EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0805

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/805/PESK tas- 6 ta’ Diċembru 2007 li taħtar Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana

ĠU L 323, 8.12.2007, p. 45–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2011: This act has been changed. Current consolidated version: 29/05/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/805/oj

8.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 323/45


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/805/PESK

tas-6 ta’ Diċembru 2007

li taħtar Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Matul is-snin li għaddew l-Unjoni Afrikana (UA) saret attur kontinentali strateġiku u sieħeb internazzjonali ewlieni ta' l-Unjoni Ewropea (UE).

(2)

F'ħafna okkażjonijiet l-UE għarfet ir-rwol importanti u l-kisbiet ta' l-UA, anke fl-Istrateġija “L-UE u l-Afrika: Lejn Sħubija Strateġika” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istrateġija UE Afrika”) adottata fil-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005.

(3)

Fl-14 u l-15 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew impenja ruħu sabiex isaħħaħ is-sħubija strateġika ta' l-UE ma' l-Afrika u, bħala miżura konkreta fil-qafas ta' l-azzjonijiet prijoritarji rilevanti għall-2007, sabiex isaħħaħ il-preżenza ta' l-UE ma' l-UA f'Addis Ababa.

(4)

Il-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-UA, ibbażat permanentement f'Addis Ababa, ġiet identifikata bħala miżura adatta sabiex tiżgura l-preżenza msaħħa ta' l-UE ma' l-UA.

(5)

Is-SĠ/RGħ irrakkomanda li s-Sur Koen Vervaeke jinħatar bħala r-RSUE għall-UA.

(6)

Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta, l-istrutturi għall-perijodu fit-tul ta' l-Uffiċċju tar-RSUE ser jiġu elaborati u kkonsolidati aktar, abbażi ta' rapport imħejji mill-Presidenza f'koperazzjoni mill-qrib mas-SĠ/RGħ, ir-RSUE u l-Kummissjoni.

(7)

Ir-RSUE għandu jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Ħatra

Is-Sur Koen VERVAEKE huwa b'dan maħtur RSUE għall-UA għall-perijodu mis-6 ta' Diċembru 2007 sal-31 ta' Diċembru 2008. Ir-RSUE għandu jkun ibbażat permanentement f'Addis Ababa.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika komprensivi ta' l-UE b'appoġġ għall-isforzi Afrikani għall-bini ta' futur paċifiku, demokratiku u prosperuż kif stabbilit fl-Istrateġija UE Afrika. Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

it-tisħiħ tad-djalogu politiku ta' l-UE u relazzjoni usa' ma' l-UA;

(b)

it-tisħiħ tas-sħubija UE-UA fl-oqsma kollha deskritti fl-Istrateġija UE Afrika, b'kontribut għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija UE Afrika fi sħubija ma' l-UA, b'rispett għall-prinċipju ta' appartenenza Afrikana u b'ħidma aktar mill-qrib mar-rappreżentanti Afrikani f'fora multilaterali f'koordinazzjoni ma' msieħba multilaterali;

(ċ)

il-ħidma ma', u l-provvediment ta' appoġġ lill-UA permezz ta' l-appoġġ għall-iżvilupp istituzzjonali u t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-Istituzzjonijiet ta' l-UE u ta' l-UA, anke permezz ta' assistenza għall-iżvilupp, għall-promozzjoni ta':

paċi u sigurtà: il-previżjoni, il-prevenzjoni, il-ġestjoni, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti, l-appoġġ għal sforzi għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, l-appoġġ għar-rikostruzzjoni post-konflittwali;

drittijiet tal-bniedem u tmexxija governattiva: il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; il-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali u r-rispett għall-istat tad-dritt; l-appoġġ, permezz ta' djalogu politiku u assistenza finanzjarja u teknika, sforzi Afrikani għall-monitoraġġ u t-titjib tat-tmexxija governattiva; l-appoġġ għat-tkabbir tad-demokrazija parteċipattiva u r-responsabbiltà; l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-promozzjoni ulterjuri ta' l-isforzi sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tfal u l-konflitt armat fl-aspetti kollha tagħha;

tkabbir sostenibbli, integrazzjoni reġjonali u kummerċ: l-appoġġ għall-isforzi lejn l-interkonnettività u l-iffaċilitar ta' l-aċċess tan-nies għall-ilma u s-sanità, l-enerġija u t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni; il-promozzjoni ta' qafas tan-negozju legali stabbli, effiċjenti u armonizzat; l-assistenza sabiex l-Afrika tkun integrata fis-sistema dinjija tal-kummerċ, l-assistenza lill-pajjiżi Afrikani sabiex jikkonformaw mar-regoli u l-istandards ta' l-UE; l-appoġġ lill-Afrika fil-ġlieda kontra l-effetti tal-bidla fil-klima;

investiment fin-nies: l-appoġġ ta' l-isforzi fl-oqsma tas-sessi, is-saħħa, is-sigurtà ta' l-ikel u l-edukazzjoni, il-promozzjoni ta' programmi ta' skambju, networks ta' universitajiet u ċentri ta' eċċellenza, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.

Barra minn hekk, l-UE u l-Afrika għandhom il-ħsieb li jistabbilixxu Strateġija Konġunta li għandha tiżviluppa u tikkonsolida ulterjorment is-sħubija strateġika tagħhom. L-UA għandha tkun l-attur prinċipali fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Konġunta.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-aspetti tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)/ Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD) ta' l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jsaħħaħ l-influwenza ġenerali ta' l-UE fi, u l-koordinazzjoni ta', id-djalogu ma' l-UA u l-Kummissjoni tagħha f'Addis Ababa, dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet tal-PESK/PESD koperti mir-relazzjoni UE-UA;

(b)

jiżgura livell adatt ta' rappreżentanza politika, li tirrifletti l-importanza ta' l-UE bħala sieħba politika, finanzjarja u istituzzjonali ta' l-UA, u l-avvanz f'dik is-sħubija li sar neċessarju minħabba l-profil politiku li qed jikber ta' l-UA fix-xena dinjija;

(ċ)

jirrappreżenta, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, il-pożizzjonijiet u l-linji politiċi ta' l-UE, meta l-UA jkollha rwol prinċipali f'sitwazzjoni ta' kriżi li għaliha ma jkun inħatar l-ebda RSUE;

(d)

jgħin fil-kisba ta' koerenza, konsistenza u koordinazzjoni aħjar tal-linji politiċi u l-azzjonijiet ta' l-UE fir-rigward ta' l-UA, u jikkontribwixxi sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-grupp usa' ta' msieħba u r-relazzjoni tiegħu ma' l-UA;

(e)

isegwi mill-qrib, u jirrapporta dwar, l-iżviluppi rilevanti kollha fil-livell ta' l-UA;

(f)

iżomm kuntatt mill-qrib mal-Kummissjoni ta' l-UA, ma' organi oħra ta' l-UA, ma' missjonijiet ta' organizzazzjonijiet Sub-reġjonali Afrikani għall-UA u l-missjonijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UA għall-UA;

(ġ)

jiffaċilita r-relazzjonijiet/l-koperazzjoni bejn l-UA u l-organizzazzjonijiet Sub-reġjonali Afrikani speċjalment f'dawk l-oqsma fejn l-UE qed tipprovdi appoġġ;

(h)

joffri pariri u jipprovdi appoġġ lill-UA fuq talba fl-oqsma deskritti fl-Istrateġija UE Afrika;

(i)

joffri pariri u jipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet ta' maniġġar ta' kriżijiet ta' l-UA;

(j)

abbażi ta' diviżjoni ċara tal-kompiti, jikkoordina ma', u jappoġġa, l-azzjonijiet tar-RSUE li għandhom mandati fl-Istati Membri ta' l-UA/fir-Reġjuni ta' l-UA; u

(k)

u jżomm kuntatti mill-qrib u jippromwovi l-koordinazzjoni ma' msieħba internazzjonali prinċipali ta' l-UA preżenti f'Addis Ababa, speċjalment in-Nazzjonijiet Uniti, iżda wkoll ma' atturi mhux statali dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet tal-PESK/PESD koperti mir-relazzjoni UE-UA.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ).

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE bi gwida strateġika u b'direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mis-6 ta' Diċembru 2007 sal-31 ta' Mejju 2008 għandu jkun ta' EUR 1 200 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mis-6 ta' Diċembru 2007. In-nefqa għandha tkun amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni li kwalunkwe finanzjament minn qabel ma għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont tan-nefqa kollha lill-Kummissjoni.

4.   In-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Ġunju 2008 sal-31 ta' Diċembru 2008 għandha tkun koperta permezz ta' att separat tal-Kunsill li jagħmel provvediment għall-ammont ta' referenza finanzjarju korrispondenti.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli sabiex jifforma t-tim tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni informati dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal sabiex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' persunal issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-UE lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni ta’ l-UE kkonċernati rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru ta' l-UE.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE li jibgħatuh u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Wara t-tlestija tal-fażi inizjali msemmija fl-Artikolu 14, il-persunal tar-RSUE ser jaħdem fil-prinċipju f'sezzjoni ta' politika, sezzjoni ta' paċi u sigurtà, u f'sezzjoni amministrattiva.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-ħidma bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet ospitanti skond il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (1), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

Artikolu 9

Aċċess għall-informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond ma jkun il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Konformement mal-politika ta' l-UE dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, inklużi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona tal-missjoni u ġo fiha, il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra l-UE jkun kopert b'assigurazzjoni għal riskju għoli kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(ċ)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal mogħti kuntratt lokalment, ikunu rċevew taħriġ ta' sigurtà adatt qabel ma' jaslu jew malli jaslu fiż-żona tal-missjoni, abbażi ta' klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin magħmulin wara valutazzjonijiet tas-sigurtà regolari jiġu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħrajn ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS b'rapporti verbali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta ukoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network Coreu. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni b'rapporti.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali ta' l-UE. Huwa għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha ta' l-UE fil-post jintużaw b'mod koerenti sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika ta' l-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu koordinati ma' dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun skond ma' jkun il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni b'aġġornamenti regolari.

Fuq il-post, għandha tinżamm koperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet ta' Missjoni ta' l-Istati Membri li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkopera mill-qrib ukoll ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-UE għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat qabel l-aħħar ta' Settembru 2008. Dan ir-rapport għandu jservi ta' bażi għall-evalwazzjoni tal-mandat fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa lill-KPS f'dan il-kuntest.

Artikolu 14

Attwazzjoni inizjali u żvilupp ulterjuri

1.   Sa nofs April 2008 l-Presidenza f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-SĠ/RGħ, ir-RSUE u l-Kummissjoni, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-istruttura ta' l-uffiċċju matul il-perijodu inizjali tal-mandat kif ukoll dwar l-iżvilupp u l-istrutturar ulterjuri tiegħu sat-tmiem tal-perijodu tal-mandat kif speċifikat fl-Artikolu 1, bil-ħsieb ta' konsolidazzjoni ggwidata mill-prinċipju ta' kondizzjonijiet ekwivalenti għall-persunal li jkun qed iwettaq funzjonijiet simili. Dan ir-rapport għandu b'mod partikolari jittratta l-materji li ġejjin:

l-istrutturi u l-proċeduri fit-tul

is-sistema ta' rappurtar;

il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwivalenti għal persunal li jwettaq funzjonijiet simili, fil-livelli kollha.

Ir-rapport għandu jiġi eżaminat mill-Kunsill, li għandu jiddeċiedi dwar is-segwitu xieraq.

2.   Qabel l-aħħar ta' Ottubru 2008, il-Presidenza, f'koperazzjoni mill-qrib mas-SĠ/RGħ, ir-RSUE u l-Kummissjoni, għandha tipprovdi lill-Kunsill b'rapport komprensiv dwar il-futur ta' l-uffiċċju u l-organizzazzjoni tiegħu.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 6 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

A. COSTA


(1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).


Top