EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997R2629

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2629/97 tad-29 ta’ Diċembru 1997 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 f’dak illi jirrigwarda tikketti tal-widna, reġistri tal-proprjetà u passaporti fl-istruttura tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali boviniIt-test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 354, 30.12.1997, p. 19–22 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2004; Imħassar b' 32004R0911

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/2629/oj

31997R2629



Official Journal L 354 , 30/12/1997 P. 0019 - 0022


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2629/97

tad-29 ta’ Diċembru 1997

li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 f’dak illi jirrigwarda tikketti tal-widna, reġistri tal-proprjetà u passaporti fl-istruttura tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini

(It-test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistipula sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat u rigward l-ittikkettjar ta’ ċanga u prodotti taċ-ċanga [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 10(a), (b) u (ċ) tiegħu,

Billi tikketti tal-widna għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-Istat Membru ta’ l-oriġini flimkien ma’ tagħrif dwar l-annimal individwali; billi l-forma kodifikata l-aktar xierqa ta’ tali tagħrif hija l-kodiċi tal-pajjiż ta’ żewġ ittri flimkien ma’ massimu ta’ 12-il numru; billi ċerti Stati Membri għandhom ikunu awtorizzati jirritienu s-sistema kurrenti tagħhom matul perjodu ta’ transizzjoni;

Billi jistgħu jiġu awtorizzati barcodes flimkien mal-kodiċi tal-pajjiż u sa tnax-il numru;

Billi huwa xieraq li jiġu definiti ċerti regoli uniformi minimi għad-disinn u l-preżentazzjoni tat-tikketti tal-widna;

Billi d-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tat-tikketti għandhom jiġu riveduti minħabba li saret id-database kompjuterizzata li hemm dispożizzjoni għaliha fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 820/97;

Billi dak it-tagħrif kontenut fil-passaport u r-reġistru għandu jkun f’sura li jippermetti li l-annimali jiġu rintraċċati;

Billi dak it-tagħrif għandu jkun konsistenti ma’ dak li se jiġi inkluż fid-database kompjuterrizat li hemm dispożizzjoni għaliha fid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi ta’ saħħa li qed jaffetwaw kummerċ fost il-Komunità bl-annimali ta’ l-ifrat u ħnieżer [2], kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 97/12/KE [3];

Billi invista tal-miżuri ta’ kontroll li għandhom x’jaqsmu ma’ skemi ta’ għajnuna Komunitarji, jinħtieġ illi fil-passaport jiġi inkluż ċertu tagħrif dwar il-premium, kif hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 4(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella [4], kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 2321/97 [5];

Billi invista ta’ l-iskeda għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 820/97, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’mod urġenti;

Billi l-miżuri li hemm dispożizzjoni għalihom f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond Agrikolu ta’ Gwida u Garanzija,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITOLU I Tikketti tal-widna

L-Artikolu 1

1. It-tikketti tal-widna għandu jkun fihom ta’ l-inqas l-isem, il-kodiċi jew is-simbolu ta’ l-awtorità kompetenti jew ta’ l-awtorità kompetenti ċentrali ta’ l-Istat Membru li allokat it-tikketti tal-widna, u l-karattri li hemm dispożizzjoni għalihom fil-paragrafu 2.

2. Il-karattri fuq it-tikketti tal-widna għandhom ikunu kif ġej:

(a) l-ewwel żewġ pożizzjonijiet għandhom jidentifikaw l-Istat Membru tal-proprjetà fejn l-annimal ġie identifikat l-ewwel darba. Għal dan il-għan għandu jintuża l-kodiċi ta’ żewġ ittri tal-pajjiż stipulat fl-Anness;

(b) il-karattri li jsegwu l-kodiċi tal-pajjiż għandhom jkunu numeriċi u m’għandhomx jaqbżu 12. Madankollu, l-Irlanda, l-Italja, l-Ispanja, il-Portugall u r-Renju Unit jistgħu jżommu s-sistema kurrenti tagħhom ta’ kodiċi alfa-numeriku għat-tnax-il numru li jsegwu l-kodiċi tal-pajjiż sal-31 ta’ Diċembru 1999.

3. Flimkien mat-tagħrif li hemm dispożizzjoni għalih fil-paragrafu 1, jista’ jiġi awtorizzat barcode mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

L-Artikolu 2

It-tikketti tal-widna għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) għandhom ikunu ta’ materjal tal-plastik flessibli;

(b) għandhom ikunu tali li ma jippermettux tbagħbis u jkunu faċli biex jinqraw tul il-ħajja ta’ l-annimal;

(ċ) m’għandhomx ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw għal iktar minn darba;

(d) għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jibqgħu mwaħħlin ma’ l-annimal mingħajr ma’ jagħmlulu ħsara;

(e) għandhom ikun fihom biss kitba li ma tistgħax titneħħa, kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 3

Il-mudell għat-tikketta tal-widna għandu jkun kif ġej:

(a) kull tikketta tal-widna għandha tikkonsisti f’żewġ partijiet, parti maskili u parti femminili;

(b) kull parti tat-tikketta għandha jkollha biss dak it-tagħrif li hemm stipulat fl-Artikolu 1;

(ċ) it-tul tat-tikketta tal-widna għandha tkun ta’ l-inqas 45 mm għal kull parti;

(d) il-wisgħa ta’ kull tikketta għandha tkun ta’ l-inqas 55 mm għal kull parti;

(e) il-karattri għandhom ikollhom għoli minimu ta’ 5 mm.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu materjal jew mudell ieħor għat-tieni tikketta tal-widna u jistgħu jiddeċiedu li jżidu tagħrif ieħor sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1) u (2) ikunu mħarsa.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni l-mudelli ta’ l-ewwel u t-tieni tikketta tal-widna msemmijin fl-Artikoli 3 u 4.

IL-KAPITOLU II Passaporti u reġistri

L-Artikolu 6

1. Il-passaport għandu jkollu fih ta’ l-inqas dawn li ġejjin:

(a) it-tagħrif msemmi fl-Artikolu 14(3)Ċ(1), l-ewwel sas-seba’ inċiż tad-Direttiva 64/432/KEE;

(b) it-tagħrif imsemmi fi:

- l-Artikolu 14(3)Ċ(2), it-tieni inċiż tad-Direttiva 64/432/KEE, jew

- l-Artikolu 14(3)Ċ(2), l-ewwel inċiż jekk id-database li hemm dispożizzjoni għalih fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 820/97 ikun operabbli fl-intier tiegħu;

(ċ) il-firma tal-kustodju(i), ħlief għal dik tat-trasportatur. Meta d-database tkun operabbli fl-intier tagħha skond id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(3), l-ewwel inċiż, tar-Regolament (KE) Nru 820/97, il-firma ta’ l-aħħar kustodju biss għandha tingħata;

(d) l-isem ta’ l-awtorità li ħarġitu;

(e) id-data tal-ħruġ tal-passaport.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I.A.1 ta’ l-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE [6], jekk għoġol ta’ inqas minn erba’ ġimgħat jiġi trasportat, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li għandu jiġi akkumpanjat minn dokument temporanju li jkun fih ta’ l-inqas it-tagħrif stipulat fil-paragrafu 1 fl-għamla approvat mill-awtorità kompetenti.

Id-dokument temporanju għandu jinħareġ mill-ewwel kustodju ta’ l-għoġol u għandu jimtela minn kull kustodju sussegwenti bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi. Il-kustodju għandu jissottometti d-dokument temporanju lill-awtorità kompetenti qabel l-annimal ma jagħlaq erba’ ġimgħat, jew fi żmien sebat ijiem jekk l-annimal imut jew jinqatel qabel ma jagħlaq erba’ ġimgħat. Meta l-għoġol ikun għadu ħaj, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ passaport fi żmien 14-il jum minn meta jiġi riċevut id-dokument temporanju. Tali passaporti għandhom juru d-dettalji tal-movimenti kollha li saru mill-għoġol kif reġistrati fid-dokument temporanju.

Sakemm tkun fieqet iż-żokra, l-għoġol ma jistax jiċċaqlaq għal aktar minn darbtejn bejn propjetajiet akkumpanjat mid-dokument temporanju. Għall-għan ta’ dan il-paragrafu, moviment bejn żewġ proprjetajiet permezz ta’ suq jew ċentru ta’ ġabra ta’ għoġiela għandhom jgħoddu bħala moviment wieħed, sakemm is-suq jew ċentru ta’ ġabra ta’ l-għoġiela jista’ jipprovdi, fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti, rekord sħiħ tat-transazzjonijiet li saru fi ħdan l-istruttura ta’ dak is-suq jew ċentru.

3. Fir-rigward tar-rekwiżit għal kull kustodju ta’ annimali li jinnotifika l-moviment, twelid u mewt ta’ l-annimal skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 820/97, il-perijodu rilevanti għandu jiġi determinat mill-Istat Membru iżda fil-każ ta’ twelid fl-ebda każ m’għandu jaqbeż 15-il ġurnata mid-data meta l-annimal jiġi ttikkettat u mill-1 ta’ Jannar 2000 m’għandux jaqbeż sebgħat ijiem mid-data ta’ meta jiġi ttikettat.

L-Artikolu 7

Flimkien mat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 6, it-tagħrif addizzjonali dwar is-sitwazzjoni tal-premium ta’ l-annimal raġel, skond id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 4(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 805/68, għandu jiżdied mal-passaport:

(a) applikazzjoni jew għotja: l-ewwel faxxa ta’ l-età;

(b) applikazzjoni jew għotja: it-tieni faxxa ta’ l-età.

L-Artikolu 8

Ir-reġistru għandu jkun fih ta’ l-inqas dawn li ġejjin:

(a) tagħrif aġġornat li hemm dispożizzjoni għalih fl-Artikolu 14(3)Ċ(1), l-ewwel sar-raba’ inċiż tad-Direttiva 64/432/KEE;

(b) id-data tal-mewt ta’ l-annimal fuq il-proprjetà;

(ċ) fil-każ ta’ annimali li jitilqu mill-proprjetà, l-isem u l-indirizz tal-kustodju, ħlief għal dawk tat-trasportatur, jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-proprjetà, għal liema ġie trasferit, kif ukoll d-data tat-tluq;

(d) fil-każ ta’ annimali li jaslu fil-proprjetà, l-isem u l-indirizz tal-kustodju, ħlief għal dak tat-trasportatur, jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-proprjetà, minn liema ġie trasferit l-annimali, kif ukoll id-data tal-wasla;

(e) l-isem u l-firma tar-rappreżentant ta’ l-awtorità kompetenti li kkontrollat ir-reġistru u d-data li fiha seħħ il-kontroll.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni il-mudell tal-passaport u r-reġistru tal-proprjetà użat fit-territorju tagħhom.

IL-KAPITOLU III Ġenerali

L-Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 1998.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Diċembru 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 117, tas-7.5.1997, p. 1.

[2] ĠU 121, tad- 29.7.1964, p. 1977/64.

[3] ĠU L 109, tal-25.4.1997, p. 1.

[4] ĠU L 148, tas-26.6.1968, p. 24.

[5] ĠU L 322, tal-25.11.1997, p. 25.

[6] ĠU L 340, tal-11.12.1991, p. 17.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-Awstrija | AT |

Il-Belgju | BE |

Id-Danimarka | DK |

Il-Finlandja | FI |

Franza | FR |

Il-Ġermanja | DE |

Il-Greċja | EL |

L-Irlanda | IE |

L-Italja | IT |

Il-Lussemburgu | LU |

L-Olanda | NL |

Il-Portugall | PT |

Spanja | ES |

L-Isvezja | SE |

Ir-Renju Unit | UK |

--------------------------------------------------

Top