Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1333

Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/06/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1333/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 354/16


REGOLAMENT (KE) Nru 1333/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

dwar l-addittivi ta’ l-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-moviment liberu ta’ ikel mhux perikoluż u sustanzjuż huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini, u għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

(2)

Livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat biex titwettaq il-politika tal-Komunità.

(3)

Dan ir-Regolament jieħu post id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw l-addittivi ta’ l-ikel permessi għall-użu fl-ikel, bil-ħsieb li jkunu żgurati l-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi, permezz ta’ proċeduri komprensivi u semplifikati.

(4)

Dan ir-Regolament jarmonizza l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel f’ikel fil-Komunità. Dan jinkludi l-użu ta’ addittivi ta’ l-ikel f’ikel kopert bid-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (3) u l-użu ta’ ċerti kuluri ta’ l-ikel għall-immarkar tas-saħħa tal-laħam u għat-tiżjin u għall-istampar tal-bajd. Dan jarmonizza wkoll l-użu ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-addittivi ta’ l-ikel u fl-enzimi ta’ l-ikel, biex b’hekk ikunu żgurati s-sigurtà u l-kwalità tagħhom u jiġu ffaċilitati l-ħażna u l-użu tagħhom. Dan ma kienx regolat fuq livell Komunitarju preċedentement.

(5)

L-addittivi ta’ l-ikel huma sustanzi li normalment ma jkunux ikkonsmati bħala ikel innifsu iżda jiġu miżjuda intenzjonalment ma’ l-ikel għal skop teknoloġiku deskritt f’dan ir-Regolament, bħall-preservazzjoni ta’ l-ikel. L-addittivi kollha ta’ l-ikel għandhom ikunu koperti minn dan ir-Regolament, u għalhekk fid-dawl ta’ progress xjentifiku u żvilupp teknoloġiku l-lista ta’ klassijiet funzjonali għandha tiġi aġġornata. Madankollu, sustanzi m’għandhomx jitqiesu bħala addittivi ta’ l-ikel meta dawn jintużaw għall-iskop li jaromatizzaw u/jew jagħtu togħma jew għal finijiet nutrittivi, bħas-sostituti tal-melħ, il-vitamini u l-minerali. Barra minn hekk, sustanzi meqjusa bħala ikel li jista’ jintuża għal funzjoni teknoloġika, bħall-klorur tas-sodju jew iż-żagħfran għall-kulur u l-enzimi ta’ l-ikel, ukoll m’għandhomx jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-preparati li jinkisbu mill-ikel u minn materjali oħrajn li ġejjin minn sorsi naturali, li huma intiżi li jkollhom effett teknoloġiku fl-ikel finali u li jinkisbu mill-estrazzjoni selettiva tal-kostitwenti (eż. pigmenti) relattiva għall-kostitwenti nutrittivi jew aromatiċi għandhom jiġu kkunsidrati addittivi fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament. Fl-aħħarnett, l-enżimi ta’ l-ikel huma koperti bir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi ta’ l-ikel (4), li jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Is-sustanzi li ma jiġux ikkonsmati bħala ikel fihom infushom iżda jintużaw apposta fl-ipproċessar ta’ l-ikel, li jibqgħu biss bħala residwi fl-ikel finali u li ma jkollhomx effett teknoloġiku fil-prodott finali (għajnuniet għall-ipproċessar), m’għandhomx ikunu koperti b’dan ir-Regolament.

(7)

L-addittivi ta’ l-ikel għandhom jiġu approvati u użati biss jekk dawn jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-addittivi ta’ l-ikel m’għandhomx ikunu perikolużi meta jintużaw, għandu jkun hemm ħtieġa teknoloġika għall-użu tagħhom, u l-użu tagħhom m’għandux jiżgwida lill-konsumatur u l-użu tagħhom għandu jkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur. L-iżgwidar tal-konsumatur jinkludi, iżda mhux limitat għal, kwistjonijiet relatati man-natura, il-freskezza, il-kwalità ta’ l-ingredjenti użati, kemm huwa naturali prodott jew il-proċess ta’ produzzjoni, jew il-kwalità nutrittiva tal-prodott, inkluż il-kontenut ta’ ħaxix jew frott tiegħu. L-approvazzjoni ta’ l-addittivi ta’ l-ikel għandha tieħu kont ukoll ta’ fatturi oħrajn rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata inklużi fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali u l-fattibbiltà tal-kontrolli. L-użu u l-livelli massimi ta’ addittiv ta’ l-ikel għandhom jieħdu kont tal-konsum ta’ l-addittiv ta’ l-ikel minn sorsi oħrajn u l-esponiment għall-addittiv ta’ l-ikel minn gruppi speċjali ta’ konsumaturi (per eżempju konsumaturi allerġiċi).

(8)

L-addittivi ta’ l-ikel għandhom jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati, li għandhom jinkludu informazzjoni biex ikun identifikat b’mod adegwat l-addittiv ta’ l-ikel, inkluża l-oriġini u biex ikunu deskritti l-kriterji aċċettabbli ta’ purità. L-ispeċifikazzjonijiet żviluppati qabel għall-addittivi ta’ l-ikel inklużi fid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/31/KE tal-5 ta’ Lulju 1995 li tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi tal-purità ta’ sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-użu f’oġġetti ta’ l-ikel (5), id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/45/KE tas-26 ta’ Lulju 1995 li tippreskrivi l-kriterji speċifiċi tal-purità ta’ sustanzi ta’ taħlil għall-użu fl-ikel (6) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/77/KE tat-2 ta’ Diċembru 1996 li tispeċifika l-kriterja tal-purità rigward l-addittivi ta’ l-ikel apparti mill-kuluri u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa (7) għandhom jinżammu sakemm l-addittivi korrispondenti jiġu inklużi fl-Annessi għal dan ir-Regolament. Meta jsir dan, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ tali addittivi għandhom jitniżżlu f’Regolament. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jirrelataw direttament ma’ l-addittivi inklużi fil-listi Komunitarji fl-Annessi għal dan ir-Regolament. Madankollu, meta jitqiesu n-natura u s-sustanza komplessi ta’ tali speċifikazzjonijiet, għall-iskop ta’ ċarezza, dawn m’għandhomx jiġu integrati bħala tali fil-listi Komunitarji iżda għandhom jitniżżlu f’Regolament separat wieħed jew aktar.

(9)

Uħud mill-addittivi ta’ l-ikel huma permessi għal użi speċifiċi għal ċerta prattika u ċerti proċessi enoloġiċi. L-użu ta’ tali addittivi ta’ l-ikel għandu jikkonforma ma’ dan ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti.

(10)

Sabiex tkun żgurata l-armonizzazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-approvazzjoni ta’ l-addittivi ta’ l-ikel għandhom jitwettqu skond il-proċedura stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel (8).

(11)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (9) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Awtorità”) għandha tiġi kkonsultata dwar kwistjonijiet li probabbilment jaffettwaw is-saħħa pubblika.

(12)

Addittiv ta’ l-ikel li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (10), għandu jkun awtorizzat skond dak ir-Regolament kif ukoll taħt dan ir-Regolament.

(13)

Addittiv ta’ l-ikel li kien diġà approvat taħt dan ir-Regolament li jitħejja b’metodi ta’ produzzjoni jew bl-użu ta’ materjali tal-bidu li huma differenti b’mod sinifikanti minn dawk li huma inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ l-Awtorità, jew differenti minn dawk koperti mill-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti, għandu jiġu sottomess għall-evalwazzjoni mill-Awtorità. “Differenti b’mod sinifikanti” tista’ tfisser inter alia bidla fil-metodu tal-produzzjoni mill-estrazzjoni minn pjanta sal-produzzjoni bil-fermentazzjoni bl-użu ta’ mikroorganiżmu jew modifika ġenetika tal-mikroorganiżmu oriġinali, bidla fil-materjali tal-bidu, jew bidla fid-daqs tal-partiċella, inkluż l-użu tan-nanoteknoloġija.

(14)

L-addittivi ta’ l-ikel għandhom jinżammu taħt osservazzjoni kontinwa u għandhom ikunu evalwati mill-ġdid kull meta jkun meħtieġ fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ l-użu li jinbidlu u fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika ġdida. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni flimkien ma’ l-Istati Membri għandha tikkunsidra azzjoni xierqa.

(15)

L-Istati Membri li fl-1 ta’ Jannar 1992 żammew il-projbizzjonijiet dwar l-użu ta’ ċerti addittivi f’ċerti ikel speċifiċi li jitqiesu tradizzjonali u li jiġu prodotti fit-territorju tagħhom għandhom jingħataw il-permess li jkomplu japplikaw dawk il-projbizzjonijiet. Madankollu, fir-rigward ta’ prodotti bħall-“Feta” jew is-“Salame cacciatore”, ir-Regolament preżenti għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi li huma marbuta ma’ l-użu ta’ ċerti denominazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (11) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (12).

(16)

Sakemm mhux soġġett għal aktar restrizzjonijiet, addittiv jista’ jkun preżenti fl-ikel, b’mod ieħor li m’huwiex b’żieda diretta, bħala riżultat ta’ riportar minn ingredjent li fih kien permess l-addittiv, sakemm il-livell ta’ l-addittiv fl-ikel finali m’huwiex akbar minn dak li kien jiġi introdott bl-użu ta’ l-ingredjent taħt kondizzjonijiet teknoloġiċi korretti u prattika tajba ta’ manifatturar.

(17)

L-addittivi ta’ l-ikel jibqgħu soġġetti għall-obbligi ġenerali tat-tikkettjar kif previst fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u reklamar ta’ prodotti ta’ l-ikel (13) u, kif jista’ jkun il-każ, fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament (14). Barra minn hekk, f’dan ir-Regolament għandhom jinstabu d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel mibjugħa bħala tali lill-manifattur jew lill-konsumatur finali.

(18)

Sustanzi li jagħtu l-ħlewwa taħt dan ir-Regolament jistgħu jintużaw f’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda mibjugħa direttament lill-konsumaturi. Il-manifatturi ta’ tali prodotti għandhom jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lill-konsumatur b’mezzi adegwati sabiex dawn ikunu jistgħu jużaw il-prodotti b’mod sigur. Tali informazzjoni tista’ ssir disponibbli b’numru ta’ modi inklużi fuq it-tikketti tal-prodotti, siti ta’ l-Internet, linji telefoniċi ta’ informazzjoni għall-konsumatur jew fil-post tal-bejgħ. Sabiex ikun hemm approċċ uniformi rigward l-implimentazzjoni ta’ din il-ħtieġa, tista’ tkun meħtieġa gwida mfassla fil-livell Komunitarju.

(19)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (15).

(20)

B’mod partikolari il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex temenda l-Annessi ta’ dan ir-Regolament u biex tadotta miżuri transitorji xierqa. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissuplimentawh b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(21)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-limiti ta’ żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju għandhom ikunu mqassra għall-adozzjoni ta’ ċerti emendi għall-Annessi II u III relatati ma’ sustanzi diġà awtorizzati taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra kif ukoll kwalunkwe miżura transitorja xierqa relatata ma’ dawn is-sustanzi.

(22)

Sabiex tkun żviluppata u aġġornata l-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-addittivi ta’ l-ikel b’mod proporzjonat u effettiv, huwa neċessarju li tinġabar id-data, tiġi kondiviża l-informazzjoni u tkun ikkoordinata l-ħidma bejn l-Istati Membri. Għal dak l-iskop, jista’ jkun utli li jsiru studji li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa xieraq li bħala parti mill-proċedura baġitarja tagħha l-Komunità tkun tista’ tiffinanzja tali studji. Il-finanzjament ta’ tali miżuri huwa kopert mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (16).

(23)

L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali biex jinfurzaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament skond ir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(24)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jkunu stabbiliti r-regoli Komunitarji dwar l-addittivi ta’ l-ikel, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, fl-interessi ta’ l-unità tas-suq u minħabba l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, jista’ jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(25)

Wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, għandha tirrevedi l-awtorizzazzjonijiet eżistenti kollha għal kriterji, għajr is-sikurezza, bħall-konsum, il-ħtieġa teknoloġika u l-potenzjal li jiġi żgwidat il-konsumatur. L-addittivi kollha ta’ l-ikel li ser ikomplu jiġu awtorizzati fil-Komunità għandhom jiġu trasferiti għal-listi Komunitarji fl-Annessi II u III għal dan ir-Regolament. L-Anness III għal dan ir-Regolament għandu jkun ikkompletat bl-addittivi ta’ l-ikel l-oħrajn li jintużaw fl-addittivi ta’ l-ikel u l-enżimi ta’ l-ikel kif ukoll l-aġenti veikoli għan-nutrijenti u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom skond ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel]. Biex jippermettu perijodu transitorju xieraq, id-dispożizzjonijiet fl-Anness III, għajr id-dispożizzjonijiet dwar l-aġenti veikoli għall-addittivi ta’ l-ikel u l-additivi ta’ l-ikel fis-sustanzi aromatizzanti, m’għandhomx japplikaw sa l-1 ta’ Jannar 2011.

(26)

Sakemm jiġu stabbiliti l-listi Komunitarji futuri ta’ l-addittivi ta’ l-ikel, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta proċedura simplifikata li tippermetti l-aġġornament tal-listi attwali ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li jinstabu fid-Direttivi eżistenti.

(27)

Mingħajr preġudizzju għar-riżultat tar-reviżjoni imsemmija fil-premessa 25, fi żmien sena wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ evalwazzjoni għall-Awtorità biex tkun ivvalutata mill-ġdid is-sikurezza ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li kienu diġà approvati fil-Komunità. Dak il-programm għandu jiddefinixxi l-ħtiġiet u l-ordni tal-prijoritajiet li skond dawn l-addittivi ta’ l-ikel approvati għandhom jiġu eżaminati.

(28)

Dan ir-Regolament jirrevoka u jissostitwixxi l-atti li ġejjin: Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1962 dwar l-approssimazzjoni tar-regoli ta’ l-Istati Membri dwar materja koloranti awtorizzata għall-użu ta’ affarijiet ta’ l-ikel maħsuba għal konsum mill-bniedem (17), id-Direttiva tal-Kunsill 65/66/KEE tas-26 ta’ Jannar 1965 li tistabbilixxi kriterji speċifiċi dwar il-purità tal-konservanti awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (18), id-Direttiva tal-Kunsill 78/663/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 li tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi ta’ purità għall-emulsjonanti, stabilizzaturi, aġenti li jħaxxnu u ta’ gelling għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel (19), id-Direttiva tal-Kunsill 78/664/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 li tistabbilixxi kriterji speċifiċi ta’ purità għall-antiossidanti li jistgħu jintużaw fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (20), l-Ewwel Direttiva tal-Kummissjoni 81/712/KEE tat-28 ta’ Lulju 1981 li tistabbilixxi metodi fil-Komunità ta’ analiżi biex jiġi verifikat li ċerti additivi użati fl-ikel jissodisfaw kriterji ta’ purità (21), id-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi ma’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem (22), id-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew utal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f’oġġetti ta’ l-ikel (23), id-Direttiva 94/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar il-kuluri għall-użu fl-ikel (24), id-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar 1995 dwar l-addittivi ta’ l-ikel għajr kuluri u sustanzi li jagħtu ħlewwa (25), id-Deċiżjoni 292/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar iż-żamma tal-liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti addittivi fil-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel speċifiċi (26) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/247/KE tas-27 ta’ Marzu 2002 li tissospendi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tal-ħelu tal-jelly li jkun fih l-additiv E 425 konjac (27). Madankollu, huwa xieraq li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti jibqgħu fis-seħħ matul perijodu transitorju biex iħallu żmien għat-tħejjija tal-listi Komunitarji fl-Annessi għar-Regolament preżenti.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-addittivi ta’ l-ikel użati fl-ikel biex jiżguraw il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi u prattika ġusta fil-kummerċ ta’ l-ikel, b’kont meħud ta’, fejn xieraq, il-protezzjoni ta’ l-ambjent.

Għal dawk il-finijiet, dan ir-Regolament jipprovdi għal:

(a)

listi Komunitarji ta’ addittivi ta’ l-ikel approvati kif imniżżel fl-Annessi II u III;

(b)

kondizzjonijiet ta’ l-użu ta’ additivi fl-ikel, inkluż f’addittivi ta’ l-ikel u f’enżimi ta’ l-ikel kif kopert mir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 [dwar enżimi fl-ikel], u ta’ aromatizzanti ta’ l-ikel kif koperti mir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel b’karatteristiċi aromatizzanti għall-użu fl-ikel (28);

(ċ)

ir-regoli dwar l-ittikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel mibjugħa bħala tali.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-addittivi ta’ l-ikel.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għas-sustanzi li ġejjin sakemm ma jintużawx bħala addittivi ta’ l-ikel:

(a)

għajnuniet ta’ pproċessar;

(b)

sustanzi li jintużaw għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti tal-pjanti skond ir-regoli Komunitarji li jirrelataw mas-saħħa tal-pjanti;

(ċ)

sustanzi miżjuda ma’ l-ikel bħala nutrijenti;

(d)

sustanzi użati għat-trattament ta’ l-ilma għall-konsum mill-bniedem li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalita’ ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (29);

(e)

aromatizzanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 [dwar aromatizzanti u ċertu ingredjenti ta’ l-ikel bi propjetajiet ta’ aromatizzanti għall-użu fl-ikel].

3.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-enżimi ta’ l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 [dwar enżimi fl-ikel] b’effett mid-data ta’ l-adozzjoni tal-lista Komunitarja ta’ enżimi ta’ l-ikel skond l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola Komunitarja speċifika li tikkonċerna l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel:

(a)

f’ikel speċifiku;

(b)

għal finijiet li m’humiex dawk koperti b’dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġew stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nri 178/2002 u 1829/2003 għandhom japplikaw.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“addittiv ta’ l-ikel” għandha tfisser kwalunkwe sustanza li normalment ma tkunx ikkonsmata bħala ikel fiha nnifisha u li normalment ma tintużax bħala ingredjent karatteristiku ta’ l-ikel, kemm jekk ikollha valur nutrittiv u kemm jekk le, li ż-żieda maħsuba tagħha ma’ l-ikel għal għan teknoloġiku fil-manifattura, fl-ipproċessar, fil-preparazzjoni, fit-trattament, fl-ippakkjar, fit-trasport jew fil-ħażna ta’ ikel bħal dan tirriżulta, jew wieħed raġonevolment jistenna li tista’ tirriżulta, li huwa jew il-prodotti sekondarji tiegħu jsiru direttament jew indirettament komponent ta’ ikel bħal dan;

Dawn li ġejjin ma jitqiesux bħala addittivi ta’ l-ikel:

(i)

il-monosakkaridi, id-disakkaridi jew l-oligosakkaridi u l-ikel li fih dawn is-sustanzi użati għall-karatteristiċi tagħhom li jagħtu l-ħlewwa;

(ii)

l-ikel, kemm jekk niexef jew f’forma kkonċentrata, inklużi s-sustanzi aromatizzanti inkorporati waqt il-manifattura ta’ ikel kompost, minħabba fil-karatteristiċi aromatiċi, bnien jew nutrittivi tagħhom flimkien ma’ l-effett sekondarju li jagħtu l-kulur;

(iii)

is-sustanzi li jintużaw biex jgħattu jew jiksu materjali, li ma jifformawx parti mill-ikel u mhumiex maħsuba biex ikunu kkonsmati ma’ dak l-ikel;

(iv)

il-prodotti li fihom il-pektin u li huma derivati mill-ilbieba niexfa tat-tuffieħ jew mill-qoxra tal-frott taċ-ċitru jew l-isfraġel, jew minn taħlita tagħhom, permezz ta’ l-azzjoni ta’ aċidu dilwit segwit min-newtralizzazzjoni parzjali b’melħ tas-sodju jew tal-potassju (“pektin likwidu”);

(v)

il-bażijiet taċ-ċjuwing-gamm;

(vi)

id-destrina bajda jew safra, il-lamtu inkaljat jew destrinat, il-lamtu modifikat bi trattament bl-aċidu jew bl-alkali, il-lamtu bbliċjat, il-lamtu fiżikament modifikat u l-lamtu ttrattat b’enzimi amilolitiċi;

(vii)

il-klorur ta’ l-ammonja;

(viii)

il-plasma tad-demm, il-ġelatina li tittiekel, il-proteini idrolisati u l-melħ tagħhom, il-proteina u l-glutina tal-ħalib;

(ix)

l-aċidi amminiċi u l-melħ tagħhom għajr għall-aċidu glutamiku, għall-gliċina, għas-cysteine u għaċ-ċistin u l-melħ tagħhom li m’għandhom l-ebda funzjoni teknoloġika;

(x)

kaseinati u kaseina;

(xi)

l-inulina;

(b)

“għajnuna għall-ipproċessar” tfisser kwalunkwe sustanza li:

(i)

ma tiġix ikkonsmata bħala ikel waħidha;

(ii)

tintuża intenzjonalment fl-ipproċessar ta’ materja prima, ta’ ikel jew ta’ l-ingredjenti tagħhom li mhumiex ipproċessati, biex jiġi sodisfatt ċertu skop teknoloġiku matul it-trattament jew l-ipproċessar; u

(iii)

tista’ tirriżulta fil-preżenza mhux maħsuba, iżda li teknikament ma tistax tkun evitata fil-prodott finali, ta’ residwi tas-sustanza jew tad-derivati tagħha, sakemm ma jippreżentawx kwalunkwe riskju għas-saħħa u ma jkollhom l-ebda effett teknoloġiku fuq il-prodott finali;

(ċ)

“klassi funzjonali” għandha tfisser waħda mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li hija bbażata fuq il-funzjoni teknoloġika li jeżerċita addittiv ta’ l-ikel fl-oġġett ta’ l-ikel;

(d)

“ikel mhux ipproċessat” għandha tfisser ikel li ma jkunx għadda minn kwalunkwe trattament li jirriżulta f’bidla sostanzjali fl-istat oriġinali ta’ l-ikel, għal liema skop, dawn li ġejjin b’mod partikolari ma jitqisux bħala li jirriżultaw f’bidla sostanzjali: il-qsim, il-ferqien, il-qtugħ, it-tneħħija ta’ l-għadam, l-ikkapuljar, it-tqaxxir tal-ġilda, il-qtugħ tat-truf, it-tqaxxir tal-qoxra, it-titħin, il-qtugħ, it-tindif, it-tirqim, id-deep-freezing, l-iffriżar, it-tkessiħ, it-titħin f’mitħna, it-tneħħija tal-ħliefa, l-ippakkjar jew l-ispakkjar;

(e)

“ikel bla zokkor miżjud” għandha tfisser ikel mingħajr dawn li ġejjin:

(i)

kwalunkwe monosakkaridi jew disakkaridi miżjudin;

(ii)

kwalunkwe ikel li fih monosakkaridi, jew disakkaridi li jintuża għall-karatteristiċi tiegħu li jagħti l-ħlewwa;

(f)

“ikel b’valur enerġetiku mnaqqas” għandha tfisser ikel b’valur enerġetiku mnaqqas b’mill-inqas 30 % meta mqabbel ma’ l-ikel oriġinali jew ma’ prodotti simili.;

(g)

“sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda” għandha tfisser preparati ta’ sustanzi li jagħtu ħlewwa permessi, li jista’ jkun fihom addittivi ta’ l-ikel u/jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u li huma maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali bħala sostitut għaz-zokkor.

(h)

“quantum satis” għandha tfisser li l-ebda livell numeriku massimu m’hu speċifikat u s-sustanzi għandhom ikunu użati skond il-prattika ta’ manifattura tajba, f’livell li ma jkunx ogħla minn dak meħtieġ biex jinkiseb l-iskop maħsub u sakemm il-konsumatur ma jiġix żgwidat.

KAPITOLU II

LISTI KOMUNITARJI TA’ ADDITTIVI TA’ L-IKEL APPROVATI

Artikolu 4

Listi Komunitarji ta’ addittivi ta’ l-ikel

1.   L-addittivi ta’ l-ikel inklużi fil-lista Komunitarja fl-Anness II biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u jintużaw fl-ikel taħt il-kondizzjonijiet ta’ użu speċifikati hemmhekk.

2.   L-addittivi ta’ l-ikel inklużi fil-lista Komunitarja fl-Anness III biss jistgħu jintużaw fl-addittivi ta’ l-ikel u, fl-enżimi ta’ l-ikel u fl-aromatizzanti ta’ l-ikel taħt il-kondizzjonijiet ta’ użu speċifikati hemmhekk.

3.   L-addittivi ta’ l-ikel fl-Anness II għandhom jiġu elenkati fuq il-bażi tal-kategoriji ta’ l-ikel li magħhom jistgħu jiġu miżjuda.

4.   L-addittivi ta’ l-ikel fl-Anness III għandhom jiġu elenkati fuq il-bażi ta’ l-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel, l-aromatizzanti ta’ l-ikel u n-nutrijenti jew il-kategoriji tagħhom li magħhom jistgħu jiġu miżjuda.

5.   L-addittivi ta’ l-ikel għandhom ikunu konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 14.

Artikolu 5

Projbizzjoni ta’ addittivi ta’ l-ikel mhux konformi u/jew ikel mhux konformi

L-ebda persuna ma għandha tqiegħed fis-suq addittiv ta’ l-ikel jew kwalunkwe ikel li fih huwa preżenti tali addittiv ta’ l-ikel jekk l-użu ta’ l-addittiv ta’ l-ikel ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet ġenerali għall-inklużjoni u l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fil-listi Komunitarji

1.   Addittiv ta’ l-ikel jista’ jiġi inkluż fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III biss jekk dan jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin u fejn rilevanti fatturi leġittimi oħrajn, inkluż fatturi ambjentali:

(a)

fuq il-bażi ta’ l-evidenza xjentifika disponibbli, dan ma joħloqx tħassib għas-sikurezza tas-saħħa tal-konsumatur fil-livell ta’ l-użu propost;

(b)

hemm ħtieġa teknoloġika raġonevoli li ma tistax tinkiseb permezz ta’ mezzi oħrajn li huma ekonomikament u teknoloġikament prattikabbli, u

(ċ)

l-użu tiegħu ma jiżgwidax lill-konsumatur.

2.   Biex jiġi inkluż fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III, addittiv ta’ l-ikel irid ikollu vantaġġi u benefiċċji għall-konsumatur, u għalhekk jaqdi wieħed jew aktar mill-iskopijiet li ġejjin:

(a)

jippreserva l-kwalità nutrizzjonali ta’ l-ikel;

(b)

jipprovdi l-ingredjenti jew il-kostitwenti meħtieġa għall-ikel li jkun manifatturat għal gruppi ta’ konsumaturi bi bżonnijiet ta’ dieta speċjali;

(ċ)

ikabbar il-kwalità jew l-istabbiltà taż-żamma ta’ ikel jew itejjeb il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, sakemm in-natura, is-sustanza jew il-kwalità ta’ l-ikel ma tinbidilx b’tali mod li tiżgwida lill-konsumatur;

(d)

jgħin fil-manifattura, l-ipproċessar, il-preparazzjoni, it-trattament, l-ippakkjar, it-trasport jew il-ħżin ta’ l-ikel, inklużi l-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel, sakemm l-addittiv ta’ l-ikel ma jintużax biex jaħbi l-effetti ta’ l-użu ta’ materji primi difettużi jew ta’ xi prattika jew teknika mhux mixtieqa, inkluża prattika jew teknika mhux iġjenika, matul kwalunkwe tali attività.

3.   Bħala deroga mill-paragrafu 2(a), addittiv ta’ l-ikel li jnaqqas il-kwalità nutrizzjonali ta’ l-ikel jista’ jiġi inkluż fil-lista Komunitarja fl-Anness II sakemm:

(a)

l-ikel ma jikkostitwixxix komponent sinifikanti ta’ dieta normali; jew

(b)

l-addittiv ta’ l-ikel huwa meħtieġ għall-produzzjoni ta’ l-ikel għal gruppi ta’ konsumaturi bi bżonnijiet ta’ dieta speċjali.

Artikolu 7

Kondizzjonijiet speċifiċi għas-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa

Addittiv ta’ l-ikel jista’ jkun inkluż fil-lista Komunitarja fl-Anness II għall-klassi funzjonali ta’ sustanza li tagħti l-ħlewwa biss jekk, barra milli jaqdi waħda jew aktar mill-finijiet imniżżla fl-Artikolu 6(2), huwa jaqdi wkoll waħda jew aktar mill-finijiet li ġejjin:

(a)

jissostitwixxi z-zokkor għall-produzzjoni ta’ ikel b’valur enerġetiku mnaqqas, ta’ ikel mhux karjoġeniku jew ta’ ikel bla zokkor miżjud, jew

(b)

jissostitwixxi z-zokkor fejn dan jippermetti żieda fit-tul ta’ żmien qabel jiskadi l-ikel, jew

(ċ)

jipproduċi ikel maħsub għal użi nutrizzjonali partikolari kif iddefinit fl-Artikolu 1 (2)(a) tad-Direttiva 89/398/KEE.

Artikolu 8

Kondizzjonijiet speċifiċi għall-kuluri

Addittiv ta’ l-ikel jista’ jiġi inkluż fil-lista Komunitarja fl-Anness II għall-klassi funzjonali ta’ kulur biss jekk, barra milli jaqdi waħda jew aktar mill-finijiet imniżżla fl-Artikolu 6(2), huwa jaqdi waħda mill-finijiet li ġejjin:

(a)

jerġa’ jagħti d-dehra oriġinali ta’ l-ikel li l-kulur tiegħu ġie affettwat bl-ipproċessar, bil-ħażna, bl-ippakkjar u bid-distribuzzjoni, li fejn setgħet tgħarrqet l-aċċettabilità viżwali;

(b)

jagħmel l-ikel aktar attraenti viżwalment,

(ċ)

jagħti l-kulur lill-ikel li kieku jkun bla kulur.

Artikolu 9

Klassijiet funzjonali ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   L-addittivi ta’ l-ikel jistgħu jiġu assenjati fl-Annessi II u III lil waħda mill-klassijiet funzjonali fl-Anness I abbażi tal-funzjoni teknoloġika prinċipali ta’ l-addittiv ta’ l-ikel.

L-allokazzjoni ta’ addittiv ta’ l-ikel fi klassi funzjonali m’għandhiex tipprekludih milli jintuża għal diversi funzjonijiet.

2.   Fejn meħtieġ, bħala riżultat ta’ progress xjentifiku jew żvilupp teknoloġiku, il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, relatati ma’ klassijiet funzjonali addizzjonali li jistgħu jiżdiedu ma’ l-Anness I għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(3).

Artikolu 10

Il-kontenut tal-listi Komunitarji ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   Addittiv ta’ l-ikel li jikkonforma mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8, jista skond il-proċedura li ġiet imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel], jiġi inkluż fi:

(a)

il-lista Komunitarja fl-Anness II għar-Regolament preżenti; u/jew

(b)

il-lista Komunitarja fl-Anness III għar-Regolament preżenti.

2.   L-inklużjoni ta’ addittiv ta’ l-ikel fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III għandha tispeċifika:

(a)

l-isem ta’ l-addittiv ta’ l-ikel u n-numru E tiegħu;

(b)

l-ikel li miegħu jista’ jiġi miżjud l-addittiv ta’ l-ikel;

(ċ)

il-kondizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-addittiv ta’ l-ikel;

(d)

jekk xieraq, jekk ikunx hemm xi restrizzjonijiet dwar il-bejgħ ta’ l-addittiv ta’ l-ikel direttament lill-konsumatur finali.

3.   Il-listi Komunitarji fl-Annessi II u III għandhom jiġu emendati skond il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel].

Artikolu 11

Livelli ta’ l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   Meta jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet ta’ l-użu li jissemmew fl-Artikolu 10(2)(c):

(a)

il-livell ta’ l-użu għandu jiġi ffissat fl-iktar livell baxx meħtieġ biex jinkiseb l-effett mixtieq;

(b)

il-livelli għandhom jieħdu kont ta’:

(i)

kwalunkwe konsum aċċettabbli ta’ kuljum, jew valutazzjoni ekwivalenti, li ġiet stabbilita għall-addittiv ta’ l-ikel u l-konsum probabbli ta’ kuljum tiegħu mis-sorsi kollha;

(ii)

fejn l-addittiv ta’ l-ikel ser jintuża fl-ikel li jittiekel minn gruppi speċjali ta’ konsumaturi, il-konsum possibbli ta’ kuljum ta’ l-addittiv ta’ l-ikel mill-konsumaturi f’dawk il-gruppi.

2.   Fejn xieraq, m’għandu jiġi ffissat l-ebda livell numeriku massimu għal addittiv ta’ l-ikel (quantum satis). F’dak il-każ, l-addittiv ta’ l-ikel għandu jintuża skond il-prinċipju ta’ quantum satis.

3.   Il-livelli massimi ta’ addittivi ta’ l-ikel imniżżla fl-Anness II għandhom japplikaw għall-ikel kif ikkummerċjalizzat, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor. B’deroga minn dan il-prinċipju, għall-ikel niexef u/jew ikkonċentrat li jeħtieġ jiġi rikostitwit għandhom japplikaw il-livelli massimi għall-ikel kif rikostitwit skond l-istruzzjonijiet fuq it-tikketta, b’kont meħud tal-fattur ta’ dilwizzjoni minima.

4.   Il-livelli massimi għall-kuluri stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw għall-kwantitajiet ta’ kostitwenti koloranti li hemm fil-preparazzjoni tas-sustanza koloranti, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.

Artikolu 12

Tibdil fil-proċess ta’ produzzjoni jew fil-materjali tal-bidu ta’ addittiv ta’ l-ikel diġà inkluż f’lista Komunitarja

Meta addittiv ta’ l-ikel diġà jkun inkluż f’lista Komunitarja u jkun hemm bidla sinifikanti fil-metodi tal-produzzjoni tiegħu jew fil-materjali tal-bidu użati jew ikun hemm bidla fid-daqs tal-partiċella, eżempju permezz tan-nanoteknoloġija, l-addittiv ta’ l-ikel imħejji b’dawn il-metodi jew materjali ġodda għandu jitqies bħala addittiv differenti, u bħala żieda ġdida fil-listi Komunitarji jew inkella tkun meħtieġa bidla fl-ispeċifikazzjonijiet qabel ma jkun jista’ jitqiegħed fis-suq.

Artikolu 13

Addittivi ta’ l-ikel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003

1.   Addittiv ta’ l-ikel li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jista’ jiġi inkluż fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III skond ir-Regolament preżenti biss meta jkun kopert minn awtorizzazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

2.   Meta addittiv ta’ l-ikel diġà inkluż fil-lista Komunitarja jiġi prodott minn sors differenti li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ma jkunx jeħtieġ awtorizzazzjoni ġdida skond dan ir-Regolament, sakemm is-sors il-ġdid ikun kopert minn awtorizzazzjoni bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u l-addittiv ta’ l-ikel ikun konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skond dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Speċifikazzjonijiet ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

L-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li jirrelataw, b’mod partikolari, ma’ l-oriġini, il-kriterji tal-purità u kwalunkwe informazzjoni meħtieġa oħra, għandhom jiġu adottati meta l-addittiv ta’ l-ikel ikun inkluż għall-ewwel darba fil-listi Komunitarji fl-Annessi II u III, skond il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel].

KAPITOLU III

UŻU TA’ ADDITTIVI TA’ L-IKEL FL-IKEL

Artikolu 15

Użu ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-ikel mhux ipproċessat

L-addittivi ta’ l-ikel m’għandhomx jintużaw fl-ikel mhux ipproċessat, ħlief fejn tali użu jkun speċifikament previst fl-Anness II.

Artikolu 16

Użu ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

Addittivi ta’ l-ikel m’għandhomx jintużaw f’ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar kif imsemmi fid-Direttiva 89/398/KEE, inkluż ikel tad-dieta għat-trabi u għat-tfal żgħar għal finijiet mediċi speċjali, ħlief fejn speċifikament previst fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Użu ta’ kuluri għall-immarkar

Il-kuluri ta’ l-ikel li huma elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament biss jistgħu jintużaw għall-iskop ta’ l-immarkar tas-saħħa kif previst fid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 li temenda u tikkonsolida d-Direttiva 64/433/KEE dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju f’laħam frisk (30) sabiex tiġi estiża għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ laħam frisk u għal immarkar ieħor meħtieġ fuq il-prodotti tal-laħam, għall-kuluri li jintużaw għad-dekorazzjoni tal-qxur tal-bajd u għall-istampar tal-qxur tal-bajd kif previst fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (31).

Artikolu 18

Prinċipju ta’ trasferiment

1.   Il-preżenza ta’ addittiv ta’ l-ikel għandha tkun permessa:

(a)

f’ikel kompost għajr minn kif jissemma fl-Anness II, fejn l-addittiv ta’ l-ikel ikun permess f’wieħed mill-ingredjenti ta’ l-ikel kompost;

(b)

f’ikel li miegħu jkun ġie miżjud addittiv ta’ l-ikel, enżima ta’ l-ikel jew sustanza aromatizzanti, fejn l-addittiv ta’ l-ikel:

(i)

huwa permess fl-addittiv ta’ l-ikel, fl-enżima ta’ l-ikel jew fl-aromatizzanti ta’ l-ikel skond dan ir-Regolament u

(ii)

ġie trasferit fl-ikel permezz ta’ l-addittiv ta’ l-ikel, l-enżima ta’ l-ikel jew l-aromatizzanti ta’ l-ikel u

(iii)

m’għandu l-ebda funzjoni teknoloġika fl-ikel finali;

(ċ)

f’ikel li se jintuża biss fil-preparazzjoni ta’ ikel kompost u sakemm l-ikel kompost ikun konformi ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-formulae tat-trabi, għal formulae tal-prosegwiment, għal ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għal ikel għat-trabi u għal ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar kif jissemma fid-Direttiva 89/398/KEE, ħlief fejn ikun provdut speċifikament.

3.   Fejn addittiv ta’ l-ikel f’aromatizzanti ta’ l-ikel, f’addittiv ta’ l-ikel jew f’enżima ta’ l-ikel jiġi miżjud ma’ l-ikel u jkollu funzjoni teknoloġika f’dak l-ikel, dan għandu jitqies bħala addittiv ta’ l-ikel ta’ dak l-ikel u mhux addittiv ta’ l-ikel ta’ l-aromatizzanti, l-addittiv ta’ l-ikel jew l-enżima ta’ l-ikel miżjuda, u għandu għalhekk ikun konformi mal-kondizzjonijiet ta’ l-użu għal dak l-ikel kif previst.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-preżenza ta’ addittiv ta’ l-ikel użat bħala sustanza li tagħti l-ħlewwa għandha tkun permessa f’ikel kompost bla zokkor miżjud, f’ikel kompost b’valur enerġetiku mnaqqas, f’ikel kompost tad-dieta maħsub għal dieti b’ammont baxx ta’ kaloriji, f’ikel kompost mhux karjoġeniku, u f’ikel kompost li għandu tul iżjed ta’ żmien qabel jiskadi, sakemm dik is-sustanza li tagħti l-ħlewwa tkun permessa f’wieħed mill-ingredjenti ta’ l-ikel kompost.

Artikolu 19

Deċiżjonijiet għall-interpretazzjoni

Fejn meħtieġ, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 28(2) jista’ jiġi deċiż jekk:

(a)

ikel partikolari jappartjenix lil kategorija ta’ ikel li tissemma fl-Anness II jew le; jew

(b)

addittiv ta’ l-ikel elenkat fl-Annessi II u III u permess fi “quantum satis” jintużax skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 11(2); jew

(ċ)

sustanza partikolari tissodisfax id-definizzjoni ta’ addittiv ta’ l-ikel fl-Artikolu 3.

Artikolu 20

Ikel tradizzjonali

L-Istati Membri elenkati fl-Anness IV jistgħu jkomplu jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittivi ta’ l-ikel fl-ikel tradizzjonali li jiġi prodott fit-territorju tagħhom kif elenkat f’dak l-Anness.

KAPITOLU IV

TIKKETTAR

Artikolu 21

Tikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel mhux maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   L-addittivi ta’ l-ikel li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali, kemm jekk jinbiegħu wieħed wieħed jew jekk imħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel, kif iddefinit fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2000/13/KE, jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss bit-tikkettar previst fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament, li trid tkun tidher faċilment, tinqara b’mod ċar u ma titħassarx. L-informazzjoni għandha tkun f’lingwa li tiftiehem faċilment mix-xerrejja.

2.   Fit-territorju tiegħu stess, l-Istat Membru li fih il-prodott jiġi kummerċjalizzat jista’, skond it-Trattat, jistipula li din l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 22 għandha tingħata f’waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità, li għandha tiġi ddeterminata minn dak l-Istat Membru. Dan m’għandux jipprekludi li tali informazzjoni tiġi indikata f’diversi lingwi.

Artikolu 22

Ħtiġiet ġenerali tat-tikkettar għall-addittivi ta’ l-ikel li m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Fejn l-addittivi ta’ l-ikel m’humiex maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali, jinbiegħu wieħed wieħed jew imħalltin flimkien u/jew ma ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn u/jew ma’ sustanzi oħrajn miżjuda magħhom, l-imballaġġ jew kontenitur għandu jkollu fuqu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u/jew in-numru E stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull addittiv ta’ l-ikel jew deskrizzjoni tal-bejgħ li tinkludi l-isem u/jew in-numru E ta’ kull addittiv ta’ l-ikel;

(b)

id-dikjarazzjoni “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika dwar l-użu maħsub tagħhom fl-ikel;

(ċ)

jekk meħtieġ, il-kondizzjonijiet speċjali tal-ħżin u/jew ta’ l-użu;

(d)

marka li tidentifika l-lott;

(e)

l-istruzzjonijiet għall-użu, jekk l-ommissjoni tagħhom għandha tipprekludi l-użu xieraq ta’ l-addittiv ta’ l-ikel;

(f)

l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-manifattur, ta’ min jippakkja jew tal-bejjiegħ;

(g)

indikazzjoni tal-kwantità massima ta’ kull komponent jew grupp ta’ komponenti soġġetti għal-limitu kwantitattiv fl-ikel u/jew informazzjoni xierqa f’termini ċari u li jiftiehmu faċilment li jippermettu lix-xerrej jikkonforma ma’ dan ir-Regolament jew ma’ liġi Komunitarja rilevanti oħra; fejn l-istess limitu fuq il-kwantità japplika għal grupp ta’ komponenti li jintużaw wieħed wieħed jew f’taħlita, il-persentaġġ kombinat jista’ jingħata bħala ċifra waħda; il-limitu tal-kwantità għandu jkun espress jew numerikament jew skond il-prinċipju quantum satis;

(h)

il-kwantità netta;

(i)

id-data ta’ durabbiltà minima jew id-data sa meta tista’ tintuża l-aħħar;

(j)

fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar l-addittiv ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn imsemmija f’dan l-Artikolu u elenkati fl-Anness IIIa għad-Direttiva 2000/13/KE fir-rigward ta’ l-indikazzjoni ta’ l-ingredjenti preżenti fl-oġġetti ta’ l-ikel.

2.   Fejn l-addittivi ta’ l-ikel jinbiegħu mħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn, l-imballaġġ jew il-kontenituri tagħhom għandu jkollhom fuqhom lista ta’ l-ingredjenti kollha f’ordni mill-kbir saż-żgħir tal-persentaġġ tagħhom bil-piż mit-total.

3.   Fejn sustanzi (inklużi addittivi ta’ l-ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn) jiġu miżjuda ma’ l-addittivi ta’ l-ikel biex jiffaċilitaw il-ħżin, il-bejgħ, l-istandardizzazzjoni, id-dilwizzjoni jew it-taħlil tagħhom, l-imballaġġ jew il-kontenituri għandu jkollhom fuqhom lista ta’ tali sustanzi kollha f’ordni mill-kbir saż-żgħir tal-persentaġġ tagħhom bil-piż mit-total.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafu 1 il-punti (e) sa (g) u fil-paragrafi 2 u 3 tista’ tidher sempliċiment fuq id-dokumenti relatati mal-kunsinna li għandhom jiġu pprovduti ma’ jew qabel il-kunsinna, sakemm l-indikazzjoni “mhux għall-bejgħ bl-imnut” tidher fuq parti li tidher faċilment ta’ l-imballaġġ jew tal-kontenitur tal-prodott ikkonċernat.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, fejn l-addittivi ta’ l-ikel huma pprovduti f’tankers, l-informazzjoni kollha tista’ tidher sempliċiment fuq id-dokumenti mehmuża relatati mal-kunsinna li għandhom jiġu pprovduti mal-kunsinna.

Artikolu 23

Tikkettar ta’ l-addittivi ta’ l-ikel maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett ta’ l-ikel (32) u għar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-addittivi ta’ l-ikel li jinbiegħu wieħed wieħed jew imħalltin flimkien u/jew ma’ ingredjenti ta’ l-ikel oħrajn li huma maħsuba għall-bejgħ lill-konsumatur finali jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk l-imballaġġ taghhom ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u n-numru E stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull addittiv ta’ l-ikel jew deskrizzjoni tal-bejgħ li tinkludi l-isem u n-numru E ta’ kull addittiv ta’ l-ikel

(b)

id-dikjarazzjoni “għall-ikel” jew id-dikjarazzjoni “użu ristrett fl-ikel” jew referenza aktar speċifika dwar l-użu maħsub tagħhom fl-ikel.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 (a), id-deskrizzjoni tal-bejgħ ta’ sustanza li tagħti l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda għandha tinkludi t-terminu “… sustanza li tagħti l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda bbażata fuq …”, bl-użu ta’ l-isem(ismijiet) tas-sustanza(i) li tagħti(jagħtu) l-ħlewwa użata(i) fil-kompozizzjoni tagħha.

3.   It-tikkettar ta’ sustanza li tagħti l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda li jkun fiha polijoli u/jew aspartame u/jew il-melħ ta’ l-aspartame-acesulfame għandu jkollu fuqu t-twissijiet li ġejjin:

(a)

polioli: “konsum żejjed jista’ jikkaġuna effetti lassattivi”;

(b)

aspartame/melħ ta’ l-aspartame-acesulfame: “fih sors ta’ fenilalanin”.

4.   Il-manifatturi ta’ sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda għandhom jagħmlu l-informazzjoni meħtieġa disponibbli lill-konsumatur b’mezzi adegwati sabiex dawn ikunu jistgħu jużaw il-prodotti b’mod sigur. Il-gwida għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu tista’ tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(3).

5.   Għall-informazzjoni prevista fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika kif meħtieġ l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2000/13/KE.

Artikolu 24

L-ittikkettar mitlub fuq ikel li fih ċerti kuluri ta’ l-ikel

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, l-ittikkettar ta’ ikel li fih kuluri ta’ l-ikel imniżżla fl-Anness V għal dan ir-Regolament għandu jinkludi l-informazzjoni addizzjonali stabbilita f’dak l-Anness.

2.   F’relazzjoni ma’ l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2000/13/KE għandu japplika kif meħtieġ.

3.   Fejn meħtieġ, bħala riżultat tal-progress xjentifiku jew ta’ żvilupp tekniku l-Anness V għandu jkun emendat b’miżuri li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, bi qbil mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4).

Artikolu 25

Ħtiġiet oħrajn tat-tikkettar

L-Artikoli 21, 22, 23 u 24 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi aktar dettaljati jew aktar estensivi rigward il-piżijiet u l-miżuri jew li japplikaw għall-preżentazzjoni, il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta’ sustanzi u preparati perikolużi jew li japplikaw għat-trasport ta’ tali sustanzi u preparazzjonijiet.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 26

Obbligu ta’ l-informazzjoni

1.   Produttur jew utent ta’ addittiv ta’ l-ikel għandu jinforma lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tista’ taffettwa l-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ l-addittiv ta’ l-ikel.

2.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, produttur jew utent ta’ addittiv ta’ l-ikel għandu jinformaha dwar l-użu effettiv ta’ l-addittiv ta’ l-ikel. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni.

Artikolu 27

Monitoraġġ tal-konsum ta’ l-addittiv ta’ l-ikel

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu sistemi għall-monitoraġġ tal-konsum u l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju u għandhom jirrapportaw is-sejbiet tagħhom bi frekwenza adatta lill-Kummissjoni u lill-Awtorità.

2.   Skond il-proċedura regolatorja imsemmija fl-Artikolu 28(2), wara li l-Awtorità tkun ġiet ikkonsultata, tista’ tiġi adottata metodoloġija komuni biex tinġabar informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-konsum fid-dieta ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fil-Komunità.

Artikolu 28

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispozizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5a(3)(c) u (4)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu xahrejn, xahrejn u 4 xhur rispettivament.

Artikolu 29

Finanzjament Komunitarju tal-politika armonizzata

Il-bażi legali għall-finanzjament tal-miżuri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament hija l-Artikolu 66(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 30

Stabbiliment tal-listi Komunitarji ta’ l-addittivi ta’ l-ikel

1.   L-addittivi ta’ l-ikel li huma permessi għall-użu fl-ikel taħt id-Direttivi 94/35/KE, 94/36/KE u 95/2/KE, kif emendati abbażi ta’ l-Artikolu 31 ta’ dan ir-Regolament u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom għandhom jiġu inklużi fl-Anness II għar-Regolament preżenti wara reviżjoni tal-konformità tagħhom ma’ l-Artikoli 6, 7 u 8 tiegħu. Il-miżuri relatati ma’ l-inklużjoni ta’ tali addittivi fl-Anness II, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4). Ir-reviżjoni m’għandiex tinkludi valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità. Ir-reviżjoni għandha titwettaq sa l-20 ta' Jannar 2011.

Additivi u użi ta’ l-ikel li mhumiex iżjed meħtieġa m’għandhomx jiddaħħlu fl-Anness II.

2.   L-addittivi ta’ l-ikel li huma awtorizzati għall-użu fl-addittivi ta’ l-ikel fid-Direttiva 95/2/KE u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom għandhom jiġu inklużi fil-Parti I ta’ l-Anness III, ta’ dan ir-Regolament wara reviżjoni tal-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 6 tiegħu. Il-miżuri relatati ma’ l-inklużjoni ta’ tali addittivi fl-Anness III, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4). Ir-reviżjoni m’għandiex tinkludi valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità. Ir-reviżjoni għandha titwettaq sa l-20 ta’ Jannar 2011.

Additivi u użi ta’ l-ikel li mhumiex iżjed meħtieġa m’għandhomx jiddaħħlu fl-Anness III.

3.   L-addittivi ta’ l-ikel li huma awtorizzati għall-użu fl-aromatizzanti ta’ l-ikel fid-Direttiva 95/2/KE u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom għandhom jiġu inklużi fil-Parti 4 ta’ l-Anness III, ta’ dan ir-Regolament wara reviżjoni tal-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 6 tiegħu. Il-miżuri relatati ma’ l-inklużjoni ta’ tali addittivi fl-Anness III, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4). Ir-reviżjoni m’għandiex tinkludi valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità. Ir-reviżjoni għandha titwettaq sa l-20 ta’ Jannar 2011.

Additivi u użi ta’ l-ikel li mhumiex iżjed meħtieġa m’għandhomx jiddaħħlu fl-Anness III.

4.   L-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-addittivi ta’ l-ikel li huma koperti taħt il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi ta’ l-ikel, l-enżimi ta’ l-ikel u l-aromatizzanti ta’ l-ikel], fil-mument li dawk l-addittivi ta’ l-ikel jiġu inklużi fl-Annessi skond dawk il-paragrafi.

5.   Il-miżuri relatati ma’ kwalunkwe miżura transitorja xierqa, li huma maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(3).

Artikolu 31

Miżuri tranżitorji

Sakemm jitlesta l-istabbiliment tal-listi Komunitarji ta’ l-addittivi ta’ l-ikel kif previst fl-Artikolu 30, l-Annessi għad-Direttivi 94/35/KE, 94/36/KE u 95/2/KE għandhom jiġu emendati fejn meħtieġ, b’miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dawk id-Direttivi, adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(4).

L-ikel li tqiegħed fis-suq jew ġie ttikkettat qabel l-20 ta' Jannar 2010 li ma jikkonformax ma’ l-Artikolu 22(1)(i) (4) jista’ jiġi kkumerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew sad-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar.

L-ikel li tqiegħed fis-suq jew ġie ttikkettat qabel l-20 ta' Lulju 2010 li ma jikkonformax ma’ l-Artikolu 24 jista’ jiġi kkumerċjalizzat sad-data ta’ durabilità minima tiegħu jew sad-data li fiha jista’ jintuża l-aħħar.

Artikolu 32

Evalwazzjoni mill-ġdid ta’ l-addittivi ta’ l-ikel approvati

1.   L-addittivi ta’ l-ikel li kienu permessi qabel l-20 ta' Jannar 2009 għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni ta’ riskju ġdida li titwettaq mill-Awtorità.

2.   Wara konsultazzjoni ma’ l-Awtorità, għandu jiġi adottat programm ta’ evalwazzjoni għal dawk l-addittivi sa l-20 ta' Jannar 2010, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 28(2). Il-programm ta’ evalwazzjoni għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 33

Revoki

1.   L-atti li ġejjin għandhom jiġu revokati:

(a)

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1962 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-materjal tal-kulur awtorizzat għall-użu fl-ikel u maħsub għall-użu mill-bniedem;

(b)

Id-Direttiva 65/66/KEE.

(ċ)

Id-Direttiva 78/663/KEE;

(d)

Id-Direttiva 78/664/KEE;

(e)

Id-Direttiva 81/712/KEE;

(f)

Id-Direttiva 89/107/KEE;

(g)

Id-Direttiva 94/35/KE;

(h)

Id-Direttiva 94/36/KE;

(i)

Id-Direttiva 95/2/KE;

(j)

Id-Deċiżjoni Nru 292/97/KE;

(k)

Id-Decizjoni 2002/247/KE.

2.   Ir-referenzi għall-atti rrevokati għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet transitorji

B’deroga mill-Artikolu 33, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom ikomplu japplikaw sa meta jitlesta t-trasferiment taħt l-Artikolu 30 (1), (2) u (3) ta’ dan ir-Regolament ta’ l-addittivi ta’ l-ikel diġà permessi fid-Direttivi 94/35/KE, 94/36/KE u 95/2/KE:

(a)

L-Artikolu 2 (1), (2) u (4) tad-Direttiva 94/35/KE u l-Anness għaliha;

(b)

L-Artikolu 2(1) sa (6), (8), (9) u (10) tad-Direttiva 94/36/KE u l-Annessi I sa V għaliha;

(ċ)

L-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 95/2/KE u l-Annessi I sa VI għaliha.

Minkejja l-punt (c), l-awtorizzazzjonijiet għall-E 1103 Invertase u l-E 1105 Lysozyme stabbiliti fid-Direttiva 95/2/KE huma revokati b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tal-lista Komunitarja dwar l-enżimi ta’ l-ikel skond l-Artikolu 17 ta’Regolament (KE) Nru 1332/2008 [dwar enżimi fl-ikel]

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2010.

Madankollu, l-Artikolu 4(2) għandu japplika għall-Partijiet 2, 3 u 5 ta’ l-Anness III mill-1 ta’ Jannar 2011 u l-Artikolu 23(4) għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2011. L-Artikolu 24 għandu japplika mill-20 ta' Lulju 2010. L-Artikolu 31 għandu japplika mill-20 ta' Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 34.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 142), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 111 E, 6.5.2008, p. 10), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008. (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2008

(3)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27.

(4)  Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 178, 28.7.1995, p. 1.

(6)  ĠU L 226, 22.9.1995, p. 1.

(7)  ĠU L 339, 30.12.1996, p. 1.

(8)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Ufficiali.

(9)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(12)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

(13)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(14)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

(15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(16)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1.

(17)  ĠU 115, 11.11.1962, p. 2645/62.

(18)  ĠU 22, 9.2.1965, p. 373.

(19)  ĠU L 223, 14.8.1978, p. 7.

(20)  ĠU L 223, 14.8.1978, p. 30.

(21)  ĠU L 257, 10.9.1981, p. 1.

(22)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 27.

(23)  ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3.

(24)  ĠU L 237, 10.9.1994, p. 13.

(25)  ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1.

(26)  ĠU L 48, 19.2.1997, p. 13.

(27)  ĠU L 84, 28.3.2002, p. 69.

(28)  Ara paġna 34 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(29)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.

(30)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 69.

(31)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. Verżjoni korretta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

(32)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 21.


ANNESS I

Il-klassijiet funzjonali ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fl-ikel u ta’ l-addittivi ta’ l-ikel fl-addittivi ta’ l-ikel u fl-enżimi ta’ l-ikel

1.

“sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” huma sustanzi użati biex jagħtu togħma ħelwa lill-ikel jew f’sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda.

2.

“kuluri” huma sustanzi li jżidu jew jerġgħu jagħtu l-kulur fl-ikel, u jinkludu kostitwenti naturali ta’ l-ikel u sorsi naturali li normalment ma jkunux ikkonsmati bħala ikel u li normalment ma jintużawx bħala ingredjenti karatteristiċi ta’ l-ikel. Il-preparati li jinkisbu mill-ikel u minn materjali oħrajn li jittieklu ġejjin minn sorsi naturali li jinkisbu mill-estrazzjoni fiżika u/jew kimika li tirriżulta f’estrazzjoni selettiva tal-pigmenti relattiva għall-kostitwenti nutrittivi jew aromatiċi, huma kuluri fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament.

3.

“preservattivi” huma sustanzi li jżidu t-tul ta’ zmien qabel jiskadi l-ikel billi jipproteġuh kontra d-deterjorazzjoni kkawżata mill-mikro-organiżmi u/jew li jipproteġu kontra l-iżvilupp ta’ mikro-organiżmi patoġeniċi;

4.

“antiossidanti” huma sustanzi li jtawlu l-perjodu ta’ qabel l-iskadenza ta’ l-ikel billi jipproteġuh mid-deterjorazzjoni kkawżata mill-ossidazzjoni, bħal snuħija tax-xaħam u tibdiliet fil-kulur;

5.

“aġenti veikoli” huma sustanzi li jintużaw għat-taħlil, id-dilwizzjoni, it-tixrid jew il-modifikazzjoni fiżika b’xi mod ieħor ta’ addittiv ta’ l-ikel jew aromatizzanti, enzima ta’ l-ikel, nutrijent u/jew sustanzi oħra miżjuda għal finijiet nutrittivi jew fisjoloġiċi għal ikel mingħajr ma jbiddlu l-funzjoni tiegħu (u mingħajr ma jeżerċitaw l-ebda effett teknoloġiku huma nfushom) sabiex jiffaċilitaw l-immaniġġjar, l-applikazzjoni jew l-użu tiegħu;

6.

“aċidi” huma sustanzi li jżidu l-aċidità ta’ oġġett ta’ l-ikel u/jew jagħtuh togħma qarsa;

7.

“regolaturi ta’ l-aċidità” huma sustanzi li jbiddlu jew jikkontrollaw l-aċidità jew l-alkalinità ta’ oġġett ta’ l-ikel;

8.

“aġenti ta’ kontra t-tagħqid” huma sustanzi li jnaqqsu t-tendenza tal-partiċelli individwali ta’ oġġett ta’ l-ikel milli jeħlu ma’ xulxin;

9.

“aġenti għal kontra r-ragħwa” huma sustanzi li jipprevjenu jew inaqqsu r-ragħwa;

10.

“aġenti li jagħtu l-massa” huma sustanzi li jikkontribwixxu għall-volum ta’ oġġett ta’ l-ikel mingħajr ma jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-valur ta’ l-enerġija disponibbli tiegħu;

11.

“emulsjonanti” huma sustanzi li jagħmluha possibbli li tkun ifformata jew li tinżamm taħlita omoġenja ta’ żewġ fażijiet jew iktar li ma jitħalltux bħaż-żejt u l-ilma f’oġġett ta’ l-ikel;

12.

“melħ emulsifikat” huma sustanzi li jaqilbu l-proteini fil-ġobon f’forma mxerrda, u b’hekk ikun hemm distribuzzjoni omoġenja ta’ xaħam u komponenti oħra;

13.

“aġenti li jissodaw” huma sustanzi li jagħmlu jew iżommu t-tessuti tal-frott jew tal-ħaxix sodi jew iqarmċu, jew jinteraġixxu ma’ aġenti li jgħaqqdu biex jipproduċu jew isaħħu ġel;

14.

“sustanzi li jtejbu l-aroma” huma sustanzi li jtejbu t-togħma u/jew ir-riħa eżistenti ta’ oġġett ta’ l-ikel;

15.

“aġenti li jagħmlu r-ragħwa” huma sustanzi li jagħmluha possibbli li jkun ifformat tixrid omoġenju ta’ fażi gassuża f’oġġett ta’ l-ikel likwidu jew solidu;

16.

“aġenti li jgħaqqdu” huma sustanzi li jagħtu lill-oġġett ta’ l-ikel konsistenza bil-formazzjoni ta’ ġel;

17.

“aġenti għall-igglejżjar” (inklużi lubrikanti) huma sustanzi li, meta jkunu applikati lill-uċuħ esterni ta’ oġġett ta’ l-ikel, jagħtu dehra tleqq jew jipprovdu kisja protettiva;

18.

“humectants” huma sustanzi li ma jħallux l-ikel jinxef billi jopponu l-effett ta’ atmosfera li għandha grad baxx ta’ umdità, jew jippromwovu t-taħlil ta’ trab f’mezz milwiem;

19.

“lamti modifikati” huma sustanzi miksuba permezz ta’ trattament kimiku wieħed jew aktar ta’ lamti li jittieklu, li setgħu għaddew minn trattament fiżiku jew enzimatiku, u li jistgħu jkunu mraqqa jew ibbliċjati b’aċidu jew b’alkali;

20.

“gassijiet ta’ l-ippakkjar” huma gassijiet għajr l-arja, li jiġu introdotti f’kontenitur qabel, matul jew wara t-tqegħid ta’ oġġett ta’ l-ikel f’dak il-kontenitur;

21.

“propellanti” huma gassijiet għajr l-arja li jixħtu ‘il barra oġġett ta’ l-ikel minn kontenitur;

22.

“aġenti li jgħollu” huma sustanzi jew taħlit ta’ sustanzi li jilliberaw gass u b’hekk iżidu l-volum ta’ għaġina jew ta’ taħlita ta’ dqiq, bajd ecc.;

23.

“sekwestranti” huma sustanzi li jifformaw komplessi kimiċi b’jonji metalliċi;

24.

“stabilizzaturi” huma sustanzi li jagħmluha possibbli li jinżamm l-istat fiżiku-kimiku ta’ oġġett ta’ l-ikel; l-istabbilizzaturi jinkludu sustanzi li jippermettu li jinżamm tixrid omoġenju ta’ żewġ sustanzi jew aktar li ma jitħalltux f’oġġett ta’ l-ikel, sustanzi li jistabbilizzaw, iżommu jew jintensifikaw kulur eżistenti ta’ oġġett ta’ l-ikel, u sustanzi li jżidu l-kapaċità ta’ taqħqid ta’ l-ikel, inkluża l-formazzjoni ta’ rabtiet bejn il-proteini li jippermettu t-tagħqid ta’ biċċiet ta’ l-ikel f’ikel rikostitwit.

25.

“sustanzi li jħaxxnu” huma sustanzi li jkabbru l-viskożità ta’ oġġett ta’ l-ikel;

26.

“sustanzi li jittrattaw id-dqiq” huma sustanzi, għajr għall-emulsjonanti, li jiġu miżjuda mad-dqiq jew ma’ l-għaġina sabiex itejbu l-kwalità tal-ħami tiegħu.


ANNESS II

Il-lista Komunitarja ta’ l-addittivi ta’ l-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu.


ANNESS III

Il-lista Komunitarja ta’ l-addittivi ta’ l-ikel approvati għall-użu fl-addittivi ta’ l-ikel, fl-enżimi ta’ l-ikel u fl-aromatizzanti ta’ l-ikel, u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom.

Lista Komunitarja ta’ aġenti veikoli u l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tagħhom.

Parti 1

L-aġenti veikoli fl-addittivi ta’ l-ikel

Parti 2

L-addittivi ta’ l-ikel għajr għall-aġenti veikoli fl-addittivi ta’ l-ikel

Parti 3

Addittivi ta’ l-ikel inklużi aġenti veikoli fl-enżimi ta’ l-ikel

Parti 4

Addittivi ta’ l-ikel inklużi aġenti veikoli fl-aromatizzanti ta’ l-ikel

Parti 5

Aġenti veikoli f’nutrijenti u sustanzi oħra miżjuda għal finijiet nutrittivi u/jew għal finijiet fisjoloġiċi oħra


ANNESS IV

Ikel tradizzjonali li għalih ċerti Stati Membri jistgħu jkomplu jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittivi ta’ l-ikel

Stat Membru

L-ikel

Il-kategoriji ta’ l-addittivi li jistgħu jkomplu jiġu pprojbiti b’mod uffiċjali

Ġermanja

Il-birra tradizzjonali Ġermaniża (“Bier nach deutschem Reinheitsgebot gebraut”)

Kollha għajr il-gassijiet propellanti

Franza

Il-ħobż tradizzjonali Franċiż

Kollha

Franza

It-tartuf tradizzjonali Franċiż ippreservat

Kollha

Franza

Il-bebbux tradizzjonali Franċiż ippreservat

Kollha

Franza

Il-priservijiet tradizzjonali Franċiżi tal-wiżż u tal-papri (“confit”)

Kollha

Awstrija

Il-“Bergkäse” tradizzjonali Awstrijak

Kollha ħlief il-preservattivi

Finlandja

Il-“Mämmi” tradizzjonali Finlandiż

Kollha ħlief il-preservattivi

Svezja

Finlandja

Il-ġuleppijiet tal-frott tradizzjonali Svediżi u Finlandiżi

Il-kuluri

Danimarka

Il-“Kødboller” tradizzjonali Daniż

Il-preservattivi u l-kuluri

Danimarka

Il-“Leverpostej” tradizzjonali Daniż

Il-preservattivi (għajr l-aċidu żorbiku) u l-kuluri

Spanja

Il-“Lomo embuchado” tradizzjonali Spanjol

Kollha ħlief il-preservattivi u l-antiossidanti

Italja

Il-“Mortadella” tradizzjonali Taljana

Kollha ħlief il-preservattivi, l-antiossidanti, l-aġenti li jaġġustaw il-pH, is-sustanzi li jtejbu l-aroma, l-istabilizzaturi u l-gass ta’ l-ippakkjar

Italja

Il-“Cotechino e zampone” tradizzjonali Taljan

Kollha ħlief il-preservattivi, l-antiossidanti, l-aġenti li jaġġustaw il-pH, is-sustanzi li jtejbu l-aroma, l-istabilizzaturi u l-gass ta’ l-ippakkjar


ANNESS V

Lista ta’ kuluri ta’ l-ikel imsemmija fl-Artikolu 24 li għaliha l-ittikkettar ta’ l-ikel għandu jinkludi informazzjoni addizzjonali

Ikel li fih wieħed jew aktar mill-kuluri ta’ l-ikel li ġejjin

Tagħrif

Sunset yellow (E 110) (*)

“isem jew in-numru E tal-kulur(i): jista’ jkollu effett negattiv fuq l-attività u l-attenzjoni tat-tfal”.

Quinoline yellow (E 104) (*)

Carmoisine (E 122) (*)

Allura red (E 129) (*)

Tartrazine (E 102) (*)

Ponceau 4R (E 124) (*)


(*)  bl-eċċezzjoni ta’ l-ikel fejn il-kulur(i) ġew użati għall-finijiet ta’ saħħa jew biex jimmarkaw il-prodotti tal-laħam jew biex jistampaw jew jiddekoraw bil-kulur il-qoxra tal-bajd.


Top