EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2210

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2210 tal-25 ta' Settembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

OJ L 316, 1.12.2017, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2210/oj

Related international agreement

1.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2210

tal-25 ta' Settembru 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistipula l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (“PRIMA”) li jipparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri.

(2)

L-għan tal-PRIMA hu li jiġi implimentat programm biex jinbnew kapaċitajiet ta' riċerka u ta' innovazzjoni u biex jiġu żviluppati l-għarfien u soluzzjonijiet innovattivi komuni għas-sistemi agroalimentari, biex dawn isiru sostenibbli, u għall-provvista u l-ġestjoni integrati tal-ilma fiż-żona tal-Mediterran, biex dawk is-sistemi u dik il-provvista u l-ġestjoni jsiru aktar reżiljenti għall-klima, effiċjenti, kosteffettivi u ambjentalment u soċjalment sostenibbli, u biex isir kontribut biex tinstab soluzzjoni upstream għal problemi marbutin mal-iskarsezza tal-ilma, is-sikurezza alimentari, in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-benesseri u l-migrazzjoni.

(3)

Fi PRIMA se jipparteċipaw b'mod konġunt għadd ta' Stati Membri u ta' pajjiżi terzi (“Stati Parteċipanti”) b'livell għoli ta' impenn għall-integrazzjoni xjentifika, finanzjarja u tal-ġestjoni u bl-istess termini u kundizzjonijiet.

(4)

Ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (“l-Eġittu”) esprimiet ix-xewqa tagħha li tissieħeb fi PRIMA bħala Stat Parteċipant u fl-istess livell tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati ma' Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) li jipparteċipaw fi PRIMA.

(5)

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, l-Eġittu jsir Stat Parteċipant fi PRIMA soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi PRIMA.

(6)

Fit-30 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni, mal-Eġittu dwar Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (“il-Ftehim”), soġġett għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess meta l-Partijiet poġġew l-inizjali tagħhom fuq il-Ftehim.

(7)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat.

(8)

Sabiex l-Eġittu jkun jista' jipparteċipa fi PRIMA mill-bidu nett, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mid-data li fiha l-Unjoni tirċievi n-notifika mill-Eġittu dwar it-tlestija tal-proċeduri tiegħu stess għall-approvazzjoni tal-Ftehim, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li pparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1).


Top