Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2013C0028

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 28/13/COL tat- 30 ta’ Jannar 2013 li temenda, għat-88 darba, ir-regoli proċedurali u sostanttivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni f'perjodu qasir

    ĠU L 343, 19.12.2013, p. 54–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 343, 19.12.2013, p. 54–54 (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Mibdul minn E2021C0293

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/28(1)/oj

    19.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 343/54


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 28/13/COL

    tat-30 ta’ Jannar 2013

    li temenda, għat-88 darba, ir-regoli proċedurali u sostanttivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni f'perjodu qasir

    L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità tas-Sorveljanza u l-Qorti tal-Ġustizzja (2), u b' mod partikolari l-Artikoli 5(2)(b) u 24 tiegħu,

    Filwaqt li tfakkar ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (3),

    Billi:

    Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

    Billi skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jipprovdi hekk espressament jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,

    Fis-6 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni ġdida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir  (4)

    Dik il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    Applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE għandha tkun żgurata fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

    Skont il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma' dawk li adottati mill-Kummissjoni Ewropea,

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati tal-EFTA ġew ikkonsultati,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati bl-intorduzzjoni ta' kapitolu ġdid dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir. Il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2013.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

    Oda Helen SLETNES

    Il-President

    Sabine MONAUNI-TÖMÖRDY

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Il-“Ftehim taż-ŻEE”.

    (2)  Il-“Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

    (3)  Il-linji gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġin mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala ĠU) L 231 tat-3.9.1994 p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 32 tat-3.9.1994 p. 1. Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tinsab fuq il-websjat tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

    (4)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir, (ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1)


    ANNESS

    LINJI GWIDA DWAR L-ASSIGURAZZJONI TA' KREDITU GĦALL-ESPORTAZZJONI GĦAL PERJODU QASIR  (1)

    1   Introduzzjoni

    (1)

    Is-sussidji fuq l-esportazzjoni jistgħu jaffettwaw ħażin il-kompetizzjoni fis-suq fost fornituri rivali potenzjali ta' merkanzija u servizzi. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”), bħala l-gwardjani tal-kompetizzjoni skont it-Trattat KE u l-Ftehim taż-ŻEE, dejjem ikkundannaw b'qawwa l-għajnuna għall-esportazzjoni għal kummerċ intra-ŻEE u għal esportazzjonijiet barra miż-ŻEE. Biex jiġi evitat li l-appoġġ tal-Istati taż-ŻEE għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni ma joħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-valutazzjoni tiegħu skont ir-regoli taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (2)

    Fl-1998, l-Awtorità stabbiliet il-prinċipji għal intervent mill-Istat fil-Linji Gwida tagħha dwar assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir (2). Il-Linji Gwida tal-1998 kellhom japplikaw għal perjodu ta’ kważi ħames snin mill-1 ta' Ġunju 1998. Dawn ġew sussegwentament emendati u l-perjodu tagħhom ta' applikazzjoni ġie estiż fl-2001 (3).

    (3)

    L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998, partikolarment matul il-kriżi finanzjarja bejn l-2009 u l-2011, tissuġġerixxi li l-politika tal-Awtorità f'dan il-qasam għandha tiġi riveduta.

    (4)

    Ir-regoli stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida għandhom jgħinu sabiex jassiguraw li l-għajnuna mill-Istat ma tfixkilx il-kompetizzjoni fost assiguraturi ta' esportazzjonijiet ta' kreditu appoġġat b’mod privat u pubbliku jew b’mod pubbliku u sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-esportaturi.

    (5)

    L-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-Istati tal-EFTA bi gwida aktar dettaljata dwar il-prinċipji li fuqhom l-Awtorità biħsiebha li tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-applikazzjoni tagħhom għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir. Dawn għandhom jagħmlu l-politika tal-Awtorità f’dan il-qasam trasparenti kemm jista’ jkun u tiżgura li jkun hemm prevedibbiltà u trattament ugwali. Għal dak il-għan, jistabbilixxu sett ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti meta l-assiguraturi mill-Istat ikunu jixtiequ jidħlu fis-suq tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir f'dak li jirrigwarda r-riskji kummerċabbli.

    (6)

    Riskji li fil-prinċipju mhumiex kummerċabbli jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida.

    (7)

    It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-kamp ta' applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u d-definizzjonijiet użati fiha. It-Taqsima 3 tittratta l-applikabilità tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE u l-projbizzjoni ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat għall-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjonijiet ta’ riskji kummerċabbli. Fl-aħħarnett, it-Taqsima 4 tipprovdi xi eċċezzjonijiet mid-definizzjoni ta’ riskji kummerċabbli u tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-intervent min-naħa tal-Istat fl-assigurazzjoni ta’ dawk ir-riskji li temporanjament ma jkunux kummerċabbli.

    2   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida u definizzjonijiet

    2.1   Kamp ta' applikazzjoni

    (8)

    L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida biss għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni b’perjodu ta' riskju ta' anqas minn sentejn. L-istrumenti finanzjarji l-oħrajn kollha tal-esportazzjoni huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida.

    2.2   Definizzjonijiet

    (9)

    Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

     

    “koassigurazzjoni” tfisser il-perċentwali ta’ kull telf assigurat li mhuwiex indennizzat mill-assiguratur iżda huwa soffert minn assiguratur ieħor;

     

    “perjodu ta’ kreditu” tfisser il-perjodu ta' żmien mogħti lix-xerrej sabiex iħallas għall-oġġetti u s-servizzi fornuti fi tranżazzjoni ta’ esportazzjonijiet bi kreditu;

     

    “riskji kummerċjali” tfisser riskji li jinkludu, b’mod partikolari:

    repudjazzjoni arbitrarja ta' kuntratt minn xerrej, jiġifieri kwalunkwe deċiżjoni arbitrarja li ssir minn xerrej mhux pubbliku biex jinterrompi jew jittermina l-kuntratt mingħajr raġuni leġittima;

    ir-rifjut arbitrarju minn xerrej mhux pubbliku biex jaċċetta l-oġġetti koperti bil-kuntratt mingħajr raġuni leġittima;

    l-insolvenza ta’ xerrej mhux pubbliku u l-garanti tiegħu;

    nuqqas bid-dewmien, jiġifieri n-nuqqas ta’ pagament minn xerrej mhux pubbliku jew minn garanti ta’ debitu li jirriżulta mill-kuntratt;

     

    “assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni” tfisser il-prodott tal-assigurazzjoni fejn l-assiguratur jipprovdi assigurazzjoni kontra riskju kummerċjali u politiku relatat mal-obbligi tal-ħlas f'tranżazzjoni ta' esportazzjoni.

     

    “perjodu ta’ manifattura” tfisser il-perjodu bejn id-data ta’ ordni u l-kunsinja tal-oġġetti jew is-servizzi.

     

    “riskji kummerċjali” tfisser ir-riskji kummerċjali u politiċi b'perjodu massimu ta' riskju ta’ anqas minn sentejn, fuq xerrejja pubbliċi u mhux pubbliċi fil-pajjiżi elenkati fl-Appendiċi; ir-riskji l-oħrajn kollha jitqiesu mhux kummerċjabbli għall-finijiet ta' dawn il-Linji Gwida;

     

    “riskji politiċi” tfisser riskji li jinkludu, b’mod partikolari:

    ir-riskju li xerrej pubbliku jew pajjiż ma jħallix l-għeluq ta’ tranżazzjoni jew ma jħallasx fil-ħin;

    riskju li huwa lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ xerrej individwali jew li jaqa' lil hinn mir-responsabbiltà ta’ xerrej individwali;

    ir-riskju li pajjiż jonqos milli jittrasferixxi lejn il-pajjiż tal-assigurat il-flus mħallsa minn xerrejja domiċiljati f’dak il-pajjiż;

    ir-riskju li każ ta’ forza maġġuri jseħħ barra mill-pajjiż tal-assiguratur, li jista’ jinkludi avvenimenti bħalma hi gwerra, sakemm l-effetti tagħhom mhumiex assigurati mod ieħor.

     

    “assiguratur ta' kreditu privat” tfisser kumpanija jew organizzazzjoni li ma tkunx assiguratur tal-Istat li jipprovdi assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni;

     

    “sehem ta’ kwota” tfisser ir-riassigurazzjoni li teħtieġ l-assiguratur biex jittrasferixxi, u r-riassiguratur li jaċċetta, perċentwali partikolari ta’ kull riskju f’kategorija definita ta’ negozju miktuba mill-assiguratur;

     

    “riassigurazzjoni” tfisser l-assigurazzjoni li tinxtara minn kumpanija tal-assigurazzjoni minn assiguratur ieħor biex jiġi ġestit ir-riskju billi titbaxxa r-riskju tiegħu stess;

     

    “perjodu ta' riskju” tfisser il-perjodu ta’ manifattura flimkien mal-perjodu tal-kreditu;

     

    “kopertura fuq riskju wieħed” tfisser il-kopertura għall-bejgħ kollu lil xerrej wieħed jew għal kuntratt singolu b'xerrej wieħed.

     

    “assigurat tal-Istat” tfisser kumpanija jew organizzazzjoni oħra li tipprovdi assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni bl-appoġġ ta’, jew f'isem, Stat taż-ŻEE, jew Stat taż-ŻEE li jipprovdi assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni;

     

    “kopertura supplimentari” tfisser il-kopertura addizzjonali fuq limitu ta’ kreditu stabbilit minn assiguratur ieħor;

     

    “politika sħiħa tal-bejgħ” tfisser il-polza tal-assigurazzjoni ta' kreditu minbarra kopertura unika ta’ riskju; jiġifieri polza ta' assigurazzjoni ta' kreditu li tkopri l-bejgħ kollu tal-assigurat li jsir bil-kreditu jew il-biċċa l-kbira tiegħu, kif ukoll il-krediti dovuti minn bejgħ lil għadd ta' xerrejja differenti.

    3   L-Applikabilità tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE

    3.1   Il-prinċipji ġenerali

    (10)

    L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jistipula li “kwalunkwe għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stati Membri tal-KE, Stati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn tkun tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim”.

    (11)

    Jekk l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet hija pprovduta minn assiguraturi mill-Istat, dan jinvolvi riżorsi tal-Istat. L-involviment tal-Istat jista’ jagħti l-assiguraturi u/jew l-esportaturi vantaġġ selettiv u għalhekk jista’ joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati taż-ŻEE. Il-prinċipji li ġejjin huma maħsuba biex jipprovdu gwida dwar kif tali miżuri ser jiġu vvalutati skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    3.2   Għajnuna għal assiguraturi

    (12)

    Jekk l-assiguraturi mill-Istat jkollhom ċerti vantaġġi meta mqabbla ma’ assiguraturi tal-kreditu privati, tista’ tkun involuta għajnuna mill-Istat. Il-vantaġġi jistgħu jieħdu suriet differenti, u jistgħu jinkludu, pereżempju:

    (a)

    garanziji mill-Istat tas-self u t-telf;

    (b)

    eżenzjoni mir-rekwiżit sabiex jiġu kkostitwiti riżervi xierqa u l-ħtiġijiet oħra li ġejjin mill-esklużjoni ta' operazzjonijiet ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għall-kont ta' jew iggarantiti mill-Istat mid-Direttiva 73/239/KEE tal-Kunsill Prim tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (4);

    (c)

    ħelsien jew eżenzjoni minn taxxi li normalment għandom jitħallsu (bħal taxxi tal-kumpanija u taxxi imposti fuq poloz tal-asssigurazzjoni),

    (d)

    għoti ta’ għajnuna jew proviżjonijiet ta’ kapital mill-Istat jew forom oħra ta’ ffinanzjar li ma jkunux konformi mal-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq;

    (e)

    dispożizzjoni mill-Istat ta’ servizzi in natura, bħal aċċess għal u użu ta’ infrastruttura, faċilitajiet jew informazzjoni privileġġata Statali, b'termini li ma jirriflettux il-valur fis-suq tagħhom;

    (f)

    riassigurazzjoni diretta mill-Istat jew garanzija ta' riassigurazzjoni diretta mill-Istat b'kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk disponibbli fis-suq tar-riassigurazzjoni privata, li jwasslu biex ikun hemm prezzijiet eċċessivament baxxi għall-polza tar-riassigurazzjoni jew biex tinħoloq artifiċjalment kapaċità li ma tkunx disponibbli fis-suq privat.

    3.3   Projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-krediti għall-esportazzjoni

    (13)

    Il-vantaġġi għal assiguraturi tal-Istat elenkati fil-punt 12 fir-rigward ta’ riskji kummerċabbli jaffettwaw il-kummerċ intra-ŻEE f’servizzi tal-assigurazzjoni ta' kreditu. Huma jwasslu biex ikun hemm varjazzjonijiet fil-kopertura ta' assigurazzjoni disponibbli fi Stati taż-ŻEE differenti fir-rigward tar-riskji kummerċabbli. Din toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-assigurati fi Stati taż-ŻEE differenti u għandha effetti sekondarji fuq il-kummerċ intra-ŻEE irrispettivament jekk jinvolvix esportazzjoni intra-ŻEE jew esportazzjoni barra miż-ŻEE (5). Huwa meħtieġ li jkunu definiti l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom l-assiguraturi tal-Istat jistgħu joperaw jekk ikollhom xi tali vantaġġi meta mqabbel ma’ assiguraturi privati tal-kreditu biex jiżguraw li ma jibbenefikawx mill-għajnuna tal-Istat. Dan jeħtieġ li huma ma jkunux jistgħu jassiguraw riskji kummerċabbli.

    (14)

    Vantaġġi għall-assiguraturi tal-Istat xi drabi jistgħu wkoll jiġu mgħoddija fuq l-esportaturi, għall-anqas parzjalment. Tali vantaġġi jistgħu jkunu ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u l-kummerċ u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Madankollu, jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal riskji li temporanjament ma jkunux kummerċabbli, skont it-Taqsima 4.3 ta’ dawn il-Linji Gwida, huma sodisfatti, l-Awtorità se tikkunsidra li l-ebda vantaġġ żejjed ma ġie mgħoddi lill-esportaturi.

    4   Il-kundizzjonijiet li jipprovdu assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal riskji temporanjament mhux kummerċabbli

    4.1   Il-prinċipji ġenerali

    (15)

    Kif mistqarr fil-punt 13, jekk l-assiguraturi tal-Istat għandhom kwalunkwe vantaġġ meta mqabbla ma’ assiguraturi tal-kreditu privati, kif deskritt fil-punt 12, ma jridux jiġu assigurati riskji kummerċabbli. Jekk l-assiguraturi tal-Istat jew is-sussidjarji tagħhom ikunu jixtiequ jassiguraw ir-riskji kummerċabbli, jeħtieġ li jkun żgurat li waqt li jagħmlu dan, ma jkunux qegħdin direttament jew indirettament jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat. Għal dan il-għan, irid ikollhom ċertu ammont ta’ fondi proprji (marġni ta’ solvenza, inkluż fond ta’ garanzija) u dispożizzjonijiet tekniċi (riserva ta’ ekwalizzazzjoni) u għandhom ikunu kisbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 73/239/KEE. Iridu wkoll għall-inqas iżommu kont separat għall-amministrazzjoni u kontijiet separati għal assigurazzjoni tagħhom ta’ riskji kummerċabbli u riskji mhux kummerċabbli f'isem l-Istat jew garantiti minnu, li juru li huma ma jirċivux għajnuna mill-Istat għall-assigurazzjoni tagħhom ta’ riskji kummerċabbli. Il-kontijiet għal kummerċ assigurat f'isem l-assiguratur proprju għandhom ikunu konfomi mad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KE (6).

    (16)

    L-Istati tal-EFTA li jipprovdu kopertura ta’ assigurazzjoni mill-ġdid lil assiguratur ta' kreditu għall-esportazzjoni permezz ta’ parteċipazzjoni jew involviment fi trattati ta’ assigurazzjoni mill-ġdid tas-settur privat li jkopru kemm riskji kummerċabbli kif ukoll riskji mhux kummerċabbli għandhom jagħtu prova li l-arranġamenti ma jinvolvux għajnuna mill-Istat imsemmija fil-punt 12(f).

    (17)

    L-assiguraturi tal-Istat jistgħu jipprovdu assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet għal riskji temporanjament mhux kummerċabbli, suġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida.

    4.2   L-Eċċezzjonijiet għad-definizzjoni ta’ riskji kummerċabbli: riskji li temporanjament ma jkunux kummerċabbli

    (18)

    Minkejja d-definizzjoni ta’ riskji kummerċabbli, ċertu riskji kummerċjali u politiċi mġarrba fuq xerrejja stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Appendiċi huma kkunsidrati mhux kummerċabbli fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    jekk l-Awtorità tiddeċiedi li temporanjament tneħħi pajjiż jew aktar pajjiżi mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċabbli fl-Appendiċi, permezz tal-mekkaniżmu deskritt fit-Taqsima 5.2, minħabba li l-kapaċità tas-suq privat tal-assigurazzjoni ma tkunx biżżejjed biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli fil-pajjiż jew pajjiżi kkonċernati;

    (b)

    jekk l-Awtorità, wara li tkun rċeviet notifika minn Stat tal-EFTA, tiddeċiedi li r-riskji mġarrba mill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif definiti mir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 li jikonċernaw it-tifsira ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (7), bid-dħul totali annwali tal-esportazzjoni li ma jaqbiżx EUR 2 miljun, huma temporanjament mhux kummerċabbli għal esportaturi fl-Istat Membru notifikatur;

    (c)

    jekk l-Awtorità, wara li tkun irċeviet notifika minn Stat tal-EFTA, tiddeċiedi li kopertura unika ta’ riskju tkopri tal-anqas il-perjodu ta’ 181 jum u inqas minn sentejn huwa temporanjament mhux kummerċabbli għal esportaturi fl-Istat tal-EFTA notifikatur;

    (d)

    jekk l-Awtorità, wara li tkun irċeviet notifika minn Stat tal-EFTA, tiddeċiedi li minħabba nuqqas ta’ assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, ċerti riskji huma temporanjament mhux kummerċabbli għal esportaturi fl-Istat tal-EFTA notifikatur.

    (19)

    Sabiex jiġu minimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq taż-ŻEE, ir-riskji kkunsidrati bħala temporanji mhux kummerċabbli speċifikati fil-punt 18 jistgħu jkunu koperti minn assiguraturi tal-Istat, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet fit-Taqsima 4.3.

    4.3   Kundizzjonijiet għall-provvista ta’ kopertura għal riskji temporanji mhux kummerċabbli

    4.3.1   Il-kwalità tal-kopertura

    (20)

    Il-kwalità tal-kopertura offruta minn assiguraturi tal-Istat għandhom ikunu konsistenti mal-istandards tas-suq. B'mod partikolari, jistgħu jkunu koperti biss ir-riskji ekonomikament ġustifikati, jiġifieri riskji li huma aċċettabbli fuq il-bażi ta' prinċipji ta’ sottoskrizzjoni sodi. Il-perċentwali massimu ta’ kopertura għandu jkun 95 % għal riskji kummerċjali u riskji politiċi u l-perjodu ta’ stennija tal-klejms għandu jkun minimu ta’ 90 ġurnata.

    4.3.2   Il-prinċipji ta’ sottoskrizzjoni

    (21)

    Prinċipji sodi ta’ sottoskrizzjoni għandhom dejjem jiġu applikati għall-valutazzjoni tar-riskji. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ tranżazzjonijiet finanzjarment mhux sodi ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kopertura permezz tal-iskemi appoġġati pubblikament. Fir-rigward ta’ prinċipji bħal dawn, il-kriterji għall-aċċettazzjoni tar-riskji għandhom ikunu espliċiti. Jekk tkun diġà teżisti relazzjoni kummerċjali, l-esportaturi għandu jkollhom esperjenza pożittiva ta’ skambju u/jew ta' ħlas. Jeħtieġ li x-xerrejja jkollhom rekord nadif tal-pretensjonijiet, il-probabbiltà ta’ inadempjenza tax-xerrejja għandha tkun aċċettabbli u l-gradazzjonijiet finanzjarji interni u/jew esterni tagħhom jeħtieġ ukoll li jkunu aċċettabbli.

    4.3.3   Ipprezzar adegwat

    (22)

    It-teħid ta’ riskju fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għandu jkun renumerat permezz ta’ primjum xieraq. Biex jiġi minimizzat l-effett li jinqalgħu barra assiguraturi tal-kreditu privati, il-medja ta' primjums fi skemi appoġġati pubblikament għandha tkun ogħla mill-medja tal-primjums mitluba minn assiguraturi ta' kreditu privati għal riskji simili. Dan ir-rekwiżit jiżgura li l-interventi mill-Istat jitneħħew gradwalment, minħabba li l-primjum ogħla se jiżgura li l-esportaturi jerġħu lura għall-assiguraturi privati malli l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettulhom u r-riskju jsir kummerċabbli mill-ġdid.

    (23)

    L-ipprezzar huwa kkunsidrat adegwat jekk il-primjum minimu (8) (“il-primjum fil-limitu tal-eżenzjoni”) għal kategorija rilevanti ta’ riskju (9) kif stipulat fit-tabella li ġejja huwa mitlub. Il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni japplika sakemm l-Istati tal-EFTA jipprovdu evidenza li dawn ir-rati mhumiex xierqa għal każ inkwistjoni. Għal politika sħiħa tal-bejgħ, il-kategorija tar-riskju għandha tikkorrispondi mal-medja tar-riskju tax-xerrejja koperti mill-polza.

    Kategorija tar-riskju

    Il-Primjum annwali tar-riskju (10)

    (% ta’ volum assigurat)

    Kwalità eċċellenti (11)

    0,2 – 0,4

    Kwalità tajba (12)

    0,41 – 0,9

    Sodisfaċenti (13)

    0,91 – 2,3

    Dgħajfa (14)

    2,31 – 4,5

    (24)

    Għall-koassigurazzjoni, is-sehem tal-kwota u l-kopertura supplementari, l-ipprezzar huwa meqjus bħala adegwat biss jekk il-primjum mitlub huwa mill-anqas 30 % ogħla mill-premium għall-(oriġinali)kopertura provduta b'assigurant ta' kreditu privat.

    (25)

    Miżata ta’ amministrazzjoni trid tiżdied mal-primjum tar-riskju irrispettivament taż-żmien tal-kuntratt.

    4.3.4.   Trasparanza u rappurtar

    (26)

    L-Istati tal-EFTA jridu jippubblikaw l-iskemi stabbiliti għar-riskji kkunsidrati temporanjament mhux kummerċabbli skont il-punt 18 fuq il-websajts ta’ assiguraturi tal-Istat, li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet kollha applikabbli.

    (27)

    Iridu jressqu rapporti annwali lill-Awtorità dwar riskji kkunsidrati temporanjament mhux kummerċabbi skont il-punt 18 u huma koperti mill-assuguraturi mill-Istat. Huma għandhom jagħmlu dan sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena wara l-intervent.

    (28)

    Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar l-użu ta’ kull skema, inkluż partikolarment il-volum totali tal-limiti ta’ kreditu mogħtija, il-fatturat assigurat, il-primjums imposti, il-klejms irreġistrati u mħallsa, l-ammonti rkuprati u l-ispejjeż amministrattivi tal-iskema. L-Awtorità tippubblika r-rapporti fuq il-websajt tagħha.

    5   Kwistjonijiet Proċedurali

    5.1   Il-prinċipji ġenerali

    (29)

    Ir-riskji speċifikati fil-punt 18(a) jistgħu jiġu koperti minn assiguraturi tal-Istat, soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-Taqsima 4.3. L-Awtorità ma għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata f'każijiet bħal dawn.

    (30)

    Ir-riskji speċifikati fil-punt 18(b), (c) u (d) jistgħu jiġu koperti minn assiguraturi tal-Istat, soġġetti għall-kundizzjonijiet fit-Taqsima 4.3 u wara n-notifika lil u l-approvazzjoni tal-Awtorità.

    (31)

    Nuqqas li tkun sodisfatta xi waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima 4.3 ma jfissirx li l-assigurazzjoni jew l-iskema ta’ assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni hija awtomatikament ipprojbita. Jekk Stat tal-EFTA jkun jixtieq imur lil hinn minn kwalunkwe kundizzjoni jew jekk ikun hemm xi dubju dwar jekk skema ppjanata ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoniti ssodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f'dawn il-Linji Gwida, l-Istati tal-EFTA jridu jinnotifikataw l-iskema lill-Awtorità.

    (32)

    L-analiżi skont ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat ma tiġġudikax minn qabel il-kompatibbiltà ta’ miżura partikolari mad-dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim taż-ŻEE.

    5.2   Il-modifika tal-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċabbli

    (33)

    Meta tkun qed tiddetermina jekk in-nuqqas ta’ kapaċità privata suffiċjenti jiġġustifikax it-tneħħija temporanja ta’ pajjiż minn fuq lista ta’ pajjiżi b’riskju kummerċabbli, kif stabbilit fil-punt 18(a), l-Awtorità se tqis dawn il-fatturi, f’ordni ta’ prijorità:

    (a)

    in-nuqqas ta’ kapaċità privata għall-assigurazzjoni ta' kreditu: b'mod partikolari, id-deċiżjoni ta' assiguratur ta’ kreditu ewlieni biex ma jkoprix riskji marbuta ma' xerrejja fil-pajjiż ikkonċernat, tnaqqis sinifikanti fl-ammonti totali assigurati jew tnaqqis sinifikanti fil-proporzjon ta’ aċċettazzjoni tal-pajjiż kkonċernat f’perjodu ta' sitt xhur;

    (b)

    deterjorazzjoni fil-gradazzjoni sovrana tas-settur: b’mod partikolari, bidliet għal għarrieda fil-gradazzjonijiet ta' kreditu f'perjodu ta' sitt xhur, pereżempju minħabba diversi twaqqigħ mill-aġenziji indipendenti tal-klassifikazzjoni, jew żieda kbira fis-Swap ta' Inadempjenza tal-Kreditu;

    (c)

    deterjorazzjoni tal-prestazzjoni tas-settur korporattiv: b'mod partikolari, żieda qawwija ta' insolvenzi fil-pajjiż ikkonċernat għal perjodu ta’ sitt xhur.

    (34)

    Meta l-kapaċità tas-suq issir biżżejjed biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli, l-Awtorità tista’ tirrevedi l-lista ta' pajjiżi ta’ riskju kummerċabbli b'talba bil-miktub ta’ minn tal-anqas Stat tal-EFTA jew b'inizjattiva tagħha stess.

    (35)

    Jekk l-Awtorità bi ħsiebha timmodifika l-lista fl-Appendiċi ta’ pajjiżi b’riskju kummerċabbli, se tikkonsulta u tfittex mingħand l-Istati tal-EFTA, assiguraturi privati u partijiet interessati. Il-konsultazzjoni u t-tip ta’ informazzjoni mitluba titħabbar fuq il-websajt tal-Awtorità. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni normalment mhux se jkun itwal minn 20 jum ta’ xogħol. Meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, l-Awtorità tiddeċiedi li timmodifika l-lista ta’ pajjiżi ta' riskju kummerċabbli, hija tinforma lill-Istati tal-EFTA bil-miktub u tħabbar id-deċiżjoni fuq il-websajt tagħha.

    (36)

    It-tneħħija temporanja ta’ pajjiż mil-lista ta' pajjiżi ta' riskju kummerċabbli se tkun valida għal mhux inqas minn 12-il xahar. Poloz tal-assigurazzjoni relatati mal-pajjiż temporanjament eliminat ffirmati matul dak il-perjodu jistgħu jkunu validi għal massimu ta’ 180 jum wara d-data li fiha it-tneħħija temporanja ma tibqax valida. Polzi ġodda tal-assigurazzjoni ma jistgħux jiġu ffirmati wara dik id-data. Tliet xhur qabel tiskadi t-tneħħija temporanja, l-Awtorità tikkunsidra jekk ittawwalx il-perjodu ta' tneħħija tal-pajjiż kkonċernat minn fuq il-lista. Jekk, meta tqis il-fatturi stipulati fil-punt 33, l-Awtorità tiddetermina li għad ma hemmx biżżejjed kapaċità tas-suq biex tkopri r-riskji ekonomikament ġustifikabbli kollha, tista’ ttawwal it-tneħħija temporanja tal-pajjiż mil-lista, skont il-punt 35.

    5.3   Notifika tal obbligazzjonijiet għal eċċezzjonijiet fil-punt 18(b) u (c)

    (37)

    L-evidenza li bħalissa qiegħda f'idejn l-Awtorità tissuġġerixxi li jista' jkun hemm lakuna fis-suq rigward ir-riskji speċifikati fil-punti 18(b) u (c) u li dawk ir-riskji huma għalhekk mhux kummerċabbli (15). Madankollu, għandu jibqa jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta' kopertura ma jeżistix f'kull Stat taż-ŻEE u li s-sitwazzjoni tista' tinbidel matul iż-żmien, hekk kif is-settur privat jista' jsir interessat fis-segment tas-suq. Intervent mill-Istat għandu jkun permess biss għal riskji li s-suq kieku ma jkoprix.

    (38)

    Għal dawn ir-raġunijiet, meta Stat tal-EFTA jixtieq ikopri r-riskji speċifikati fil-punt 18(b) jew (c), għandu jagħmel notifika lill-Awtorità skont il-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u fin-notifika tiegħu juri li kkuntattja l-assiguraturi u s-sensara ewlenin fl-Istati tal-EFTA (16) u tahom l-opportunità li jipprovdu evidenza li l-koperta għar-riskji ikkonċernati hija disponibbli fil-pajjiż. Jekk l-assiguraturi ta' kreditu kkonċernati ma jagħtux lill-Istat tal-EFTA jew lill-Awtorità l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ kopertura u l-kwantità diġà assigurati tat-tip ta’ riskji li l-Istat tal-EFTA jrid ikopri fi żmien 30 jum minn meta jirċievu t-talba mingħand l-Istat tal-EFTA, jew jekk l-informazzjoni pprovduta ma turix li kopertura għar-riskji ikkonċernati hija disponibbli fl-Istat tal-EFTA, l-Awtorità tikkunsidra r-riskji temporanjament mhux kummerċabbli.

    5.4   Notifika ta’ obbligazzjoni f'każijiet oħra

    (39)

    Fir-rigward tar-riskji speċifikati fil-punt 18(d), l-Istat tal-EFTA kkonċernat irid, fl-avviż tiegħu lill-Awtorità skont Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, juri li mhux disponibbli kopertura għall-esportaturi f'dak l-Istat tal-EFTA partikolari minħabba xokk fil-provvista fis-suq tal-assigurazzjoni privata, b'mod partikolari l-irtirar ta’ assiguratur tal-kreditu prinċipali mill-Istat tal-EFTA kkonċernat, kapaċità mnaqqsa jew firxa limitata ta' prodotti meta mqabbla ma’ Stati tal-EFTA oħra.

    6   Id-Data ta’ applikazzjoni u t-tul

    (40)

    L-Awtorità se tapplika l-prinċipji f'dawn il-Linji Gwida mid-data tal-adozzjoni tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2018


    (1)  Dawn il-Linji Gwida jikkorrispondu mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir, (ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1)

    (2)  ĠU L 120, 23.4.1998, p. 27 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 16, 23.4.1998, p. 1.

    (3)  ĠU L 30, 31.1.2002, p. 52 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 7, 31.1.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3, cf. Punt 2 tal-Anness IX għall-Ftehim taż-ŻEE.

    (5)  Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-142/87 Ir-Renju tal-Belġju vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qalet li mhux biss l-għajnuna għal esportazzjoni intra-Unjoni, imma wkoll għajnuna għal esportazzjoni barra mill-Unjoni tista’ tinfluwenza l-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Unjoni. Iż-żewġ tipi ta’ operazzjonijiet huma assigurati minn assiguraturi ta’ kreditu għall-esportazzjoni u għalhekk l-għajnuna fir-rigward tat-tnejn tista’ jkollha effetti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni.

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7), kid adattata għall-fini tal-Ftehim taż-ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 7/94 (ĠU L 160, 28.6.1994; Suppliment taż-ŻEE Nru 17, 28.6.1994).

    (7)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36..

    (8)  Għal kull kategorija tar-riskju rilevanti, il-firxa tal-primjum tar-riskju fil-limitu ta' eżenzjoni ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ Swap ta' Inadempjenza tal-Kreditu fuq sena (CDS), ibbażata fuq gradazzjoni komposta li tinkludi l-gradazzjoni tat-tliet aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu ewlenin (Standard & Poor, Moody's u Fitch), għall-aħħar ħames snin (2007–11), fl-assunzjoni li l-proporzjonijiet tat-telf medju għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal żmien qasir huwa 40 %. Il-firxiet ta' primjums sussegwentement saru kontinwi biex jilqgħu aħjar il-fatt li l-primjums tar-riskju ma jibqħux kostanti maż-żmien.

    (9)  Il-kategoriji ta’ riskju ta’ xerrejja huma bbażati fuq gradazzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, il-gradazzjonijiet mhux bilfors li jinkisbu mingħand aġenziji ta’ gradazzjoni speċifiċi. Is-sistemi nazzjonali ta’ gradazzjoni jew is-sistemi ta’ gradazzjoni użati mill-banek huma aċċettabbli wkoll. Għad-ditti mingħajr il-gradazzjoni pubblika, gradazzjoni bbażata fuq informazzjoni verifikabbli tista’ tiġi applikata.

    (10)  Il-limitu ta’ eżenzjoni għal kuntratt tal-assigurazzjoni ta’ 30 jum jista’ jinkiseb billi l-firxa tkun diviża bi 12.

    (11)  Il-kategorija ta’ riskju eċċellenti tinkludi riskji ekwivalenti għal AAA, AA+, AA, AA–, A+, A, A– fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor.

    (12)  Il-kategorija ta’ riskju tajjeb tinkludi riskji ekwivalenti għal BBB+, BBB jew BBB– fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor.

    (13)  Il-kategorija ta’ riskju sodisfaċenti tinkludi riskji ekwivalenti għal BB+, BB jew BB– fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor.

    (14)  Il-kategorija ta’ riskju dgħajef tinkludi riskji ekwivalenti għal B+, B jew B– fil-gradazzjoni tal-kreditu ta’ Standard & Poor.

    (15)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri tal-UE dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu qasir, 6.12.2012 (ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1) para. 37.

    (16)  L-assiguraturi tal-kreditu u s-sensara kkunttattjati għandhom ikunu rappreżentattivi f’termini tal-prodotti offruti (pereżempju. fornituri speċjalizzati għal riskji uniċi) u d-daqs tas-suq li huma jkopru (pereżempju li jirrappreżentaw b’mod konġunt sehem minimu ta’ 50 % tas-suq).

    Appendiċi

    Lista ta’ Pajjiżi b’Riskju Kummerċabbli

     

    L-Istat Membri tal-UE u l-Istati tal-EFTA ŻEE kollha

     

    L-Awstralja

     

    Il-Kanada

     

    Il-Ġappun

     

    In-New Zealand

     

    L-Isvizzera

     

    L-Istati Uniti tal-Amerika


    Top