Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2016C0084

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 84/16/COL tas-27 ta' April 2016 li temenda, għal mitt darba u wieħed, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Linji Gwida ġodda għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE tal-Għajnuna mill-Istat biex jippromwovu l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew [2017/267]

    ĠU L 39, 16.2.2017, p. 49–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Mibdul minn E2021C0280

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/267/oj

    16.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 39/49


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 84/16/COL

    tas-27 ta' April 2016

    li temenda, għal mitt darba u wieħed, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi Linji Gwida ġodda għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE tal-Għajnuna mill-Istat biex jippromwovu l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew [2017/267]

    L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“L-AWTORITÀ”),

    WARA li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), b'mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“Il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

    Billi:

    Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat,

    Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha tkun obbligata li toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim tas-Sorveljanza jew tal-Qorti espressament jipprovdi hekk jew jekk l-Awtorità tikkunsidra li huwa neċċesarju,

    Fl-20 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni li tistabbilixxi l-“kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni” (1). Il-komunikazzjoni tapplika mill-1 ta' Lulju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

    Din il-komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar għajnuna mill-Istat fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha skont l-objettiv tal-omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE,

    Skont il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fil-paġna 9 tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma' dawk adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat lill-Istati tal-EFTA permezz ta' ittra datata 25 ta' Jannar 2016 dwar dan is-suġġett,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiġu introdotti Linji Gwida ġodda għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE tal-għajnuna mill-Istat biex tiġi promossal-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew. Il-Linji Gwida l-ġodda huma annessi ma' din id-Deċiżjoni u jiffurmaw parti integrali minnha.

    Artikolu 2

    Il-verżjoni bil-lingwa Ingliża biss ta' din id-deċiżjoni hija awtentika.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2016.

    Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    Sven Erik SVEDMAN

    Il-President

    Frank BÜCHEL

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4.


    ANNESS

    Linji Gwida għall-analiżi tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew  (1)

    WERREJ

    1.

    Introduzzjoni

    2.

    Kamp ta' applikazzjoni

    3.

    Kriterji ta' eliġibbiltà

    3.1.

    Definizzjoni ta' proġett

    3.2.

    Interess komuni Ewropew

    3.2.1.

    Kriterji kumulattivi ġenerali

    3.2.2.

    Indikaturi pożittivi ġenerali

    3.2.3.

    Kriterji speċifiċi

    3.3.

    Importanza tal-proġett

    4.

    Kriterji ta' kompatibbiltà

    4.1.

    Ħtieġa u proporzjonalità tal-għajnuna

    4.2.

    Prevenzjoni ta' distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u test ta' bbilanċjar

    4.3.

    Trasparenza

    5.

    Dispożizzjonijiet finali

    5.1.

    Obbligu ta' notifika

    5.2.

    Evalwazzjoni ex post u rappurtar

    5.3.

    Dħul fis-seħħ, validità u reviżjoni

    Kostijiet eliġibbli

    1.   Introduzzjoni

    1.

    Dan il-Kapitolu tal-Linji Gwida jipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, tal-finanzjament pubbliku ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew (Important Projects of Common European Interest, IPCEIs).

    2.

    L-IPCEIs jistgħu jirrappreżentaw kontribut importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-kompetittività għall-industrija u l-ekonomija taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fid-dawl tal-effetti konsegwenzjali pożittivi tagħhom fuq is-suq intern u s-soċjetà.

    3.

    L-IPCEIs jagħmluha possibbli li jinġabru flimkien għarfien, kompetenzi, riżorsi finanzjarji u atturi ekonomiċi minn madwar iż-ŻEE, biex jingħelbu fallimenti sistemiċi jew tas-suq importanti u sfidi tas-soċjetà li kieku ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati. Huma maħsuba biex jiġbru flimkien lis-settur privat u lis-settur pubbliku biex isiru proġetti fuq skala kbira li jipprovdu benefiċċji sinifikanti liż-ŻEE u liċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti.

    4.

    L-IPCEIs jistgħu jkunu rilevanti għall-politiki u l-azzjonijiet kollha li jissodisfaw objettivi Ewropej komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-objettivi Ewropa 2020 (2), l-inizjattivi emblematiċi tal-Unjoni Ewropea u l-oqsma ewlenin għat-tkabbir ekonomiku bħat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (3) (Key Enabling Technologies, KETs).

    5.

    L-inizjattiva tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (State Aid Modernisation, SAM) (4) titlob li l-għajnuna mill-Istat tkun diretta lejn objettivi ta' interess komuni Ewropew b'konformità mal-prijoritajiet tal-aġenda Ewropa 2020, biex tindirizza n-nuqqasijiet fis-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti oħrajn li jxekklu l-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi u l-iżvilupp ta' suq intern integrat, dinamiku u kompetittiv. L-introduzzjoni tal-IPCEIs spiss titlob parteċipazzjoni sinifikanti mill-awtoritajiet pubbliċi peress li kieku s-suq ma jiffinanzjax proġetti bħal dawn. F'każ li l-finanzjament pubbliku ta' dawn il-proġetti jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi r-regoli applikabbli sabiex ikun żgurat li jinżammu kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern.

    6.

    Is-SAM tikkostitwixxi opportunità tajba biex taġġorna u tikkonsolida l-gwida eżistenti f'dokument wieħed sabiex tiġi konformi mal-objettivi tal-Ewropa 2020 u l-miri tas-SAM u tiġi estiża għal oqsma oħra fejn tista' tapplika wkoll. Dawn il-Linji Gwida b'hekk jieħdu post kull dispożizzjoni eżistenti dwar l-IPCEI. B'dan il-mod, dawn il-Linji Gwida jipprovdu lill-Partijiet Kontraenti gwida dedikata u li tolqot oqsma differenti bl-għan li jħeġġu l-iżvilupp ta' proġetti kollaborattivi importanti li jippromwovu l-interess komuni Ewropew.

    7.

    L-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE jistipula li għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew tista' tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu gwida dwar il-kriterji li se tapplika l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni tal-IPCEIs. Dawn l-ewwel jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom kif ukoll jipprovdu lista ta' kriterji li l-Awtorità se tuża biex tivvaluta n-natura u l-importanza ta' dawn il-proġetti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE. Dawn jispjegaw ukoll kif l-Awtorità se tivvaluta l-kompatibilità tal-finanzjament pubbliku tal-IPCEIs skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    8.

    Dawn il-Linji Gwida ma jeskludux il-possibilità li l-għajnuna li tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' IPCEIs tista' tinstab ukoll li tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet oħrajn, l-iktar l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom. Il-qafas tal-għajnuna mill-Istat bħalissa qed jiġi modernizzat bil-ħsieb li joffri lill-Partijiet Kontraenti iktar possibilitajiet biex jiġu ssussidjati proġetti importanti li jirrimedjaw għall-fallimenti tas-suq u l-isfidi ta' koeżjoni f'oqsma differenti sabiex jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu ma jindirizzawx għal kollox ir-rilevanza, l-ispeċifiċitajiet u l-karattarestiċi tal-IPCEIs, li jistgħu jirrikjedu eliġibilità ddedikata, kompatibilità u dispożizzjonijiet proċedurali, li huma stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida.

    2.   Kamp ta' applikazzjoni

    9.

    Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-IPCEIs fis-setturi kollha tal-attività ekonomika.

    10.

    Dawn il-Linji Gwida ma għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    miżuri li jinvolvu għajnuna mill-impriżi f'diffikultà, kif definit mil-linji gwida ta' salvataġġ u ristrutturazzjoni (5) jew kwalunkwe linja gwida suċċessur tagħhom, kif emendati jew sostitwiti;

    (b)

    miżuri li jinvolvu għajnuna lil impriżi li jkunu soġġetti għal ordni ta' rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Awtorità li tkun iddikjarat l-għajnuna bħala waħda illegali u inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE;

    (c)

    miżuri ta' għajnuna li fihom infushom, minħabba l-kundizzjonijiet mehmuża magħhom jew il-metodu ta' finanzjament tagħhom, jinvolvu ksur mhux separabbli tal-liġi tal-Unjoni taż-ŻEE (6), b'mod partikolari:

    miżuri ta' għajnuna fejn l-għoti ta' għajnuna jkun soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju jkollu l-kwartieri tiegħu fil-Parti Kontraenti rilevanti jew li jkun stabbilit b'mod predominanti fit-tali Parti Kontraent,

    miżuri ta' għajnuna fejn l-għoti ta ' għajnuna huwa soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju juża oġġetti prodotti nazzjonalment jew servizzi nazzjonali;

    miżuri ta' għajnuna li jillimitaw il-possibbiltà li l-benefiċjarju jisfrutta r-riżultati tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'Partijiet Kontraenti oħrajn.

    3.   Kriterji ta' eliġibbiltà

    11.

    Fid-determinazzjoni ta' jekk il-proġett jaqax taħt l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE, japplikaw il-kriterji li ġejjin:

    3.1.   Definizzjoni ta' proġett

    12.

    Il-proposta għal għajnuna tikkonċerna proġett uniku li jkun iddefinit b'mod ċar fir-rigward tal-objettivi tiegħu kif ukoll it-termini tal-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-parteċipanti u l-finanzjament tiegħu (7).

    13.

    L-Awtorità tista' tqis ukoll bħala eliġibbli “proġett integrat”, jiġifieri, grupp ta' proġetti uniċi inkorporati fi struttura, pjan direzzjonali jew programm komuni, bl-istess objettiv u bbażati fuq approċċ sistemiku koerenti. Il-komponenti individwali tal-proġett integrat jistgħu jirrelataw ma' livelli separati tal-katina ta' provvista imma jridu jkunu kumplimentari u neċessarji għall-kisba tal-objettiv importanti Ewropew (8).

    3.2.   Interess komuni Ewropew

    3.2.1.   Kriterji kumulattivi ġenerali

    14.

    Il-proġett irid jikkontribwixxi b'mod konkret, ċar u identifikabbli għal objettiv tal-Unjoni jew iktar u jrid ikollu impatt sinifikanti fuq il-kompetittività taż-ŻEE, it-tkabbir sostenibbli, l-indirizzar tal-isfidi soċjetali jew il-ħolqien ta' valur madwar iż-ŻEE.

    15.

    Il-proġett irid jirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għall-objettivi komuni Ewropej, pereżempju billi jkun ta' importanza ewlenija għall-istrateġija Ewropa 2020, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, l-istrateġija Ewropea għall-KETs (9), l-Istrateġija tal-Enerġija għall-Ewropa (10), il-qafas tal-2030 għal politiki għall-klima u l-enerġija (11), l-Istrateġija tas-Sigurtà fl-Enerġija (12), l-Istrateġija tal-Elettronika għall-Ewropa, in-netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport u l-Enerġija, l-inizjattivi emblematiċi tal-Unjoni bħall-Unjoni tal-Innovazzjoni (13), l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (14), l-Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi (15), jew il-Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni (16).

    16.

    Il-proġett irid normalment jinvolvi iktar minn Parti Kontraenti waħda (17) u l-benefiċċji tiegħu jridu jkunu jmorru lil hinn mill-konfini tal-Partijiet Kontraenti finanzjaturi u jestendu għal parti wiesgħa taż-ŻEE. Il-benefiċċji tal-proġett iridu jkunu definiti b'mod ċar, konkret u identifikabbli (18).

    17.

    Il-benefiċċji tal-proġett ma jridux ikunu limitati għall-impriżi jew għas-settur ikkonċernat, imma jridu jkunu ta' rilevanza u applikazzjoni usa' għall-ekonomija jew is-soċjetà Ewropea permezz ta' effetti konsegwenzjali pożittivi (bħall-effetti sistemiċi fuq livelli multipli tal-katina tal-valur, jew fuq is-swieq upstream jew downstream, jew użi alternattivi f'setturi oħrajn jew bidla modali) li jkunu definiti b'mod ċar, b'mod konkret u identifikabbli.

    18.

    Il-proġett irid jinvolvi kofinanzjament mill-benefiċjarju.

    19.

    Il-proġett irid jirrispetta l-prinċipju tal-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji ta' dannu ambjentali, kif imfakkar fil-Pjan Direzzjonali għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (19).

    3.2.2.   Indikaturi pożittivi ġenerali

    20.

    Minbarra l-kriterji kumulattivi fit-Taqsima 3.2.1, l-Awtorità se tieħu approċċ iktar favorevoli meta:

    (a)

    il-proġett ġie maħsub sabiex jippermetti l-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti interessati kollha, filwaqt li jitqies it-tip ta' proġett, l-objettiv tiegħu u l-bżonnijiet ta' finanzjament tiegħu;

    (b)

    it-tfassil tal-proġett ikun jinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea jew lil kull entità ġuridika li l-Kummissjoni Ewropea tkun iddelegatilha setgħatha, bħal pereżempju l-Bank Ewropew tal-Investiment;

    (c)

    l-għażla tal-proġett tkun tinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea jew lil kull entità ġuridika li l-Kummissjoni Ewropea tkun iddelegatilha setgħatha, sakemm din l-entità tkun qed taġixxi biss għal dak l-iskop bħala struttura ta' implimentazzjoni;

    (d)

    l-istruttura tal-governanza tal-proġett tkun tinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea — jew lil kull entità ġuridika li l-Kummissjoni Ewropea tkun iddelegatilha setgħatha — u bosta Partijiet Kontraenti;

    (e)

    il-proġett ikun jinvolvi interazzjonijiet kollaborattivi importanti f'termini tal-għadd ta' sħab, l-involviment tal-organizzazzjonijiet minn setturi differenti, jew l-involviment ta' impriżi ta' daqsijiet differenti;

    (f)

    il-proġett jinvolvi kofinanzjament mill-EFTA jew mill-fondi Ewropej tal-Unjoni (20).

    3.2.3.   Kriterji speċifiċi

    21.

    Il-proġetti ta' Riċerka u Żvilupp u ta' Innovazzjoni (RŻI) jridu jkunu ta' natura innovattiva maġġuri jew jikkostitwixxu valur miżjud importanti f'termini ta' RŻI meta mqabbel mal-aqwa fis-settur ikkonċernat.

    22.

    Il-proġetti li jinkludu użu industrijali jridu jippermettu żvilupp ta' prodott jew servizz ġdid b'kontenut għoli ta' riċerka u innovazzjoni u/jew l-użu ta' proċess ta' produzzjoni fundamentalment innovattiv. L-aġġornamenti regolari mingħajr dimensjoni innovattiva ta' faċilitajiet eżistenti u l-iżvilupp ta' verżjonijiet ġodda ta' prodotti eżistenti ma jikkwalifikawx bħala IPCEI.

    23.

    Proġetti ambjentali, tal-enerġija u tat-trasport iridu jew ikunu ta' importanza kbira għall-istrateġija ambjentali, tal-enerġija, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jew tat-trasport tal-Unjoni jew jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-suq intern, inklużi dawk is-setturi speċifiċi imma mhux limitat għalihom.

    3.3.   L-importanza tal-proġett

    24.

    Sabiex jikkwalifika bħala IPCEI, proġett irid ikun importanti kemm fil-kwantità u kemm fil-kwalità. Huwa għandu jkun jew ta' daqs jew ta' kamp ta' applikazzjoni partikolarment kbir u/jew jimplika livell konsiderevolment għoli ta' riskju teknoloġiku jew finanzjarju.

    4.   Kriterji ta' kompatibbiltà

    25.

    Fil-valutazzjoni tal-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE tal-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta' IPCEI fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE, il-Kummissjoni se tqis il-kriterji li ġejjin (21).

    26.

    L-Awtorità se tagħmel test ta' bbilanċjar, biex tivvaluta jekk l-effetti pożittivi mistennija jaqbżux l-effetti negattivi possibbli kif stabbilit hawn taħt.

    27.

    Fid-dawl tan-natura tal-proġett, l-Awtorità tista' tqis li l-preżenza ta' nuqqas tas-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti oħrajn, kif ukoll il-kontribut għal interess Ewropew komuni, tkun preżunta meta l-proġett ikun jissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti fit-Taqsima 3 hawn fuq.

    4.1.   Il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna

    28.

    L-għajnuna ma tridx tissussidja l-kostijiet ta' proġett li impriża xorta waħda kien ikollha ġġarrab u ma tridx tikkumpensa r-riskju normali tan-negozju ta' attività ekonomika. Mingħajr l-għajnuna r-realizzazzjoni tal-proġett għandha tkun impossibbli, jew għandha tkun irrealizzata f'daqs iżgħar jew kamp ta' applikazzjoni iżgħar jew b'mod differenti li jirrestrinġi b'mod sinifikanti l-benefiċċji mistennija minnu (22). L-għajnuna titqies bħala proporzjonali biss jekk l-istess riżultat ma jkunx jista' jinkiseb b'inqas għajnuna.

    29.

    Il-Parti Kontraenti trid tipprovdi informazzjoni adegwata lill-Awtorità dwar il-proġett megħjun flimkien ma' deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li jikkorrispondi għal sitwazzjoni fejn ma tingħata l-ebda għajnuna minn l-ebda Parti Kontraenti. Ix-xenarju kontrofattwali jista' jikkonsisti fin-nuqqas ta' proġett alternattiv jew ta' proġett alternattiv definit b'mod ċar u prevedibbli biżżejjed ikkunsidrat mill-benefiċjarju fit-teħid ta' deċiżjonijiet interni tiegħu, u jista' jkun marbut ma' proġett alternattiv li huwa kompletament jew parzjalment imwettaq barra ż-ŻEE.

    30.

    Fin-nuqqas ta' proġett alternattiv, l-Awtorità tivverifika li l-ammont ta' għajnuna mill-Istat ma jkunx jaqbeż il-minimu meħtieġ biex il-proġett megħjun ikun profittabbli biżżejjed, pereżempju billi jsir possibbli li jinkiseb rata ta' redditu interna (internal rate of return, IRR) li tikkorrispondi għal parametru referenzjarju speċifiku jew rata minima (hurdle) tas-settur jew ditta. Rati normali ta' redditu meħtieġa mill-benefiċjarju fi proġetti ta' investiment oħra simili, il-kost tal-kapital fit-totalità tiegħu jew ir-redditu li jiġi osservat normalment fl-industrija konċernata jistgħu jintużaw ukoll għal din il-fini. Il-kostijiet u l-benefiċċji mistennija rilevanti kollha jridu jitqiesu matul il-ħajja tal-proġett.

    31.

    Il-livell massimu ta' għajnuna se jkun iddeterminat fir-rigward tad-diskrepanza ta' finanzjament identifikata b'rabta mal-kostijiet eliġibbli. Jekk tkun iġġustifikata mill-analiżi tad-diskrepanza tal-finanzjament, l-intensità tal-għajnuna tista' tlaħħaq sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli. Id-diskrepanza tal-finanzjament tirreferi għad-differenza bejn il-flussi ta' flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, imraħħsa sal-valur attwali tagħhom fuq il-bażi ta' fattur ta' skont xieraq li jirrifletti r-rata ta' redditu neċessarja għall-benefiċjarju biex iwettaq il-proġett l-iktar fid-dawl tar-riskji involuti. Il-kostijiet eliġibbli huma dawk stipulati fl-Anness (23).

    32.

    Fejn jintwera, pereżempju permezz ta' dokumenti interni ta' kumpanija, li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu għażla ċara bejn li jwettaq proġett megħjun jew proġett alternattiv mingħajr għajnuna, l-Awtorità tqabbel il-valuri attwali netti mistennija tal-investiment fil-proġett megħjun u fil-proġett kontrofattwali, filwaqt li tqis il-probabbiltajiet tax-xenarji kummerċjali differenti li jseħħu.

    33.

    Fl-analiżi tagħha, l-Awtorità tqis l-elementi li ġejjin:

    (a)

    :

    speċifikazzjoni tal-bidla intenzjonata

    :

    trid tiġi speċifikata sew il-bidla fl-imġiba li hija mistennija tirriżulta mill-għajnuna mill-Istat, jiġifieri jekk hijiex se twassal għal proġett ġdid, jew jekk humiex se jikbru d-daqs, il-kamp ta' applikazzjoni jew il-veloċità tal-proġett mill-Parti Kontraenti. Il-bidla fl-imġiba trid tiġi identifikata billi jitqabbel xi jkun ir-riżultat mistenni u l-livell ta' attività intenzjonat bl-għajnuna u mingħajrha. Id-differenza bejn iż-żewġ xenarji turi l-impatt tal-miżura tal-għajnuna u l-effett ta' inċentiv tagħha;

    (b)

    :

    livell ta' profittabiltà

    :

    meta proġett, fih innifsu, ma jkunx ta' profitt biżżejjed biex tidħol għalih impriża privata, iżda jkun jiġġenera benefiċċji importanti għas-soċjetà, hemm iktar probabilità li l-għajnuna jkollha effett ta' inċentiv.

    34.

    Sabiex ikunu indirizzati d-distorsjonijiet effettivi jew potenzjali diretti jew indiretti tal-kummerċ internazzjonali, l-Awtorità tista' tqis il-fatt li, direttament jew indirettament, il-kompetituri li jinsabu barra miż-ŻEE jkunu rċevew (fl-aħħar tliet snin) jew ikunu se jirċievu, għajnuna ta' intensità ekwivalenti għal proġetti simili. Madankollu, meta minħabba n-natura partikolari tas-settur inkwistjoni d-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali x'aktarx li jseħħu wara aktar minn tliet snin, il-perjodu ta' referenza jista' jiġi estiż b'mod korrispondenti. Meta possibbli, il-Parti Kontraenti kkonċernata tipprovdi lill-Awtorità b'biżżejjed informazzjoni biex jippermettilha tivvaluta s-sitwazzjoni, b'mod partikolari l-ħtieġa li jitqies il-vantaġġ kompetittiv li għandu kompetitur minn pajjiż terz. Meta l-Awtorità ma jkollhiex evidenza li tikkonċerna l-għajnuna mogħtija jew proposta, tista' wkoll tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq evidenza ċirkostanzjali.

    35.

    Meta tiġbor evidenza, l-Awtorità tista' tuża l-poteri investigattivi tagħha (24).

    36.

    L-għażla tal-istrument ta' għajnuna trid issir fid-dawl tal-falliment tas-suq jew ta' fallimenti sistemiċi importanti oħrajn li qed jipprova jindirizza. Pereżempju, meta l-problema sottostanti tkun nuqqas ta' aċċess għal finanzjament, il-Partijiet Kontraenti għandhom normalment jirrikorru għal għajnuna fil-forma ta' appoġġ ta' likwidità, bħal self jew garanziji (25). Meta jkun meħtieġ ukoll li impriża tingħata wkoll ċertu grad ta' kondiviżjoni tar-riskju, l-istrument ta' għajnuna magħżul normalment għandu jkun avvanz li jitħallas lura. Strument ta' għajnuna li titħallas lura ġeneralment jitqies bħala indikatur pożittiv.

    37.

    L-objettivi tas-sigurtà tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija jridu jitqiesu fl-analiżi fejn ikunu rilevanti.

    38.

    L-Awtorità tqis b'mod iktar favorevoli proġetti li jkunu jinkludu kontribut sinifikanti mill-benefiċjarji stess jew minn investituri privati indipendenti. Kontribuzzjoni ta' assi tanġibbli u intanġibbli, kif ukoll art, għandhom ikunu vvalutati bil-prezz tas-suq.

    39.

    L-għażla tal-benefiċjarji permezz ta' sejħa għall-offerti kompetittiva, trasparenti u nondiskriminatorja titqies bħala indikatur pożittiv.

    4.2.   Prevenzjoni ta' distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u test ta' bbilanċjar

    40.

    Il-Parti Kontraenti għandha tipprovdi evidenza li l-miżura ta' għajnuna proposta tikkostitwixxi strument politiku xieraq biex tindirizza l-objettiv tal-proġett. Miżura ta' għajnuna ma titqiesx xierqa jekk strumenti ta' politika li joħolqu inqas distorsjoni jew tipi ta' strumenti ta' għajnuna li joħolqu inqas distorsjoni jistgħu jiksbu l-istess riżultat.

    41.

    Biex l-għajnuna tkun kompatibbli, l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-impatt fuq il-kummerċ bejn il-Parijiet Kontraenti jridu jkunu limitati u inferjuri għall-effetti pożittivi f'dak li jikkonċerna l-kontribut għall-objettiv tal-interess Ewropew komuni.

    42.

    Fil-valutazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna, l-Awtorità tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-impatt prevedibbli li l-għajnuna jista' jkollha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq tal-prodott ikkonċernat, inklużi s-swieq upstream jew downstream, u fuq ir-riskju ta' kapaċità eċċessiva.

    43.

    L-Awtorità se tivvaluta r-riskju ta' esklużjoni mis-suq u d-dominanza fis-suq, b'mod partikolari f'każ ta' nuqqas jew disseminazzjoni limitata tar-riżultati tar-riċerka. Proġetti li jinvolvu l-kostruzzjoni ta' infrastruttura (26) jridu jiżguraw aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għall-infrastruttura u pprezzar mhux diskriminatorji (27).

    44.

    L-Awtorità se tivvaluta l-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ inkluż ir-riskju ta' tellieqa tas-sussidji bejn il-Partijiet Kontraenti li tista' tinħoloq speċjalment fir-rigward tal-għażla tal-post.

    4.3.   Trasparenza

    45.

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li ġejja fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, f'livell nazzjonali jew reġjonali:

    (a)

    it-test tal-miżura ta' għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha, jew ħolqa għalih;

    (b)

    l-identità tal-awtorità jew awtoritajiet li taw l-għajnuna;

    (c)

    l-identità tal-benefiċjarju individwali, il-forma u l-ammont tal-għajnuna lil kull benefiċjarju, id-data tal-għoti, it-tip ta' impriża (SME/impriża kbira); ir-reġjun fejn jinsab il-benefiċjarju (fil-livell II tan-NUTS); u s-settur ekonomiku prinċipali fejn għandha l-attivitajiet tagħha l-impriża benefikanti (fil-livell tal-grupp NACE) (28).

    46.

    Dan ir-rekwiżit jista' jitneħħa fir-rigward ta' għotjiet ta' għajnuna individwali li jkunu inqas minn EUR 500 000. Din l-informazzjoni trid tkun ippubblikata wara li d-deċiżjoni tal-għoti tkun ittieħdet, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet (29). Il-Partijiet Kontraenti mhux se jkunu obbligati li jipprovdu l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta' Lulju 2016.

    5.   Dispożizzjonijiet finali

    5.1.   Obbligu ta' notifika

    47.

    Skont l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja, il-Partijiet Kontraenti jridu jinfurmaw lill-Awtorità bil-quddiem bi kwalunkwe pjan għall-għoti u l-alterazzjoni ta' għajnuna mill-Istat inkluża l-għajnuna għal IPCEI.

    48.

    Il-Partijiet Kontraenti involuti fl-istess IPCEI huma mistiedna, meta jkun possibbli, biex jibagħtu lill-Awtorità notifika komuni.

    5.2.   Evalwazzjoni ex post u rappurtar

    49.

    L-eżekuzzjoni tal-proġett irid ikun soġġett għal rappurtar regolari. Fejn xieraq, l-Awtorità tista' titlob li ssir evalwazzjoni ex post.

    5.3.   Dħul fis-seħħ, il-validità u r-reviżjoni

    50.

    Dawn il-Linji Gwida se jiġu applikati mid-data tal-adozzjoni tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2020.

    51.

    L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida għall-proġetti ta' għajnuna kollha nnotifikati li tintalab tieħu deċiżjoni dwarhom wara li l-Linji Gwida jkunu ppubblikati fuq is-sit web tal-Awtorità, anke meta l-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tiegħu.

    52.

    B'konformità mal-Artikolu dwar il-applikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat, fil-Parti II tal-Linji Gwida tal-għajnuna mill-Istat (30), fil-każ ta' għajnuna mhux notifikata, l-Awtorità tapplika dawn il-Linji Gwida jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara li jkunu daħlu fis-seħħ, u r-regoli fis-seħħ fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna għall-każijiet l-oħra kollha.

    53.

    L-Awtorità tista' tiddeċiedi li temenda dawn il-Linji Gwida f'kull ħin li jkun meħtieġ għal raġunijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni jew biex tqis politiki oħrajn, impenji internazzjonali, żviluppi fis-swieq jew għal kull raġuni ġustifikata oħra.


    (1)  Dawn il-linji gwida jikkorrispondu għal komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew, ippublikata fl-20 ta' Ġunju 2014 (ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4).

    (2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Ewropa 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, COM(2010) 2020 finali, it-3 ta' Marzu 2010.

    (3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta' Appoġġ — Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 finali, is-26 ta' Ġunju 2012.

    (4)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM), COM(2012) 209 finali, it-8 ta' Mejju 2012.

    (5)  Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà, kif adottati bid-Deċiżjoni Nru 321/14/COL (ĠU L 271, 16.10.2015, p. 35 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 62, 15.10.2015, p. 1). Kif spjegat fil-paragrafu 23 ta' dawk il-linji gwida, minħabba li l-eżistenza tagħha stess tkun f'periklu, impriża f'diffikultà ma tistax titqies bħala mezz xieraq għall-promozzjoni ta' objettivi oħra tal-politika pubblika sakemm il-vijabbiltà tagħha ma tiġix żgurata.

    (6)  Ara pereżempju l-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja v il-Kummissjoni UE:C:2000:467, paragrafu 78 u l-Kawża C-333/07 Régie Networks v Rhone Alpes Bourgogne, UE:C:2008:764, paragrafi 94-116.

    (7)  Fil-każ ta' riċerka u żvilupp, meta żewġ proġetti jew aktar ma jkunux separabbli minn xulxin b'mod ċar u b'mod partikolari meta ma jkollhomx probabilitajiet indipendenti ta' suċċess teknoloġiku, dawn iridu jitqiesu bħala proġett uniku. Għajnuna għal proġett li twassal biss għal bidla fil-post fiż-ŻEE fejn isir il-proġett mingħajr ma jinbidlu n-natura, id-daqs jew il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett mhux se tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli.

    (8)  Minn hawn 'il quddiem proġett uniku u proġett integrat se jissejħu “proġett”.

    (9)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta' Appoġġ — Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 finali, is-26 ta' Ġunju 2012.

    (10)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Enerġija 2020 Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b'sigurtà”, COM(2010) 639 finali, l-10 ta' Novembru 2010.

    (11)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030”, (COM(2014) 15 finali), it-22 ta' Jannar 2014.

    (12)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, “Strateġija Ewropea tas-Sigurtà fl-Enerġija”, COM(2014) 330 finali, it-28 ta' Mejju 2014.

    (13)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 — Unjoni tal-Innovazzjoni”, COM(2010) 546 finali, is-6 ta' Ottubru 2010.

    (14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, COM(2010) 245 finali, is-26 ta' Awwissu 2010, kif rikonoxxuta fir-riżoluzzjoni tas-37 Laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE tas-26 ta' Ottubru 2011.

    (15)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza — Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020”, COM(2011) 21 finali, is-26 ta' Jannar 2011.

    (16)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni — Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali”, COM(2010) 614 finali, it-28 ta' Ottubru 2010.

    (17)  Bl-eċċezzjoni tal-infrastruttura tar-riċerka interkonnessa u l-proġetti TEN-T li huma ta' importanza fundamentalment transnazzjonali minħabba li huma parti minn netwerk transfruntier konness jew huma essenzjali għat-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku transfruntier jew tal-interoperabilità.

    (18)  Is-sempliċi fatt li l-proġett jitwettaq minn impriżi f'pajjiżi differenti, jew li infrastruttura tar-riċerka sussegwentement tintuża minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri taż-ŻEE differenti mhuwiex suffiċjenti biex proġett jikkwalifika bħala IPCEI. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li proġett jista' jkun deskritt bħala ta' interess Ewropew komuni meta jifforma parti minn programm Ewropew transnazzjonali appoġġat b'mod konġunt minn għadd ta' gvernijiet tal-Istati Membri taż-ŻEE, jew meta jkun ġej minn azzjoni konċertata minn għadd ta' Stati Membri taż-ŻEE biex jegħlbu theddida komuni. Kawżi Konġunti C-62/87 u 72/87 Exécutif regional wallon u SA Glaverbel vs. il-Kummissjoni, UE:C:1988:132, il-paragrafu 22-23.

    (19)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”, COM(2011) 571 finali, l-20 ta' Settembru 2011.

    (20)  Finanzjament mill-EFTA jew mill-Unjoni Ewropea ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-impriżi konġunti jew korpi oħra taż-ŻEE jew l-Unjoni Ewropea, li l-Partijiet Kontraenti ma jikkontrollawx direttament jew indirettament, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

    (21)  Skont il-ġurisprudenza, l-Awtorità tgawdi minn diskrezzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-IPCEIs. Kawżi Konġunti C-62/87 u 72/87 Exécutif regional wallon u SA Glaverbel vs. il-Kummissjoni [1988] ECR 1573, il-paragrafu 21.

    (22)  L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet, li jkun jew il-bidu ta' xogħlijiet ta' kostruzzjoni fuq l-investiment, jew l-ewwel impenn sod biex ikun ordnat tagħmir jew impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli, skont liema jkun l-ewwel wieħed f'termini ta' żmien. Ix-xiri tal-art u x-xogħlijiet preparatorji, bħall-kisba ta' permessi u t-twettiq ta' studji preliminari dwar il-fattibbiltà, mhumiex meqjusa bħala bidu tax-xogħlijiet.

    (23)  Fil-każ ta' proġett integrat, il-kostijiet eliġibbli jridu jkunu dettaljati fil-livell ta' kull proġett individwali.

    (24)  Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta' Lulju 2013, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15). Fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dawn il-linji gwida, ir-Regolament (UE) Nru 734/2013 kien qed jiġi kkunsidrat għall-inkorporazzjoni tiegħu fil-Ftehim ŻEE. Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 ġie inkorporat fil-Ftehim ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 164/2001 (ĠU L 65, 7.3.2002, p. 46 u s-Suppliment ŻEE Nru 13, 7.3.2002, p. 26).

    (25)  Għajnuna fil-forma ta' garanziji trid tkun limitata fiż-żmien, u għajnuna fil-forma ta' self trid tkun soġġetta għal perjodi ta' ħlas lura.

    (26)  Biex jiġu evitati d-dubji, linji pilota ma jitqisux bħala infrastrutturi.

    (27)  Meta l-proġett jinvolvi infrastruttura tal-enerġija, dan għandu jkun soġġett għar-regolamentazzjoni dwar it-tariffi u l-aċċess u għar-rekwiżiti ta' separazzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern.

    (28)  Bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta' informazzjoni kunfidenzjali oħra f'każijiet iġġustifikati kif dovut, u soġġett għall-approvazzjoni tal-Awtorità (Kapitolu dwar is-sigriet professjonali fid-deċiżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat, Deċiżjoni Nru 15/04/COL, ippubblikata fil-ĠU L 154, 8.6.2006, p. 27, u Suppliment taż-ŻEE Nru 29, 8.6.2006, p. 1).

    (29)  Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata fi żmien sitt xhur mid-data tal-għotja. F'każ ta' għajnuna illegali, il-Partijiet Kontraenti se jkunu meħtieġa jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni ex post, sa mill-inqas sitt(6) xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Awtorità. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli f'format li jippermetti li jsir tiftix għad-dejta, tista' tkun estratta, u tista' faċilment tiġi ppubblikata fuq l-Internet, pereżempju f'format CSV jew XML.

    (30)  Id-Deċiżjoni Nru 154/07/COL (ĠU L 73, 19.3.2009, p. 23 u s-Suppliment ŻEE Nru 15, 19.3.2009, p. 1).

    Appendiċi

    Kostijiet eliġibbli

    (a)

    Studji tal-fattibilità, inklużi studji tekniċi preparatorji, u l-kostijiet biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għat-twettiq tal-proġett.

    (b)

    Il-kostijiet tal-istrumenti u t-tagħmir, (inklużi installazzjonijiet u vetturi tat-trasport) sal-punt u għat-tul taż-żmien użati mill-proġett. Jekk ħajjet dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma tintużax kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss il-kostijiet ta' deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif kalkolati abbażi ta' prassi tajba tal-kontabbiltà.

    (c)

    Il-kostijiet tal-akkwiżizzjoni (jew tal-kostruzzjoni) tal-binjiet, tal-infrastruttura u l-artijiet, sal-punt u għat-tul taż-żmien użati mill-proġett. Meta dawn il-kostijiet jiġu determinati fir-rigward tal-valur ta' trasferiment kummerċjali jew tal-kostijiet tal-kapital realment imġarrba, f'paragun mal-kostijiet ta' deprezzament, il-valur residwu tal-artijiet, tal-binjiet jew tal-infrastruttura għandu jitnaqqas mid-diskrepanza tal-finanzjament, ex ante jew inkella ex post.

    (d)

    Il-kostijiet ta' materjali oħra, provvisti u prodotti simili meħtieġa għall-proġett.

    (e)

    Il-kostijiet għall-kisba, il-validazzjoni u d-difiża tal-privattivi u assi intanġibbli oħrajn. Il-kostijiet tar-riċerka kuntrattwali, għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b'kundizzjonijiet normali tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-proġett.

    (f)

    Il-kostijiet amministrattivi u tal-persunal (inklużi l-ispejjeż ġenerali) direttament imġarrba għal attivitajiet ta' RŻI, inklużi dawk l-attivitajiet ta' RŻI marbuta mal-ewwel użu industrijali (1), jew fil-każ ta' proġett ta' infrastruttura, imġarrba matul il-kostruzzjoni tal-infrastruttura.

    (g)

    F'każ ta' għajnuna fi proġett tal-ewwel użu industrijali, in-nefqa kapitali u dik operattiva (CAPEX u OPEX), sakemm l-użu industrijali jirriżulta minn attività RŻI (2), u fih innifsu jinkorpora komponent importanti ferm tar-RŻI li jikkostitwixxi element integrali u neċessarju għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-proġett. In-nefqiet operattivi jridu jkunu relatati ma' tali komponent tal-proġett.

    (h)

    Jistgħu jiġu aċċettati kostijiet oħrajn, jekk ikunu ġġustifikati, u meta dawn ikunu marbuta bis-sħiħ mat-twettiq tal-proġett, minbarra l-kostijiet operattivi li ma jkunux koperti mill-punt (g).


    (1)  L-ewwel użu industrijali jirreferi għat-tisħiħ ta' faċilitajiet pilota, jew għal tagħmir u faċilitajiet li jkunu l-ewwel mit-tip tagħhom u li jkopru l-passi kollha wara l-linja pilota inkluż il-fażi tal-ittestjar, iżda mhux il-produzzjoni tal-massa, u lanqas l-attivitajiet kummerċjali.

    (2)  L-ewwel użu industrijali ma għandux għalfejn jitwettaq mill-istess entità li tkun wettqet l-attività RŻI, bil-kundizzjoni li dik l-entità takkwista d-drittijiet biex tuża r-riżultati li jkunu nkisbu mill-attività RŻI preċedenti, u li l-attività RŻI u l-ewwel użu industrijali jkunu t-tnejn koperti mill-proġett u nnotifikati flimkien.


    Top