EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0780

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 780/2011 tal- 4 ta’ Awwissu 2011 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u mir-Regolament (UE) Nru 65/2011 fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammonti tal-għajnuna għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi b'rabta mal-Portugall kontinentali għall-2011

OJ L 202, 5.8.2011, p. 34–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32014R0640

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/780/oj

5.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/34


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 780/2011

tal-4 ta’ Awwissu 2011

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u mir-Regolament (UE) Nru 65/2011 fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammonti tal-għajnuna għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi b'rabta mal-Portugall kontinentali għall-2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa [għall-bdiewa] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa [għall-bdiewa], u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 142(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (3), fl-Artikolu 23(1) tiegħu, jipprovdi għat-tnaqqis li għandu jiġi applikat fil-każ tas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjoni għall-għajnuna kif ukoll ta’ dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet li huma kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna.

(2)

Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (4), l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 japplikaw mutatis mutandis għat-talbiet għall-pagamenti skont it-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 65/2011.

(3)

Il-Portugall implimenta sistema ta’ applikazzjoni waħda għall-għajnuna li tkopri diversi skemi ta’ appoġġ, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. B'mod partikulari, l-applikazzjonijiet għall-iskema ta’ pagament uniku skont it-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-applikazzjonijiet għall-primjums tan-nagħaġ u tal-mogħoż skont l-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa [għall-bdiewa] previsti fit-Titoli IV u V tiegħu (5) u ċerti applikazzjonijiet għall-għajnuna mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jagħmlu parti mill-applikazzjoni unika.

(4)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, il-Portugall stabbilixxa l-15 ta’ Mejju tas-sena tal-applikazzjoni bħala l-aħħar ġurnata li fiha jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet uniċi għall-2011. F'dak li għandu x'jaqsam mal-applikazzjonijiet uniċi li jinkludu applikazzjoni għall-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż, il-Portugall stabbilixxa t-30 ta’ April tas-sena tal-applikazzjoni bħala l-aħħar ġurnata li fiha jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet għall-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż għall-2011 skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009.

(5)

Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, meta l-aħħar data għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna jew ta’ kwalunkwe dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ skont it-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 tkun vaganza pubblika jew taħbat is-Sibt jew il-Ħadd, din għandha titqies li hija l-ewwel ġurnata tax-xogħol ta’ wara. B'hekk, fl-2011, l-applikazzjonijiet uniċi jistgħu jitressqu sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 2011, li hija l-ewwel ġurnata tax-xogħol wara l-15 ta’ Mejju 2011. B'mod iktar speċifiku, f'dak li għandu x'jaqsam mal-applikazzjonijiet uniċi li jinkludu applikazzjoni għall-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż, it-tali applikazzjonijiet jistgħu jitressqu sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Mejju 2011, li hija l-ewwel ġurnata tax-xogħol wara t-30 ta’ April 2011.

(6)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħbula tar-raba' jiġu identifikati b'mod affidabbli u jitlob li l-applikazzjoni unika jkollha magħha dokumenti li jidentifikaw il-ħbula tar-raba' sabiex tkun tista' tiġi implimentata s-sistema ta’ kontroll.

(7)

Bi tweġiba għan-nuqqasijiet relatati mal-identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba', li fil-passat kienu jiġu nnutati b'mod regolari, il-Portugall implimenta “Pjan ta’ Azzjoni” flimkien mal-Kummissjoni. Dan l-impenn jinkludi, b'mod partikulari, l-aġġornament tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba' fil-Portugall.

(8)

B'rabta mal-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji, il-Portugall żied il-kapaċità amministrattiva tiegħu li jirċievi applikazzjonijiet għall-għajnuna u, meta mqabbel mal-2010, ressaq 'il quddiem id-data tal-bidu biex jibda jirċievi l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-1 ta’ Frar 2011.

(9)

Madankollu, il-Portugall esperjenza ċirkostanzi eċċezzjonali fl-amministrazzjoni tiegħu tal-applikazzjonijiet uniċi għall-2011 safejn huwa kkonċernat il-Portugall kontinentali. B'mod partikulari, minħabba finalizzazzjoni mdewma tal-interpretazzjoni tar-ritratt ta’ 1 800 000 ħabel raba' minn kuntrattur estern, is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba' ma setgħetx tiġi aġġornata skont l-iskeda prevista. Għalhekk, il-bdiewa ngħataw l-informazzjoni aġġornata dwar il-ħbula tar-raba' biss fil-21 ta’ Frar 2011.

(10)

Minħabba l-kapaċità teknika eżistenti fil-Portugall, li diġà kienet tkabbret b'antiċipazzjoni tal-implimentazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni”, din is-sitwazzjoni affettwat l-abbiltà tal-applikanti li jissottomettu applikazzjonijiet uniċi għall-għajnuna għall-Portugall kontinentali fil-limiti taż-żmien ipprovduti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009.

(11)

Dawn id-diffikultajiet huma msaħħa bil-fatt li l-proċedura tal-applikazzjoni fil-Portugall b'mod partikulari tieħu ħafna ħin minħabba li t-tiswijiet tal-konfini tal-ħbula tar-raba' li jservu ta’ referenza jridu jiġu ċċekkjati sewwa mill-bdiewa wara li ġiet aġġornata s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba'. Għalhekk, huwa partikolarment diffiċli li wieħed iżomm mal-iskadenzi tas-16 ta’ Mejju 2011 u tat-2 ta’ Mejju 2011 rispettivament, minħabba l-kuntest ġenerali tal-“Pjan ta’ Azzjoni” u l-impenji meħuda mill-Portugall biex itejjeb is-sistema integrata tiegħu tal-amministrazzjoni u l-kontroll.

(12)

Għalhekk, huwa xieraq li t-tnaqqis ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ma jiġix applikat għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi għal dawk il-bdiewa li ħolqu l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom għall-Portugall kontinentali fis-sistema tal-applikazzjonijiet elettroniċi sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 2011 jew, fil-każ tal-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż, sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Mejju 2011, u li ffinalizzaw u ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom sa mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara s-16 ta’ Mejju 2011 jew it-2 ta’ Mejju 2011 rispettivament.

(13)

Bl-istess mod, b'deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 u għat-talbiet għall-pagamenti b'rabta mal-Portugall kontinentali skont it-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, huwa xieraq li t-tnaqqis ma jiġix applikat għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi li nħolqu fis-sistema tal-applikazzjonijiet elettroniċi sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 2011 u li ġew iffinalizzati u sottomessi sa mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara s-16 ta’ Mejju 2011.

(14)

Minħabba li d-derogi proposti għandhom ikopru l-applikazzjonijiet uniċi sottomessi għas-sena tal-għajnuna 2011, huwa xieraq li dan ir-Regolament japplika retroattivament.

(15)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'deroga mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, għas-sena tal-applikazzjoni 2011 ma għandu japplika l-ebda tnaqqis għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi għal dawk il-bdiewa li jkunu ħolqu l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom għall-Portugall kontinentali fis-sistema tal-applikazzjonijiet elettroniċi sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 2011 u li jkunu ffinalizzaw u ssottomettew l-applikazzjonijiet tagħhom sa mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara s-16 ta’ Mejju 2011.

2.   B'deroga mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, meta l-applikazzjonijiet uniċi għall-2011 ikunu jinkludu applikazzjoni għall-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż, ma għandu japplika l-ebda tnaqqis għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi b'rabta ma’ dak il-primjum għal dawk il-bdiewa li jkunu ħolqu l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom għall-Portugall kontinentali fis-sistema tal-applikazzjonijiet elettroniċi sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Mejju 2011 u li jkunu ffinalizzaw u ssottomettew l-applikazzjonijiet tagħhom sa mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara t-2 ta’ Mejju 2011.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, għas-sena tal-applikazzjoni 2011 ma għandu japplika l-ebda tnaqqis ipprovdut fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għat-talbiet għall-pagamenti b'rabta mal-Portugall kontinentali skont it-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi jekk dawk l-applikazzjonijiet ikunu nħolqu fis-sistema tal-applikazzjonijiet elettroniċi sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 2011 u jkunu ġew iffinalizzati u sottomessi sa mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara s-16 ta’ Mejju 2011.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(3)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

(4)  ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8.

(5)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27.


Top