Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2014C0321

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 321/14/COL tal-10 ta' Settembru 2014 li temenda għall-mitt darba r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-Għajnuna mill-Istat billi tadotta Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà [2015/1856]

    ĠU L 271, 16.10.2015, p. 35–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/1856/oj

    16.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 271/35


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 321/14/COL

    tal-10 ta' Settembru 2014

    li temenda għall-mitt darba r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-Għajnuna mill-Istat billi tadotta Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà [2015/1856]

    L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) b'mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”) b'mod partikolari l-Artikoli 5(2)(b) u 24 tiegħu u l-Artikolu 1 fil-Parti I tal-Protokoll 3 tiegħu,

    Billi:

    Taħt l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

    Skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim ŻEE, jekk dan ikun previst espliċitament fil-Ftehim jew fil-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jew jekk l-Awtorità tikkunsidra li hu meħtieġ,

    Fid-9 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà” (1). Il-Linji Gwida jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà tista' tkun iddikjarata kumpatibbli. Dawn japplikaw mill-1 ta' Awwissu 2014

    Dawn il-linji gwida huma rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE dwar għajnuna mill-Istat madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha skont l-objettiv ta' omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE,

    Skont il-punt II taħt l-intestatura “ĠENERALI” fl-Anness XV tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità, wara li tikkonsulta lill-Kummissjoni Ewropea, għandha tadotta Linji Gwida ġodda li jikkorrispondu ma' dawk adottati mill-Kummissjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat lill-Kummissjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat lill-Istati tal-EFTA permezz ta' ittra bid-data tal-1 ta' Awwissu 2014 dwar dan,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-regoli sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jiġu emendati bl-introduzzjoni ta' Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà. Il-Linji Gwida l-ġodda huma annessi ma' din id-Deċiżjoni u jiffurmaw parti integrali minnha.

    Artikolu 2

    Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014.

    Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    Oda Helen SLETNES

    Il-President

    Helga JÓNSDÓTTIR

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.


    ANNESS

    LINJI GWIDA DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦAS-SALVATAĠĠ U R-RISTRUTTURAR TA' IMPRIŻI MHUX FINANZJARJI F'DIFFIKULTÀ

    PARTI III

    REGOLI ORIZZONTALI

    Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà  (1)

    Werrej

    1.

    INTRODUZZJONI 38

    2.

    IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-LINJI GWIDA 41

    2.1.

    Il-kamp ta' applikazzjoni settorjali 41

    2.2.

    Il-kamp ta' applikazzjoni materjali: It-tifsira ta' ‘impriża f'diffikultà’ 41

    2.3.

    L-għajnuna għas-salvataġġ, l-għajnuna għar-ristrutturar u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar 42

    2.4.

    L-għajnuna biex jiġu koperti l-kostijiet soċjali għar-ristrutturar 42

    3.

    KOMPATIBBILTÀ MAL-FUNZJONAMENT TAL-FTEHIM ŻEE 43

    3.1.

    Kontribut għal objettiv ta' interess komuni 44

    3.1.1.

    It-turija tat-tbatija soċjali jew ta' falliment tas-suq 44

    3.1.2.

    Il-pjan ta' ristrutturar u r-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul 45

    3.2.

    Il-bżonn għal intervent mill-Istat 46

    3.3.

    L-adegwatezza 46

    3.3.1.

    Għajnuna għas-salvataġġ 46

    3.3.2.

    Għajnuna għar-ristrutturar 47

    3.4.

    Effett ta' inċentiv 47

    3.5.

    Il-proporzjonalità tal-għajnuna/għajnuna limitata għall-minimu 47

    3.5.1.

    Għajnuna għas-salvataġġ 47

    3.5.2.

    Għajnuna għar-ristrutturar 47

    3.6.

    L-effetti negattivi 49

    3.6.1.

    ‘Il-prinċipju ta'darba biss, l-aħħar darba’ 49

    3.6.2.

    Miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni 50

    3.6.3.

    Il-benefiċjarji tal-għajnuna preċedenti illegali 52

    3.6.4.

    Il-kundizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-approvazzjoni tal-għajnuna 52

    3.7.

    Transparenza 52

    4.

    L-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR F'ŻONI MEGĦJUNA 53

    5.

    L-GĦAJNUNA LILL-FORNITURI TAS-SIEĠ F'DIFFIKULTÀ 53

    6.

    L-ISKEMI TA' GĦAJNUNA GĦAL AMMONTI IŻGĦAR TA' GĦAJNUNA U BENEFIĊJARJI IŻGĦAR 54

    6.1.

    Il-kundizzjonijiet ġenerali 54

    6.2.

    Għan ta' interess komuni 55

    6.3.

    L-adegwatezza 55

    6.4.

    Il-proporzjonalità tal-għajnuna/għajnuna limitata għall-minimu 55

    6.5.

    L-effetti negattivi 56

    6.6.

    Appoġġ temporanju għar-ristrutturar 56

    6.7.

    It-tul ta' żmien u l-evalwazzjoni 57

    7.

    IL-PROĊEDURI 57

    7.1.

    Il-proċedura aċċellerata għall-għajnuna għas-salvataġġ 57

    7.2.

    Il-proċeduri relatati mal-pjanijiet ta' ristrutturar 58

    7.2.1.

    L-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar 58

    7.2.2.

    L-emenda tal-pjan ta' ristrutturar 58

    7.2.3.

    Il-bżonn li l-Awtorità tiġi nnotifikata b'kull għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta' ristrutturar 58

    8.

    IR-RAPPURTAR U L-MONITORAĠĠ 59

    9.

    MIŻURI XIERQA KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(1) TAL-PARTI I TAL-PROTOKOLL 3 59

    10.

    ID-DATA TAL-APPLIKAZZJONI U T-TUL TA' ŻMIEN 59

    1.   Introduzzjoni

    (1)

    F'dawn il-linji gwida, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (‘l-Awtorità’) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘il-Ftehim ŻEE’) fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

    (2)

    L-Awtorità adottat il-Linji Gwida oriġinali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi f'diffikultà (2) fl-1994. Verżjoni mmodifikata tal-linji gwida ġiet adottata fl-1999 (3). Fl-2004, l-Awtorità adottat linji gwida ġodda (4), li l-validità tagħhom l-ewwel ġiet estiża sat-30 ta' Novembru 2012 (5) u sussegwentement sakemm jiġu sostitwiti minn regoli ġodda (6).

    (3)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' Mejju 2012 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (7), il-Kummissjoni Ewropea (‘il-Kummissjoni’) ħabbret tliet objettivi fir-rigward tal-immodernizzar tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat:

    (a)

    it-trawwim tat-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f'suq intern kompetittiv;

    (b)

    l-iffukar tal-iskrutinju li l-Kummissjoni tagħmel minn qabel fuq każijiet li jkollhom l-ikbar impatt fuq is-suq intern filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat;

    (c)

    is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-għoti ta' deċiżjonijiet b'iktar ħeffa.

    (4)

    B'mod partikolari, il-Komunikazzjoni sejħet għal approċċ komuni fir-reviżjoni tal-linji gwida u l-oqfsa differenti, li jkun ibbażat fuq it-tisħiħ tas-suq intern, il-promozzjoni ta' effikaċja ikbar fl-infiq pubbliku permezz ta' kontribut aħjar tal-għajnuna mill-Istat għall-objettivi ta' interess komuni u skrutinju akbar fuq l-effett ta' inċentiv, il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-inqas possibbli u l-evitar tal-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-Awtorità ssegwi wkoll dan l-approċċ.

    (5)

    L-Awtorità għamlet rieżami ta' dawn il-linji gwida fir-rigward tas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà abbażi tal-esperjenza tagħha fl-applikazzjoni tar-regoli eżistenti u skont l-approċċ komuni msemmi hawn fuq. Ir-reviżjoni tikkunsidra wkoll l-istrateġija Ewropa 2020 adottata mill-Kummissjoni (8) kif ukoll il-fatt li l-effetti negattivi tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jinterferixxu mal-bżonn li jiġu stimulati l-produttività u t-tkabbir, li jiġu ppreservati opportunitajiet indaqs għall-impriżi u li jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu nazzjonali.

    (6)

    L-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar hija waħda mill-aktar tipi ta' għajnuna mill-Istat li joħolqu distorsjoni. Huwa stabbilit sew li s-setturi tal-ekonomija li jirnexxu jesperjenzaw tkabbir fil-produttività mhux għax l-impriżi kollha preżenti fis-suq isiru aktar produttivi, iżda għax l-impriżi li huma aktar effiċjenti u avvanzati teknoloġikament jikbru għad-detriment ta' dawk li huma anqas effiċjenti jew li għandhom prodotti antikwati. Il-ħruġ mis-suq ta' impriżi li huma anqas effiċjenti jipperemetti lill-kompetituri tagħhom li jkunu aktar effiċjenti biex jikbru u jirritornaw l-assi fis-suq, fejn ikunu jistgħu jiġu applikati għal użi aktar produttivi. Bl-interferenza tagħha f'dan il-proċess, l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar tista' xxekkel b'mod sinifikanti t-tkabbir ekonomiku fis-setturi kkonċernati.

    (7)

    Meta partijiet minn impriża f'diffikultà jibqgħu essenzjalment vijabbli, l-impriża tista' twettaq ristrutturar li jwassal biex din toħroġ minn ċerti attivitajiet li strutturalment jagħmlu t-telf u li jippermetti li l-attivitajiet li jifdal jiġu organizzati mill-ġdid fuq bażi li tagħti prospett raġonevoli ta' vijabbiltà fit-tul. Ristrutturar bħal dan ġeneralment għandu jkun possibbli mingħajr għajnuna mill-Istat, permezz ta' ftehimiet ma' kredituri jew permezz ta' proċeduri ta' insolvenza jew ta' riorganizzazzjoni. Il-liġi moderna tal-insolvenza għandha tgħin lill-kumpaniji sodi jissoppravivu, tgħin biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi u tippermetti lill-fornituri biex iżommu l-klijenti tagħhom, u tippermetti lis-sidien iżommu l-valur f'kumpaniji vijabbli (9). Il-proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jwasslu wkoll biex impriża vijabbli terġa' tidħol fis-suq permezz ta' akkwiżizzjoni minn partijiet terzi, sew jekk tal-impriża bħala negozju avvjat jew tal-assi varji tal-produzzjoni tagħha.

    (8)

    Konsegwentement, l-impriżi għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat biss meta dawn ikunu eżawrixxew l-għażliet kollha tas-suq, u fejn tali għajnuna tkun neċessarja biex jintlaħaq objettiv ta' interess komuni definit sew. Skont dawn il-linji gwida, l-impriżi għandhom jitħallew jirċievu l-għajnuna darba biss fi żmien għaxar snin (il-prinċipju ‘tal-ewwel u l-aħħar darba’).

    (9)

    Tħassib ieħor huwa l-problema ta' periklu morali maħluqa mill-għajnuna mill-Istat. L-impriżi li jantiċipaw li x'aktarx jiġu salvati meta jiltaqgħu mad-diffikultajiet, jistgħu japplikaw strateġiji ta' negozju li huma riskjużi żżejjed u mhux sostenibbli. Barra minn hekk, il-prospett tal-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar għal impriża partikolari jista' jnaqqas b'mod artifiċjali l-kost tal-kapital tagħha, u b'hekk din tingħata vantaġġ kompetittiv mhux xieraq fis-suq.

    (10)

    L-għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati l-impriżi f'diffikultà, tista' ddgħajjef ukoll is-suq intern billi tittrasferixxi proporzjon mhux ġust mill-piż tal-aġġustament strutturali u l-problemi soċjali u ekonomiċi assoċjati fuq Partijiet Kontraenti oħrajn. Fiha nnifisha din mhix ħaġa mixtieqa u tista' tagħti lok għal tellieqa ta' ħela għas-sussidju fost l-Partijiet Kontraenti. Għajnuna bħal din tista' twassal ukoll għall-ħolqien ta' ostakli għad-dħul u tpoġġi f'periklu l-inċentivi għall-attivitajiet transfruntieri, kontra l-objettivi tas-suq intern.

    (11)

    Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna tingħata biss meta jkun hemm kundizzjonijiet li jimmitigaw l-effetti ta' ħsara potenzjali tagħha u jippromwovu nefqa pubblika effikaċi. Fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar, ir-rekwiżiti dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà, il-kontribuzzjoni proprja u l-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni wrew kemm huma validi biex jittaffew l-effetti potenzjali ta' ħsara ta' din l-għajnuna. Dawn jibqgħu japplikaw skont dawn il-linji gwida, adattati kif ikun meħtieġ sabiex tiġi kkunsidrata l-esperjenza reċenti tal-Awtorità. Il-kunċett tal-kondiviżjoni tal-piżijiet ġie introdott, inter alia, sabiex jindirizza aħjar il-kwistjoni tar-riskju morali. Fil-każ tal-għajnuna għas-salvataġġ u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar, l-effetti potenzjali ta' ħsara jiġu mmitigati permezz ta' restrizzjonijiet fuq it-tul iż-żmien li għalih tingħata l-għajnuna u l-forma tal-għajnuna.

    (12)

    Meta l-għajnuna tieħu forma ta' assistenza għal-likwidità li tkun limitata kemm fl-ammont u kemm fit-tul taż-żmien li għalih tingħata, it-tħassib dwar l-effetti ta' ħsara potenzjali tagħha jonqos ħafna, u dan jippermetti li din tiġi approvata b'kundizzjonijiet anqas stretti. Filwaqt li għajnuna bħal din, fil-prinċipju, tista' tintuża biex tappoġġja proċess sħiħ ta' ristrutturar, il-limitazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ għal perjodu ta' sitt xhur tfisser li dan jiġri rarament; minflok, għajnuna għas-salvataġġ hija ġeneralment segwita minn għajnuna għar-ristrutturar.

    (13)

    Biex jitħeġġeġ l-użu ta' forom anqas distortivi ta' għajnuna, dawn il-linji gwida jintroduċu kunċett ġdid ta' ‘appoġġ temporanju għar-ristrutturar’. L-istess bħall-għajnuna għas-salvataġġ, l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista' jsir biss f'forma ta' assistenza għal-likwidità li tkun limitata kemm fl-ammont kif ukoll fit-tul ta' żmien. Madankollu, sabiex din tkun tista' tappoġġja l-proċess kollu ta' ristrutturar, it-tul massimu ta' appoġġ temporanju għar-ristrutturar huwa ta' 18-il xahar. L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista' jingħata biss lill-SMEs (10) u lil impriżi pubbliċi iżgħar (11), li jaffaċċjaw sfidi akbar minn dawk tal-impriżi l-kbar rigward l-aċċess għal-likwidità.

    (14)

    Meta l-għajnuna lill-fornituri ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (‘SIEĠ’) f'diffikultà taqa' taħt dawn il-linji gwida, il-valutazzjoni għandha titwettaq skont il-prinċipji standard tal-linji gwida. Madankollu, l-applikazzjoni speċifika ta' dawn il-prinċipji għandha tiġi adattata fejn ikun neċessarju biex tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tas-SIEĠ, u b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità tal-għoti tas-servizz skont l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE.

    (15)

    Fil-kundizzjonijiet preżenti ta' kapaċità żejda sinifikanti fl-Ewropa u fid-dinja, l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi tal-azzar mhix ġustifikata. Is-settur tal-azzar għandu, għaldaqstant, jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida.

    (16)

    Fl-Unjoni Ewropea, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE (12) tistipula l-kundizzjonijiet li skonthom tista' tingħata għajnuna soċjali, ambjentali u għall-operat sal-2027, għall-produzzjoni fis-settur tal-faħam li ma tkunx kompetittiva (13) Ir-regoli attwali jsegwu regoli speċifiċi għal setturi preċedenti applikati bejn l-2002 u l-2010 (14) u l-1993 u l-2002 (15), li ffaċilitaw ir-ristrutturar ta' impriżi mhux kompetittivi fis-settur tal-faħam. Bħala riżultat, u minħabba l-bżonn persistenti li jingħata appoġġ għall-aġġustament strutturali tal-produzzjoni tal-faħam fl-Unjoni, ir-regoli attwali huma aktar stretti minn dawk preċedenti u jirrikjedu l-waqfien permanenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-produzzjoni megħjuna tal-faħam, kif ukoll l-għeluq definittiv ta' unitajiet tal-produzzjoni li ma jkunux kompetittivi sal-31 ta' Diċembru 2018 l-aktar tard. Fl-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli, diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea adottaw u qed jimplimentaw pjanijiet li jwasslu għall-għeluq definittiv tal-minjieri tal-faħam li jkunu f'diffikultà u li jkunu operati minn impriżi f'dan is-settur (16). L-Awtorità tinnota li d-Deċiżjoni 2010/787/UE ma tapplikax għall-Istati taż-ŻEE/EFTA. L-Awtorità ddeċidiet li teskludi s-settur tal-faħam mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida, minħabba l-karatteristiċi speċjali tiegħu.

    (17)

    L-esperjenza tal-Awtorità rigward is-salvataġġ u r-ristrutturar tal-istituzzjonijiet finanzjarji waqt il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li regoli speċifiċi applikabbli għas-settur finanzjarju jistgħu jkunu ta' benefiċċju minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq finanzjarji. L-impriżi koperti minn regoli speċifiċi għas-settur finanzjarju huma għalhekk esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida.

    2.   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-linji gwida

    2.1.   Il-kamp ta' applikazzjoni settorjali

    (18)

    L-Awtorità se tapplika dawn il-linji gwida għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi kollha li huma f'diffikultà, minbarra dawk li joperaw fis-settur tal-faħam (17) jew fis-settur tal-azzar (18), u dawk koperti mir-regoli speċifiċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji (19), mingħajr ħsara għal xi regola speċifika assoċjata ma' impriżi li jkunu qed jaffaċċjaw diffikultajiet f'settur partikolari (20).

    2.2.   Il-kamp ta' applikazzjoni materjali: It-tifsira ta' ‘impriża f'diffikultà’

    (19)

    Parti Kontraenti li tipproponi li tagħti għajnuna lil impriża skont dawn il-linji gwida trid turi abbażi ta' raġunijiet oġġettivi li l-impriża kkonċernata tinsab f'diffikultà skont it-tifsira ta' din it-taqsima, u tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar fil-punt 29.

    (20)

    Għall-finijiet ta' dawn il-linji gwida, impriża tkun ikkunsidrata li hija f'diffikultà meta, mingħajr l-intervent tal-Istat, tkun kważi ċertament ikkundannata li tagħlaq l-operat tagħha fit-terminu taż-żmien qasir jew medju. Għaldaqstant, impriża tkun ikkunsidrata li qiegħda f'diffikultà jekk ikun hemm tal-inqas waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

    (a)

    Fil-każ ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata (21), meta aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt (22) tagħha jkun sparixxa minħabba telf akkumulat. Dan hu l-każ meta t-tnaqqis ta' telf akkumulat minn riżervi (u l-elementi kollha l-oħra ġeneralment ikkunsidrati bħala parti mill-fondi proprji tal-kumpanija) iwassal għal ammont kumulattiv li jaqbeż nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt.

    (b)

    Fil-każ ta' kumpanija fejn tal-anqas ċerti membri jkollhom responsabbiltà mhux limitata għad-dejn tal-kumpanija (23), fejn aktar minn nofs il-kapital tagħha kif jidher fil-kontijiet tal-kumpanija jkun sparixxa b'riżultat tat-telf akkumulat.

    (c)

    Meta l-impriża tkun suġġetta għal proċedimenti ta' insolvenza kollettivi jew tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha biex titqiegħed fi proċedimenti ta' insolvenza kollettivi fuq talba tal-kredituri tagħha.

    (d)

    Fil-każ ta' intrapriża li mhijiex SME, fejn fl-aħħar sentejn:

    i.

    id-dejn kontabilistiku tal-impriża meta mqabbel mal-proporzjon ta' ekwità jkun akbar minn 7,5 u

    ii.

    il-proporzjon tal-kopertura tal-imgħax tal-EBITDA tal-impriża jkun taħt il-1,0.

    (21)

    Impriża li tkun għada kif inħolqot ma tkunx eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, anki jekk il-pożizzjoni finanzjarja inizjali tagħha ma tkunx sikura. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta impriża ġdida tinħoloq mil-likwidazzjoni ta' impriża preċedenti jew sempliċement tieħu l-assi ta' dik l-impriża. Fil-prinċipju, impriża tkun ikkunsidrata bħala waħda maħluqa reċentement għall-ewwel tliet snin wara l-bidu tal-operat tagħha fil-qasam ta' attività relevanti. Huwa biss wara dan il-perjodu li din issir eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, sakemm:

    (a)

    tikkwalifika bħala impriża f'diffikultà skont dawn il-linji gwida, u

    (b)

    ma tkunx tifforma parti minn grupp ta' negozji akbar (24) jekk mhux skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 22.

    (22)

    Kumpanija li tagħmel parti minn grupp ta' negozji akbar jew li tkun ser tiġi akkwistata minn grupp ta' negozji akbar, normalment ma tkunx eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, ħlief fejn ikun jista' jintwera li d-diffikultajiet tal-kumpanija jkunu intrinsiċi u ma jkunux ir-riżultat ta' allokazzjoni arbitrarja tal-kostijiet fil-grupp, u li d-diffikultajiet ikunu serji wisq biex jiġu indirizzati mill-grupp innifsu. Fejn kumpanija f'diffikultà toħloq sussidjarja, is-sussidjarja, flimkien mal-kumpanija f'diffikultà li tikkontrollaha, jiġu kkunsidrati bħala grupp u jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-punt.

    (23)

    Minħabba li l-eżistenza nnifisha tal-impriża tkun ipperikolata, impriża f'diffikultà ma tistax tkun ikkunsidrata bħala mezz adattat għall-promozzjoni ta' objettivi oħrajn ta' politika pubblika, sakemm il-vijabbiltà tagħha tiġi żgurata. Konsegwentement, l-Awtorità tikkunsidra li l-għajnuna għall-impriżi f'diffikultà tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi mingħajr ma taffettwa ħażin il-kummerċ sal-punt li jmur kontra l-interess komuni, dejjem jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawn il-linji gwida jiġu ssodisfati, anki jekk din l-għajnuna tingħata skont skema li diġà tkun ġiet awtorizzata.

    (24)

    Għadd ta' regolamenti u komunikazzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u f'oqsma oħra, għaldaqstant, jipprojbixxu lill-impriżi f'diffikultà milli jirċievi l-għajnuna. Għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti u l-komunikazzjonijiet, u sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fihom:

    (a)

    ‘impriżi f'diffikultà’ jew ‘ditti f'diffikultà’ għandhom jiġu interpretati bħala impriżi f'diffikultà skont il-punt 20 ta' dawn il-linji gwida, u

    (b)

    SME li tkun ilha li twaqqfet anqas minn tliet snin ma tiġix ikkunsidrata li hija f'diffikultà jekk ma tissodisfax il-kundizzjoni stipulata fil-punt 20(c).

    2.3.   L-għajnuna għas-salvataġġ, l-għajnuna għar-ristrutturar u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar

    (25)

    Dawn il-linji gwida jittrattaw tliet tipi ta' għajnuna: għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar u appoġġ temporanju għar-ristrutturar.

    (26)

    L-għajnuna għas-salvataġġ min-natura tagħha hija għajnuna urġenti u temporanja. L-objettiv prinċipali tagħha huwa li impriża li jkollha l-problemi tinżamm vijabbli għal dak iż-żmien qasir meħtieġ sakemm jitfassal pjan ta' ristrutturar jew ta' likwidazzjoni. Il-prinċipju ġenerali huwa li l-għajnuna għas-salvataġġ tippermetti li jingħata appoġġ temporanju lill-impriża li tkun qed taffaċċja deterjorament serju fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li tinvolvi kriżi ta' likwidazzjoni akuta jew ta' insolvenza teknika. Appoġġ temporanju bħal dan għandu jippermetti li jkun hemm żmien biex jiġu analizzati ċ-ċirkostanzi li jkunu kkawżaw id-diffikultajiet u biex jiġi żviluppat pjan xieraq biex jiġu rrimedjati dawn id-diffikultajiet.

    (27)

    L-għajnuna għar-ristrutturar ħafna drabi tinvolvi assistenza aktar permanenti, u tkun trid terġa' ġġib lill-benefiċjarju vijabbli fuq terminu twil abbażi ta' pjan ta' ristrutturar fattibbli, koerenti u li jestendi 'l bogħod, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti li jkun hemm il-kontribuzzjoni proprja u l-qsim tal-piżijiet adegwati, u tillimita d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni.

    (28)

    L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar huwa għajnuna ta' likwidità maħsuba biex tappoġġja r-ristrutturar ta' impriża billi jingħataw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-benefiċjarju jkun jista' jfassal u jimplimenta azzjoni xierqa biex terġa' tinkiseb il-vijabbiltà fit-tul. L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista' jingħata biss lill-SMEs u lil impriżi pubbliċi iżgħar.

    (29)

    B'deroga mill-punt 19, l-għajnuna għas-salvataġġ kif ukoll, fil-każ ta' SMEs u impriżi pubbliċi iżgħar, l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista' jingħata wkoll lil impriżi li mhumiex f'diffikultà skont it-tifsira tal-punt 20, li madankollu jkollhom ħtieġa ta' likwidità akuta minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevisti.

    2.4.   L-għajnuna biex jiġu koperti l-kostijiet soċjali għar-ristrutturar

    (30)

    Ir-ristrutturar normalment jimplika t-tnaqqis jew l-abbandun tal-attivitajiet affettwati. Tnaqqis bħal dan ħafna drabi jkun neċessarju fl-interess tar-razzjonalizzazzjoni u l-effiċjenza, pjuttost differenti minn kull tnaqqis fil-kapaċità li jista' jkun meħtieġ bħala kundizzjoni biex tingħata l-għajnuna. Irrelevanti mir-raġunijiet sottostanti, miżuri bħal dawn ġeneralment iwasslu għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol tal-benefiċjarju.

    (31)

    Il-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti dwar ix-xogħol tista' tinkludi skemi tas-sigurtà soċjali li skonthom ċerti benefiċċji jitħallsu direttament lill-impjegati li jkunu ngħataw is-sensja. Skemi bħal dawn ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna tal-Istat li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE.

    (32)

    Minbarra dawn il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-impjegati, l-iskemi ġenerali tal-appoġġ soċjali jipprevedu li l-gvern għandu jkopri l-kost tal-benefiċċji li impriża tagħti lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja u li jmorru lil hinn mill-obbligi statutorji jew kuntrattwali tagħha. Fejn tali skemi jkunu disponibbli ġeneralment mingħajr limitazzjonijiet settorjali għal kull ħaddiem li jissodisfa kundizzjonijiet ta' eleġibbiltà predifiniti u awtomatiċi, dawn ma jitqisux li jinvolvu għajnuna skont l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE għall-impriżi li jkunu qed iwettqu r-ristrutturar. Min-naħa l-oħra, jekk l-iskemi jintużaw biex jiġi appoġġjat ir-ristrutturar f'industriji partikolari, jista' jkun li jinvolvu l-għajnuna minħabba l-mod selettiv kif jintużaw (25).

    (33)

    L-obbligi li tidħol għalihom impriża skont il-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi jew il-ftehimiet kollettivi mat-trejdunjins biex jingħataw ċerti benefiċċji lill-ħaddiema ssensjati bħalma huma l-pagamenti tas-sensji jew il-miżuri sabiex tiżdied l-impjegabilità tagħhom, huma parti mill-kostijiet normali tan-negozju li impriża jkollha tħallas mir-riżorsi tagħha stess. Minħabba dan, kull kontribuzzjoni mill-Istat għal dawn il-kostijiet għandha titqies bħala għajnuna. Dan huwa minnu sew jekk il-pagamenti jsiru direttament lill-impriża u sew jekk dawn jiġi amministrati lill-impjegati permezz ta' aġenzija tal-gvern.

    (34)

    L-Awtorità ma għandhiex oġġezzjoni a priori għal meta għajnuna bħal din tingħata lil impriża f'diffikultà, billi din iġġib benefiċċji ekonomiċi li jmorru lil hinn mill-interessi tal-impriża kkonċernata, tiffaċilita l-bidla strutturali u tnaqqas it-tbatija.

    (35)

    Minbarra l-għoti ta' appoġġ finanzjarju dirett, din l-għajnuna ġeneralment tingħata b'rabta ma' skema ta' ristrutturar partikolari għat-taħriġ, l-għoti tal-pariri u l-għajnuna prattika sabiex jinstab impjieg alternattiv, l-għajnuna għar-rilokazzjoni, u t-taħriġ professjonali, kif ukoll għajnuna għall-impjegati li jkunu jixtiequ jibdew negozju ġdid. Minħabba li dawn il-miżuri, li jżidu l-impjegabilità tal-ħaddiema ssensjati, ikomplu jilħqu l-objettiv biex it-tbatija soċjali tonqos, l-Awtorità b'mod konsistenti taqbel ma' din it-tip ta' għajnuna meta tingħata lil impriżi f'diffikultà.

    3.   Kompatibbiltà mal-funzjonament tal-ftehim ŻEE

    (36)

    Iċ-ċirkostanzi li skonthom l-għajnuna mill-Istat lil impriżi f'diffikultà tkun tista' tiġi approvata bħala kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE huma stipulati fl-Artikolu 61(2) u (3) tal-Ftehim ŻEE. Skont l-Artikolu 61(3)(c), l-Awtorità għandha s-setgħa tawtorizza ‘għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi (…) dejjem jekk din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tkun kuntrarja għall-interess komuni’. B'mod partikolari, dan jista' jkun il-każ fejn l-għajnuna tkun meħtieġa biex tirrimedja d-differenzi kkawżati minn nuqqasijiet tas-suq jew biex tiżgura koeżjoni ekonomika u soċjali.

    (37)

    Miżuri ta' għajnuna favur impriżi kbar iridu jiġu nnotifikati individwalment lill-Awtorità. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Awtorità tista' tawtorizza skemi għal ammonti iżgħar ta' għajnuna għal SMEs u impriżi pubbliċi iżgħar: dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fil-Kapitolu 6 (26).

    (38)

    Fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-għajnuna nnotifikata tkunx tista' titqies bħala kumpatibbli mal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ser tikkunsidra jekk ikunx intlaħaq kull wieħed minn dawn il-kriterji:

    (a)

    kontribut għal objettiv definit sew ta' interess komuni: miżura ta' għajnuna mill-Istat trid timmira għal objettiv ta' interess komuni skont l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim ŻEE (it-Taqsima 3.1).

    (b)

    ħtieġa ta' intervent mill-Istat: miżura ta' għajnuna mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjoni fejn l-għajnuna tista' ġġib titjib materjali li s-suq innifsu ma jkunx jista' jikseb, pereżempju billi jiġi rrimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni (it-Taqsima 3.2).

    (c)

    l-adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna: l-adegwatezza tal-miżura ta' għajnuna ma tiġix ikkunsidrata kumpatibbli jekk miżuri oħra li jikkawżaw inqas xkiel jippermettu li jintlaħaq l-istess objettiv (it-Taqsima 3.3).

    (d)

    l-effett tal-inċentiv: irid jintwera li fin-nuqqas ta' għajnuna, il-benefiċjaru kien se jiġi ristrutturat, mibjugħ jew magħluq b'tali mod li ma kienx jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni (it-Taqsima 3.4).

    (e)

    proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu): l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-minimu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni (it-Taqsima 3.5).

    (f)

    l-evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti: l-effetti negattivi tal-għajnuna jridu jkunu limitati suffiċjentement biex il-bilanċ kumplessiv tal-miżura jkun pożittiv (it-Taqsima 3.6).

    (g)

    it-trasparenza tal-għajnuna: il-Partijiet Kontraenti, l-Awtorità, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku jrid ikollhom aċċess faċli għall-atti relevanti u l-informazzjoni pertinenti kollha dwar l-għajnuna mogħtija (it-Taqsima 3.7).

    (39)

    Jekk xi wieħed mill-kriterji ta' hawn fuq ma jintlaħaqx, l-għajnuna ma tkunx ikkunsidrata bħala kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    (40)

    Il-bilanċ totali ta' ċerti kategoriji ta' skemi jista' jkun suġġett ukoll għal rekwiżit ta' evalwazzjoni ex post, kif inhu deskritt fil-punti 118, 119 u 120 ta' dawn il-linji gwida.

    (41)

    Barra minn hekk, jekk miżura ta' għajnuna jew il-kundizzjonijiet marbutin magħha (inkluż il-metodu tagħha ta' finanzjament meta dan ikun parti integrali mill-miżura ta' għajnuna) jimplikaw il-ksur indiviżibbli tal-liġi taż-ŻEE, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata li hi kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (27).

    (42)

    F'dan il-kapitolu, l-Awtorità tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom tivvaluta kull wieħed mill-kriterji msemmija fil-punt 38.

    3.1.   Kontribut għal objettiv ta' interess komuni

    (43)

    Minħabba l-importanza li għandu l-ħruġ mis-suq fil-proċess tat-tkabbir tal-produttività, is-sempliċi fatt li impriża tiġi impeduta milli toħroġ mis-suq ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-għajnuna. Għandha tingħata evidenza ċara li l-għajnuna għandha objettiv ta' interess komuni, bl-għan li tipprevjeni t-tbatija soċjali jew tindirizza l-falliment fis-suq (it-Taqsima 3.1.1) billi terġa' tintroduċi l-vijabbiltà fit-tul tal-impriża (it-Taqsima 3.1.2).

    3.1.1.   It-turija tat-tbatija soċjali jew ta' falliment tas-suq

    (44)

    Il-Partijiet Kontraenti jridu juru li l-falliment tal-benefiċjarju x'aktarx ikun jinvolvi tbatija soċjali serja jew il-falliment gravi tas-suq, b'mod partikolari billi juru li:

    (a)

    ir-rata tal-qgħad fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati (fil-livell II tal-NUTS) hija jew:

    i.

    ogħla mill-medja taż-ŻEE, persistenti u akkumpanjata mid-diffikultà biex jinħolqu impjiegi ġodda fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati, jew

    ii.

    ogħla mill-medja nazzjonali, persistenti u akkumpanjata mid-diffikultà biex jinħolqu impjiegi ġodda fir-reġjun(i) ikkonċernat(i);

    (b)

    ikun hemm ir-riskju ta' tħarbit f'servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat u fejn ikun diffiċli għal kwalunkwe kompetitur biex sempliċement jinvolvi ruħu (pereżempju, fornitur ta' infrastruttura nazzjonali);

    (c)

    il-ħruġ ta' impriża li għandha rwol sistemiku importanti f'reġjun jew f'settur partikolari jista' jkollu konsegwenzi negattivi potenzjali (pereżempju bħala fornitur ta' input importanti);

    (d)

    hemm ir-riskju ta' interruzzjoni fil-kontinwità tal-għoti tas-SIEĠ;

    (e)

    il-falliment jew l-inċentivi avversi tas-swieq tal-kreditu jġiegħlu impriża, li altrimenti tkun vijabbli, biex tfalli;

    (f)

    il-ħruġ tal-impriża kkonċernata mis-suq twassal għal telf mingħajr rimedju ta' għarfien jew għarfien espert tekniku importanti; jew

    (g)

    jinħolqu sitwazzjonijiet simili ta' tbatija severa debitament issostanzjati mill-Parti Kontratenti kkonċernata.

    3.1.2.   Il-pjan ta' ristrutturar u r-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul

    (45)

    L-għajnuna ta' ristrutturar fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida ma tistax tkun limitata għal għajnuna finanzjarja biex tpatti għat-telf passat mingħajr ma jiġu indirizzati r-raġunijiet għal dak it-telf. Fil-każ tal-għajnuna għar-ristrutturar, għaldaqstant, l-Awtorità titlob lill-Parti Kontraenti kkonċernata tippreżenta pjan ta' ristrutturar fattibbli, koerenti u estensiv sabiex il-benefiċjarju jerġa' jibda jgawdi minn vijabbiltà fit-tul (28). Ir-ristrutturar jista' jinvolvi wieħed jew iktar minn dawn l-elementi: ir-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-benefiċjarju fuq bażi aktar effiċjenti, li tipikament jinvolvu l-irtirar minn attivitajiet li jagħmlu t-telf, ir-ristrutturar tal-attivitajiet eżistenti li jkunu jistgħu jerġgħu jsiru kompetittivi u, possibbilment, id-diversifikazzjoni lejn attivitajiet ġodda u vijabbli. Tipikament dan jinvolvi wkoll ristrutturar finanzjarju f'forma ta' injezzjonijiet ta' kapital minn azzjonisti ġodda jew eżistenti u t-tnaqqis tad-dejn minn kredituri eżistenti.

    (46)

    L-għajnuna għandha tingħata bil-kundizzjoni li jiġi implimentat pjan ta' ristrutturar, li jrid ikun approvat mill-Awtorità fil-każijiet kollha ta' għajnuna ad hoc.

    (47)

    Il-pjan ta' ristrutturar jrid iġib lill-benefiċjarju vijabbli għal terminu twil fi żmien raġonevoli u abbażi ta' previżjonijiet realistiċi fir-rigward ta' kundizzjonijiet futuri ta' operat li għandhom jeskludu kull għajnuna ulterjuri mill-Istat li ma tkunx koperta mill-pjan ta' ristrutturar. Il-perjodu ta' ristrutturar għandu jkun qasir kemm jista' jkun. Il-pjan ta' ristrutturar irid ikun ippreżentat bid-dettalji relevanti kollha lill-Awtorità u jrid jinkludi, b'mod partikolari, l-informazzjoni stipulata f'din it-taqsima (3.1.2).

    (48)

    Il-pjan ta' ristrutturar irid jidentifika x'qed jikkawża d-diffikultajiet tal-benefiċjarju u d-dgħufijiet tal-benefiċjarju nnifsu, u juri kif il-miżuri ta' ristrutturar proposti jirrimedjaw il-problemi sottostanti tal-benefiċjarju.

    (49)

    Il-pjan ta' ristrutturar irid jipprovdi informazzjoni dwar il-mudell tan-negozju tal-benefiċjarju, filwaqt li juri kif il-pjan se jindirizza l-vijabbiltà fit-tul tiegħu. Dan għandu jinkludi, b'mod partikolari, informazzjoni dwar l-istruttura organizzazzjonali tal-benefiċjarju, il-finanzjament, il-governanza korporattiva u l-aspetti relevanti l-oħra kollha. Il-pjan ta' ristrutturar għandu jivvaluta jekk id-diffikultajiet tal-benefiċjarju setgħux ġew evitati permezz ta' azzjoni ta' ġestjoni adegwata u f'waqtha u, fejn dan ikun il-każ, għandu juri li jkunu saru l-bidliet neċessarji fil-ġestjoni. Meta d-diffikultajiet tal-benefiċjarju jirriżultaw minn difetti fil-mudell tan-negozju tiegħu jew mis-sistema ta' governanza korporattiva, jeħtieġ li jsiru l-bidliet adegwati.

    (50)

    Ir-riżultati mistennija tar-ristrutturar ippjanat għandhom jintwerew skont xenarju ta' referenza kif ukoll skont xenarju pessimistiku (jew tal-agħar każ). Għal dan il-għan, il-pjan ta' ristrutturar għandu jikkunsidra, inter alia, l-istat attwali u l-prospetti futuri tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-prodott relevanti u l-fatturi prinċipali tal-ispejjeż tal-industrija, filwaqt li jkun jirrifletti s-suppożizzjonijiet bażiċi ta' referenza u ta' xenarju avvers, kif ukoll il-preġji u d-dgħufijiet speċifiċi tal-benefiċjarju. Is-suppożizzjonijiet għandhom jitqabblu ma' parametri referenzjarji xierqa li huma komuni għas-settur kollu u, fejn ikun adegwat, għandhom jiġu adattati biex jaqdu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiżi u tas-setturi. Il-benefiċjarju għandu jipprovdi stħarriġ tas-suq u analiżi tas-sensittività li jidentifikaw il-parametri li jimmotivaw il-prestazzjoni tal-benefiċjarju u l-fatturi tar-riksju prinċipali għall-ġejjieni.

    (51)

    Ir-ritorn tal-benefiċjarju lejn il-vijabbiltà għandu jirriżulta prinċipalment minn miżuri interni, li jimplikaw b'mod partikolari l-irtirar minn attivitajiet li jibqgħu strutturalment jagħmlu t-telf fuq terminu medju. Ir-ritorn lejn il-vijabbiltà ma jridx dipendenti fuq suppożizzjonijiet ottimistiċi dwar fatturi esterni bħall-varjazzjoni fil-prezzijiet, id-domanda jew il-provvista ta' riżorsi skarsi, u lanqas ma jista' jintrabat mal-prestazzjoni tal-benefiċjarju li tisboq lil dik tas-suq u tal-kompetituri tiegħu, jew li l-benefiċjarju jidħol u jespandi f'attivitajiet ġodda fejn ma jkollux esperjenza u lanqas rekord ta' prestazzjoni (sakemm dan ma jiġix iġġustifikat adegwatament u jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' diversifikazzjoni u vijabbiltà).

    (52)

    Il-vijabbiltà fit-tul tintlaħaq meta impriża tkun tista' tagħti r-redditu adegwat previst fuq il-kapital wara li tkun kopriet il-kostijiet kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-imposti finanzjarji. L-impriża ristrutturata għandha tkun tista' tikkompeti fis-suq bil-merti tagħha stess.

    3.2.   Il-bżonn għal intervent mill-Istat

    (53)

    Il-Partijiet Kontraenti li jkun biħsiebhom jagħtu għajnuna għar-ristrutturar għandhom jipprovdu paragun ma' xenarju alternattiv kredibbli li ma jinvolvix l-għajnuna mill-Istat, fejn juru kif l-objettiv jew l-objettivi relevanti fit-taqsima 3.1.1 ma jintlaħqux, jew jintlaħqu b'mod inqas sodisfaċenti, fil-każ ta' dan ix-xenarju alternattiv. Xenarji bħal dawn jistgħu pereżempju jinkludu r-riorganizzazzjoni tad-dejn, il-bejgħ tal-assi, il-ġbir privat tal-kapital, il-bejgħ lil kompetitur jew ix-xoljiment, f'kull każ jew permezz ta' proċedura ta' insolvenza jew ta' riorganizzazzjoni jew mod ieħor.

    3.3.   L-adegwatezza

    (54)

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-għajnuna tingħata f'forma li tippermetti li l-objettiv jintlaħaq bl-anqas distorsjoni possibbli. Fil-każ ta' impriżi f'diffikultà, dan jista' jintlaħaq billi jiġi żgurat li l-għajnuna tingħata fil-forma li hija adegwata sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tal-benefiċjarju u li jiġi rimunerat b'mod xieraq. Din it-taqsima tistipula r-rekwiżiti li għandu jkun hemm konformità magħhom sabiex jintwera li miżura ta' għajnuna hija xierqa.

    3.3.1.   Għajnuna għas-salvataġġ

    (55)

    Sabiex tiġi approvata mill-Awtorità, l-għajnuna għas-salvataġġ trid tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    trid tikkonsisti minn appoġġ temporanju ta' likwidità f'forma ta' garanziji ta' self jew ta' self;

    (b)

    il-kost finanzjarju tas-self jew, fil-każ tal-garanziji ta' self, il-kost finanzjarju totali tas-self garantit, inkluża r-rata ta' interess tas-self u l-primjum tal-garanzija, iridu jkunu konformi mal-punt 56.

    (c)

    ħlief għal meta hu speċifikat mod ieħor fil-punt (d) hawn taħt, kull self irid jiġi rimborżat u kull garanzija għandha tintemm f'perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur wara l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju.

    (d)

    il-Partijiet Kontraenti jridu jieħdu l-impenn li jikkomunikaw mal-Awtorità, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-miżura ta' għajnuna għas-salvataġġ tkun ġiet awtorizzata jew, fil-każ ta' għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju;

    i.

    prova li s-self ikun ġie rimborżat totalment u/jew li l-garanzija tkun twaqqfet; jew

    ii.

    kemm-il darba l-benefiċjarju jikwalifika bħala impriża f'diffikulta (u mhux biss jiffaċċja bżonnijiet akuti ta' likwidità fiċ-ċirkustanzi previsti fil-punt 29 hawn fuq), pjan ta' ristrutturar kif stabbilit fit-Taqsima 3.1.2; mal-preżentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ tiġi estiża awtomatikament sakemm l-Awtorità tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dwar il-pjan ta' ristrutturar, dejjem jekk l-Awtorità ma tiddeċidix li estensjoni bħal din mhix iġġustifikata jew għandha tkun limitata fiż-żmien jew fil-kamp ta' applikazzjoni; ladarba pjan ta' ristrutturar li għalih tkun ġiet mitluba l-għajnuna jkun twettaq u qed jiġi implimentat, kull għajnuna ulterjuri ser titqies bħala għajnuna għar-ristrutturar; jew

    iii.

    pjan ta' likwidazzjoni li jistabbilixxi b'mod sostanzjat il-passi li jwasslu għal-likwidazzjoni tal-benefiċjarju f'qafas raġonevoli ta' żmien mingħajr għajnuna ulterjuri.

    (e)

    L-għajnuna għas-salvataġġ ma tistax tintuża biex tiffinanzja miżuri strutturali, bħall-akkwist sinifikanti ta' negozji jew assi, sakemm ma jkunux meħtieġa għal waqt il-perjodu ta' salvataġġ għas-soppravivenza tal-benefiċjarju.

    (56)

    Il-livell ta' rimunerazzjoni li benefiċjarju jrid iħallas għall-għajnuna għas-salvataġġ għandu jirrifletti l-affidabbiltà kreditizja sottostanti tal-benefiċjarju, mingħajr kunsiderazzjoni tal-effetti temporanji kemm tad-diffikultajiet ta' likwidità u kemm tal-appoġġ mill-Istat, u għandu jipprovdi inċentivi għall-benefiċjarju biex iħallas lura l-għajnuna mill-aktar fis possibbli. L-Awtorità għaldaqstant tirrikjedi li r-remunerazzzjoni tiġi stabbilita għal rata ta' mhux inqas mir-rata ta' referenza stipulata fil-Linji Gwida dwar ir-Rata ta' Referenza (29) għal impriżi dgħajfin li joffru livelli normali ta' kollateralizzazzjoni (bħalissa IBOR ta' sena flimkien ma' 400 punt bażi) (30) u li għandha tiżdied b'mill-inqas 50 punt bażi għall-għajnuna għas-salvataġġ li l-awtorizzazzjoni tagħhom tingħata skont il-punt 55(d)ii.

    (57)

    Meta jkun hemm evidenza li din ir-rata identifikata fil-punt 56 ma tirrappreżentax punt ta' riferiment adegwat, pereżempju fejn din tvarja b'mod sostanzjali mill-ipprezzar tas-suq ta' strumenti simili li jkunu nħarġu reċentement mill-benefiċjarju, l-Awtorità tista' tadatta l-livell meħtieġ ta' remunerazzjoni skont kif ikun adegwat.

    3.3.2.   Għajnuna għar-ristrutturar

    (58)

    Il-Partijiet Kontraenti huma liberi li jagħżlu taħt liema forma l-għajnuna għar-ristrutturar tingħata. Madankollu, meta jagħmlu dan, huma għandhom jiżguraw li l-istrument magħżul ikun xieraq biex jindirizza l-kwistjoni prevista. B'mod partikolari, l-Partijiet Kontraenti għandhom jivvalutaw jekk il-problemi tal-benefiċjarji jkunux marbutin mal-likwidità jew mas-solvenza u jagħżlu l-istrumenti xierqa biex jindirizzaw il-problemi identifikati. Pereżempju, fil-każ ta' problemi ta' solvenza, iż-żieda fl-assi permezz tar-rikapitalizzazzjoni tista' tkun adegwata, filwaqt li f'sitwazzjoni fejn il-problemi jkunu prinċipalment relatati mal-likwidità, l-għajnuna permezz tas-self jew ta' garanziji ta' self tista' tkun biżżejjed.

    3.4.   Effett ta' inċentiv

    (59)

    Il-Partijiet Kontraenti li jkun biħsiebhom jagħtu għajnuna għar-ristrutturar iridu juru li fin-nuqqas tal-għajnuna, il-benefiċjarju kien jiġi ristrutturat, mibjugħ jew xolt b'tali mod li ma kienx jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni identifikat fit-Taqsima 3.1.1. Din id-deskrizzjoni tista' tifforma parti mill-analiżi ppreżentata skont il-punt 53.

    3.5.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna/għajnuna limitata għall-minimu

    3.5.1.   Għajnuna għas-salvataġġ

    (60)

    L-għajnuna għas-salvataġġ għandha tkun ristretta għall-ammont meħtieġ biex il-benefiċjarju jibqa' jopera n-negozju għal sitt xhur. Sabiex jiġi ddeterminat dan l-ammont, għandha tingħata importanza lir-riżultat tal-formula stipulat fl-Anness 1. Kull għajnuna li taqbeż ir-riżultat ta' dan il-kalkolu se tiġi awtorizzata biss jekk tkun debitament iġġustifikata billi jiġi pprovdut pjan ta' likwidità li jistabbilixxi l-ħtiġijiet ta' likwidità tal-benefiċjarju fis-sitt xhur li jkunu ġejjin.

    3.5.2.   Għajnuna għar-ristrutturar

    (61)

    L-ammont u l-intensità tal-għajnuna għar-ristrutturar iridu jkunu limitati għall-minimu strett neċessarju biex jippermettu li r-ristrutturar ikun jista' jsir fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji eżistenti tal-benefiċjarju, tal-azzjonisti tiegħu jew tal-grupp tan-negozju li jagħmel parti minnu. B'mod partikolari, irid jiġi żgurat livell xieraq ta' kontribuzzjoni proprja għall-kostijiet ta' ristrutturar u ta' qsim tal-piżijiet, kif inhu stipulat f'aktar dettall f'din it-Taqsima (3.5.2). Tali valutazzjoni tikkunsidra għajnuniet għas-salvataġġ mogħtija qabel.

    3.5.2.1.   Il-kontribuzzjoni proprja

    (62)

    Kontribuzzjoni sinifikanti (31) lejn ir-ristrutturar hija meħtieġa mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-azzjonisti jew il-kredituri tiegħu jew il-grupp tan-negozju li jagħmel parti minnu, jew minn investituri ġodda. Tali kontribuzzjoni proprja għandha tkun normalment komparabbli mal-għajnuna mogħtija f'termini ta' effetti fuq il-pożizzjoni ta' solvenza jew ta' likwidità tal-benefiċjarju. Pereżempju, meta l-għajnuna li għandha tingħata ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju, il-kontribuzzjoni proprja għandha bl-istess mod tinkludi miżuri li jsaħħu l-ekwità, bħall-ġbir ta' ekwita ġdida mingħand l-azzjonisti eżistenti, it-tnaqqis tad-dejn eżistenti u tan-noti kapitali jew il-konverżjoni tad-dejn eżistenti għal ekwità, jew il-ġbir ta' ekwità esterna ġdida bit-termini tas-suq. L-Awtorità se tqis sa fejn l-effett tal-kontribuzzjoni proprja jista' jiġi pparagunat mal-għajnuna mogħtija meta tiġi vvalutata l-firxa tal-miżuri neċessarji sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni skont il-punt 90.

    (63)

    Il-kontribuzzjonijiet iridu jkunu reali, jiġifieri fattwali, u jkunu jeskludu l-profitti futuri mistennija bħall-fluss tal-flus kif ukoll iridu jkunu kemm jista' jkun għoljin. Kontribuzzjonijiet mill-Istat jew minn kumpanija pubblika jistgħu jitqiesu biss sakemm ma jkunx fihom għajnuna. Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, meta kontribuzzjoni tkun magħmula minn entità li hija indipendenti minn awtorità li tagħti l-għajnuna (bħal bank proprjetà tal-Gvern jew kumpanija azzjonarja pubblika) u li tieħu d-deċiżjoni li tinvesti abbażi tal-interessi kummerċjali tagħha stess (32).

    (64)

    Il-kontribuzzjonijiet proprji normalment ikunu meqjusa adegwti jekk ikunu jammontaw għal mill-inqas 50 % tal-kostijiet tar-ristrutturar. F'ċirkostanzi eċċezzjonali u f'każijiet ta' tbatija partikolari, li jridu jintwerew mill-Parti Kontraenti, l-Awtorità tista' taċċetta kontribuzzjoni li ma tilħaqx il-50 % tal-kostijiet ta' ristrutturar, dejjem jekk l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni jibqa' sinifikanti.

    3.5.2.2.   Il-qsim tal-piżijiet

    (65)

    Meta jingħata appoġġ mill-Istat f'forma li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju, pereżempju meta l-Istat jagħti għotjiet, jinjetta kapital jew inaqqas id-dejn, dan jista' jkollu l-effett li jipproteġi l-azzjonisti u l-kredituri subordinati mill-konsegwenzi tal-għażla tagħhom li jinvestu fil-benefiċjarju. Dan jista' joħloq periklu morali u jdgħajjef id-dixxiplina tas-suq. Konsegwentement, l-għajnuna biex tkopri t-telf għandha tingħata biss b'kundizzjonijiet li jinvolvu l-qsim adegwat tal-piżijiet mill-investituri eżistenti.

    (66)

    Il-qsim tal-piżijiet adegwat normalment ifisser li l-azzjonisti eżistenti, u fejn meħtieġ il-kredituri subordinati, iridu jassorbu t-telf kollu. Il-kredituri subordinati għandhom jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf jew billi dan jiġi mibdul f'ekwità jew billi jitnaqqas il-kapital tal-istrumenti relevanti. Għalhekk, l-intervent tal-Istat għandu jsir biss wara li t-telf ikun ġie ġġustifikat u attribwit kollu għall-azzjonisti eżistenti u għad-detenturi tad-dejn subordinat (33). F'kull każ, il-ħruġ tal-flus mingħand il-benefiċjarju għal għand id-detenturi tal-ekwità jew tad-dejn subordinat għandu jiġi evitat matul il-perijodu tar-ristrutturar sa fejn ikun legalment possibbli, dejjem jekk dan ma jaffettwax b'mod sproporzjonat lil dawk li injettaw ekwità ġdida.

    (67)

    Il-qsim adegwat tal-piżijiet ifisser ukoll li kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju għandha tingħata fuq termini li jagħtu lill-Istat proporzjon raġonevoli ta' qligħ futur għall-valur tal-ekwità tal-benefiċjarju, minħabba l-ammont ta' ekwità tal-Istat injettat meta mqabbel mal-ekwità li jifdal tal-kumpanija wara li t-telf ikun ġie kontabbilizzat.

    (68)

    L-Awtorità tista' tippermetti eċċezzjonijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri stipulati fil-punt 66 meta dawn il-miżuri kieku jwasslu għal riżultati sproporzjonati. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu każijiet fejn l-amont tal-għajnuna jkun żgħir meta mqabbel mal-kontribuzzjoni proprja, jew il-Parti Kontraenti kkonċernata turi li l-kredituri subordinati jirċievu anqas f'termini ekonomiċi skont proċedimenti ta' insolvenza normali oħra u jekk ma tingħata l-ebda għajnuna mill-Istat.

    (69)

    L-Awtorità mhux se titlob b'mod sistematiku kontribuzzjonijiet mingħad id-detenturi ta' dejn superjuri sabiex il-benefiċjarju jerġa' jingħata l-pożizzjoni tal-ekwità. Madankollu, hija tista' tittratta kull waħda minn dawn il-kontribuzzjonijiet bħala raġuni għal tnaqqis fil-firxa meħtieġa ta' miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni skont il-punt 90.

    3.6.   L-effetti negattivi

    3.6.1.   ‘Il-prinċipju ta'darba biss, l-aħħar darba’

    (70)

    Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-inċentivi ta' teħid eċċessiv ta' riskju u d-distorsjonijiet potenzjali kompetittivi, l-għajnuna għandha tingħata lill-impriżi għal operazzjoni waħda biss ta' ristrutturar. Dan huwa magħruf bħala l-prinċipju ‘tal-ewwel u l-aħħar darba’. Il-bżonn ta' impriża li tkun diġà rċeviet għajnuna skont dawn il-linji gwida, li terġa' tirċievi aktar għajnuna ta' din ix-xorta, juri li d-diffikultajiet tal-impriża huma ta' natura rikorrenti, jew inkella li ma ġewx indirizzati kif suppost meta ngħatat l-għajnuna qabel. Interventi ripetuti min-naħa tal-Istat x'aktarx iwasslu għal problemi ta' periklu morali u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li huma kuntrarji għall-interess komuni.

    (71)

    Meta l-għajnuna ppjanata għas-salvataġġ, jew għar-ristrutturar tiġi nnotifikata lill-Awtorità, il-Parti Kontraenti trid tispeċifika jekk l-impriża kkonċernata tkunx diġà rċeviet għajnuna ta' salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ għar-ristrutturar temporanju fil-passat, inkluża kull għajnuna ta' din ix-xorta mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawn il-linji gwida u kull għajnuna oħra mhix notifikata (34). Jekk dan ikun il-każ, u fejn ikunu għaddew inqas minn 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna jew minn meta jkun intemm il-perjodu ta' ristrutturar jew minn meta tkun twaqqfet l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar (skont liema minn dawn ikun seħħ l-aktar tard), l-Awtorità ma tippermettix aktar għajnuna skont dawn il-linji gwida.

    (72)

    Fil-każijiet li ġejjin, jiġu permessi eċċezzjonijiet għal din ir-regola:

    (a)

    meta l-għajnuna għar-ristrutturar issegwi l-għoti ta' għajnuna għas-salvataġġ bħala parti minn operazzjoni ta' ristrutturar waħda;

    (b)

    meta l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar ikunu ngħataw skont dawn il-linji gwida u din l-għajnuna ma tkunx ġiet segwita minn għajnuna għar-ristrutturar, jekk:

    i.

    b'mod raġonevoli jitqies li l-benefiċjarju jista' jkun vijabbli fuq terminu twil meta ngħatat l-għajnuna skont dawn il-linji gwida, u

    ii.

    l-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar il-ġdida tkun meħtieġa wara mill-inqas ħames snin minħabba ċirkostanzi mhux prevedibbli (35) li ma jkunx responsabbli għalihom il-benefiċjarju;

    (c)

    iċ-ċirkostanzi jkunu eċċezzjonali u imprevedibbli u ma jkunx responsabbli għalihom il-benefiċjarju.

    (73)

    L-applikazzjoni tal-prinċipju ‘tal-ewwel u tal-aħħar darba’ bl-ebda mod mhi ser tkun affettwata minn bidliet fis-sjieda tal-benefiċjarju wara li tingħata l-għajnuna jew minn xi proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva li jkollha l-effett li tissoda l-karta bilanċjali tiegħu, tnaqqas l-obbligazzjonijiet tiegħu jew tikkanċella d-djun ta' qabel tiegħu, meta tkun l-istess impriża li tkompli bin-negozju.

    (74)

    Meta grupp tan-negozju jkun irċieva għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, l-Awtorità normalment ma tippermettix li tingħata aktar għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar lill-grupp innifsu jew lil xi entità li tagħmel parti mill-grupp, sakemm ma jgħaddux 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna jew minn meta l-perjodu ta' ristrutturar ikun twaqqaf jew minn meta l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar tkun twaqqfet, skont liema minn dawn ikun seħħ l-aħħar. Meta entità li tagħmel parti minn grupp ta' negozju tkun irċeviet għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, il-grupp kollu kemm hu kif ukoll l-entitajiet l-oħra tal-grupp jibqgħu eleġibbli għall-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar (suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dawn il-linji gwida), bl-eċċezzjoni tal-benefiċjarju preċedenti tal-għajnuna. Il-Partijiet Kontraenti jridu juru li l-ebda għajnuna mhi ser tingħadda mill-grupp jew minn entitajiet oħra tal-grupp lill-benefiċjarju preċedenti tal-għajnuna.

    (75)

    Meta impriża takkwista l-assi ta' impriża oħra, u b'mod partikolari waħda li tkun ġiet suġġetta għal waħda mill-proċeduri msemmija fil-punt 73 jew għal proċedimenti kollettivi ta' insolvenza mibdijin skont il-liġi nazzjonali u li tkun diġà rċeviet għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, ix-xerrej ma jkunx suġġett għall-prinċipju ‘tal-ewwel u tal-aħħar darba’, sakemm ma jkunx hemm kontinwità ekonomika bejn l-impriża l-ġdida u x-xerrej (36).

    3.6.2.   Miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

    (76)

    Meta tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar iridu jittieħdu miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, b'tali mod li l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tan-negozjar jiġu minimizzati kemm jista' jkun, u l-effetti pożittivi jisbqu kull effett negattiv. L-Awtorità se tivvaluta, għal miżuri bħal dawn, il-forma u l-kamp ta' applikazzjoni adegwati skont din it-taqsima (3.6.2).

    3.6.2.1.   In-natura u l-forma ta' miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

    (77)

    Mingħajr preġudizzju għall-punt 84, il-miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ġeneralment jieħdu l-forma ta' miżuri strutturali. F'każijiet partikolari, fejn ikun xieraq li jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, l-Awtorità tista' taċċetta miżuri ta' aġir, apparti dawk stipulati fil-punt 84, jew miżuri ta' ftuħ tas-suq minflok wħud mill-miżuri strutturali jew minflok il-miżuri strutturali kollha, li kieku jkunu meħtieġa.

    Il-miżuri strutturali — iċ-ċessjonijiet u t-tnaqqis fl-attivitajiet tan-negozju

    (78)

    Abbażi ta' valutazzjoni f'konformità mal-kriterji għall-kalibrazzjoni tal-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (stipulati fit-taqsima 3.6.2.2), l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna għar-ristrutturar jistgħu jintalbu jċedu l-assi jew inaqqsu l-kapaċità jew il-preżenza fis-suq. Miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu, b'mod partikolari, fis-suq jew fis-swieq fejn l-impriża jkollha pożizzjoni sinifikanti fis-suq wara r-ristrutturar, partikolarment dawk fejn ikun hemm kapaċità żejda sinifikanti. Iċ-ċessjonijiet biex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għandhom isiru mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jiġu kkunsidrati t-tipi ta' assi li jiġu ċeduti u kull ostakolu għaċ-ċediment tagħhom (37), u f'kull każ għal kemm idum il-pjan ta' ristrutturar. Iċ-ċessjonijiet, it-tħassir u t-twaqqif tal-attivitajiet li jagħmlu t-telf li f'ċertu punt ikunu neċessarji biex jirkupraw il-vijabbiltà fuq terminu twil ġeneralment ma jkunux ikkunsidrati bħala biżżejjed abbażi tal-prinċipji stipulati fit-taqsima 3.6.2.2 li jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

    (79)

    Sabiex miżuri bħal dawn isaħħu l-kompetizzjoni u jikkontribwixxu għas-suq intern, dawn għandhom jiffavorixxu d-dħul ta' kompetituri ġodda, l-espansjoni ta' kompetituri żgħar eżistenti jew l-attività transfruntiera. It-tnaqqis fl-infiq fil-fruntieri nazzjonali u l-frammentazzjoni tas-suq intern għandhom jiġu evitati.

    (80)

    Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma għandhomx iwasslu għal deterjorament fl-istruttura tas-suq. Il-miżuri strutturali għandhom għalhekk normalment jieħdu forma ta' ċessjonijiet abbażi tal-avvjament ta' negozji vijabbli u indipendenti li, jekk jiġu operati minn xerrej xieraq, ikunu jistgħu jikkompetu b'mod effettiv fit-tul. F'każ li entità bħal din ma tkunx disponibbli, il-benefiċjarju jista' jikkonċedi u sussegwentement iċedi attività eżistenti u ffinanzjata kif xieraq, filwaqt li joħloq entità ġdida u vijabbli li tkun tista' tikkompeti fis-suq. Il-miżuri strutturali li jieħdu forma ta' ċessjoni tal-assi biss u ma jinvolvux il-ħolqien ta' entità vijabbli li tkun tista' tikkompeti fis-suq, huma anqas effettivi biex jippreservaw il-kompetizzjoni u għaldaqstant jiġu aċċettati biss f'każijiet eċċezzjonali fejn il-Partijiet Kontraenti kkonċernati juru li l-ebda forma oħra ta' miżuri strutturali ma tkun fattibbli jew li miżuri strutturali oħrajn ixekklu serjament il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża.

    (81)

    Il-benefiċjarju għandu jiffaċilita ċ-ċessjonijiet, pereżempju permezz tad-delimitazzjoni tal-attivitajiet u billi jaqbel li ma jiħux il-klijenti tan-negozju ċedut.

    (82)

    Fejn jidher li jista' jkun diffiċli biex jinstab xerrej għall-assi li benefiċjarju jkun qed jipproponi li jċedi, ikun meħtieġ, hekk kif dawn id-diffikultajiet ikunu evidenti, li jiġu identifikati ċessjonijiet jew miżuri oħra li jistgħu jittieħdu fir-rigward tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati jekk iċ-ċessjoni primarja ma tirnexxix.

    Il-miżuri ta' mġiba

    (83)

    Il-miżuri ta' mġiba jimmiraw li jiżguraw li l-għajnuna tintuża biss biex tiffinanzja r-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul u li din ma tiġix abbużata biex jittawlu distorsjonijiet fl-istruttura tas-suq li jkunu serji u persistenti jew biex il-benefiċjarju jiġi protett mill-kompetizzjoni sana.

    (84)

    Il-miżuri ta' mġiba li ġejjin għandhom jiġu applikati fil-każijiet kollha sabiex jiġi evitat li l-effetti tal-miżuri strutturali jiddgħajfu, u, fil-prinċipju, għandhom jiġu imposti għal kemm idum il-pjan ta' ristrutturar:

    (a)

    Il-benefiċjarji jridu jintalbu jieqfu milli jakkwistaw ishma fi kwalunkwe kumpanija waqt il-perjodu ta' ristrutturar, ħlief meta dan ikun indispensabbli biex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-għajnuna tintuża biex ikun hemm ritorn lejn il-vijabbiltà u mhux biex jiġu ffinanzjati l-investimenti jew biex tiġi estiża l-preżenza tal-benefiċjarju fi swieq eżistenti jew ġodda. Ladarba ssir notifika, kull akkwiżizzjoni bħal din tista' tiġi awtorizzata mill-Awtorità bħala parti mill-pjan ta' ristrutturar;

    (b)

    Il-benefiċjarji għandhom jintalbu jieqfu jippubbliċizzaw l-appoġġ mill-Istat bħala vantaġġ kompetittiv meta jkunu qed jikkummerċjalizzaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom.

    (85)

    F'ċirkostanzi eċċezzjonali, jista' jkun meħtieġ li l-benefiċjarji jintalbu biex ma jadottawx komportament kummerċjali li jkollu l-għan li jespandi malajr s-sehem tas-suq tagħhom marbut ma' prodotti jew swieq ġeografiċi speċifiċi billi joffru kundizzjonijiet (pereżempju fir-rigward ta' prezzijiet u kundizzjonijiet kummerċjali oħrajn) li ma jistgħux jiġu offruti minn kompetituri li ma jingħatawx għajnuna mill-Istat. Restrizzjonijiet bħal dawn jiġu applikati biss fejn ma jkunx hemm rimedju ieħor, kemm strutturali u kemm ta' mġiba, li jista' jindirizza b'mod adegwat id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni identifikati u fejn miżura bħal din fiha nnifisha ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni tas-suq ikkonċernat. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-rekwiżit, l-Awtorità tqabbel il-kundizzjonijiet offruti mill-benefiċjarju ma' dawk offruti minn kompetituri kredibbli li jkollhom porzjon sostanzjali tas-suq.

    Il-miżuri ta' ftuħ fis-suq

    (86)

    Fil-valutazzjoni kumplessiva tagħha, l-Awtorità tikkunsidra l-impenji possibbli mill-Parti Kontraenti marbutin mal-adozzjoni ta' miżuri, jew mill-Parti Kontraenti nnifisha jew mill-benefiċjarju, li jkunu mmirati biex jippromwovu swieq aktar miftuħin, sodi u kompetittivi, pereżempju billi jiffavorixxu d-dħul u l-ħruġ. Dan jista' jinkludi, b'mod partikolari, miżuri biex jinfetħu ċerti swieq li huma direttament jew indirettament marbutin mal-attivitajiet tal-benefiċjarju għal operaturi oħra fiż-ŻEE, skont il-liġi taż-ŻEE. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jissostitwixxu miżuri oħrajn li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li normalment jintalbu mingħand il-benefiċjarju.

    3.6.2.2.   Il-kalibrazzjoni ta' miżuri għal-limitazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

    (87)

    Il-miżuri għal-limitazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom jindirizzaw kemm it-tħassib dwar il-perikli morali u kemm id-distorsjonijiet possibbli fis-swieq fejn jopera l-benefiċjarju. Il-firxa ta' dawn il-miżuri tiddependi fuq diversi fatturi, bħalma huma b'mod partikolari: d-daqs u n-natura tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi taħt liema ngħatat; id-daqs (38) u l-importanza relattiva tal-benefiċjarju fis-suq u l-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat; u kemm jibqa' tħassib dwar il-perikolu morali wara l-applikazzjoni ta' miżuri dwar il-kontribuzzjoni proprja u l-qsim tal-piżijiet.

    (88)

    B'mod partikolari l-Awtorità tikkunsidra d-daqs fejn xieraq, permezz ta' approssimazzjonijiet, u n-natura tal-għajnuna, kemm f'termini assoluti u kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-assi tal-benefiċjarju u mad-daqs tas-suq kollu.

    (89)

    Rigward id-daqs u l-importanza relattiva tal-benefiċjarju fis-suq jew fis-swieq tiegħu, kemm qabel u kemm wara r-ristrutturar, l-Awtorità se tivvalutahom sabiex tevalwa l-effetti probabbli tal-għajnuna f'dawn is-swieq meta mqabbla mar-riżultati li probabbli joħorġu li kieku ma tingħatax l-għjanuna mill-Istat. Il-miżuri se jkunu mfasslin apposta għall-karatteristiċi tas-suq (39) biex jiġi żgurat li tinżamm il-kompetizzjoni effikaċi.

    (90)

    Rigward it-tħassib dwar il-perikli morali, l-Awtorità se tivvaluta wkoll il-livell tal-kontribuzzjoni proprja u tal-qsim tal-piżijiet. Gradi ogħla tal-kontribuzzjoni proprja u tal-qsim tal-piżijiet minn dawk meħtieġa fit-taqsima 3.5.2, billi jiġi limitat l-ammont ta' għajnuna u ta' periklu morali, jistgħu jnaqqsu l-firxa tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

    (91)

    Minħabba li l-attivitajiet ta' ristrutturar jistgħu jheddu li jdgħajfu s-suq intern, miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jgħinu biex jiżguraw li s-swieq nazzjonali jibqgħu miftuħin u kuntestabbli ser jiġu kkunsidrati b'mod pożittiv.

    (92)

    Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma għandhomx jikkompromettu l-prospetti tar-ritorn tal-benefiċjarju lejn il-vijabbiltà, li jista' jkun il-każ jekk miżura tqum ħafna flus biex tiġi implimentata jew, f'każijiet eċċezzjonali tkun sostanzjata kif suppost il-Parti Kontraenti kkonċernata, jekk tnaqqas l-attività tal-benefiċjarju sal-punt li r-ritorn tiegħu lejn il-vijabbiltà jiġi kompromess, u lanqas ma għandhom jiġu askapitu tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni.

    (93)

    L-għajnuna biex jitkoprew il-kostijiet soċjali tar-ristrutturar tat-tip deskritt fil-punti 32 sa 35 trid tkun identifikata b'mod ċar fil-pjan ta' ristrutturar, billi l-għajnuna għall-miżuri soċjali esklużivament għall-benefiċċju tal-impjegati li jingħataw is-sensja mhix ser tiġi kkunsidrata bl-iskop li tiġi ddeterminata l-firxa tal-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għall-ġid ta' kulħadd, l-Awtorità ser tiżgura, fil-kuntest tal-pjan ta' ristrutturar li l-effetti soċjali tar-ristrutturar fil-Partijiet Kontraenti apparti dak li jagħti l-għajnuna, jinżammu f'livell minimu.

    3.6.3.   Il-benefiċjarji tal-għajnuna preċedenti illegali

    (94)

    Fejn qabel tkun ingħatat għajnuna mhux skont il-liġi lill-impriża f'diffikultà, li fir-rigward tagħha l-Awtorità tkun adottat deċiżjoni negattiva b'ordni ta' rkupru, u fejn dan l-irkupru ma jkunx sar bi ksur tal-Artikolu 14 fil-Parti II tal-Protokoll 3 (40), il-valutazzjoni ta' kull għajnuna li skont dawn il-linji gwida għandha tingħata lill-istess impriża tieħu inkonsiderazzjoni l-ewwel nett l-effett kumulattiv tal-għajnuna li ngħatat qabel kif ukoll tal-għajnuna l-ġdida, u t-tieni l-fatt li l-għajnuna li ngħatat qabel ma tkunx tħallset lura (41).

    3.6.4.   Il-kundizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-approvazzjoni tal-għajnuna

    (95)

    L-Awtorità tista' timponi kwalunkwe kundizzjoni u obbligu li tikkunsidra neċessarji biex tiżgura li l-għajnuna ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni sa punt li jmur kontra l-interess komuni, fil-każ li l-Parti Kontraenti kkonċernata ma tkunx ħadet l-impenn li tadotta dispożizzjonijiet bħal dawn. Pereżempju, tista' tirrikjedi li l-Parti Kontraenti tieħu ċerti miżuri hi stess, timponi ċerti obbligi fuq il-benefiċjarju, jew tieqaf milli tagħti tipi oħra ta' għajnuna lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta' ristrutturar.

    3.7.   Transparenza

    (96)

    Il-Partijiet Kontraenti jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li ġejja fuq websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-Istat, f'livell nazzjonali jew reġjonali:

    it-test sħiħ tal-iskema ta' għajnuna approvata jew id-deċiżjoni individwali għall-għoti tal-għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha, jew ħolqa għaliha.

    l-identità tal-awtorità(jiet) awtorizzanti;

    l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għotja, it-tip tal-impriża (SME/kumpanija kbira), ir-reġjun li fih jinsab il-benfiċjarju (fil-Livell II tal-NUTS) u s-settur ekonomiku prinċipali li fih il-benefiċjarju għandu l-attivitajiet tiegħu (fil-livell tal-grupp NACE) (42).

    Tali rekwiżit jista' jitneħħa fir-rigward tal-għotjiet ta' għajnuna individwali inqas minn EUR 500 000. Għal skemi ta' għajnuna fil-forma ta' benefiċċju fuq it-taxxa, l-informazzjoni dwar l-ammonti ta' għajnuna individwali (43) tista' tiġi pprovduta fil-firxiet li ġejjin (f'EUR miljuni): [0,5–1]; [1-2]; [2-5]; [5-10]; [10-30]; [30 u aktar].

    Din l-informazzjoni trid tiġi ppubblikata wara li d-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna tkun ittieħdet, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli mingħajr restrizzjonijiet għall-pubbliku ġenerali. (44) Il-Partijiet Kontraenti ma jeħtiġilhomx jippubblikaw din l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta' Lulju 2016 (45).

    4.   L-għajnuna għar-ristrutturar f'żoni megħjuna

    (97)

    Fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(a) u l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità tista' tikkunsidra l-għajnuna mill-Istat mogħtija biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta' ċerti żoni żvantaġġjati fiż-ŻEE bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità għaldaqstant se tikkunsidra l-bżonnijiet tal-iżvilupp reġjonali meta tivvaluta l-għajnuna għar-ristrutturar f'żoni megħjuna. Il-fatt li impriża f'diffikultà tinsab f'żona megħjuna madankollu, ma jiġġustifikax approċċ permissiv fl-għajnuna għar-ristrutturar: fuq perjodu taż-żmien medju u twil, reġjun ma jiġix megħjun billi l-kumpaniji jiġu sostnuti b'mod artifiċjali. Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp reġjonali huwa fl-aħjar interess tar-reġjun stess li japplika r-riżorsi tiegħu b'tali mod li jiġu żviluppati l-attivitajiet li huma vijabbli u sostenibbli. Fl-aħħar nett, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jiġu minimizzati anki fil-każ tal-għajnuna lill-impriżi f'żoni megħjuna. F'dan il-kuntest, iridu jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti negattivi possibbli ta' riperkussjoni li jistgħu jseħħu fiż-żona kkonċernata u f'żoni oħra megħjuna.

    (98)

    Għaldaqstant, il-kriterji elenkati fil-Kapitolu 3 huma applikabbli bl-istess mod għaż-żoni megħjuna, anki meta jitqiesu l-bżonnijiet għall-iżvilupp reġjonali. Madankollu, fiż-żoni megħjuna, u sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f'settur partikolari, l-Awtorità tapplika d-dispożizzjonijiet tat-taqsima 3.6.2 dwar il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sabiex jiġu limitati l-impatti sistemiċi negattivi għar-reġjun. Dan jista' jinvolvi, b'mod partikolari, rekwiżiti inqas restrinġenti f'termini ta' tnaqqis fil-kapaċità jew ta' preżenza fis-suq. F'każijiet bħal dawn issir distinzjoni bejn iż-żoni li huma eleġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 61(3)(a) tal-Ftehim ŻEE u dawk li huma eleġibbli skont l-Artikolu 61(3)(c), biex jiġu kkunsidrati l-problemi reġjonali l-aktar gravi fiż-żoni ta' qabel. Meta ċ-ċirkostanzi speċifiċi taż-żoni megħjuna jirrikjedu li jsir dan, pereżempju fejn benefiċjarju jaffaċċja diffikultajiet partikolari biex jiġbor finanzi ġodda mis-suq minħabba li jkun jinsab f'żoni megħjuna, l-Awtorità tista' taċċetta kontribuzzjoni li tkun anqas minn 50 % tal-kostijiet ta' ristrutturar skont il-punt 64.

    5.   L-għajnuna lill-fornituri tas-SIEĠ f'diffikultà

    (99)

    Fil-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat lill-fornituri tas-SIEĠ f'diffikultà, l-Awtorità tikkunsidra n-natura speċifika tas-SIEĠ u, b'mod partikolari, l-bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità fis-servizz skont l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE.

    (100)

    Il-fornituri tas-SIEĠ jistgħu jitolbu l-għajnuna mill-Istat sabiex ikomplu jipprovdu s-SIEĠ b'kundizzjonijiet li jkunu kumpatibbli mal-vijabbiltà tagħhom fuq terminu twil. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-punt 47, ir-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul jista' jkun ibbażat b'mod partikolari fuq is-suppożizzjoni li kull għajnuna mill-Istat li tissodisfa r-rekwiżiti ta' kompatibbiltà tal-Qafas tas-SIEĠ (46), tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ (47), tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament u tal-Kunsill (48), tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill (49), u tal-Linji gwida dwar l-Avjazzjoni (50) jew tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 (51) u tal-Linji Gwida Marittimi (52), se tibqa' disponibbli għal kemm idum l-inkarigu fis-seħħ qabel il-perjodu ta' ristruttturar jew matulu.

    (101)

    Meta l-Awtorità tivvaluta l-għajnuna lill-fornituri tas-SIEĠ f'diffikultà skont dawn il-linji gwida, hija ser tikkunsidra l-għajnuna kollha mill-Istat li tkun ingħatat lill-fornitur inkwistjoni, inkluż kwalunkwe kumpens għall-obbligi ta' servizz pubbliku. Madankollu, billi l-fornituri tas-SIEĠ jistgħu jġibu porzjon kbir mid-dħul normali tagħhom mill-kumpens tas-servizzi pubbliċi, l-ammont totali tal-għajnuna ddeterminat b'dan il-mod jista' jkun kbir ħafna meta mqabbel mad-daqs tal-benefiċjarju u dan, rigward ir-ristrutturar tiegħu, jista' jagħti sovrastima tal-piż li jiswa lill-Istat. Għaldaqstant, meta tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni proprja meħtieġa fit-taqsima 3.5.2.1, l-Awtorità ser tinjora kwalunkwe kumpens tas-servizz pubbliku li jissodisfa r-rekwiżiti ta' kumpatibbiltà tal-Qafas tas-SIEĠ, tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ jew tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jew tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni, jew ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 u l-Linji Gwida Marittimi.

    (102)

    Sakemm l-assi jkunu neċessarji biex jiġu fornuti s-SIEĠ, jista' ma jkunx prattikabbli li tintalab iċ-ċessjoni ta' assi bħal dawn permezz ta' miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għall-finijiet tat-taqsima 3.6.2. F'każijiet bħal dawn, l-Awtorità tista' titlob li jittieħdu miżuri alternattivi biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix mgħawġa b'tali mod li tmur kontra l-interess komuni, b'mod partikolari billi tiġi introdotta, malajr kemm jista' jkun, il-kompetizzjoni ġusta għas-SIEĠ inkwistjoni.

    (103)

    Meta fornitur tas-SIEĠ ma jkunx jista' jikkonforma mal-kundizzjonijiet ta' dawn il-linji gwida, l-għajnuna inkwistjoni ma titqiesx kumpatibbli. F'każijiet bħal dawn madankollu, l-Awtorità tista' tawtorizza l-ħlas ta' għajnuna bħal din skont il-ħtieġa, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-SIEĠ, sakemm fornitur ġdid jingħata s-servizz. L-Awtorità tawtorizza biss l-għajnuna meta l-Parti Kontraenti kkonċernata turi, abbażi ta' raġunijiet oġġettivi, li l-għajnuna hija strettament limitata għall-ammont u t-tul taż-żmien indispensabbli sabiex fornitur ġdid jingħata s-servizz.

    6.   L-iskemi ta' għajnuna għal ammonti iżgħar ta' għajnuna u benefiċjarji iżgħar

    6.1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali

    (104)

    Jekk il-Partijiet Kontraenti jixtiequ jipprovdu għajnuna skont dawn il-linji gwida lil SMEs jew lil impriżi pubbliċi iżgħar, din l-għajnuna għandha normalment tingħata taħt skemi. L-użu tal-iskemi jgħin sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni marbuta mal-periklu morali, billi jippermetti lil Parti Kontraenti biex tagħmel stqarrija ċara ex ante dwar liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom tista' tiddeċiedi li tagħti l-għajnuna lill-impriżi f'diffikultà.

    (105)

    L-iskemi jridu jispeċifikaw l-ammont massimu ta' għajnuna li tista' tingħata lil impriża partikolari bħala parti minn operazzjoni biex tingħata l-għajnuna għas-salvataġġ, l-għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, inkluż meta l-pjan ikun immodifikat. L-ammont totali massimu ta' għajnuna mogħti lil kull impriża ma jistax ikun aktar minn EUR 10 miljun, inkluża kull għajnuna li tinkiseb minn sorsi oħra jew skemi oħra.

    (106)

    Għalkemm il-kompatibilità ta' dawn l-iskemi ġeneralment tiġi vvalutata abbażi tal-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli 3, 4 u 5, huwa xieraq li f'ċerti rigwardi jiġu previsti kondizzjonijiet issimplifikati, sabiex il-Partijiet Kontraenti jkunu jistgħu japplikaw dawn il-kundizzjonijiet mingħajr ma jerġgħu jirrikorru għand l-Awtorità, u sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-SMEs u impriżi pubbliċi iżgħar li jridu jagħtu l-informazzjoni meħtieġa. Minħabba d-daqs żgħir tal-ammonti ta' għajnuna u l-benefiċjarji involuti, l-Awtorità tikkunsidra li l-potenzjal ta' distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni huwa aktar limitat f'dawn il-każijiet. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 3, 4 u 5 japplikaw għal dawn l-iskemi mutatis mutandis, ħlief meta stipulat mod ieħor fit-Taqsimiet 6.2, 6.3, 6.4 u 6.5. Dan il-kapitolu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar u dwar it-tul ta' żmien u l-evalwazzjoni tal-iskemi.

    6.2.   Għan ta' interess komuni

    (107)

    Filwaqt li l-falliment ta' SME individwali (53) x'aktarx ma jinvolvix il-livell ta' tbatija soċjali jew il-falliment tas-suq meħtieġ għall-finijiet tal-punt 44, hemm tħassib akbar b'rabta mal-SMEs minħabba li l-valur jista' jintilef meta l-SMEs li jkollhom il-potenzjal li jirristrutturaw, biex b'hekk jerġgħu jsiru vijabbli fit-tul, ma jkollhomx iċ-ċans li jagħmlu dan minħabba problemi ta' likwidità. Għaldaqstant, fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna skont skemi, huwa biżżejjed li Parti Kontraenti turi li l-falliment tal-benefiċjarju x'aktarx jinvolvi tbatija soċjali jew il-falliment tas-suq, b'mod partikolari li:

    (a)

    il-ħruġ ta' SME innovattiva jew SME b'potenzjal għoli ta' tkabbir jista' potenzjalment ikollu konsegwenzi negattivi;

    (b)

    il-ħruġ ta' impriża b'rabtiet estensivi ma' impriżi lokali jew reġjonali oħra, partikolarment SMEs oħra; jista' potenzjalment ikollu konsegwenzi negattivi;

    (c)

    il-falliment jew l-inċentivi avversi tas-swieq tal-kreditu jġiegħlu impriża, li altrimenti tkun vijabbli, biex tfalli; jew

    (d)

    se jinqalgħu sitwazzjonijiet simili ta' tbatija li jrid jerfagħhom il-benefiċjarju.

    (108)

    B'deroga mill-punt 50, il-benefiċjarji fl-iskemi mhux se jkunu meħtieġa li jippreżentaw stħarriġ tas-suq.

    6.3.   L-adegwatezza

    (109)

    Ir-rekwiżit stipulat fil-punt 55(d) jiġi kkunsidrat milħuq dejjem jekk l-għajnuna għas-salvataġġ tingħata għal mhux aktar minn sitt xhur, tul liema perjodu għandha ssir analiżi dwar il-pożizzjoni tal-benefiċjarju. Qabel it-tmiem ta' dan il-perjodu:

    (a)

    il-Parti Kontraenti trid tapprova pjan ta' ristrutturar jew pjan ta' likwidazzjoni, jew

    (b)

    il-benefiċjarju jrid jissottometti pjan ta' ristrutturar issimplifikat, skont il-punt 115, jew

    (c)

    is-self irid jiġi rimborżat jew titwaqqaf il-garanzija.

    (110)

    B'deroga mill-punt 57, il-Partijiet Kontraenti mhux ser ikunu meħtieġa li jivvalutaw jekk ir-remunerazzjoni stabbilita skont il-punt 56 tirrappreżentax parametru referenzjarju xieraq.

    6.4.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna/għajnuna limitata għall-minimu

    (111)

    B'deroga mill-punt 64, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkunsidraw li kontribuzzjoni proprja tkun adegwata jekk tammonta għal mill-inqas 40 % tal-kostijiet għar-ristrutturar fil-każ ta' impriżi ta' daqs medju, jew għal 25 % tal-kostijiet għar-ristrutturar fil-każ ta' impriżi żgħar.

    6.5.   L-effetti negattivi

    (112)

    Parti Kontraenti li għandha l-intenzjoni li tagħti għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, trid tivverifika jekk jitħarisx il-prinċipju ‘tal-ewwel u tal-aħħar darba’ stipulat fit-Taqsima 3.6.1. Għal dan l-għan, il-Parti Kontraenti trid tispeċifika jekk l-impriża kkonċernata tkunx diġà rċeviet għajnuna ta' salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar fl-imgħoddi, inkluża kull għajnuna ta' din ix-xorta mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawn il-linji gwida u kull għajnuna oħra mhix notifikata. Jekk dan ikun il-każ, u fejn ikunu għaddew anqas minn 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jew minn meta jkun intemm il-perjodu ta' ristrutturar jew minn meta tkun twaqqfet l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar (skont liema minn dawn ikun seħħ l-aktar tard), ma tistax tingħata aktar għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar ħlief:

    (a)

    meta l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jingħata bħala għajnuna għas-salvataġġ bħala parti minn operazzjoni waħda ta' ristrutturar;

    (b)

    meta l-għajnuna għar-ristrutturar tingħata bħala għajnuna għas-salvataġġ jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar bħala parti minn operazzjoni waħda ta' ristrutturar;

    (c)

    meta l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar ikunu ngħataw skont dawn il-linji gwida u din l-għajnuna ma tkunx ġiet segwita minn għajnuna għar-ristrutturar, jekk:

    i.

    b'mod raġonevoli jitqies li l-benefiċjarju jista' jkun vijabbli fuq terminu twil meta ngħatat l-għajnuna skont dawn il-linji gwida, u

    ii.

    għajnuna ġdida għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar jew appoġġ ġdid temporanju għar-ristrutturar, ikunu meħtieġa wara mill-inqas ħames snin minħabba ċirkostanzi mhux prevedibbli li għalihom ma jkunx responsabbli l-benefiċjarju;

    (d)

    iċ-ċirkostanzi jkunu eċċezzjonali u imprevedibbli u ma jkunx responsabbli għalihom il-benefiċjarju.

    (113)

    Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni x'aktarx ikollhom impatt sproporzjonat fuq l-impriżi ż-żgħar, b'mod partikolari minħabba l-piż li fihom dawn il-miżuri biex jitwettqu. Għalhekk, b'deroga mill-punt 76, il-Partijiet Kontraenti mhumiex obbligati li jesiġu miżuri bħal dawn minn impriżi żgħar, ħlief meta jkun stipulat mod ieħor mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f'settur partikolari. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar normalment ma għandhomx iżidu l-kapaċità tagħhom waqt il-perjodu ta' ristrutturar.

    6.6.   Appoġġ temporanju għar-ristrutturar

    (114)

    F'ċerti każijiet, jista' jkun possibbli għal impriża li tlesti r-ristrutturar mingħajr ma tkun teħtieġ l-għajnuna għar-ristrutturar, dejjem jekk jirnexxielha tikseb appoġġ itwal ta' likwidità minn dak li jkun disponibbli bil-kundizzjonijiet tal-għajnuna għas-salvataġġ. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jwaqqfu skemi li jippermettu l-appoġġ ta' likwidità għal perjodu itwal minn sitt xhur (imsejjaħ ‘appoġġ temporanju għar-ristrutturar’), bil-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt.

    (115)

    L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar irid jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    L-appoġġ għandu jikkonsisti minn għajnuna f'forma ta' garanziji ta' self jew ta' self.

    (b)

    Il-kost finanzjarju tas-self jew, fil-każ tal-garanziji ta' self, il-kost finanzjarju totali tas-self garantit, inkluża r-rata ta' interess tas-self u l-primjum tal-garanzija, iridu jkunu konformi mal-punt 116.

    (c)

    L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar irid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 ta' dawn il-linji gwida, kif immodifikati minn dan il-Kapitolu.

    (d)

    L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista' jingħata għal perjodu li ma jaqbiżx it-18-il xahar, filwaqt li jitnaqqas kull perjodu immedjatament preċedenti ta' għajnuna għas-salvataġġ. Qabel it-tmiem ta' dan il-perjodu:

    i.

    il-Parti Kontraenti trid tapprova pjan ta' ristrutturar kif previst fil-punt 55(d)(ii) ta' hawn fuq, jew pjan ta' likwidazzjoni, jew

    ii.

    is-self irid jiġi rimborżat jew titwaqqaf il-garanzija.

    (e)

    Mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju, filwaqt li jitnaqqas kull perjodu immedjatament preċedenti ta' għajnuna għas-salvataġġ, il-Parti Kontraenti trid tapprova pjan ta' ristrutturar issimplifikat. Dan il-pjan ma hemmx għalfejn jinkludi l-elementi kollha stipulati fil-punti minn 47 sa 52, iżda jrid tal-anqas jidentifika l-azzjonijiet li l-benefiċjarju jrid jieħu biex jerġa' jsir vijabbli fit-tul mingħajr l-appoġġ tal-Istat.

    (116)

    Ir-remunerazzjoni għall-appoġġ temporanju għar-ristrutturar għandha tiġi stabbilita għal rata li ma tkunx aktar baxxa mir-rata ta' referenza fil-Linji Gwida dwar ir-Rata ta' Referenza għal impriżi dgħajfa li joffru livelli normali ta' kollateralizzazzjoni (bħalissa IBOR ta' sena flimkien ma' 400 punt bażi) (54). Biex jiġu pprovduti inċentivi għall-ħruġ, ir-rata għandha tiżdied b'mhux inqas minn 50 punt bażi ladarba jkunu għaddew 12-il xahar minn meta jkun seħħ l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju (jitnaqqas kull perjodu immedjatament preċedenti ta' għajnuna għas-salvataġġ).

    (117)

    L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar għandu jkun ristrett għall-ammont meħtieġ biex il-benefiċjarju jibqa' jopera n-negozju għal 18-il xahar; fid-determinazzjoni ta' dan l-ammont għandu jiġi kkunsidrat ir-riżultat tal-formula stabbilita fl-Anness I; kull għajnuna li taqbeż ir-riżultat ta' dak il-kalkolu tista' tingħata biss jekk tkun debitament iġġustifikata permezz ta' pjan ta' likwidità li jistabbilixxi l-ħtiġijiet ta' likwidità tal-benefiċjarju għat-18-il xahar li ġejjin.

    6.7.   It-tul ta' żmien u l-evalwazzjoni

    (118)

    L-Awtorità tista' titlob lill-Partijiet Kontraenti biex jillimitaw it-tul ta' żmien ta' ċerti skemi (normalment għal erba' snin jew anqas) u biex iwettqu evalwazzjoni ta' dawn l-iskemi.

    (119)

    Se jkunu meħtieġa evalwazzjonijiet għal skemi fejn id-distorsjonijiet potenzjali jkunu partikolarment għoljin, jiġifieri skemi fejn ikun hemm riskju ta' restrizzjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tiġix rieżaminata f'waqtha.

    (120)

    Minħabba l-objettivi u sabiex ma jiġux imposti piżijiet sproporzjonati fuq il-Partijiet Kontraenti fir-rigward ta' proġetti ta' għajnuna iżgħar, dan japplika biss għal skemi ta' għajnuna li jkollhom baġits kbar jew li jkollhom karatteristiċi ġodda, jew meta jkunu antiċipati bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew bidliet regolatorji. L-evalwazzjoni trid ssir minn espert indipendenti mill-awtorità tal-Istat li tawtorizza l-għajnuna, abbażi ta' metodoloġija komuni (55), u trid ssir pubblika. L-evalwazzjoni għandha tiġi ppreżentata l-Awtorità fil-ħin sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni dwar il-possibilità ta' estensjoni tal-iskema tal-għajnuna, u f'kull każ meta tiskadi l-iskema. L-għan preċiż tal-evalwazzjoni u kif din għandha ssir se jiġu definiti fid-deċiżjoni li tapprova l-miżura ta' għajnuna. Kwalunkwe miżura ta' għajnuna sussegwenti b'għan simili trid tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

    7.   Il-proċeduri

    7.1.   Il-proċedura aċċellerata għall-għajnuna għas-salvataġġ

    (121)

    Sa fejn jista' jkun possibbli, l-Awtorità ser tistinka biex tieħu deċiżjoni fi żmien perjodu ta' xahar fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ li tikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-Kapitolu 3 u mar-rekwiżiti kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    l-għajnuna għas-salvataġġ tkun limitata għall-ammont li jirriżulta mill-formula stipulata fl-Anness I u ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun;

    (b)

    l-għajnuna ma tingħatax fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 72(b) jew (c).

    7.2.   Il-proċeduri relatati mal-pjanijiet ta' ristrutturar

    7.2.1.   L-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar

    (122)

    Il-benefiċjarju jrid jimplimenta kompletament il-pjan ta' ristrutturar u jrid josserva kull obbligu ieħor stipulat fid-deċiżjoni tal-Awtorità li tawtorizza l-għajnuna. L-Awtorità tikkunsidra bħala użu skorrett tal-għajnuna kull nuqqas ta' implimentazzjoni tal-pjan jew meta ma jitwettqux l-obbligi l-oħra, mingħajr ħsara għall-Artikolu 23 fil-Parti II tal-Protokoll 3 jew għall-possibbiltà ta' azzjoni fil-Qorti tal-EFTA l-Artikolu 1(2) fil-Parti I tal-Protokoll 3.

    (123)

    Fejn l-operazzjonijiet ta' ristrutturar ikopru diversi snin u jinvolvu ammonti sostanzjali ta' għajnuna, l-Awtorità tista' titlob li l-ħlas tal-għajnuna għar-ristrutturar jinqasam fi ħlasijiet parzjali u kull ħlas parzjali jista' jsir suġġett għal:

    (a)

    konferma, qabel kull pagament, tal-implimentazzjoni sodisfaċenti ta' kull stadju fil-pjan ta' ristrutturar, b'konformità mal-iskeda ta' żmien ippjanata; jew

    (b)

    l-approvazzjoni tiegħu, qabel kull pagament, wara verifika li l-pjan ikun qed jiġi implimentat b'mod sodisfaċenti.

    7.2.2.   L-emenda tal-pjan ta' ristrutturar

    (124)

    Fejn l-għajnuna għar-ristrutturar tkun ġiet approvata, il-Parti Kontraenti kkonċernata tista', waqt il-perjodu ta' ristrutturar, titlob lill-Awtorità tapprova l-bidliet fil-pjan ta' ristrutturar u l-ammont ta' għajnuna. L-Awtorità tista' tippermetti bidliet bħal dawn meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-pjan rivedut xorta jrid ikun juri ritorn lejn il-vijabbiltà fuq perjodu ta' żmien raġonevoli;

    (b)

    jekk l-ispejjeż ta' ristrutturar jiżdiedu, il-kontribuzzjoni proprja trid tiżdied b'mod korrispondenti;

    (c)

    jekk l-ammont ta' għajnuna jiżdied, il-miżuri biex jillimitaw d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jkunu aktar estensivi minn dawk imposti inizjalment;

    (d)

    jekk il-miżuri proposti biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu iktar limitati minn dawk imposti inizjalment, l-ammont ta' għajnuna jrid jitnaqqas b'mod korrispondenti;

    (e)

    l-iskeda l-ġdida għall-implimentazzjoni ta' miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tista' tiġi ttardjata fir-rigward tal-iskeda adottata inizjalment għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-benefiċjarju jew tal-Parti Kontraenti biss: jekk dan ma jkunx il-każ, l-amont tal-għajnuna għandha titnaqqas b'mod korrispondenti.

    (125)

    Jekk il-kundizzjonijiet imposti mill-Awtorità jew l-impenji mogħtija mill-Parti Kontraenti ma jibqgħux daqstant restrinġenti, l-ammont tal-għajnuna għandu jitnaqqas b'mod korrispondenti jew jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet oħra.

    (126)

    Jekk il-Parti Kontraenti kkonċernata tintroduċi bidliet fi pjan ta' ristrutturar approvat mingħajr ma tinforma lill-Awtorità kif xieraq, jew jekk il-benefiċjarju ma jimxix mal-pjan ta' ristrutturar approvat, l-Awtorità tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 4(4) tal-Parti II tal-Protokoll 3, kif inhu previst fl-Artikolu 16 tal-Parti II tal-Protokoll 3 (l-użu skorrett tal-għajnuna), mingħajr ħsara għall-Artikolu 23 tal-Parti II tal-Protokoll 3 u għall-possibbiltà ta' azzjoni fil-Qorti tal-EFTA skont l-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3.

    7.2.3.   Il-bżonn li l-Awtorità tiġi nnotifikata b'kull għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta' ristrutturar

    (127)

    Meta l-għajnuna għar-ristrutturar tiġi eżaminata skont dawn il-linji gwida, l-għoti ta' kull għajnuna oħra tul il-perjodu ta' ristrutturar, anki jekk ikun skont skema li diġà tkun ġiet awtorizzata, għandu ċans li jinfluwenza l-valutazzjoni tal-Awtorità rigward il-firxa tal-miżuri meħtieġa biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

    (128)

    Għaldaqstant, in-notifikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristruttruar iridu jindikaw kull tip ta' għajnuna oħra li hemm ippjanata li tingħata lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta' ristrutturar, sakemm ma tkunx koperta mir-regola de minimis jew mir-regoli ta' eżenzjoni. L-Awtorità tikkunsidra din l-għajnuna meta tivvaluta l-għajnuna għar-ristrutturar.

    (129)

    Kull għajnuna li tingħata tul il-perjodu ta' ristrutturar, inkluża l-għajnuna mogħtija skont skema approvata, trid tkun innotifikata individwalment lill-Awtorità, saħansitra anki jekk din tal-aħħar ma tkunx ġiet infurmata dwarha fi żmien id-deċiżjoni tagħha dwar l-għajnuna għar-ristrutturar.

    (130)

    L-Awtorità tiżgura li l-għoti tal-għajnuna skont l-iskemi approvati ma jkunx jista' jikkawża l-ksur tar-rekwiżiti ta' dawn il-linji gwida.

    8.   Ir-rappurtar u l-monitoraġġ

    (131)

    Skont il-Protokoll 3, il-Partijiet Kontraenti għandhom jippreżentaw rapporti annwali lill-Awtorità. Dawn ir-rapporti annwali jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Awtorità.

    (132)

    L-Awtorità, meta tadotta deċiżjoni skont dawn il-linji gwida, tista' timponi obbligi addizzjonali ta' rappurtar rigward l-għajnuna mogħtija sabiex jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni li tkun approvat l-miżura tal-għajnuna tkunx ġiet rispettata. F'ċerti każijiet, l-Awtorità tista' tirrikjedi l-ħatra ta' fiduċjarju ta' monitoraġġ, fiduċjarju ta' ċessjoni jew it-tnejn li huma, biex jiżguraw konformità ma' kull kundizzjoni u obbligu marbut mal-approvazzjoni tal-għajnuna.

    9.   Miżuri xierqa kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3

    (133)

    Skont l-Artikolu 62(1) tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3, l-Awtorità tipproponi li l-Partijiet Kontraenti jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi ta' għajnuna eżistenti tagħhom sabiex iġibuhom konformi ma' dawn il-linji gwida sa mhux aktar tard mill-1 ta' Frar 2015. L-Awtorità ser tagħmel l-awtorizzazzjoni ta' kull skema futura kundizzjonali fuq il-konformità ma' dawn id-dispożizzjonijiet.

    (134)

    Il-Partijiet Kontraenti huma mistiedna jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għall-miżuri xierqa proposti fil-punt 133 fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida fuq il-websajt tal-Awtorità. Fin-nuqqas ta' risposta minn xi Parti Kontraenti, l-Awtorità tassumi li l-Parti Kontraenti inkwistjoni ma taqbilx mal-miżuri proposti.

    10.   Id-data tal-applikazzjoni u t-tul ta' żmien

    (135)

    L-Awtorità ser tapplika dawn il-linji gwida b'effett mid-data tal-adozzjonisal-31 ta' Diċembru 2020.

    (136)

    In-notifiki rreġistrati mill-Awtorità qabel id-data tal-adozzjoni se jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji fis-seħħ fi żmien in-notifika.

    (137)

    L-Awtorità ser teżamina l-kompatibilità mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE ta' kwalunkwe għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u għalhekk li tkun qed tikser l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 abbażi ta' dawn il-linji gwida jekk ftit mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-websajt tal-Awtorità.

    (138)

    Fil-każijiet l-oħra kollha, ser twettaq l-eżami abbażi tal-linji gwida li kienu japplikaw fiż-żmien ta' meta ngħatat l-għajnuna.

    (139)

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-punti 136, 137, u 138, l-Awtorità ser tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 5 mid-data tal-adozzjoni meta teżamina l-għajnuna lill-fornituri tas-SIEĠ f'diffikultà, irrispettivament minn meta din l-għajnuna tkun ġiet innotifikata jew mogħtija.

    (140)

    Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 9 tal-Qafas tas-SIEĠ, l-Awtorità teżamina skont dawn il-linji gwida kwalunkwe għajnuna mogħtija lil fornitur tas-SIEĠ f'diffikultà qabel il-31 ta' Jannar 2012, se tqis li din l-għajnuna hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE jekk tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Qafas tas-SIEĠ, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 9, 14, 19, 20, 24, 39 u 60.

    ANNESS I

    IL-FORMULA  (56) GĦALL-KALKOLU TAL-AMMONT MASSIMU TA' GĦAJNUNA GĦAS-SALVATAĠĠ JEW TA' APPOĠĠ TEMPORANJU GĦAR-RISTRUTTURAR GĦAL PERJODI TA' SITT XHUR

    Formula

    Din il-formula hija bbażata fuq l-introjtu operatorju tal-benefiċjarju (EBIT, il-qligħ qabel l-imgħax u t-taxxa) irreġistrat fis-sena qabel ma ngħatat/ġiet nnotifikata l-għajnuna (muri b't). Ma' dan l-ammont reġa' ġie miżjud id-deprezzament. Imbagħad il-bidliet fil-kapital operatorju jridu jitnaqqsu mit-total. Il-bidla fil-kapital operatorju tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn l-assi kurrenti u l-obbligazzjonijiet kurrenti (57) għall-perjodi magħluqa ta' kontabbiltà l-aktar reċenti. Bl-istess mod, kull dispożizzjoni fil-livell ta' introjtu operatorju trid tiġi indikata b'mod ċar u r-riżultat ma għandux jinkludi dispożizzjonijiet bħal dawn.

    Il-formula timmira li tistma l-fluss tal-flus operattiv negattiv tal-benefiċjarju fis-sena ta' qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna (jew qabel l-għoti tal-għajnuna fil-każ tal-għajnuna mhux notifikata). Nofs dan l-ammont għandu jżomm lill-benefiċjarju fin-negozju għal perjodu ta' sitt xhur. Għaldaqstant, ir-riżultat tal-formola jrid jiġi diviż bi 2 għall-finijiet tal-punt 60. Għall-finijiet tal-punt 117 ir-riżultat tal-formula jrid jiġi mmultiplikat b'1,5.

    Din il-formula tista' tiġi applikata biss meta r-riżultat ikun ammont negattiv. Jekk twassal għal riżultat pożittiv, jeħtieġ li tiġi ppreżentata spejgazzjoni ddettaljata li turi li l-benefiċjarju huwa impriża f'diffikultà kif inhu definit fil-punt 20.

    Eżempju:

    Qligħ qabel l-imgħax u t-taxxi (EUR miljun)

    (12)

    Deprezzament (EUR miljun)

    2

    Karta bilanċjali (EUR miljun)

    31 ta' Diċembru, t

    31 ta' Diċembru, t – 1

    Assi kurrenti

    Flus jew ekwivalenti

    10

    5

    Kontijiet riċevibbli

    30

    20

    Inventarji

    50

    45

    Spejjeż imħallsin minn qabel

    20

    10

    Assi kurrenti oħra

    20

    20

    Assi kurrenti totali

    130

    100

    Obbligazzjonijiet kurrenti

    Kontijiet pagabbli

    20

    25

    Spejjeż akkumulati

    15

    10

    Dħul diferit

    5

    5

    Obbligazzjonijiet kurrenti totali

    40

    40

    Kapital operatorju

    90

    60

    Bidla fil-kapital operatorju

    30

    [– 12 + 2 – 30]/2 = – EUR 20 miljun.

    Billi r-riżultat tal-formula huwa ogħla minn EUR 10 miljun, il-proċedura aċċellerata deskritta fil-punt 121 ma tistax tintuża. Barra minn hekk, f'dan l-eżempju, jekk l-ammont tal-għajnuna għas-salvataġġ jaqbeż l-EUR 20 miljun jew l-ammont tas-sostenn temporanju għar-ristrutturar jaqbeż is-EUR 60 miljun, l-ammont ta' għajnuna jrid jiġi adegwatament iġġustifikat bil-preżentazzjoni ta' pjan ta' likwidità li jistabbilixxi l-ħtiġijiet ta' likwidità tal-benefiċjarju.

    ANNESS II

    Mudell indikattiv ta' pjan ta' ristrutturar

    Dan l-Anness jistabbilixxi tabella indikattiva ta' kontenuti għal pjan ta' ristrutturar, biex tassisti lill-Partijiet Kontraenti u lill-Awtorità fit-tħejjija u r-rieżami tal-pjanijiet ta' ristrutturar tagħhom bl-aktar mod effiċjenti possibbli.

    L-informazzjoni stabbilita hawn taħt hija mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti aktar dettaljati stabbiliti fil-linji gwida li jikkonċernaw il-kontenut ta' pjan ta' ristrutturar u l-kwistjonijiet l-oħrajn li għandhom jintwerew mill-Parti Kontraenti kkonċernata.

    1.

    Deskrizzjoni tal-benefiċjarju

    2.

    Deskrizzjoni tas-suq jew is-swieq fejn jopera l-benefiċjarju

    3.

    Prova tat-tbatija soċjali li l-għajnuna timmira li tipprevjeni jew il-falliment tas-suq li timmira li tindirizza, tqabbil ma' xenarju alternattiv kredibbli li ma jinvolvix għajnuna mill-Istat, li turi kif tali objettiv jew objettivi ma jintlaħqux, jew kieku jintlaħqu fi grad inferjuri, fil-każ tax-xenarju alternattiv.

    4.

    Deskrizzjoni tas-sorsi tad-diffikultajiet tal-benefiċjarju (inkluża valutazzjoni tar-rwol ta' kull nuqqas fil-mudell tan-negozju tal-benefiċjarju jew fis-sistema ta' governanza korporattiva li ħolqu dawn id-diffikultajiet, u kemm dawn id-diffikultajiet setgħu ġew evitati permezz ta' azzjoni ta' ġestjoni xierqa u f'waqtha) u analiżi SWOT

    5.

    Dekrizzjoni ta' pjanijiet possibbli biex jiġu rrimedjati l-problemi tal-benefiċjarju u t-tqabbil ta' dawn il-pjanijiet f'termini tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat meħtieġa u r-riżultati antiċipati ta' dawn il-pjanijiet

    6.

    Deskrizzjoni tal-intervent mill-Istat, id-dettalji kompluti ta' kull miżura mill-Istat (inkluża l-forma, l-ammont u r-rimunerazzjoni ta' kull miżura) u t-turija li l-istrumenti tal-għajnuna mill-Istat magħżulin huma xierqa għall-kwistjonijiet li huma maħsuba biex jindirizzaw

    7.

    Ħarsa ħafifa lejn il-proċess biex jiġi implimentat il-pjan preferut bil-għan li jkun hemm ritorn lejn il-vijabbiltà tal-benefiċjarju fuq terminu twil fi żmien raġonevoli (fil-prinċipju, ma għandux jaqbeż it-tliet snin), inkluża skeda ta' azzjonijiet u kalkolu tal-kostijiet ta' kull azzjoni

    8.

    Pjan ta' direzzjoni ta' negozju li jistabbilixxi l-projezzjonijiet finanzjarji għall-ħames snin li ġejjin u li juri r-ritorn lejn il-vijabbiltà fuq terminu twil

    9.

    Prova li reġa' hemm vijabbiltà kemm f'xenarju ta' referenza kif ukoll f'xenarju pessimistiku, preżentazzjoni u ġustifikazzjoni abbażi ta' stħarriġ tas-suq tas-suppożizzjonijiet użati u analiżi tas-sensittività

    10.

    Miżuri proposti ta' kontribuzzjoni proprja u ta' qsim tal-piżijiet

    11.

    Miżuri proposti biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni


    (1)  Dawn il-linji gwida jikkorrispondi għal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà adottati fid-9 ta' Lulju 2014 (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 4/94/COL (ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1 u s-Suppliment ŻEE Nru 32, 3.9.1). Il-validità ta' dawn il-linji gwida l-ewwel ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 1998 u minn hemm 'il quddiem sal-31 ta' Diċembru 1999.

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 329/99/COL (ĠU L 274, 26.10.2000, p. 1 u s-Suppliment ŻEE Nru 48, 26.10.2000, p. 14).

    (4)  Id-Deċiżjoni Nru 305/04/COL (ĠU L 107, 28.4.2005, p. 28 u s-Suppliment ŻEE Nru 21, 28.4.2005, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni Nru 433/09/COL (ĠU L 48, 25.2.2010, p. 27 u s-Suppliment ŻEE Nru 9, 25.2.2010, p. 12).

    (6)  Id-Deċiżjoni Nru 438/12/COL (ĠU L 190, 11.7.2013, p. 91 u s-Suppliment ŻEE Nru 40, 11.7.2013, p. 15).

    (7)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (State Aid Modernisation -SAM), COM(2012) 209 finali.

    (8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: EWROPA 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 finali.

    (9)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji, COM(2012) 742 finali. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12.3.2014 dwar approċċ ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji, C(2014) 1500 finali, b'mod partikolari l-Premessa 12.

    (10)  Għall-finijiet ta' dawn il-linji gwida, ‘SME’, ‘impriża żgħira’ u ‘impriża ta' daqs medju’ għandhom it-tifsiriet mogħtija lil dawn it-termini fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36). Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar għajnuna għal impriżi mikro, żgħar u medji (SMEs), adottat bid-Deċiżjoni 94/06/COL (ĠU L 36, 5.2.2009, p. 62), jinkorporaw id-definizzjoni stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. ‘Impriża kbira’ tfisser impriża li mhijiex SME.

    (11)  Għall-finijiet ta' dawn il-linji gwida, biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn impriżi ta' sjieda pubblika u dawk ta' sjieda privata, ‘impriżi pubbliċi iżgħar’ huma unitajiet ekonomiċi b'setgħa indipendenti ta' deċiżjoni u jikkwalifikaw bħala impriżi żgħar jew ta' daqs medju skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE li kieku ma kienx għall-fatt li 25 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot huma direttament jew indirettament ikkontrollati, b'mod konġunt jew individwalment, minn korp pubbliku jew aktar.

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24).

    (13)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24.

    (14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta' Lulju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1).

    (15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3632/93/KEFA tat-28 ta' Diċembru 1993 li tistabbilixxi r-regoli tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 329, 30.12.1993, p. 12).

    (16)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet N 175/10 — is-Slovenja, SA 33013 — il-Polonja, N 708/07 — il-Ġermanja, SA 33033 — ir-Rumanija u SA 33861 — l-Ungerija.

    (17)  Kif definit fid-Deċiżjoni 2010/787/UE.

    (18)  Kif definit fl-Anness II tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020, id-Deċiżjoni Nru 407/13/COL (ĠU L 166, 5.6.2014, p. 44, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 33, 5.6.2014, p. 1).

    (19)  Linji Gwida dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Diċembru 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (‘Il-Linji Gwida tal-2013 dwar il-Banek’), Id-Deċiżjoni Nru 464/13/COL (ĠU L 264, 4.9.2014, p. 6)..

    (20)  Regoli speċifiċi ta' dan it-tip jeżistu għas-settur tal-merkanzija ferrovjarja — ara l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal impriżi ferrovjarji, id-Deċiżjoni Nru 788/08/COL (ĠU L 105, 21.4.2011, p. 32, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 23, 21.4.2011, p. 1).

    (21)  Dan huwa l-każ b'mod partikolar għat-tip ta' kumpaniji msemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

    (22)  Fejn ikun relevanti, ‘il-kapital azzjonarju’ jinkludi kull primjum azzjonarju.

    (23)  Dan jirreferi b'mod partikolari għat-tipi ta' kumpaniji msemmijin fl-Anness II tad-Direttiva 2013/34/UE.

    (24)  Sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpanija hix indipendenti jew jekk tiffurmax parti minn grupp, il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE se jiġu kkunsidrati.

    (25)  Fid-deċiżjoni tagħha fil-Kawża Franza vs il-Kummissjoni C-241/94, UE:C:1996:353 (Kimberly Clark Sopalin), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li s-sistema ta' finanzjament fuq bażi diskrezzjonali mill-awtoritajiet Franċiżi, permezz tal-Fond Nazzjonali tal-Impjieg, probabbli kienet ser tqiegħed ċerti impriżi f'sitwazzjoni aktar favorevoli minn oħrajn u għaldaqstant tikkwalifika bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni tal-Qorti ma titfax dubju fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-għajnuna kienet kumpatibbli mas-suq intern.

    (26)  Biex ma jkunx hemm dubji, dan ma jżommx lill-Partijietn Kontraenti milli jinnotifikaw individwalment l-għajnuna għall-SMEs jew għal impriżi pubbliċi iżgħar. F'każijiet bħal dawn, l-Awtorità se tivvaluta l-għajnuna skont il-prinċipji stabbiliti f'dawn il-linji gwida.

    (27)  Ara pereżempju l-Kawża l-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-156/98 UE:C:2000:467, il-paragrafu 78 u l-Kawża Régie Networks vs Rhone Alpes Bourgogne, C-333/07 UE:C:2008:764, il-paragrafi 94-116.

    (28)  Mudell indikattiv ta' pjan ta' ristrutturar huwa stipulat fl-Anness II.

    (29)  Regoli dwar ir-rati applikabbli: ir-rati ta' referenza u ta' skont (‘Linji Gwida dwar ir-Rata ta' Referenza’), id-Deċiżjoni Nru 788/08/COL.

    (30)  Biex ma jkunx hemm dubji, in-nota dwar ir-remunerazzjoni għall-għajnuna għas-salvataġġ tat-tabella tal-marġini ta' self li tinsab f'din il-komunikazzjoni ma tapplikax għall-għajnuna vvalutata skont dawn il-linji gwida.

    (31)  Din il-kontribuzzjoni ma trid tinkludi l-ebda għajnuna. Dan mhuwiex il-każ meta pereżempju, s-self ikollu sussidju ta' rata ta' mgħax jew ikun appoġjat minn garanziji tal-gvern li jkollhom elementi ta' għajnuna.

    (32)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.32698 Air Åland.

    (33)  Għal dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-karta bilanċjali tal-impriża trid tiġi stabbilita meta tingħata l-għajnuna.

    (34)  Fir-rigward tal-għajnuna mhix notifikata, l-Awtorità tikkunsidra fil-valutazzjoni tagħha l-possibbiltà li l-għajnuna tkun ġiet iddikkjarata kumpatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE bħala xi ħaġa differenti minn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar.

    (35)  Ċirkostanza imprevedibbli hija waħda li bl-ebda mod ma setgħet ġiet antiċipata mill-maniġment tal-benefiċjarju meta kien qed jitfassal il-pjan ta' ristrutturar u li mhix minħabba negliġenza jew żbalji min-naħa tal-maniġment tal-benefiċjarju jew minħabba deċiżjonijiet tal-grupp li minnu jagħmel parti.

    (36)  Ara l-Kawżi Konġunti L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, UE:C:2003:252; Kawżi Konġunti, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni, T-415/05, T-416/05 u T-423/05, UE:T:2010:386; Il-Kawża Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-123/09, UE:T:2012:164 (ikkonfermata fuq appell mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Kawża C-287/12 P, UE:C:2013:395).

    (37)  Pereżempju, il-bejgħ ta' portafoll jew ta' assi individwali jista' jkun possibbli, u għalhekk għandu jsir fi żmien sinifikattivament aktar qasir mill-bejgħ ta' negozju bħala negozju avvjat, b'mod partikolari meta dan in-negozju jrid l-ewwel jitneħħa minn entità akbar.

    (38)  F'dan ir-rigward l-Awtorità tista' tikkunsidra wkoll jekk il-benefiċjarju huwiex impriża kbira jew ta' daqs medju.

    (39)  B'mod partikolari, il-livelli ta' konċentrazzjoni, ir-restrizzjonijiet fil-kapaċità, il-livell tal-profittabbiltà u l-ostakoli għad-dħul u l-espansjoni jistgħu jiġu kkunsidrati.

    (40)  Il-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (‘Protokoll 3’).

    (41)  Il-kawża Textilwerke Deggendorf vs Il-Kummissjoni et, C-355/95 P, UE:C:1997:241.

    (42)  Bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta' informazzjoni kunfidenzjali oħra f'każijiet iġġustifikati kif dovut, u suġġett għall-approvazzjoni tal-Awtorità (Kapitolu dwar is-sigriet professjonali fid-deċiżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat, Deċiżjoni Nru 15/04/COL (ĠU L 154, 8.6.2006, p. 27, u suppliment taż-ŻEE Nru 29, 8.6.2006, p. 1).

    (43)  L-ammont li għandu jiġi ppubblikat huwa l-ogħla benefiċċju tat-taxxa permess u mhux l-ammont imnaqqas ta' kull sena (pereż. fil-kuntest ta' kreditu ta' taxxa jiġi ppubblikat l-ogħla kreditu ta' taxxa permess aktar milli l-ammont effettiv li jista' jiddependi fuq id-dħul taxxabbli u ta' kull sena jista' jvarja).

    (44)  Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fi żmien 6 xhur mid-data tal-għotja (jew, għal għajnuna fil-forma ta' vantaġġ tat-taxxa, fi żmien sena mid-data tad-dikjarazzjoni fiskali). F'każ ta' għajnuna mhux skont il-liġi, il-Partijiet Kontraenti se jkunu meħtieġa jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni ex post, mill-inqas fi żmien 6 xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Awtorità. L-informazzjoni tkun disponibbli f'format li jippermetti li jsir tiftix għad-dejta, tista' tkun estratta, u tista' faċilment tiġi ppubblikata fuq l-Internet, pereżempju f'format CSV jew XML.

    (45)  Ma hemmx bżonn li tiġi ppubblikata informazzjoni fuq għajnuna mogħtija qabel l-1 ta' Lulju 2016 u, għal għajnuna fiskali, il-pubblikazzjoni tal-għajnuna mitluba jew mogħtija qabel l-1 ta' Lulju 2016.

    (46)  Qafas għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku (‘il-Qafas SGEI’), id-Deċiżjoni Nru 12/12/COL (ĠU L 161, 13.6.2013, p. 12, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 34, 13.6.2013, p. 1).

    (47)  L-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna tal-Istat għal kumpens mogħtija għall-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (‘id-Deċiżjoni SGEI’), id-Deċiżjoni Nru 12/12/COL.

    (48)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1), inkorporat f'punt 4(a) tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 85/2008 (ĠU L 280, 23.10.2008, p. 20, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 64, 23.10.2008, p. 13).

    (49)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3), l-Artikoli 16, 17 u 18, inkorporat f'punt 64(a) tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 90/2011 (ĠU L 262, 6.10.2011, p. 62, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 54, 6.10.2011, p. 78).

    (50)  Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru, id-Deċiżjoni 216/14/COL.

    (51)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7), inkorporat f'punt 53(a) tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 70/1997 (ĠU L 30, 5.2.1998, p. 42, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 5, 5.2.1998, p. 175).

    (52)  Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu, id-Deċiżjoni Nru 62/04/COL (ĠU L 240, 13.9.2007, p. 9, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 43, 13.9.2007, p. 1).

    (53)  għall-għanijiet ta' Kapitlu 6, ‘SME’ tinkludi impriżi pubbliċi iżgħar.

    (54)  Biex ma jkunx hemm dubji, in-nota dwar ir-remunerazzjoni għall-għajnuna għas-salvataġġ tat-tabella tal-marġini ta' self li tinsab f'din il-komunikazzjoni ma tapplikax għall-għajnuna vvalutata skont dawn il-linji gwida.

    (55)  Metodoloġija komuni bħal din tista' tiġi pprovduta mill-Awtorità.

    (56)  Mal-EBIT għandu jingħadd id-deprezzament fl-istess perjodu flimkien mal-bidliet fil-kapital li jdur tul perjodu ta' sentejn (is-sena ta' qabel u ta' wara l-applikazzjoni), diviż bi 2 biex jiġi determinat ammont tul sitt xhur.

    (57)  Attivi kurrenti: fondi likwidi, ammonti riċevibbli (kontijiet tal-klijent u d-debitur), assi kurrenti oħra u spejjeż imħallsin minn qabel, inventarji. Obbligazzjonijiet kurrenti: dejn finanzjarju, kontijiet tan-negozju pagabbli (il-kontijiet tal-fornitur u tal-kreditur) u obbligazzjonijiet kurrenti oħra, dħul diferit, obbligazzjonijiet oħra akkumulati, obbligazzjonijiet ta' taxxa.


    Top