EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0627

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 627/2012 tal- 10 ta’ Lulju 2012 li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali u r-reviżjoni ta’ skadenza dwar il-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja imposti bir-Regolament (KE) Nru 1425/2006

ĠU L 182, 13.7.2012, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/627/oj

13.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 627/2012

tal-10 ta’ Lulju 2012

li jtemm ir-reviżjoni interim parzjali u r-reviżjoni ta’ skadenza dwar il-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja imposti bir-Regolament (KE) Nru 1425/2006

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2), (3), (5) u (6)u l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 (2), il-Kunsill impona dazju tal-anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) u mit-Tajlandja.

(2)

Dak ir-Regolament imbagħad ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1356/2007 (3), (KE) Nru 249/2008 (4) u (KE) Nru 189/2009 (5) u bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 474/2011 (6) u (UE) Nru 475/2011 (7).

2.   It-talbiet għar-reviżjonijiet u t-tnedija

(3)

Fit-18 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 minn Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd, produttur esportatur ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik fir-RPĊ (“l-applikant”).

(4)

Sussegwentement, wara l-pubblikazzjoni ta’ Avviż ta’ skadenza imminenti tal-miżuri definittivi tal-anti-dumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, talba għal reviżjoni tal-iskadenza, li tressqet fit-30 ta’ Ġunju 2011.

(5)

It-talba tressqet minn 44 produttur tal-Unjoni flimkien, li jirrappreżentaw madwar 30 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik.

(6)

It-talba ssejset fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għat-tkomplija tad-dumping u ħsara jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(7)

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ddeterminat, li kien hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta’ reviżjoni interim parzjali u reviżjoni ta’ skadenza u ħabbret it-tnedija tar-reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament b'avviż ippubblikat fil-21 ta’ Settembru 2010 u fis-27 ta’ Settembru 2011 rispettivament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-investigazzjonijiet

3.1.   Il-perjodi ta’ investigazzjoni

(8)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza tat-tkomplija jew tar-rikorrenza ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2010 u t-30 ta’ Ġunju 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ ħsara kopra l-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-tmiem tal-PIR (“il-perjodu kkunsidrat”).

(9)

Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni għar-reviżjoni interim parzjali li huwa limitat fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping fir-rigward ta’ Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd. kopriet il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2009 u t-30 ta’ Ġunju 2010.

3.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(10)

Il-prodott ikkonċernat fiż-żewġ investigazzjonijiet huwa l-ixkejjer u l-basktijiet tal-plastik li bħala piż fihom mill-anqas 20 % f’polietilina u ta’ folja li l-ħxuna tagħha ma taqbiżx il-100 mikrometru (μm), li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Tajlandja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90.

(11)

Safejn huwa kkonċernat il-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq tal-Unjoni, ma setgħu jsiru l-ebda sejbiet konklussivi fir-rigward tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, minħabba l-koperazzjoni insuffiċjenti tal-industrija tal-Unjoni fir-reviżjoni tal-iskadenza (ara t-taqsima B).

(12)

Safejn huwa kkonċernat il-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq domestiku mill-applikant, għar-reviżjoni interim, kif ukoll il-prodott magħmul u mibjugħ f’pajjiż analogu potenzjali fil-qafas tar-reviżjoni interim, huwa nnotat li l-investigazzjoni ma waslet għall-ebda konklużjoni minħabba t-tmiem taż-żewġ investigazzjonijiet attwali u r-revoka tal-miżuri eżistenti (ara t-taqsima B).

3.3.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(13)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lil Greenwood Houseware (Zhuhai) Ltd u lir-rappreżentanti tar-RPĊ dwar it-tnedija tar-reviżjoni interim parzjali li fl-ambitu kienet limitata għall-eżami ta’ dumping. Iż-żewġ partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta’ tnedija.

(14)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi tal-Unjoni li ppreżentaw it-talba għar-reviżjoni tal-iskadenza, lill-produtturi magħrufa l-oħra tal-Unjoni u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Il-produtturi fil-pajjiżi analogi possibbli, jiġifieri l-Indja, l-Indoneżja, il-Malażja, it-Turkija u l-Istati Uniti u r-rappreżentanti tar-RPĊ u t-Tajlandja kienu wkoll infurmati bit-tnedija tar-reviżjoni tal-iskadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż ta’ tnedija.

(15)

Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

3.4   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(16)

Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti fl-investigazzjoni tal-iskadenza, l-applikazzjoni tal-kampjunar kienet prevista fl-Avviż rilevanti ta’ tnedija skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

3.4.1   Deskrizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(17)

Is-settur tal-produzzjoni tal-ixkejjer u l-basktijiet tal-plastik fl-Unjoni huwa ferm frammentat b'għadd kbir ta’ produtturi ta’ daqsijiet differenti, inkluż settur kbir ta’ produtturi żgħar mifruxa f'bosta Stati Membri.

(18)

L-informazzjoni pprovduta fit-talba fl-istadju tat-tnedija indikat li kumpaniji kbar u medji jirrappreżentaw madwar 25 % tal-produtturi li kkoperaw u madwar 70 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-produtturi li kkoperaw. Għalhekk, kumpaniji żgħar, irrappreżentaw madwar 75 % tal-produtturi li kkoperaw u madwar 30 % tal-produzzjoni tagħhom.

(19)

Barra minn hekk, l-informazzjoni wriet li l-produzzjoni tal-Unjoni hija mifruxa fost diversi Stati Membri, iżda hija kkonċentrata l-iżjed fi Franza, fil-Ġermanja, fi Spanja u fl-Italja.

3.4.2   Il-metodoloġija tal-kampjunar

(20)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku jeħtieġ li d-determinazzjoni ta’ ħsara tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u li tkun tinvolvi determinazzjoni oġġettiva ta', inter alia, l-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni. Kull sejba ta’ ħsara u l-informazzjoni miġbura għal dak il-għan ikollhom għalhekk ikunu rappreżentattivi tal-industrija kollha tal-Unjoni.

(21)

Isegwi li fl-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni kellu jiġi kkunsidrat il-livell għoli ta’ frammentazzjoni tas-settur tal-ixkejjer u l-boroż tal-plastik. Ġie kkunsidrat li, sabiex ikun hemm konklużjonijiet li jkunu rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni kollha, hemm bżonn li jiġi żgurat ukoll li s-sitwazzjoni tal-kumpaniji ż-żgħar tintwera kif xieraq.

(22)

Konsegwentement, għall-għażla ta’ kampjun rappreżentattiv tal-produtturi tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni li kkoperaw kienu maqsuma f'żewġ segmenti bbażati fuq il-volum tal-produzzjoni annwali tagħhom: kumpaniji kbar u medji bi produzzjoni ta’ aktar minn 15 000 tunnellata fuq naħa u kumpaniji żgħar bi produzzjoni taħt il-15 000 tunnellata fuq in-naħa l-oħra. Kien previst li l-kampjunar isir mill-akbar kumpaniji fi ħdan kull segment.

(23)

Barra minn hekk, il-firxa ġeografika tal-produtturi fost l-Istati Membri kif deskritt fil-premessa 19 tqieset ukoll.

3.4.3   Il-proċedura għall-għażla tal-kampjun proviżorju

(24)

Il-proċedura għall-kisba tal-informazzjoni meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni rriżultat mill-informazzjoni miksuba fl-istadju tat-tnedija. Barra minn hekk, l-avviż ta’ tnedija stieden lill-produtturi l-oħrajn kollha sabiex jippreżentaw irwieħhom jekk dawn jixtiequ jkunu parti mill-kampjun. Wara l-pubblikazzjoni ta’ Avviż ta’ tnedija, l-ebda kumpanija ma kkuntattjat lill-Kummissjoni biex tkun inkluża fil-kampjun.

(25)

Bħala riżultat tal-kriterji spjegati fil-premessi 20 sa 23, intgħażlu ħames produtturi tal-Unjoni li joperaw f’erba’ Stati Membri biex ikunu fil-kampjun. Dawn kienu l-akbar produtturi f'kull wieħed miż-żewġ segmenti meta tqis id-daqs u l-lokazzjoni ġeografika. Tliet kumpaniji fil-kampjun jappartjenu lis-segment tal-kumpaniji l-kbar u medji u tnejn lis-segment tal-kumpaniji ż-żgħar.

(26)

Il-kumpaniji magħżula jirriflettu wkoll il-firxa ġeografika fost l-Istati Membri f’termini ta’ produzzjoni, bil-Ġermanja u Franza jirrappreżentaw il-kumpaniji li joperaw fis-segment tal-kumpaniji kbar u medji u Spanja u l-Italja dawk li joperaw fis-segment tal-kumpaniji ż-żgħar.

(27)

B'hekk, il-kampjun magħżul rrappreżenta 22,5 % tal-produzzjoni totali tal-ixkejjer u l-basktijiet tal-plastik tal-produtturi li kkoperaw u 12,3 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni, ibbażata fuq iċ-ċifri tal-produzzjoni totali tal-Unjoni rrappurtati fit-talba.

(28)

Fl-istadju tat-tnedija, il-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha ġew infurmati bil-kompożizzjoni tal-kampjun proviżorju u ngħataw il-possibbiltà li jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment.

B.   IL-QAGĦDA TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(29)

Huwa mfakkar li d-determinazzjoni ta’ ħsara għandha tkun valutazzjoni, bbażata fuq l-evidenza, tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni.

(30)

Għaldaqstant, il-frammentazzjoni tal-industrija kellha tiġi kkunsidrata fil-kampjun u barra minn hekk intbagħtu kwestjonarji li rrikjedew dejta ġenerali prinċipalment rigward l-indikaturi makroekonomiċi għal kull Stat Membru lill-Assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha sabiex tinkiseb it-tagħrif meħtieġ.

(31)

Fir-rigward tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, il-livell tar-rappreżentattività kien serjament affettwat mill-fatt li l-akbar produttur fil-kampjun li jopera fis-segment tal-kumpaniji kbar u medji u produttur wieħed li jopera f'dak tal-kumpaniji ż-żgħar infurmaw lill-Kummissjoni li ma jixtiequx jirrispondu għall-kwestjonarju. Dan kien ifisser li tlieta biss fost ħames kumpaniji fil-kampjun komplew jikkoperaw u li l-ebda tagħrif jew biss ftit tagħrif parzjali ġie pprovdut għas-segmenti identifikati u l-Istati Membri produtturi.

(32)

Għaldaqstant, saru bosta tentattivi biex jintagħżel kampjun rappreżentattiv ġdid li jirrispetta l-metodoloġija tal-għażla spjegata fil-premessi 17 sa 28.

(33)

F'dan ir-rigward, b'kollox ġew identifikati sitt produtturi tal-Unjoni addizzjonali, li kienu esprimew ir-rieda tagħhom li jitteħdilhom kampjun, bħala sostituti possibbli għaż-żewġ kumpaniji li kienu rtiraw il-koperazzjoni tagħhom mill-kampjun. Dawn is-sitt kumpaniji addizzjonali ġew avviċinati u ntalbu jikkoperaw billi jimlew il-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni.

(34)

Minn dawn is-sitt produtturi tal-Unjoni addizzjonali li ġew avviċinati, produttur wieħed biss li jirrappreżenta s-segment tal-kumpaniji kbar u medji, eventwalment aċċetta li jikkopera. Ma nstab l-ebda sostitut li jirrappreżenta l-produzzjoni fil-Ġermanja, wieħed mill-akbar Stati Membri f’termini ta’ produzzjoni ta’ xkejjer u basktijiet tal-plastik.

(35)

Għalhekk, ma kienx possibbli li jintagħżel kampjun ġdid skont l-Artikolu 17(4) tar-Regolament bażiku, għaliex ir-rekwiżit tar-rappreżentattività fit-termini tas-segmenti identifikati u l-Istati Membri produtturi, ma setax jiġi sodisfatt.

(36)

Minħabba l-ftit koperazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, ma setax jiġi raġonevolment konkluż li d-dejta miġbura mill-kumpaniji li kkoperaw kienet tirrifletti l-qadgħa tal-industrija tal-Unjoni kollha u għalhekk ma kienx possibli li jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku ġewx sodisfatti.

(37)

Wara t-tentattivi biex jintgħażel kampjun ġdid, grupp wieħed ta’ produtturi tenna l-impenn tiegħu li jieħu sehem attiv fir-reviżjoni tal-iskadenza, biex b'hekk reġa' stqarr l-importanza għall-industrija tal-Unjoni li l-miżuri tal-anti-dumping fis-seħħ jibqgħu tali. Dan il-grupp ta’ produtturi esprima d-dispjaċir tiegħu li wieħed biss fosthom kien mistieden mill-Kummissjoni biex jimla l-kwestjonarju. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnutat li r-rieda ta’ dawn il-kumpaniji li jikkoperaw ġiet ikkunsidrata bis-sħiħ u dawn ġew inklużi kollha fil-grupp tal-kumpaniji li kienu kkunsidrati għall-għażla tal-kampjun il-ġdid. Huwa mfakkar, madankollu, li sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività meħtieġa, l-għażla tal-metodu, kif deskritt fil-premessi 17 sa 28, kellha tiġi rispettata wkoll fil-kampjun il-ġdid. Billi waħda biss mill-kumpaniji ta’ dan il-grupp kienet tissodisfa l-kriterji msemmija hawn fuq, dik il-kumpanija biss setgħat tkun mistiedna biex tkunu parti mill-kampjun. Il-kumpaniji l-oħra kienu ta’ daqs jew kienu jinsabu fi Stati Membri li diġà kienu rappreżentati biżżejjed fil-kampjun.

(38)

Ċertu tagħrif dwar il-produzzjoni fil-pajjiż kollu, iċ-ċifri tal-bejgħ u makro indikaturi ewlenin oħra wasal mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Italja u b'mod parzjali, Franza. Madankollu, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Konvertituri tal-Plastik (European Plastics Converters Association) (EuPC) ma pprovdietx it-tagħrif mitlub fil-kwestjonarju speċifiku mibgħut lilha u għalhekk, ma setgħet tinġabar l-ebda dejta konklussiva dwar il-livell makroekonomiku madwar l-Unjoni.

C.   IT-TMIEM TAL-PROĊEDIMENTI

(39)

Fid-dawl ta’ dan t'hawn fuq u skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku, ir-reviżjoni tal-iskadenza li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ basktijiet tal-plastik mir-RPĊ u mit-Tajlandja għandhom jintemmu.

(40)

Il-livell baxx ta’ koperazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ kampjun rappreżentattiv ma ħalliex lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ġewx sodisfatti -kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż jekk l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ aktarx se twassal għat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta’ ħsara u għal dawn ir-raġunijiet l-investigazzjoni għandha tintemm.

(41)

Minn dan t'hawn fuq isegwi li r-reviżjoni interim hija bla skop u għandha tintemm ukoll.

(42)

Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kien intiż li jiġi rrakkomandat it-tmiem taż-żewġ investigazzjonijiet. Dawn ingħataw ukoll perjodu biex jibagħtu l-kummenti tagħhom wara dak l-iżvelar. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta fejn kienu ġustifikati.

(43)

Parti interessata waħda stqarret li peress li ġie propost li din ir-reviżjoni tintemm minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni, il-miżuri tal-anti-dumping għandhom jitħassru b'effett retroattiv, jiġifieri mit-30 ta’ Settembru 2011, id-data meta l-miżuri fis-seħħ kellhom jiskadu inizjalment.

(44)

F'dan il-kuntest huwa mfakkar li t-talba għar-reviżjoni saret mill-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw aktar minn 30 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni skont ir-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jistipula espliċitament li l-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sa ma joħroġ ir-riżultat tar-reviżjoni. Madankollu, is-sejbiet imsemmija fil-premessa 40, ma kellhomx impatt fuq il-legalità tat-tnedija tar-reviżjoni, li jfisser li jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 11(2) li jistipulaw li l-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sa ma joħroġ ir-riżultat tar-reviżjoni. Għaldaqstant, dan l-argument kellu jiġi rifjutat.

(45)

Għadd ta’ produtturi tal-Unjoni wieġbu wkoll għall-iżvelar billi stqarru li kienu qegħdin jirtiraw bħala produtturi ilmentaturi. Madankollu, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li produtturi oħrajn tal-Unjoni żammew il-pożizzjoni tagħhom u minħabba l-fatt li r-rekwiżiti ta’ rappreżentattività kif deskritti fil-premessa 5 ġew sodisfatti fil-waqt tat-tnedija tal-każ, dan ma kienx se jkollu impatt fuq il-proċedura.

(46)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, l-ebda mill-kummenti li waslu ma kien tali li jbiddel il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. Huwa għalhekk konkluż li l-proċediment tal-anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Tajlandja għandu jintemm u l-miżuri għandhom jiġu revokati. Minn dan isegwi li r-reviżjoni interim li għaddejja bħalissa u li hija msemmija fil-premessa 3, se tintemm flimkien ma’ din ir-reviżjoni ta’ skadenza

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-miżuri tal-anti-dumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti boroż u xkejjer tal-plastik, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja huma b'dan imħassra u l-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet huwa mitmum.

Artikolu 2

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li tnediet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, hija b'dan mitmuma.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.

(3)  ĠU L 304, 22.11.2007, p. 5.

(4)  ĠU L 76, 19.3.2008, p. 8.

(5)  ĠU L 67, 12.3.2009, p. 5.

(6)  ĠU L 131, 18.5.2011, p. 2.

(7)  ĠU L 131, 18.5.2011, p. 10.


Top