillju u ħafna mill-komposti inorganiċi tal-berillju jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Minbarra l-kwalitajiet karċinoġeniċi tiegħu, il-berillju huwa magħruf li jipprovoka l-berilljosi (CBD) u s-sensitizzazzjoni għall-berillju (BeS). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-berillju u għall-komposti inorganiċi tal-berillju f’dik id-Direttiva u li tiġi assenjata notazzjoni għas-sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda. |
(20) |
Fir-rigward tal-berillju, huwa prevedibbli li ser ikun diffiċli li jkun hemm konformità ma’ valur limitu ta’ 0,0002 mg/m3 fuq perijodu qasir. Huwa għalhekk xieraq li jiġi introdott perijodu transitorju ta’ seba’ snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,0006 mg/m3. |
(21) |
L-aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-biċċa l-kbira tal-komposti inorganiċi tal-arseniku, jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1A) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll għall-komposti inorganiċi tiegħu f’dik id-Direttiva. Barra minn hekk, l-aċidu arseniku, il-pentaossidu tad-diarseniku u t-triossidu tad-diarseniku huma identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont il-punt (a) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u huma inklużi fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, u jeħtieġu awtorizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jintużaw. |
(22) |
Fir-rigward tal-aċidu arseniku, huwa prevedibbli li li s-settur tat-tidwib tar-ram ser ikollu diffikultajiet biex jikkonforma ma’ valur limitu ta’ 0,01 mg/m3. Għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott perijodu transitorju ta’ erba’ snin. |
(23) |
Il-formaldeid jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Il-formaldeid huwa karċinoġenu ġenotossiku li jaġixxi lokalment u hemm biżżejjed evidenza xjentifika tal-karċinoġeniċità tiegħu fil-bniedem. Il-formaldeid huwa wkoll allerġen ta’ kuntatt għall-ġilda (sensitizzatur tal-ġilda). Huwa għalhekk xieraq, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, li jiġi stabbilit valur limitu fuq perijodu twil u fuq perijodu qasir għall-formaldeid f’dik id-Direttiva u li tiġi assenjata notazzjoni għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda. Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-ECHA qed tiġbor l-informazzjoni eżistenti biex tivvaluta l-espożizzjoni potenzjali għall-formaldeid u mir-rilaxxaturi tal-formaldeid fuq il-post tax-xogħol, inkluż l-użi industrijali u professjonali. |
(24) |
L-użu tal-fissativi tal-formaldeid huwa normali fis-settur tal-kura tas-saħħa madwar l-Unjoni billi huma konvenjenti li jiġu mmaniġġati, għandhom livell għoli ta’ akkuratezza u huma estremament adattabbli. F’xi Stati Membri, huwa prevedibbli li s-settur tal-kura tas-saħħa ser ikollu diffikultajiet biex jikkonforma, fuq perijodu qasir ta’ żmien, mal-valur limitu ta’ 0,37 mg/m3 jew 0,3 ppm. Huwa għalhekk xieraq, li jiġi introdott għal dak is-settur perijodu transitorju ta’ ħames snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,62 mg/m3 jew ta’ 0,5 ppm. Is-settur tal-kura tas-saħħa jenħtieġ għalhekk, li jimminimizza l-espożizzjoni tal-formaldeid u huwa mħeġġeġ jirrispetta l-valur limitu ta’ 0,37 mg/m3 jew 0,3 ppm matul il-perijodu transitorju kull fejn ikun possibbli. |
(25) |
F’xi Stati Membri, il-formaldeid jintuża regolarment għall-fini tal-ibbalzmar ta’ persuni mejta bħala parti mill-prattiki kulturali jew reliġjużi tagħhom. Huwa prevedibbli li s-settur tal-funerali ser ikollu diffikultajiet biex jikkonforma, fuq perijodu qasir ta’ żmien, mal-valur limitu ta’ 0,37 mg/m3 jew 0,3 ppm. Huwa għalhekk xieraq, li jiġi introdott għal dak is-settur perijodu transitorju ta’ ħames snin, li matulu jenħtieġ li japplika l-valur limitu ta’ 0,62 mg/m3 jew 0,5 ppm. |
(26) |
In-notazzjonijiet għas-sensitizzazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva għall-berillju u l-formaldeid iddaħħlu biex jagħtu ċarezza. Fl-istabbiliment ta’ notazzjonijiet bħal dawn fl-aġġornament tad-Direttiva 2004/37/KE, jenħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza mal-liġii rilevanti tal-Unjoni. Dan jista’ jinkludi ż-żieda ta’ notazzjonijiet għas-sensitizzazzjoni għal sustanzi li għalihom diġà hemm entrata speċifika fl-Anness III għal dik id-Direttiva, fejn rilevanti. |
(27) |
Is-sustanza 4,4′-Metilen-bis(2-kloroanilina) (MOCA) tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Il-karċinoġeniċità tagħha, flimkien mal-kapaċitajiet ġenotossiċi evidenti tagħha, għamlu possibbli l-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza bħala karċinoġenika għall-bniedem. Ġiet identifikata l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti permezz tal-ġilda għall-MOCA. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-MOCA u li tiġi assenjata notazzjoni għall-ġilda għaliha. Barra minn hekk, ġiet identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna skont il-punt (a) tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u hija inkluża fl-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, u teħtieġ awtorizzazzjoni qabel ma tkun tista’ titqiegħed fis-suq jew tintuża. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi data xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għall-MOCA. |
(28) |
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-ACSH. Wettqet ukoll konsultazzjoni f’żewġ stadji mal-maniġment u mal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-ACSH adotta opinjonijiet għas-sustanzi koperti minn din id-Direttiva u ppropona valur limitu vinkolanti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għal kull wieħed minnhom, filwaqt li appoġġa n-notazzjonijiet rilevanti għal xi wħud minnhom. |
(29) |
Il-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva jridu jinżammu taħt skrutinju u rieżami regolari sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, b’mod partikolari sabiex titqies l-interazzjoni bejn il-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE u l-livelli derivati ta’ bla effett għas-sustanzi kimiċi perikolużi skont dak ir-Regolament sabiex il-ħaddiema jkunu protetti b’mod effettiv. |
(30) |
Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-saħħa u sigurtà tagħhom, inkluż il-prevenzjoni ta’ dawn ir-riskji, li jinqalgħu jew li jistgħu jinqalgħu minn espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(31) |
Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri u l-korpi rilevanti fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali huma mħeġġa jipprovdu inċentivi, gwida u pariri lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju biex tiffaċilita l-konformità ma’ din id-Direttiva. F’dak il-kuntest, ftehimiet mas-sħab soċjali, gwida u azzjonijiet konġunta oħra li tidentifika u tiżviluppa l-aħjar prattiki jintlaqgħu b’sodisfazzjon. |
(32) |
Minħabba li din id-Direttiva tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jenħtieġ li tiġi trasposta fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. |
(33) |
Għalhekk id-Direttiva 2004/37/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2004/37/KE hija emendata kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 18a, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin: “Mhux aktar tard mill-11 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-għażla li din id-Direttiva tiġi emendata biż-żieda ta’ dispożizzjonijiet dwar kombinazzjoni ta’ limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali fl-arja u ta’ valur limitu bijoloġiku għall-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu. Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2020 il-Kummissjoni għandha, waqt li tqis l-iżviluppi l-aktar reċenti fl-għarfien xjentifiku, u wara konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari mal-prattikanti u ma’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa, tivvaluta jekk temendax din id-Direttiva sabiex tinkludi drogi perikolużi, inkluż drogi ċitotossiċi, jew jekk tipproponix strument aktar xieraq għall-fini li tiżgura s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema esposti għal drogi bħal dawn. Abbażi t’hekk, il-Kummissjoni għandha tressaq, jekk ikun xieraq u wara konsultazzjoni mal-maniġment u l-ħaddiema, proposta leġislattiva.”. |
(2) |
L-Anness III huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva. |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-11 ta’ Lulju 2021. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 440, 6.12.2018, p. 145.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2019.
(3) ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
(4) Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
ANNESS
Fil-punt A tal-Anness III għad-Direttiva 2004/37/KE, jinżdiedu l-linji li ġejjin:
Isem tal-aġent |
Nru tal-KE (1) |
Nru tal-CAS (2) |
Valuri limitu |
Notazzjoni |
Miżuri transitorji |
|||||
għal 8 sigħat (3) |
għal żmien qasir (4) |
|||||||||
mg/m3 (5) |
ppm (6) |
f/ml (7) |
mg/m3 (5) |
ppm (6) |
f/ml (7) |
|||||
“Kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu |
— |
— |
0,001 (11) |
— |
— |
— |
— |
— |
|
Valur limitu ta' 0,004 mg/m3 (12) sal-11 ta' Lulju 2027. |
Berillju u l-komposti inorganiċi tal-berillju |
— |
— |
0,0002 (11) |
— |
— |
— |
— |
— |
sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda (13) |
Valur limitu ta' 0,0006 mg/m3 sal-11 ta' Lulju 2026. |
Aċidu arseniku u l-imluħ tiegħu, kif ukoll il-komposti inorganiċi tal-arseniku |
— |
— |
0,01 (11) |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
Għas-settur tat-tidwib tar-ram il-valur limitu għandu japplika mill-11 ta' Lulju 2023. |
Formaldeid |
200-001-8 |
50-00-0 |
0,37 |
0,3 |
— |
0,74 |
0,6 |
— |
sensitizzazzjoni tal-ġilda (14) |
Valur limitu ta' 0,62 mg/m3 jew 0,5 ppm (3) għas-settur tal-kura tas-saħħa, tal-funerali u dak tal-ibbalzmar sal-11 ta' Lulju 2024. |
4,4′-Metilen-bis(2-kloroanilina) |
202-918-9 |
101-14-4 |
0,01 |
— |
— |
— |
— |
— |
ġilda (10) |
|
(11) Frazzjoni inalabbli.
(12) Frazzjoni inalabbli. Frazzjoni respirabbli f'dawk l-Istati Membri li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, jimplimentaw sistema ta' bijomonitoraġġ b'valur limitu bijoloġiku li ma jaqbiżx 0,002 mg Cd/g ta' kreatinina fl-awrina.
(13) Is-sustanza tista' tikkawża sensitizzazzjoni tal-ġilda u tas-sistema respiratorja.
(14) Is-sustanza tista' tikkawża sensitizzazzjoni tal-ġilda.”