Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005H0601

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2005 dwar il-linji gwida wiesgħa għall-politika ekonomika ta' l-istati membri u tal-Komunità (2005-2008)

    ĠU L 205, 6.8.2005, p. 28–37 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 168M, 21.6.2006, p. 8–17 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2005/601/oj

    21.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

    8


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2005

    dwar il-linji gwida wiesgħa għall-politika ekonomika ta' l-istati membri u tal-Komunità (2005-2008)

    (2005/601/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 99(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra d-diskussjoni mill-Kunsill Ewropew fis-16-17 ta' Ġunju 2005,

    Billi Riżoluzzjoni dwar ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni ġiet adottata mill-Parlament Ewropew,

    HAWNHEKK JIRRAKKOMMANDA:

    Introduzzjoni

    Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005 nieda mill-ġdid l-istrateġija ta' Lisbona billi ffoka mill-ġdid fuq it-tkabbir u l-impjieg fl-Ewropa. (1) B’din id-deċiżjoni, il-kapijiet ta’ l-Istat u tal-gvern taw messaġġ ċar dwar il-prijoritajiet ta’ l-Unjoni tul is-snin li ġejjin. L-Ewropa għandha tiffoka aktar il-politika tagħha fuq it-tkabbir u l-impjieg biex tilħaq l-għanijiet ta' Lisbona, fl-isfond ta' politika sħiħa makro-ekonomika u fi ħdan qafas immirat lejn il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbilità ambjentali, li huma l-pilastri vitali ta' l-istrateġija ta' Lisbona.

    Għandha tingħata attenzjoni partikulari lit-twettiq ta’ l-aġenda ta’ Lisbona. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-Unjoni għandha tagħmel aktar biex timmobilizza r-riżorsi kollha fuq il-livelli nazzjonali u Komunitarji sabiex is-sinerġiji tagħhom ikunu sfruttati b'mod aktar effettiv. Barra minn hekk, l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti jista’ jgħin sabiex tiżdied il-kuxjenza għall-bżonn tat-tkabbir u ta' l-istabbiltà orjentati lejn politika makro-ekonomika u għar-riformi strutturali, titjieb il-kwalità ta’ l-implimentazzjoni, u jiżdied is-sens ta’ proprjetà ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona.

    Għal dan il-għan, dawn il-linji gwida Wiesgħa dwar il-politika ekonomika (BEPGs) jirriflettu l-bidu l-ġdid għall-istrateġija ta' Lisbona u jikkonċentraw fuq il-kontribut tal-politika ekonomika għal aktar tkabbir u għal aktar impjiegi. It-Taqsima A ta' dawn il-BEPGs tittratta dwar il-kontribut li l-politika makro-ekonomika tista' toffri f’dan ir-rigward. It-taqsima B tiffoka fuq il-miżuri u l-politika li l-Istati Membri għandhom iwettqu biex tingħata spinta lill-għarfien u l-innovazzjoni għat-tkabbir u biex l-Ewropa ssir post aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol. B'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Brussel (22 u 23 ta' Marzu 2005), bħala strument ġenerali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-BEPGs għandhom ikomplu jħaddnu l-varjetajiet ta' politika makro-ekonomika u mikroekonomika kollha, kif ukoll il-politika ta' impjieg sa fejn din tingħaqad ma' dik il-politika; il-BEPGs ser jiżguraw konsistenza ekonomika ġenerali fost it-tliet punti ta' l-istrateġija. L-arranġamenti ta' sorveljanza multilaterali eżistenti għall-BEPGs ser ikomplu japplikaw.

    Dawn il-linji gwida huma applikabbli għall-Istati Membri kollha u għall-Komunità. Għandhom ikkattru koerenza ta' miżuri tar-riforma inklużi fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma stabbiliti mill-Istati Membri u ser jiġu kumplimentati mill-Programm Komunitarju ta' Lisbona 2005-2008 li jkopri kull azzjoni li ser tittieħed fuq livell Komunitarju fl-interess ta' tkabbir u ta' l-impjieg. L-implimentazzjoni ta' l-aspetti kollha rilevanti ta' dawn il-linji gwida għandhom jieħdu kont ta' l-għażla skond is-sess.

    L-istat ta' l-ekonomija ta' l-UE

    L-attività ekonomika fl-UE li kienet żiedet l-impetu sa min-nofs l-2003, naqset fit-tieni nofs ta' l-2004 minħabba l-effett ta' fatturi esterni bħall-għoli u l-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt, ir-rallentament fl-espansjoni tal-kummerċ dinji u l-apprezzament ta' l-euro. Parzjalment, nuqqas ta' resistenza f'xi ekonomiji Ewropej tista' toriġina wkoll minn dgħjufija strutturali persistenti. It-tkabbir reali tal-GDP mistenni jkompli fuq pass moderat fl-2005, imma t-trasferiment anqas milli mistenni mill-2004 ser jaffettwa b'mod inevitabbli l-medja annwali. Il-kontribut tad-domanda domestika għall-irkupru s'issa ma kenitx l-istess għal kull Stat Membru, iżda huwa mistenni tisħiħ gradwali matul is-sena, sostenut minn kondizzjonijiet finanzjarji favorevoli (inklużi rati ta' interess reali baxx) u pressjonijiet ta' inflazzjoni miżmuma taħt kontroll.

    Fil-parti l-kbira, l-irkupru ekonomiku baqa’ jiddependi fuq il-qawmien mill-ġdid tat-tkabbir globali u ż-żjieda mgħaġġla fil-kummerċ dinji. Hekk kif iċ-ċiklu tat-tkabbir dinji jilħaq il-maturità u jassorbi l-effett tat-tnaqqis tal-prezzijiet globali ogħla taż-żejt, l-enfasi se taqa’ aktar fuq id-domanda domestika fl-UE biex din tipprovdi impatt akbar fuq dan it-titjib. Il-politika strutturali u l-makro-politika jeħtieġ li jitqiesu fl-isfond taż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, notevolment taż-żejt, u ta' anqas pressjoni fuq il-prezzijiet industrijali. Ir-ritorn lejn rati ta' tkabbir potenzjali fl-UE, għalhekk, jiddependi fil-parti l-kbira fuq aktar kunfidenza fost in-negozji u l-konsumaturi, kif ukoll fuq żviluppi ekonomiċi globali favorevoli, inklużi l-prezzijiet taż-żejt u r-rati tal-kambju. Fuq dan l-isfond, huwa importanti li l-politika ekonomika tispira kunfidenza u għalhekk tgħin biex jinħolqu kondizzjonijiet għal domanda domestika aktar imsaħħa u ħolqien ta' l-impjiegi f'perijodu qasir, u li r-riformi strutturali jikkontribwixxu għall-espansjoni tat-tkabbir f'perijodu medju.

    Ir-rati tal-qgħad huma previsti li jonqsu, għalkemm bil-mod, għal 8.7 % fl-2006. Ir-rata ġenerali ta' l-impieg hija stmata għal 63.0 % għall-UE-25 fl-2003, li hija, sinifikattivament aktar baxxa mil-livell ta’ l-objettiv miftiehem ta’ 70 %. Il-progress lejn l-objettiv tar-rata ta’ 60 % fl-impieg għan-nisa kien bil-mod, bir-rata preżenti ta’ 55,1 % għall-25 ta’ l-UE, iżda din hija mistennija li terġa’ tiżdied. Ir-rata ta' l-impieg ta’ ħaddiema aktar anzjani, li kompliet tiżdied għal ftit aktar minn 40.2 %, għadha l-aktar 'il bogħod biex tilħaq l-objettiv ta’ 50 % għall-2010. Fl-istess waqt, il-progress biex titjieb il-kwalità fix-xogħol kien imħallat u l-istaġnar ekonomiku żied il-profil tal-problemi ta’ l-inklużjoni soċjali. Il-qgħad għal perjodu twil żdied għal darb’oħra wara bosta snin fejn kien naqas u ma tantx jidher li se jonqos fil-ġejjieni qrib.

    L-istaġnar ta' l-irkupru ekonomiku ta' l-UE huwa sors kontinwu ta' tħassib. L-ekonomija ta' l-UE hija f'bosta aspetti 'l bogħod mill-għan tagħha li ssir l-aktar ekonomija kompetittiva tad-dinja, milli kien il-każ f'Marzu 2000. F'dan l-isfond, id-distakk kbir li hemm bejn il-potenzjal ta' tkabbir u dak ta' l-imsieħba ekonomiċi ta' l-Ewropa ma naqasx b'mod sinifikanti.

    L-ewwel spjegazzjoni għal din is-sottoprestazzjoni ta’ l-Unjoni li baqgħet isseħħ hija l-fatt li l-input tax-xogħol tagħha jibqa’ komparattivament wieħed baxx. L-isforzi magħmula mill-Istati Membri wasslu biex ir-rata ta’ l-impjieg tiżdied minn 61.9 % fl-1999 għal 63,0 % fl-2003. Madankollu, hemm ħafna wisa' għal aktar titjib, b'mod notevoli fost il-ħaddiema żgħażagħ u anzjani, jekk iridu jintlaħqu l-objettivi ta’ Lisbona.

    It-tieni spjegazzjoni ewlenija għal prestazzjoni batuta ta’ l-UE hija konnessa mal-livell baxx tagħha fit-tkabbir tal-produttività. It-tkabbir tal-produttività ilu sejjer lura għal diversi għexieren ta’ snin.

    Taqsima A

    Il-Politika makro-ekonomika għat-tkabbir u l-impjiegi (2)

    A.1   Il-politika makro-ekonomika li toħloq il-kondizzjonijiet għal aktar tkabbir u impjiegi

    Li tkun assigurata stabbiltà ekonomika biex jiżdiedu l-impjieg u l-potenzjal għat-tkabbir

    Politika makro-ekonomika tajba hija meħtieġa biex tappoġġja espansjoni ekonomika bbilanċjata kif ukoll għas-seħħ sħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir attwali. Din hija wkoll importanti għall-istabbiliment ta' kondizzjonijiet strutturali li jippromwovu livelli xierqa ta’ tfaddil u investiment, kif ukoll orjentazzjoni msaħħa lejn l-għarfien u l-innovazzjoni, sabiex l-ekonomija titpoġġa fit-triq ta’ tkabbir u impjiegi, sostenibbli,ogħla u mhux inflazzjonarji. Dan għandu jgħin biex jinżammu rati ta' interess favorevoli għal perijodu twil u biex jikkontribwixxu għal żviluppi raġonevoli fir-rati tal-kambju. Fl-ippjanar għall-futur, l-impriżi u l-individwi għandhom ikunu kunfidenti li tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet.

    Politika monetarja tista' tikkontribwixxi billi ssegwi l-istabbiltà tal-prezzijiet u mingħajr preġudizzju għal dan l-objettiv, billi tappoġġa politika ekonomika ġenerali oħra fir-rigward ta' tkabbir u impjiegi. Għall-Istati Membri ġodda, ser ikun importanti li l-politika monetarja tikkontribwixxi biex tintlaħaq konverġenza reali, sostenibbli - u nominali. Is-sistemi ta' amministrazzjoni ta' rati tal-kambju jikkostitwixxu parti importanti mill-qafas ta' politika ekonomika u monetarja totali u għandhom ikunu orjentati biex tintlaħaq konverġenza reali, sostenibbli u nominali. Parteċipazzjoni fl-ERM II, fi stadju opportun wara l-adeżjoni, għandha tgħin għal dawk l-isforzi. Sfida oħra fil-politika makro-ekonomika għal uħud minn dawn l-Istati Membri hija li jżommu l-iżbilanċi finanzjarji kurrenti fl-iskala fejn ikun jista’ jiġi żgurat iffinanzjar barrani tajjeb. F'dan ir-rigward, restrizzjoni fiskali tkun essenzjali biex jitnaqqas l-iżbilanċ finanzjarju kurrenti.

    Is-sigurtà ta' pożizzjoni tajba tal-budget, tippermetti biex l-istabilizzaturi awtomatiċi tal-budget ikollhom sehem sħiħ u simetriku fuq iċ-ċiklu bil-ħsieb li jistabbilixxu produzzjoni madwar xejra ta' tkabbir ogħla u sostenibbli. Għal dawk l-Istati Membri li diġà laħqu pożizzjonijiet tajbin tal-budget l-isfida hija biex iżommu dik il-pożizzjoni. Għall-Istati Membri l-oħrajn huwa vitali li dawn jieħdu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-budget tul perijodu medju b'mod partikolari hekk jekk jitjiebu l-kondizzjonijiet ekonomiċi; b’hekk dawn jevitaw politika li tiffavorixxi ċikli politiċi waqt li jpoġġu ruħhom f’pożizzjoni li fiha jkun żgura biżżejjed spazju biex l-istabilizzaturi awtomatiċi jkollhom sehem sħiħ fuq iċ-ċiklu qabel it-tnaqqis ekonomiku li jmiss. Konformement mar-rapport ta' l-Ecofin “It-titjib ta' l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Tkabbir u Stabbiltà” approvat mill-Kunsill Ewropew (22-23 ta' Marzu 2005), għall-Istati Membri individwali l-objettiv tul perijodu medju tal-budget għandu jkun iddifferenzjat skond id-diversità ekonomika u l-pożizzjonijiet tal-budget u ta' l-iżviluppi, kif ukoll ir-riskju fiskali għas-sostenibbilità tal-finanzi pubbliċi, ukoll fir-rigward ta' tibdiliet prospettivi demografiċi. Il-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir li japplikaw għaż-żona ta' l-euro ta' l-Istati Membri japplikaw ukoll għall-Istati Membri ta' l-ERM II.

    Linja Gwida Nru 1:. Sabiex jiżguraw stabbiltà ekonomika għat-tkabbir sostenibbli, 1. f'konformità mal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-objettivi tal-budget għall-perijodu medju tagħhom. Sakemm dan l-objettiv ikun għadu ma ntlaħaqx, għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi kollha meħtieġa biex jintlaħaq. L-Istati Membri għandhom jevitaw politika fiskali li tiffavorixxi l-influwenzi ċikliċi. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li dawk l-Istati Membri li għandhom defiċit eċċessiv jieħdu azzjoni immedjata biex jiżguraw korrezzjoni f'waqtha tad-defiċit eċċessiv. 2. L-Istati Membri li jkollhom żbilanċi finanzjarji kurrenti bir-riskju li jkunu insostenibbli, għandhom jaħdmu biex jikkoreġuhom bl-implimentazzjoni ta' riformi strutturali, bit-tkabbir tal-kompetittività esterna u fejn xieraq, bil-kontribut għall-korrezzjoni tagħhom permezz tal-politika fiskali. Ara wkoll il-linja gwida integrata “Sabiex tikkontribwixxi għad-dinamiżmu u l-funzjonament tajjeb ta' l-EMU” (Nru.6)

    Tissalvagwardja s-sostenibbiltà ekonomika fuq perjodu twil fid-dawl tal-popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ ta’ l-Ewropa

    Il-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ ta’ l-Ewropa tikkostitwixxi riskji serji għas-sostenibbiltà tul perijodu twil għall-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea. Skond l-aħħar projezzjonijiet, sal-2050 il-popolazzjoni ta’ l-UE ta’ dawk li jaħdmu (15-64 sena) ser tkun 18 % inqas milli fis-sena 2000, waqt li n-numru ta’ persuni li jkollhom aktar minn 65 sena ser jkun żdied b’60 %. Dan ma jimplikax biss proporzjon ogħla ta' dipendenza, iżda jfisser ukoll li jekk ma titteħidx azzjoni immedjata għas-sostenibbilità fiskali tul perijodu twil, jista' jiżdied il-piż tad-dejn, minħabba ż-żieda fl-ispiża pubblika relatata ma' l-età, u tnaqqis potenzjali ta' l-'output' per capita, minħabba t-tnaqqis fl-età tal-popolazzjonili taħdem, u d-diffikultajiet fil-futur għal iffinanzjar tal-pensjoni, sistemi ta' l- assigurazzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa.

    L-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-implikazzjonijiet ekonomiċi tax-xjuħija bħala parti mill-istrateġija fuq tliet linji sabiex jiġu ttrattati l-implikazzjonijiet dwar il-budget finanzjarju tax-xjuħija, billi b'pass sodisfaċenti jiġi segwit t-tnaqqis tad-dejn u jiġu pprovduti inċentivi biex jiżdiedu r-rati ta' l-impjieg u jiżdied il-forniment ta' l-impieg sabiex jittaffa l-impatt futur tan-nuqqas fin-numru ta' persuni ta' età biex jaħdmu. Minkejja ż-żieda reċenti għal 63.0 % fl-2003, ir-rata ta' impjieg li għadha relattivament baxxa tindika li l-Ewropa għandha riserva ta' xogħol mhux utilizzat. L-għan għal aktar żviluppi huwa għaldaqstant konsiderevoli, notevolment fost in-nisa, ż-żagħżagħ u ħaddiema kbar fl-età. Konformi ma' din l-istrateġija, huwa meħtieġ ukoll li jiġu modernizzati s-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jkun żgurat li huma finanzjarjament vijabbli, li jipprovdu inċentivi għall-popolazzjoni li taħdem biex tipparteċipa fis-suq tax-xogħol, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li jilħqu l-għanijiet tagħhom skond it-termini ta' aċċess u ħila. B’mod partikolari, interazzjoni mtejba bejn is-sistemi tal-protezzjoni soċjali u s-swieq tax-xogħol tista’ twarrab ix-xkiel u tinkoraġġixxi l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol fl-isfond tal-medja ogħla ta' l-għomor.

    Linja Gwida Nru 2: Biex tiġi ssalvagwardjata s-sostenibbilità ekonomika u fiskali bħala bażi għaż-żieda fl-impjieg, l-Istati Membri għandhom, abbażi ta' l-ispejjeż previsti tal-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu, 1. iwettqu b'pass sodifaċenti t-tnaqqis tad-dejn tal-gvern biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi, 2. jirriformaw u jirrinfurzaw is-sistemi tal-pensjoni, ta' l-assigurazzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa biex jiżguraw li huma finanzjarjament vijabbli, soċjalment adatti u aċċessibbli, u 3. jieħdu miżuri biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-forniment tax-xogħol speċjalment fost in-nisa, ż-żgħażagħ u l-ħaddiema li huma l-aktar anzjani, u jippromwovu approċċ għal ċiklu ta' ħajja lejn ix-xogħol biex jiżdiedu s-siegħat ta' xogħol fl-ekonomija. Ara wkoll il-linja gwida integrata “Tippromwovi approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja għax-xogħol” (Nru 18, u 4, 19, 21).

    Li tippromwovi allokazzjoni effikaċi ta' riżorsi orjentati lejn l-impjieg u t-tkabbir

    Sistemi fiskali u ta’ nefqa mfassla tajjeb li jippromwovu allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi huma ta' ħtieġa għas-settur pubbliku biex dan jagħmel kontribut sħiħ lejn it-tkabbir u l-impieg, mingħajr ma jqiegħed f’riskju l-għanijiet ta’ l-istabbiltà u s-sostenibbiltà ekonomika. Dan jista’ jintlaħaq billi n-nefqa tingħata direzzjoni mill-ġdid lejn kategoriji li jsaħħu t-tkabbir bħalma huma r-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D), l-infrastruttura fiżika, it-teknoloġiji li huma favur l-ambjent, il-kapital uman u l-għarfien. L-Istati Membri jistgħu jgħinu wkoll jikkontrollaw kategori ta’ nfiq oħra permezz ta' l-użu tar-regoli tan-nefqa u prestazzjoni tal-budget u billi jintroduċu mekkaniżmi ta' valutazzjoni li jiżguraw li miżuri ta’ riforma individwali u pakketti ta’ riforma ġenerali jkunu mfasslin tajjeb. Prijorità ewlenija għall-ekonomija ta’ l-UE hija li jiġi żgurat li l-istrutturi tat-taxxa u l-azzjoni reċiproka tagħhom ma’ sistemi ta’ benefiċċji, jipromwovu potenzjal ta’ tkabbir ogħla permezz ta’ aktar impieg u investiment.

    Linja Gwida Nru 3: Biex jippromwovu allokazzjoni effikaċi ta' riżorsi orjentati lejn l-impjieg ut-tkabbir, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju dwar linji gwida dwar l-istabbiltà u s-sostenibbiltà ekonomika, jidderieġu mill-ġdid il-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika lejn il-kategoriji li jsaħħu t-tkabbir, b'konformità ma' l-istrateġija ta' Lisbona, jadattaw strutturi fiskali biex isaħħu l-potenzjal tat-tkabbir, jassiguraw li l-mekkaniżmi jiġu introdotti biex jagħmlu valutazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn in-nefqa pubblika u l-akkwist ta’ l-objettivi ta’ politika u jassiguraw il-koerenza ġenerali tal-pakketti ta’ riforma. Ara wkoll il-linja gwida integrata “Li jiġi mħajjar l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jiġu msaħħa s-sinerġiji bejn il-protezzjoni ambjentali u t-tkabbir (Nru 11)”.

    Li jkun żgurat li l-iżviluppi tal-paga jikkontribwixxu għat-tkabbir u għall-istabbiltà u jikkumplimentaw ir-riformi strutturali

    L-iżviluppi fil-paga jistgħu jikkontribwixxu lejn kondizzjonijiet makro-ekonomiċi stabbli u taħlit ta’ politika ta' l-impieg tajba, sakemm iż-żiediet reali fil-paga jkunu konformi mar-rata bażika tat-tkabbir fil-produttività fuq perjodu medju u dawn ikunu konsistenti ma’ rata ta’ profit li twassal għall-investiment li jsaħħaħ il-produttività, il-kapaċità u l-impjiegi. Dan jeħtieġ li fatturi temporanji, bħal varjazzjoni fil-produttività kkawżati minn fatturi ċikliċi jew żidiet ta’ darba biss fir-rata ewlenija ta’ l-inflazzjoni ma jikkawżawx xejra mhux sostenibbli fit-tkabbir tal-paga u li l-iżviluppi fil-paga li jkunu jirriflettu l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali.

    Meta wieħed iqis il-pressjoni 'l fuq kontinwa fuq il-prezzijiet taż-żejt u fuq il-materja prima, hi meħtieġa għassa fuq l-impatt tal-ħlas tal-pagi u taż-żidiet fl-ispiża tax-xogħol fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet u l-kompetittività tal-prezzijiet. Il-fatt li s'issa dan it-tieni effett għadu ma ġiex osservat, huwa milqugħ tajjeb. Dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li jiġi meħud kont tagħhom fid-djalogu kontinwu u l-iskambjar ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet monetarji u fiskali u l-imsieħba soċjali permezz tad-Djalogu Makro-ekonomiku.

    Linja Gwida Nru 4: Sabiex jassiguraw li l-iżviluppi fil-paga jikkontribwixxu għall-istabilità u t-tkabbir makro-ekonomiku u tiżdied l-adattabilità l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-istrutturi ta' kondizzjonijiet tajbin għal sistemi ta' negozjar ta' pagi, filwaqt li jiġi rispettat b'mod sħiħ ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali, bil-għan li jippromwovu żviluppi ta' pagi nominali u spiża ta' xogħol li jkunu konsistenti ma' l-istabilità fil-prezz u x-xejra fil-produttività f'perijodu medju, b'kont meħud tad-differenzi fuq is-snajja' u l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali. Ara wkoll linja gwida integrat “Biex ikunu żgurati żviluppi ta' spiża ta' xogħol favorevoli għall-impieg u mekkaniżmi ta' stipular tal-pagi” (Nru.22).

    Sabiex tiġi promossa koerenza fil-politika makro-ekonomika, strutturali u ta' l-impjieg

    Ir-rwol tal-politika makro-ekonomika tajba huwa li jiġu provduti kondizzjonijiet li jwasslu għall-ħolqien ta' l-impjieg u t-tkabbir. Riformi strutturali, konsistenti ma’ posizzjonijiet fiskali sodi fit-terminu qasir u medju, huma essenzjali biex jiżdiedu l-produttività u l-impjieg fit-terminu medju, u b’hekk iwasslu għat-twettiq sħiħ u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir. Huma jikkontribwixxu wkoll għas-sostenibbiltà fiskali, għall-istabbiltà makro-ekonomika u għar-reżistenza għal disturbi. Fl-istess waqt, politika makro-ekonomika xierqa hija essenzjali biex jittieħdu l-benefiċċji kollha ta’ riformi strutturali f’termini ta’ tkabbir u impjieg. Karatteristika ewlenija ta’ l-istrateġija ekonomika ġenerali ta’ l-Istati Membri hija li jkun żgurat li dawn ikollhom sett konsistenti ta’ politika strutturali li tkun tappoġġja l-qafas makro-ekonomiku u vice versa. B’mod partikolari, ir-riformi tas-suq jeħtieġ itejbu l-adattabilità ġenerali u l-kapaċità ta’ l-aġġustament ta’ l-ekonomiji bħala risposta għat-tibdil fil-kondizzjonijiet ekonomiċi ċikliċi u fix-xejriet tul perjodu twil bħalma huma l-globalizzazzjoni u t-teknoloġija. F'dan ir-rigward, sforz biex is-sistemi ta' riforma ta' taxxa u benefiċċji għandhom jiġu segwiti biex ix-xogħol irendi u tiġi evitata kull possibbiltà ta' nuqqas ta' inċentiv għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

    Linja Gwida Nru 5: Sabiex tiġi promossa koerenza akbar bejn politika makro-ekonomika, strutturali u ta' l-impjieg, l-Istati Membri għandhom isegwu r-riformi tas-suq tax-xogħol u tal-prodotti li fl-istess ħin iżidu fit-tkabbir potenzjali u jappoġġaw il-qafas makroekonomiku billi jżidu il-flessibilità, l-fattur ta' mobbiltà u l-kapaċità ta' l-aġġustament fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti bħala risposta għall-globalizzazzjoni, l-avvanzi teknoloġiċi, d-domanda tax-’shift’ u bidliet ċikliċi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrinovaw l-impetu fir-riformi tat-taxxa u l-benefiċċji biex itejbu l-inċentivi u biex jagħmlu x-xogħol irendi: iżidu l-adattabbilità tas-swieq tax-xogħol filwaqt li jingħaqdu l-flessibilità u s-sigurtà fl-impjiegi; u jiġu mtejba l-possibbilitajiet ta' l-impieg billi jsir investiment fil-kapital uman. Ara wkoll il-linja gwaida integrata “Li tiġi promossa l-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta’ impjieg u li titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’kont dovut meħud tar-rwol ta' l-imsieħba soċjali”(Nru.21, u Nru. 19).

    A.2   Li tkun żgurata żona ta’ l-euro dinamika u li taħdem tajjeb

    Il-ħtieġa biex jinkiseb tkabbir ogħla u impieg hija urġenti b'mod partikolari fiż-żona ta’ l-euro, meta minħabba l-prestazzjoni ekonomika baxxa riċenti u l-livell baxx tagħha ta’ tkabbir potenzjali ta’ madwar 2 % (skond l-estimi tal-Kummissjoni). Fl-aħħar previżjoni tagħha tar-rebbiegħa, l-Kummissjoni rrivediet il-previżjoni tagħha 'l isfel għal 1.6 % tat-tkabbir fiż-żona euro għal 2005. Id-diverġenza ekonomika tista' tiżdied fiż-żona euro, f'termini ta' tkabbir, domanda interna u pressjonijiet ta' inflazzjoni. It-tnaqqis tat-tkabbir ekonomiku fiż-żona ta' l-euro fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet jista' jkun attribwit kemm għall-fatturi esterni - l-għoli u l-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt, li jnaqqsu t-tkabbir globali tal-kummerċ u l-apprezzament ta' l-euro - kif ukoll għar-riġiditajiet interni. Fuq in-naħa esterna, żviluppi avversarji ta' fil-prezz taż-żejt u żbilanċi globali peristenti jkomplu jirrappreżentaw riskji 'l isfel li mhumiex negliġibbli.

    Id-domanda domestika kienet partikolarment baxxa fiż-żona ta’ l-euro, fejn il-konsum privat u l-investiment sinifikattivament taħt dak ta’l-UE-25 bħala total fl-2004. Il-konsum privat baxx jidher li inqabad fi tħassib kontinwu b'mod partikolari fir-rigward ta' prospetti ta' l-impjieg (bil-qgħad jibqa’ għal madwar 9 %) kif ukoll ta' prospetti tad-dħul għall-perijodu medju. Il-livell ta' kunfidenza u n-nuqqas ta' titjib sostenibbli min-naħa tal-konsum, komplew ikunu ta' piż fuq l-investiment.

    L-isfida għaż-żona ta’ l-euro hija li jkun żgurat it-twettiq tal-potenzjal tat-tkabbir attwali u aktar minn hekk li jiżdied il-potenzal tat-tkabbir tagħha maż-żmien. Dan jista' jinkiseb l-aħjar permezz politika makro-ekonomika orjentata lejn it-tkabbir u l-istabbiltà u ta’ riformi strutturali komprensivi. It-tnejn huma importanti b’mod partikolari għaż-żona ta’ l-euro, u l-Istati Membri ERMII minħabba li dawn għandhom impatt importanti fuq il-kapaċità tagħhom biex jaġġustaw 'mod adeġwat għal disturbi fl-istabbiltà b’impatt mhux simetriku, u għalhekk fuq ir-resistenza ekonomika taż-żona ta’ l-euro kollha. Barra minn hekk, il-prestazzjoni ekonomika ta', u l-politika segwita minn Stati Membri individwali taż-żona ta’ l-euro taffettwa fatturi komuni bħar-rata tal-kambju ta’ l-euro, ir-rati ta’ l-interess ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, u l-koeżjoni fiż-żona ta' l-euro. Dan kollu jimplika ħtieġa għall-koordinazzjoni effettiva ta' politika, kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona ta’ l-euro, biex jitjieb il-potenzjal għat-tkabbir u l-prestazzjoni.

    In-nuqqas ta’ politika ta’ interessi nazzjonali u ta' politika tar-rati tal-kambju jimplikaw ukoll żieda akbar biex jinkisbu u jinżammu pożizzjonijiet tal-budget tajbin matul iċ-ċiklu li jipprovdu marġni suffiċjenti tal-budget biex jassorbu l-impatt ta’ l-oxxillazzjonijiet ċikliċi jew id-disturbi ekonomiċi permezz ta’ impatt assimetriku. Il-politika strutturali li tkattar l-aġġustament mingħajr xkiel tal-prezzijiet u tal-pagi hija meħtieġa biex tiżgura li l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro jkollhom il-kapaċità li jaġġustaw malajr għal disturbi (bħalma hu d-disturb fil-prezz taż-żejt attwali) u biex tgħin jiġu evitati l-iżviluppi ta’ l-inflazzjoni mhux ġustifikati. Politika li żżid s-sensibilità tas-swieq tax-xogħol, billi tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni mifruxa tax-xogħol, il-mobbilità tax-xogħol u dik ġeografika u l-iffissar tal-pagi, flimkien mar-riformi xierqa tas-suq tal-prodott, huma partikolarment importanti f’dan ir-rigward.

    Fil-qosor, it-taħlita tal-politika fiż-żona ta' l-euro teħtieġ li tappoġġa l-irkupru ekonomiku filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwardja s-sostenibbilità u l-istabbiltà għall-perijodu fit-tul. Fl-istadju attwali, huwa importanti li t-taħlita politika ssostni kunfidenza bejn il-konsumaturi u l-investituri li timplika wkoll li jibqgħu impenjati għal perijodu medju ta' stabbiltà. Il-politika tal-budget għandha tiżgura pożizzjoni fiskali konsistenti bil-ħtieġa li tipprepara għall-impatt ta' popolazzjoni li qed tixjieħ fuq naħa waħda u li tintlaħaq kompożizzjoni ta' spiża pubblika u dħul li jrawwem tkabbir ekonomiku fuq l-oħrajn.

    Sabiex tikkontribwixxi għall-istabbiltà ekonomika internazzjonali u sabiex tirrappreżenta aħjar l-interessi ekonomiċi tagħha, huwa kruċjali għaż-żona ta’ l-euro li jkollha sehem sħiħ fil-kooperazzjoni tal-politika monetarja u ekonomika internazzjonali. Filwaqt li l-Presidenza stabbli ta' l-Eurogroup tgħin biex tikkoordina l-pożizzjonijiet tal-membri ta' ż-żona ta' l-euro, ir-rappreżentazzjoni esterna taż-żona ta' l-euro trid titjieb, abbażi tal-qafas tal-ftehim ta' Vjenna tal-11 u 12 ta' Diċembru 1998, sabiex iż-żona ta' l-euro tkun tista' tassumi rwol mexxej u strateġiku fl-iżvilupp tas-sistema globali ekonomika.

    Linja Gwida Nru 6: Sabiex jikkontribwixxu għad-dinamiżmu u l-funzjonament tajjeb ta' l-EMU, l-Istati Membri fiż-żona ta' l-euro jeħtieġ li jiżguraw l-koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika u tal-“budget” tagħhom, b'mod partikolari 1. jagħtu attenzjoni partikolari għas-sostenibbilità fiskali tal-finanzi pubbliċi tagħhom b'konformità sħiħa mal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir; 2. jikkontribwixxu għal politika mħallta li tappoġġa l-irkupru ekonomiku u li hija kompatibbli ma' l-istabbilità tal-prezzijiet, u għaldaqstant iżżid il-kunfidenza fost in-negozju u l-konsumaturi fiż-żmien qasir, filwaqt li tibqa' kompatibbli mat-tkabbir sostenibbli tul perijodu twil; 3. tkompli b'mod attiv r-riformi strutturali li jżidu tkabbir potenzjali taż-żona ta' l-euro għall-perijodu twil u jsaħħu l-produttività, l-kompetittività u l-aġġustament ekonomiku tagħha għal disturbi assimetriċi, b'attenzjoni partikolari għall-politika ta' l-impjieg; u 4. jiżguraw li l-influwenza taż-żona ta' l-euro fis-sistema ekonomika globali taqbel mal-piż ekonomiku tagħha.

    Taqsima B

    Ir-riformi mikro-ekonomiċi biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-Ewropa

    Riformi strutturali huma essenzjali biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-UE u tiġi sostnuta l-istabbiltà makro-ekonomika, għaliex dawn iżidu l-effiċjenza u l-adattabbiltà ta’ l-ekonomija Ewropea. Il-qligħ mill-produttività huwa megħjun bil-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni. Biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-Ewropa jeħtieġ li jsir progress kemm fil-ħolqien ta’ l-impjiegi u kif ukoll fit-tkabbir tal-produttività. Minn nofs is-snin disgħin, it-tkabbir tal-produttività fl-UE naqas sew. Parti minn dan it-tnaqqis jiġi minn l-impjieg akbar ta' ħaddiema mhux ta' ħafna sengħa. Madankollu, li tmexxi lura din ix-xejra fil-produttività hija sfida maġġuri li qed tiffaċċja l-Unjoni, speċjalment fid-dawl tal-popolazzjoni tagħha li dejjem qed tixjieħ. Il-popolazzjoni li qed tixjieħ hija stmata li għaliha titnaqqas b'madwar nofs ir-rata preżenti tat-tkabbir potenzjali. Aċċelerazzjoni fit-tkabbir tal-produttività u ż-żieda fil-ħinijiet tax-xogħol huma b'kekk indispensabbli biex jinżammu u jiżdiedu l-istandards futuri tal-ħajja, u biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni soċjali.

    B.1   L-għarfien u l-innovazzjoni – magni ta’ tkabbir sostenibbli

    L-għarfien akkumulat permezz ta’ investiment fl-R&D, fl-innovazzjoni u fl-edukazzjoni, huwa l-magna ewlenija għat-tkabbir tul perijodu twil. Il-politika mmirata biex iżżid l-investiment fl-għarfien u li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ l-innovazzjoni ta’ l-ekonomija ta’ l-UE, hija fil-qalba ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjieg. Huwa għalhekk li l-programmi nazzjonali u reġjonali ser ikunu dejjem iżjed immirati lejn l-investimenti f'dawn l-oqsma skond l-objettivi ta' Lisbona.

    Iż-żieda u t-titjib ta' l-investiment fl-R&D, bil-ħsieb ta' l-istabbiliment taż-Żona ta' Għarfien Ewropea

    L-R&D jaffettwa t-tkabbir ekonomiku permezz ta’ diversi mezzi: l-ewwelnett, dan jista’ jgħin fil-ħolqien ta’ swieq ġodda jew ta’ proċessi ta’ produzzjoni; it-tieni, dan jista’ jwassal għal titjib ta’ żjieda fi prodotti li diġà eżistenti u fi proċessi tal-produzzjoni; u t-tielet, dan iżid il-kapaċità ta’ pajjiż biex jassorbi teknoloġiji ġodda.

    Bħalissa l-UE qed tonfoq madwar 2 % tal-GDP fuq l-R&D (għalkemm hemm differenza li tvarja minn Stati Membri li jonfqu anqas minn 0.5 % tal-GDP għal oħrajn li jonfqu aktar minn 4 % tal-GDP), bilkemm il' fuq mil-livell ta’ meta ġiet mnedija l-istrateġija ta’ Lisbona. Barra minn hekk, fl-UE madwar 55 % biss tan-nefqa fir-riċerka hija ffinanzjata mis-settur kummerċjali. Livelli baxxi ta' investimenti privati ta' l-R&D huma identifikati bħala wieħed mir-raġunijiet prinċipali għall-vojt fl-innovazzjoni UE/US. Huwa meħtieġ progress aktar mgħaġġel biex tintlaħaq il-mira kollettiva ta' l-UE biex jiżdied l-investiment fir-riċerka għal 3 % tal-GDP. L-Istati Membri huma mistiedna jirrapportaw dwar il-miri tan-nefqa tagħhom għall-R&D għall-2008 u l-2010 kif ukoll dwar il-miżuri biex jinkisbu dawn fil-programmi nazzjonali tagħhom ta’ Lisbona. L-isfida prinċipali hija li jiġu introdotti inċentivi, strumenti u kondizzjonijiet kwadru għal kumpaniji biex jinvestu fir-riċerka.

    In-nefqa għar-riċerka pubblika għandha ssir aktar effettiva u l-konnessjonojiet bejn ir-riċerka pubblika u s-settur privat iridu jiġu mtejba. Poli u networks ta' l-ogħla mertu għandhom jissaħħu, għandu jsir użu ġenerali aħjar mill-mekkaniżmi ta' sostenn pubbliku biex tiżdied l-innovazzjoni fis-settur privat, u effett ta' lieva aqwa fir-rigward ta' l-investimenti pubbliċi u amministrazzjoni mmodernizzata ta' l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' riċerka għandhom jiġu żgurati. Huwa wkoll essenzjali jiġi żgurat li l-kumpanniji jaħdmu f'ambjent kompetittiv ladarba l-kompetizzjoni tipprovdi inċentiv importanti għan-nefqa privata fuq l-innovazzjoni. Barra minn hekk, għandu jsir sforz iddeterminat biex jiżdiedu n-numru u l-kwalità tar-riċerkaturi attivi fl-Ewropa, b'mod partikolari billi jiġu mħajra aktar studenti għad-dixxiplini xjentifiċi, tekniċi u ta’ l-inġinerija, u billi jitjiebu l-iżvilupp fil-karrieri u l-mobbiltà trans-nazzjonali u inter-settorjali tar-riċerkaturi, u jonqos l-ixkiel fir-rigward tal-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-istudenti.

    Id-dimensjoni internazzjonali ta' l-R&D għandha tiġi msaħħa f'termini ta' finanzjament konġunt, żvilupp ta' massa aktar kritika fil-livell ta' l-UE f'oqsma kritiċi li jirrikjedu fondi kbar u permezz tat-tnaqqis ta' l-ostakoli fir-rigward tal-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-istudenti.

    Linja Gwida Nru7: Biex iżidu u jtejbu l-investiment fl-R&D, b'mod partikolarit mill-kummerċ privat, l-objettiv ġenerali għall-2010 ta' 3 % tal-GDP huwa konfermat b'qasma adegwata bejn l-investiment privat u dak pubbliku, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu livelli intermedji speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw ulterjorment taħlita ta' miżuri li tkun adegwata biex tħeġġeġ l-R&D, partikolarment R&D kummerċjali, permezz ta': 1. kondizzjonijiet imtejba tal-qafas u jiżguraw li l-kumpanniji jaħdmu f'ambjent kompetittiv u attraenti b'mod suffiċjenti; 2. nefqa pubblika fuq l-R&D aktar effettiva u effiċjenti u l-iżvilupp tal-PPPs; 3. l-iżvilupp u t-tisħiħ ta' ċentri ta' eċċellenza ta' l-istituzzjonijiet edukattivi u ta' riċerka fl-Istati Membri, kif ukoll il-ħolqien ta' ġodda fejn ikun il-każ, u t-titjib tal-kooperazzjoni u t-trasferiment ta' teknoloġiji bejn l-istituti ta' riċerka pubbliċi u l-intrapriżi privati; 4. l-iżvilupp u l-użu aħjar ta' inċentivi biex jiġi msaħħaħ l-R&D privat; 5. l-immodernizzar ta' l-amministrazzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-universitajiet; 6. li tkun żgurata provvista suffiċjenti ta' riċerkaturi kkwalifikati billi jiġu mħajra aktar studenti fid-dixxiplini xjentifiċi, tekniċi u ta' l-inġinerija u billi jitjieb l-iżvilupp tal-karriera u l-mobbiltà Ewropea, internazzjonali kif ukoll inter-settorjali tar-riċerkaturi u l-persunal ta' l-iżvilupp.

    Tiġi faċilitatà l-innovazzjoni

    Id-dinamiżmu ta’ l-ekonomija Ewropea jiddependi ħafna fuq il-kapaċità ta’ l-innovazzjoni tagħha. Il-kondizzjonijiet strutturali ekonomiċi għall-innovazzjoni jeħtieġ ikunu f’posthom. Dan jimplika swieq finanzjarji u swieq ta' prodotti li jiffunzjonaw sewwa kif ukoll mezzi effiċjenti u bi prezzijiet li wieħed jiflaħ għalihom biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-innovazzjonijiet huma spiss introdotti minn intrapriżi ġodda, li jista’ jkollhom diffikultajiet partikulari biex jiksbu l-finanzi. Miżuri li jinkoraġġixxu l-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi innovattivi, inkluż l-aċċess għall-finanzi, għandhom għalhekk itejbu l-attività innovattiva. It-tixrid tat-teknoloġija, u linji politiċi li jintegraw aħjar is-sistemi edukattivi u l-innovazzjoni nazzjonali, jistgħu jitkattru bl-iżvilupp ta’ networks u poli innovattivi kif ukoll bis-servizzi ta' sostenn ta' l-innovazzjoni mmirati lejn l-SMEs. It-trasferiment ta’ għarfien permezz tal-mobbilità tar-riċerkatur, ta’ l-Investiment Barrani Dirett (FDI) jew tat-teknoloġija importata huwa ta’ ġid b'mod parikolari għal pajjiżi u reġjuni li għadhom lura.

    Linja Gwida Nru 8: Biex jiġu faċilitati l-forom kollha ta' l-innovazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq: 1. titjib fis-servizzi ta' sostenn ta' l-innovazzjoni, b'mod partikolari għat-trasferiment tat-teknoloġija u d-disseminazzjoni; 2. il-ħolqien u l-iżvilupp ta' poli ta' innovazzjoni, networks u inkubaturi li jlaqqgħu flimkien universitajiet, istituzzjonijiet ta' riċerka u intrapriżi, inkluż f'livell reġjonali u lokali, li jgħinu biex jimtela l-vojt teknoloġiku bejn ir-reġjuni; 3. l-inkoraġġiment għat-trasferiment ta' għarfien trans-konfini, inkluż minn investiment dirett barrani; 4. l-inkoraġġiment tal-ksib pubbliku ta' servizzi u prodotti innovattivi; 5. aċċess aħjar għall-finanzi domestiċi u internazzjonali, u 6. mezzi effiċjenti u bi prezzijiet li wieħed jiflaħ għalihom biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

    It-tixrid ta' Teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), konformi ma' l-objettivi u l-azzjonijiet ta' l-inizjattiva i2010 li ġejja, hu wkoll mod importanti biex titjib il-produttività u, konsegwentement, it-tkabbir ekonomiku. L-UE ma setgħetx tgawdi l-benefiċċji kollha miż-żieda tal-produzzjoni u ta' l-użu tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT). Dan jirrifletti l-investiment mhux suffiċjenti fl-ICT eżistenti, limitazzjonijiet istituzzjonali u sfidi fl-organizzazzjonijiet għall-adozzjoni ta’ l-ICT. L-innovazzjoni teknoloġika tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, fuq ambjent ekonomiku li jippermetti t-tkabbir. F'dan il-kuntest l-użu ta' loġistika intelliġenti huwa mod effiċjenti biex jiġi żgurat li l-ispejjeż fis-siti ta' produzzjoni Ewropej jibqgħu kompetittivi. Suq ta' komunikazzjoni elettronika miftuħ u kompetittiv huwa wkoll importanti f'dan ir-rigward.

    Linja Gwida Nru 9: Biex jiġu faċilitati l-firxa u l-użu effettiv ta' l-ICT u biex tinbena soċjetà ta' l-informazzjoni kompletament inklużiva, l-Istati Membri għandhom: 1. jinkoraġġixxu l-użu diffuż ta' l-ICT fis-servizzi pubbliċi, l-SMEs u d-djar; 2. jistabbilixxu l-qafas meħtieġ għall-bidliet relatati fl-organizzazzjoni tax-xogħol fl-ekonomija; 3. jippromwovu preżenza industrijali Ewropea qawwija fis-setturi prinċipali ta' l-ICT; 4. jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' industriji tal-kontenut u ta' l-ICT b'saħħithom, u swieq li jiffunzjonaw sew; 5. jiżguraw is-sigurtà tan-networks u ta' l-informazzjoni, kif ukoll il-konverġenza u l-interoperabbiltà sabiex tiġi stabbilita żona ta' informazzjoni mingħajr fruntieri; 6. jinkoraġġixxu d-diffużjoni ta' networks broad band, inkluż għar-reġjuni li huma moqdija ħażin, sabiex tiġi żviluppata l-ekonomija ta' l-għarfien. Ara wkoll il-linja gwaida integrata “Tiġi promossa l-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta’ impjieg u li titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, fir-rigward dovut tar-rwol ta' l-imsieħba soċjali” (Nru.21).

    Biex jissaħħu l-vantaġġi kompetittivi tal-bażi industrijali Ewropea

    It-tnaqqis reċenti fit-tkabbir tal-produttività ta’ l-UE huwa parzjalment relatat mad-diffikultà ta’ l-UE biex din torjenta mill-ġdid l-ekonomija tagħha lejn is-setturi tat-tkabbir tal-produttività ogħla.

    Biex jissaħħaħ u jiġi sostnut il-leadership ekonomiku u teknoloġiku, l-Ewropa trid iżżid il-kapaċità tagħha biex tiżviluppa u tqiegħed fis-suq teknoloġiji ġodda, inkluż l-ICT. Is-sinerġiji minn indirizzar konġunt ta' l-isfidi fir-riċerka, l-isfidi regolatorji kif ukoll dawk ta' finanzjament fil-livell Ewropew, fejn minħabba ta' raġunijiet ta' skala jew ta' skop l-Istati Membri individwali ma jistgħux jindirizzaw b'suċċess in-nuqqasijiet tas-suq waħedhom, għandhom jiġu analizzati u sfruttati. L-UE għadu ma rnexxilhiex tirrealizza bis-sħiħ il-potenzjal teknoloġiku tagħha. L-akkomunament ta’ l-eċċellenza Ewropea u l-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi-privati u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, fejn il-benefiċċji għas-soċjetà huma akbar minn dawk għas-settur privat, għandhom jgħinu biex jutilizzaw dan il-potenzjal.

    Linja Gwida Nru 10:. Biex jiġu msaħħa l-vantaġġi kompetittivi tal-bażi industrijali tagħha, l-Ewropa teħtieġ struttura industrijali b'saħħitha fit-territorju kollu tagħha. It-twettiq meħtieġ ta' politika industrijali attiva u moderna tfisser it-tisħiħ tal-vantaġġi kompetittivi tal-bażi industrijali, inkluż kontribut għal kondizzjonijiet qafas attraenti kemm għall-manifattura kif ukoll għas-servizzi, waqt li tiġi żgurata l-komplimentarjetà ta' l-azzjoni fil-livell nazzjonali, trans-nazzjonali u Ewropew. L-Istati Membri għandhom: 1. jibdew billi jidentifikaw il-fatturi tal-valur miżjud u tal-kompetittività fis-setturi industrijali ċentrali, u jindirizzaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni. 2. jiffukaw ukoll fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji u swieq ġodda. a) Dan jimplika b'mod partikolari impenn biex jiġu promossi inizjattivi teknoloġiċi ġodda bbażati fuq sħubijiet pubbliċi-privati u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, li jgħinu biex ikunu trattati n-nuqqasijiet ġenwini tas-suq. b) Dan jimplika wkoll il-ħolqien u l-iżvilupp ta' networks ta' gruppi reġjonali jew lokali fl-UE kollha b'involviment akbar tal-SMEs. Ara wkoll l-linja gwida integrata “Sabiex jitjieb it-tqabbil tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol” (Nru.20)

    Biex jiġi inkoraġġit l-użu sostenibbli tar-riżorsi

    Is-suċċess fit-tul għall-Unjoni jiddependi wkoll mit-trattament ta’ sensiela ta’ sfidi ta’ riżorsi u sfidi ambjentali li, jekk jibqgħu mhux ivverifikati, ser jaġixxu bħala ostaklu fuq it-tkabbir tal-ġejjieni. F’dan il-kuntest, l-iżviluppi u l-prospetti reċenti fuq il-prezzijiet taż-żejt enfasizzaw kemm hija serja l-kwistjoni ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija. Politika għall-effiċjenza fl-enerġija hija importanti biex tonqos il-vulnerabbiltà ta' l-ekonomija Ewropea għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet taż-żejt. Aktar dewmien fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jista’ jgħolli l-ispejjeż ekonomiċi biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa. Dan jimplika, per eżempju, miżuri sabiex isir użu aktar razzjonali tar-riżorsi. Miżuri f'dan il-qasam ikunu wkoll importanti biex tiġi trattata l-problema tat-tibdil fil-klima. F'dan il-kuntest, huwa importanti li l-Istati Membri jġeddu l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw l-obbligi skond il-protokoll ta' Kyoto. L-Istati Membri għandho ikomplu b'mod notevoli l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima biex jirnexxilhom li t-temperatura globali ma taqbiżx 2°C 'il fuq mil-livelli pre-industrijali, waqt li jimplimentaw il-miri ta' Kyoto b'mod kost-effettiv. L-Istati Membri għandhom isegwu l-impenn tagħhom li jwaqqfu t-telf tad-diversità bijoloġika bejn issa u l-2010, b'mod partikolari billi jinkorporaw din il-ħtieġa f'linji politiċi oħrajn, minħabba l-importanza tal-biodiversità għal ċerti setturi ekonomiċi. L-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq sabiex il-prezzijiet jkunu jirriflettu aħjar il-ħsara ambjentali u l-ispejjeż soċjali jilgħab rwol essenzjali f’dan il-kuntest. Li jkunu inkoraġġiti l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lil l-akkwist pubbliku jkun aktar favorevoli għall-ambjent, li jkun hemm attenzjoni partikolari għall-SMEs, u t-tneħħija ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent flimkien strumenti oħrajn tal-politika jistgħu jtejbu l-prestazzjoni innovattiva u jkabbru l-kontribut għall-iżvilupp sostenibbli tas-setturi konċernati. Per eżempju, il-kumpaniji ta’ l-UE huma fost il-mexxejja tad-dinja fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda ta’ enerġija li tiġġedded. B’mod partikloari, f’kuntest ta’ prezzijiet ta’ enerġija fejn hemm pressjoni kontinwa ’l fuq u theddid għall-klima li qed jinġema’, huwa importanti li tingħata spinta lit-titjib fl-effiċjenza bħala kontribut kemm għat-tkabbir kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli.

    Linja Gwida Nru 11: Biex ikun inkoraġġit l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jissaħħu s-sinerġiji bejn il-protezzjoni ta l-ambjent u t-tkabbir, l-Istati Membri għandhom: 1. jagħtu prijorità lill-effiċjenza u l-koġenerazzjoni ta' l-enerġija, l-iżvilupp ta' enerġiji sostenibbli inklużi dawk rinnovabbli, u t-tixrid rapidu ta' teknoloġiji mhux ta' ħsara għall-ambjent u eko-effiċjenti a) fis-suq intern min-naħa l-waħda b'mod partikolari fit-trasport u l-enerġija, inter alia sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà ta' l-ekonomija Ewropea għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet taż-żejt, b) min-naħa l-oħra lejn il-bqija tad-dinja bħala settur b'potenzjal kbir ta' esportazzjoni; 2. jippromwovu l-iżvilupp ta' mezzi ta' internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ambjentali esterni u ta' separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjoni ambjentali. L-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet għandha tkun konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti u ma' l-azzjonijiet u l-istrumenti proposti fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Teknoloġiji Ambjentali (ETAP), inter alia, permezz ta' a) l-użu ta' strumenti bbażati fuq is-suq, b) fondi ta' riskju u finanzjament għar-Riċerka u l-Iżvilupp, ċ) il-promozzjoni ta' mudelli ta' produzzjoni u konsum sostenibbli inkluż it-tħaddir ta' l-akkwist pubbliku, d) attenzjoni partikolari lill-SMEs u e) riforma tas-sussidji li għandhom effetti negattivi konsiderevoli fuq l-ambjent u li huma inkompatibbli ma' l-iżvilupp sostenibbli, bil-ħsieb li jiġu eliminati gradwalment. 3. isegwu l-objettiv li jwaqqfu t-telf tad-diversità bijoloġika bejn issa u l-2010, partikolarment billi jinkorporaw din il-ħtieġa f'linji politiċi oħrajn, minħabba l-importanza tal-bijodiversità għal ċerti setturi ekonomiċi. 4. ikomplu l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, waqt li jimplimentaw il-miri ta' Kyoto b'mod kost-effettiv, b'mod partikolari fir-rigward ta' SMEs. Ara wkoll il-linja gwida integrata “Sabiex tiġi promossa allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi orjentati lejn l-impjieg u t-tkabbir” (Nru.3).

    B.2   Li l-Ewropa ssir post aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol

    L-attrazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea bħala post ta’ investiment jiddependi, inter alia, fuq il-qies u kemm huma miftuħa s-swieq tagħha, l-ambjent regolatorju tagħha, il-kwalità tal-ħaddiema u ta’ l-infrastruttura tagħha.

    Li s-Suq Intern jitwessa’ u jitkabbar

    Filwaqt li s-Suq Intern għall-oġġetti huwa integrat relattivament tajjeb, is-swieq tas-servizzi jibqgħu, legalment jew de facto, pjuttost frammentati u l-mobbiltà tax-xogħol għadha baxxa fl-Ewropa. Sabiex ikun hemm aktar tkabbir u impjieg u sabiex tissaħħaħ il-kompetittività, is-suq intern tas-servizzi għandu jkun qed jaħdem b’mod sħiħ filwaqt li jżomm il-mudell soċjali Ewropew. Il-Kunsill Ewropew talab li jsiru l-isforzi kollha fi ħdan il-proċess leġislattiv sabiex jiġi żgurat kunsens wiesa' lejn suq wieħed għas-servizzi. It-tneħħija ta' l-ostakoli għall-attivitajiet trans-konfini jwasslu wkoll għal gwadanni importanti fl-effiċjenza. Fl-aħħarnett, l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq finanzjarji tista’ tgħolli l-produzzjoni u l-impieg billi jkun hemm allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital u billi jinħolqu kondizzjonijiet ta’ ffinanzjar aħjar għan-negozju.

    Minkejja għarfien ġenerali tal-ġid potenzjali ta’ suq Ewropew wieħed, ir-rata tat-traspożizzjoni tad-direttivi tas-Suq Intern tibqa’ baxxa ħafna. Barra minn hekk, id-direttivi ħafna drabi ma jkunux implimentati jew applikati b’mod korrett, kif juri n-numru għoli ta’ proċeduri għal ksur ta’ regolamenti li nediet il-Kummissjoni stess. L-Istati Membri jeħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod aktar pożittiv sabiex jiżguraw li huma jwasslu l-benefiċċji kollha tal-leġislazzjoni tas-Suq Internet liċ-ċittadini u lin-negozji tagħhom. Per eżempju, hemm skop sostanzjali għal aktar titjib fil-prattika ta’ l-akkwist pubbliku. Titjib bħal dan għandu jkun rifless f’żjieda fis-sehem ta’ l-akkwist pubbliku li jkun ġie rreklamat pubblikament. Barra minn hekk, aktar akkwist miftuħ iwassal għal tifdil ta’ l-estimi sinifikattivi għall-Istati Membri.

    Linja Gwida Nr12: Sabiex jestendu u jsaħħu s-Suq Intern, l-Istati Membri għandhom: 1. iħaffu t-trasposizzjoni tad-direttivi tas-Suq Intern; 2. jagħtu prijorità lil infurzar aħjar u iżjed dixxiplinat tal-leġislazzjoni tas-Suq Intern; 3. jeliminaw l-ostakoli li fadal għall-attività trans-konfini; 4. japplikaw regoli ta' l-UE dwar l-akkwist pubbliku b'mod effettiv; 5. jippromwovu suq intern ta' servizzi li jopera b'mod sħiħ, waqt li jippreservaw il-mudell soċjali Ewropew; 6. iħaffu l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju b'implimentazzjoni konsistenti u koerenti u nfurzar tal-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji. Ara wkoll l-linja gwida integrata “Sabiex jitjieb it-tqabbil tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol” (Nru.20)

    Li jkunu żgurati swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra l-Ewropa

    L-ekonomija globali miftuħa toffri opportunitajiet ġodda biex tistimula tkabbir u kompetittività fl-ekonomija ta' l-Ewropa. Il-politika tal-kompetizzjoni kellha rwol ċentrali biex ikun żgurat qasam ekwilibrat fejn jaġixxu d-ditti ta’ l-UE, u tista’ wkoll tkun strumentali tħares lejn qafas regolatorju aktar wiesa’ madwar is-swieq, sabiex jingħataw spinta l-kondizzjonijiet li se jħallu lid-ditti jikkompetu b’mod effettiv. Ftuħ ieħor tas-swieq Ewropej għall-kompetizzjoni jista’ jinkiseb b'riduzzjoni fil-livell ġenerali ta' l-għajnuna Statali li jkun fadal. Dan il-moviment għandu jkun akkumpanjat b'riorganizzazzjoni ta' l-għajnuna Statali li jkun fadal favur sostenn għal ċerti objettivi orizzontali. Ir-reviżjoni tar-regoli ta' l-assistenza statali għandha twassal għal spinta oħra f'din id-direzzjoni.

    Ir-riformi strutturali li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq huma għodda effettiva b’mod partikolari biex titkabbar il-kompetizzjoni. Dawn ikunu importanti b’mod partikolari fis-swieq li qabel kienu protetti mill-kompetizzjoni minħabba mġiba anti-kompetittiva, l-eżistenza ta' monopolji, regolamenti żejda (per eżempju permessi, liċenzji, kondizzjonijiet meħtieġa ta’ l-anqas kapital, ostakoli legali, ħinijiet ta’ ftuħ għall-ħwienet, prezzijiet regolati, eċċ. jistgħu jxekklu l-iżvilupp ta' ambjent kompetittiv effettiv), jew minħabba protezzjoni tal-kummerċ.

    Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-miżuri li diġà miftiehma biex jinfetħu l-industriji f’network għall-kompetizzjoni (fl-oqsma ta' l-elettriċità u l-gass, it-trasport, it-telekomunikazzjoni u s-servizzi postali) għandha tgħin biex tiżgura prezzijiet aktar baxxi b’mod ġenerali u għażla akbar waqt li tiggarantixxi li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għaċ-ċittadini jiġu konsenjati. L-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni u dawk regolatorji għandhom jiżguraw kompetizzjoni fi swieq liberalizzati. Fl-istess waqt, l-għoti b'mod sodisfaċenti ta' Servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali ta' kwalità għolja bi prezz li wieħed jiflaħ għalih għandu jiġi garantit.

    Ftuħ estern għall-kummerċ u l-investiment, anke f'kuntest multilaterali, biż-żieda kemm ta' l-esportazzjoni kif ukoll ta' l-importazzjoni, hu xprun importanti għat-tkabbir u għall-impjieg u jista' għalhekk jirrinforza t-twettiq ta' riforma strutturali. Sistema miftuħa u b'saħħitha ta' regoli ta' kummerċ globali hija ta' importanza vitali għall-ekonomija Ewropea. It-twettiq b’suċċess ta’ ftehim ambizzjuż u bilanċjat fil-qafas tat-Taħdidiet ta’ Doha kif ukoll l-iżvilupp ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali, għandu jkompli jiftaħ s-swieq għall-kummerċ u l-investiment, u b’hekk jikkontribwixxu għal żieda fit-tkabbir potenzjali.

    Linja Gwida Nru 13: Sabiex jiżguraw swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra l-Ewropa u jgawdu l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lil: 1. it-tneħħija ta' ostakoli regolatorji, kummerċjali u oħrajn li jxekklu b'mod żejjed il-kompetizzjoni; 2. l-infurzar iżjed effettiv tal-politika ta' kompetizzjoni; 3. eżami selettiv tas-swieq u tar-regoli minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni u regolatorji sabiex jiġu identifikati u mneħħija ostakoli għall-kompetizzjoni u għad-dħul fis-suq; 4. riduzzjoni fl-għajnuna Statali li tgħawweġ il-kompetizzjoni; 5. f'konformità mal-Qafas Komunitarju li ġej, riorganizzazzjoni ta' għajnuna favur sostenn għal ċerti objettivi orizzontali bħar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-kapital uman u għall-fallimenti tas-suq identifikati sew; 6. il-promozzjoni ta' ftuħ estern, anke f'kuntest multilaterali; 7. implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri miftiehma biex l-industriji network jinfetħu għall-kompetizzjoni sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fi swieq integrati madwar l-Ewropa. Fl-istess waqt, l-għotja, bi prezzijiet li wieħed jiflaħ għalihom, ta' servizzi effettivi ta' interess ekonomiku ġenerali għandha rwol importanti f'ekonomija kompetittiva u dinamika.

    Li jitjiebu r-regolamenti Ewropej u dawk nazzjonali

    Ir-regolamenti tas-suq huma essenzjali biex jinħoloq ambjent li fih transazzjonijiet kummerċjali jkunu jistgħu jitwettqu bi prezz kompetittiv. Dan iservi wkoll biex jiġu korretti n-nuqqasijiet tas-suq jew biex jitħarsu l-parteċipanti tas-suq. Minkejja dan, l-impatt kumulattiv tar-regolamenti jista’ jimponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali. Għalhekk, huwa importanti li r-regolamenti jkunu mfassla tajjeb u jkunu pproporzjonati. Il-kwalità ta' l-ambjenti regolatorji Ewropej u nazzjonali hija kwistjoni ta' impenn konġunt u responsabbiltà maqsuma kemm fuq livell ta' l-UE u kemm fuq livell ta' stat membru.

    Meta tkun qed titħejja jew tkun qed tiġi riveduta l-leġislazzjoni, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw b’mod sistematiku l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ l-inizjattivi leġislattivi tagħhom. Għandhom itejbu l-kwalità tar-regolamenti tagħhom, waqt li jippreservaw l-objettivi tagħhom. Dan jimplika konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti. Fl-approċċ tal-Kummissjoni għar-regolazzjoni aħjar, l-impatti ekonomiċi, soċjali u ta’ l-ambjent ta’ regolamenti ġodda jew riveduti qed ikunu vvalutati b'reqqa biex jiġu identifikati t-tqabbil potenzjali u s-sinerġiji bejn objettivi ta’ politika differenti. Barra minn hekk, ir-regolamenti eżistenti huwa eżaminati għall-potenzjal ta' simplifikazzjoni u jiġi l-impatt tiegħu fuq il-kompetittività huwa valutat. Fl-aħħarnett, metodu komuni biex jitkejlu l-ispejjeż amministrattivi tal-leġislazzjonijiet il-ġodda u ta’ dawk eżistenti qed jiġi żviluppat. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi għas-simplifikazzjoni ta' regolamenti eżistenti. Huma għandhom jikkonsultaw b'mod wiesa' dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' l-inizjattivi regolatorji tagħhom jew in-nuqqas ta' azzjoni tagħhom, b'mod partikolari fejn hemm implikat tqabbil bejn objettivi ta' politika differenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-alternattivi xierqa għar-regolamenti jingħataw konsiderazzjoni sħiħa.

    Titjib sinifikanti fl-ambjent regolatorju jista’ għalhekk jinkiseb billi jittieħed kont tal-benefiċċju ta' l-ispejjeż assoċjat ma' regolamenti, inklużi l-ispejjeż amministrattivi. Dan huwa importanti b’mod speċjali għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li s-soltu jkollhom riżorsi limitati biex jilqgħu għall-amministrazzjoni imposta fuqhom kemm mil-leġislazzjoni tal-Komunità kif ukoll minn dik nazzjonali.

    Linja Gwida Nru 14: Sabiex joħolqu ambjent kummerċjali kompetittiv u jinkoraġġixu inizjattivi privati permezz ta' regolamenti aħjar, l-Istati Membri għandhom: 1. inaqqsu l-piż amministrattiv li hemm fuq l-intrapriżi, b'mod partikolari fuq l-SMEs u dawk ġodda; 2. itejbu l-kwalità ta' regolamenti eżistenti u ġodda, waqt li jippreservaw l-objettivi tagħhom, permezz ta' valutazzjoni sistematika u rigoruża ta' l-impatti ekonomiċi, soċjali (inkluż is-saħħa) u ambjentali tagħhom, waqt li jikkunsidraw u jagħmlu progress fil-kejl tal-piż amministrattiv assoċjat mar-regolamenti, kif ukoll l-impatt fuq il-kompetittività, inkluż f'relazzjoni ma' l-infurzar; 3. jinkoraġġixxu intrapriżi biex jiżviluppaw ir-responsabbiltà korporattiva soċjali tagħhom.

    L-Ewropa teħtieġ tkattar id-drive intraprenditorjali tagħha b’mod aktar effettiv u teħtieġ li fiha jkun hemm aktar ditti ġodda li jkunu lesti jidħlu għal intrapriżi kreattivi u ġodda. It-tagħlim dwar l-intraprenditorija permezz tal-forom kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ għandu jkun sostnut u l-kapaċitajiet rilevanti għandhom jiġu pprovduti. Id-dimensjoni intraprenditorjali għandha tkun integrata fil-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja sa mill-iskola. Għal dan il-għan, sħubijiet ma’ kumpaniji għandhom jiġu nkorraġuti. Il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi jista' anke jiġi inkoraġġit billi jittejjeb l-aċċess għal inċentivi finanzjarji u jissaħħu dawk ekonomiċi, inkluż billi jiġu adottati sistemi ta' tassazzjoni li jippremjaw is-suċċess, jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol bla paga u jitnaqqas il-piż amministrattiv għal negozji ġodda notevolment permezz tal-provvista ta' servizzi ta' sostenn kummerċjali rilevanti, notevolment għal intraprendituri żgħar, bħall-ħolqien ta' punti ta' kuntatt one-stop u l-istimolu ta' networks ta' sostenn nazzjonali għal intrapriżi. Enfasì partikolari għandha tingħata biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà u jitjiebu l-proċeduri tas-salvataġġ u tar-ristrutturar, b'mod partikolari b'liġijiet tal-falliment iżjed effiċjenti.

    Linja Gwida Nru 15:. Sabiex jippromwovu kultura iżjed intraprenditorjali u joħolqu ambjent ta' sostenn għal SMEs, l-Istati Membri għandhom: 1. itejbu l-aċċess għal finanzi, sabiex jiffavorixxu l-ħolqien u t-tkabbir tagħhom, b'mod partikolari djun-mikro u forom oħra ta' riskju kapitali; 2. isaħħu inċentivi ekonomiċi, inkluż billi jiġu simplifikati s-sistemi ta' tassazzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż ta' xogħol bla paga; 3. isaħħu l-potenzjal innovattiv ta' l-SMEs, u 4. jipprovdu s-servizzi ta' sostenn rilevanti, bħall-ħolqien ta' punti ta' kuntatt one-stop u l-istimolu ta' networks ta' sostenn nazzjonali għall-intrapriżi, sabiex jiffavorixxu l-ħolqien u t-tkabbir tagħhom f'konformità mal-Karta tal-kumpanniji Żgħar. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jirrinforzaw l-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ għall-SMEs. Għandhom jiffaċilitaw ukoll it-trasferiment tad-dritt tal-proprjetà, jimmodernizzaw fejn meħtieġ l-liġijiet tagħhom dwar il-falliment, u jtejbu l-proċeduri tagħhom ta' salvataġġ u ristrutturar. Ara wkoll il-linji gwida integrati “Sabiex tiġi promossa allokazzjoni effika1i tar- riżorsi orjentati lejn l-impjieg ut-tkabbi” (nr 3) u “Għall-iffaċilitar tal-forom kollha ta' innovazzjoni” (Nru. 8), Nru. 23 u 24.

    Li titwessa’ u titjieb l-infrastruttura Ewropea

    Infrastruttura moderna hija fattur importanti li jaffettwa l-attrazzjoni tal-postijiet. Din tiffaċilita il-mobbilità ta’ persuni, oġġetti u servizzi fl-Unjoni kollha. Infrastruttura moderna ta’ trasport, enerġija u komunikazzjoni elettronika hija fattur importanti ta’ l-istrateġija ta' Lisbona msaħħa mill-ġdid. Billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport u billi jitwessgħu s-swieq, in-networks inter-konnessi u li jaħdmu flimkien min-naħa għall-oħra ta’ l-Ewropa jgħinu biex jitkattar il-kummerċ internazzjonali u titmexxa ’l quddiem id-dinamika tas-Suq Intern. Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni kontinwa ta’ l-industriji f’network Ewropew tkattar il-kompetizzjoni u tippromwovi l-gwadann fl-effiċjenza f’dawn is-setturi.

    F’termini ta’ investiment futur fl-infrastruttura Ewropea, l-implimentazzjoni ta’ 30 proġett tat-trasport ta’ prijorità identifikati mill-Parlament u mill-Kunsill fil-linji gwida għat-trasport tan-Network Trans Ewropew (TEN) kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proġetti trans-konfini ta' Quick Start għat-trasport, l-enerġija li tiġġedded u l-komunikazzjoni u r-riċerka broadband, identifikati taħt l-Inizjattiva Ewropea għat-Tkabbir, u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' trasport sostnuti mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jitqiesu bħala prijorità. In-nuqqas ta’ progress infrastrutturali fil-pajjiżi wkoll jeħtieġ jingħata attenzjoni. Sistemi xierqa li jipprezzaw l-infrastruttura jistgħu jgħinu biex isir użu effiċjenti mill-infrastruttura u li jkun żviluppat bilanċ modali li jkun sostenibbli.

    Linja Gwida Nru 16: Sabiex iwessgħu, itejbu u jgħaqdu l-infrastruttura Ewropea u jikkonkludu proġetti trans-konfini ta’ prijorità bil-għan ewlieni li tinkiseb integrazzjoni akbar tas-swieq nazzjonali f’UE mkabbra. L-Istati Membri għandhom: 1. jiżviluppaw kondizzjonijiet adegwati għal trasport, enerġija u infrastrutturi ta' l-ICT li jkunu riżors-effiċjenti - bi prijorità, dawk inklużi fin-networks TEN - billi jikkumplimentaw il-mekkaniżmi Komunitarji, notevolment bl-inklużjoni ta' sezzjonijiet trans-konfini u reġjuni periferiċi, bħala kondizzjoni essenzjali għall-kisba ta' ftuħ b'suċċess ta' l-industriji network għall-kompetizzjoni; 2. jikkunsidraw l-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi-privati; 3. jikkunsidraw il-każ għal sistemi xierqa ta' prezz infrastrutturali biex jiżguraw l-użu effiċjenti ta' infrastrutturi u l-iżvilupp ta' bilanċ sostenibbli modali, li jenfasizza l-moviment teknoloġiku u l-innovazzjoni u li jieħu kont debitu ta' l-ispejjeż ambjentali u ta' l-impatt fuq it-tkabbir. Ara wkoll il-linja gwida integrata “Sabiex jiġu faċilitati l-firxa u l-użu effettiv ta' l-ICT u biex tinbena soċjetà ta' l-informazzjoni kompletament inklużiva” (Nru. 9)

    Magħmul fi Brussell, nhar it-12 tà Lulju 2005

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. BROWN


    (1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005, (http://ue.eu.int/cms3_fo/showPage.asp?lang=en&id=432&mode=g&name).

    (2)  Fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ gwida tal-politika stabbiliti hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jinnotaw li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż partikulari, maħruġa fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 fuq il-linji ta’ gwida wesgħa tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità (għall-perijodu 2003-2005), kif kompletati u aġġornati fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 fuq l-aġġornament ta’ l-2004 ta’ dawn il-linji ta’ gwida, jibqgħu validi bħala referenzi fl-isfond.


    Top