EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2009C0397

Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 397/09/COL tal- 14 ta’ Ottubru 2009 li temenda, għat-tnejn u sebgħin darba, ir-regoli proċedurali u sostanttivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti

ĠU L 318, 1.12.2011, p. 51–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/397(2)/oj

1.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/51


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 397/09/COL

tal-14 ta’ Ottubru 2009

li temenda, għat-tnejn u sebgħin darba, ir-regoli proċedurali u sostanttivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), u partikolarment l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

BILLI taħt l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

BILLI taħt l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti jipprovdu hekk espressament jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,

FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (4),

BILLI, fl-10 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ’il quddiem il-Kummissjoni tal-KE) addottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti (5),

BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

BILLI applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE għandha tkun żgurata fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

BILLI, skont punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità għandha tadotta, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, atti li jikkorrispondu ma’ dawk li kienu adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,

WARA LI KKONSULTAT mal-Kummissjoni Ewropea,

WARA LI KKONSULTAT mal-Istati tal-EFTA permezz ta’ ittra datata 31 ta’ Awwissu 2009 (Avvenimenti Nru 526393, 526395 u 526367),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Linji Gwida Dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiġi introdott kapitolu ġdid dwar il-gwida dwar għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti. Il-Kapitolu l-ġdid jinsab f’Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA

Per SANDERUD

President

Kristján Andri STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Awtorità.

(2)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE.

(3)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

(4)  Il-Linji Gwida għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ĠU) L 231 tat-3 ta’ Settembru 1994 p. 1 u s-Supplimenti ŻEE Nru 32 tat-3 ta’ Settembru 1994 p. 1. Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

(5)  ĠU C 132, 11.6.2009, p. 6.


ANNESS

GWIDA DWAR L-GĦAJNUNA LILL-KUMPANIJI TAL-ĠESTJONI TAL-BASTIMENTI

1.   Ambitu tal-applikazzjoni

Dan il-Kapitolu jittratta dwar l-eliġibbiltà tal-maniġers tal-ekwipaġġ u dawk tekniċi ta’ bastimenti fir-rigward tat-tnaqqis tat-taxxa tal-kumpaniji jew inkella l-applikazzjoni tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ skont it-Taqsima 3.1 tal-Kapitolu dwar l-Għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (1) (minn hawn ’il quddiem “il-Linji Gwida Marittimi”). Ma tittrattax dwar għajnuna mill-Istat għal maniġers kummerċjali ta’ bastimenti. Dan il-Kapitolu japplika għall-ġestjoni tal-ekwipaġġ u għall-ġestjoni teknika irrispettivament minn jekk jingħatawx individwalment jew flimkien lill-istess bastiment.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Kuntest Ġenerali

Il-Linji Gwida Marittimi jipprovdu għall-possibbiltà li l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jikkwalifikaw għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ jew arranġamenti fiskali oħra għal kumpaniji tat-tbaħħir (Taqsima 3.1). Madanakollu, l-eliġibbiltà hija ristretta għall-forniment konġunt kemm ta’ ġestjoni teknika kif ukoll ta’ ġestjoni tal-ekwipaġġ għall-istess bastiment (“ġestjoni sħiħa”), filwaqt li dawn l-attivitajiet mhumiex eliġibbli għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ jew għal arranġamenti fiskali oħra meta jingħataw fuq livell individwali.

Il-Linji Gwida Marittimi jistipulaw li l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”) se teżamina l-effetti tal-Linji Gwida fuq il-ġestjoni tal-bastimenti wara tliet snin (2). Dan il-Kapitolu jippreżenta r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni l-ġdida kif ukoll konklużjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għall-għajnuna mill-Istat.

2.2.   Il-ġestjoni tal-bastimenti

Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti huma entitajiet li jipprovdu servizzi differenti lis-sidien tal-bastimenti, bħalma huma l-istħarriġ tekniku, r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-ekwipaġġ, il-ġestjoni tal-ekwipaġġ u l-operat tal-bastiment. Hemm tliet kategoriji prinċipali ta’ servizzi tal-ġestjoni tal-bastimenti: il-ġestjoni tal-ekwipaġġ, il-ġestjoni teknika u l-ġestjoni kummerċjali.

Il-ġestjoni tal-ekwipaġġ tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-trattament tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ekwipaġġ, bħall-għażla u r-reklutaġġ ta’ baħħara kkwalifikati kif xieraq, il-ħruġ tas-salarji, l-iżgurar tal-adegwatezza tal-għadd ta’ ħaddiema fuq il-bastimenti, il-kontroll taċ-ċertifikati tal-baħħara, il-forniment ta’ poloz tal-assigurazzjoni li jkopru l-baħħara kontra l-inċidenti u d-diżabilità, il-forniment tal-arranġamenti għall-ivvjaġġar u għall-viżi, it-trattament ta’ talbiet mediċi, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-baħħara u f’ċerti każijiet, it-taħriġ tagħhom. Il-ġestjoni tal-ekwipaġġ tirrappreżenta bil-qabda l-akbar parti tal-industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti madwar id-dinja kollha.

Il-ġestjoni teknika tikkonsisti fl-iżgurar li l-bastiment ikun tajjeb għall-baħar u l-konformità sħiħa mar-rekwiżiti tekniċi kif ukoll ta’ sikurezza u sigurtà. B’mod partikolari il-maniġer tekniku huwa responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ bastiment. Il-ġestjoni teknika tirrappreżenta parti sinifikanti mill-industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti għalkemm parti ħafna iżgħar mill-ġestjoni tal-ekwipaġġ.

Il-ġestjoni kummerċjali tikkonsisti fil-promozzjoni u l-iżgurar fil-bejgħ tal-kapaċità tal-bastimenti, permezz tan-noleġġ tal-bastimenti, teħid ta’ riżervazzjonijiet għat-tagħbija jew passiġġieri, l-iffaċilitar tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ħatra ta’ aġenti. Il-ġestjoni kummerċjali tirrappreżenta parti żgħira ħafna mill-industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti. Sal-lum l-Awtorità ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni kummerċjali. Il-ġestjoni kummerċjali għalhekk mhix qed tiġi indirizzata f’dan il-Kapitolu.

Bħal kwalunkwe attività marittima, il-ġestjoni tal-bastimenti hija min-natura tagħha stess negozju globali. Fin-nuqqas ta’ liġi internazzjonali li tirregola l-ġestjoni tal-bastimenti minn partijiet terzi, l-istandards f’dan il-qasam ġew konklużi fi ħdan il-qafas ta’ ftehimiet tal-liġi privata (3).

Fiż-ŻEE, il-ġestjoni tal-bastimenti fil-biċċa l-kbira tagħha ssir f’Ċipru. Madanakollu, jeżistu kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti fir-Renju Unit, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi. Barra miż-ŻEE, il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti huma stabbiliti l-aktar f’Hong Kong, Singapore, l-Indja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Istati Uniti tal-Amerika.

2.3.   Ħarsa lejn il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti

Mill-addozzjoni tal-Linji Gwida Marittimi f’Marzu 2004, daħlu għadd ta’ pajjiżi marittimi fiż-ŻEE, fosthom Ċipru, li għandha l-akbar industrija tal-ġestjoni tal-bastimenti fid-dinja.

L-adeżjoni ta’ Ċipru u l-ħidma preliminari tiegħu biex jikkonforma mal-Linji Gwida Marittimi, kif ukoll studju li sar minn konsorzju għall-amministrazzjoni ta’ dak l-Istat taż-ŻEE (4), ikkontribwixxew għal għarfien aktar sħiħ dwar din l-attività u l-evoluzzjoni tagħha. Żdied aktar għarfien partikolarment fir-rigward tar-rabta bejn il-ġestjoni teknika u tal-ekwipaġġ fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra t-tbaħħir, kif ukoll dwar il-possibbiltà li l-maniġers tekniċi u/jew tal-ekwipaġġ jistgħu jgħinu fil-ksib tal-għanijiet tal-Linji Gwida Marittimi.

3.   Valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti

B’differenza mis-servizzi relatati mal-baħar, il-ġestjoni tal-bastimenti hija attività ta’ qofol standard għat-trasportaturi marittimi, li normalment tingħata minnhom stess. Il-ġestjoni tal-bastimenti hija waħda fost l-attivitajiet l-aktar karatteristiċi tal-operaturi tal-bastimenti. Illum, madankollu, f’ċerti każijiet din tinħareġ b’kuntratt lil kumpaniji ta’ partijiet terzi għall-ġestjoni tal-bastimenti. Huwa minħabba r-rabta bejn il-ġestjoni tal-bastimenti u t-tbaħħir li l-kumpaniji ta’ partijiet terzi għall-ġestjoni tal-bastimenti jkunu operaturi professjonali bl-istess bażi ta’ esperjenza bħas-sidien tal-bastimenti, għalkemm imqassma skont l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, u li joperaw fl-istess ambjent kummerċjali. Is-sidien tal-bastimenti huma l-uniċi klijenti tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti.

Fuq dan l-isfond il-Kummissjoni tqis li l-għoti tal-ġestjoni tal-bastimenti f’idejn partijiet terzi ma għandux jiġi ppenalizzat fiskalment fir-rigward tal-ġestjoni tal-bastimenti fi ħdan il-kumpanija stess, sakemm il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti ma jilħqux l-istess rekwiżiti li huma applikabbli għas-sidien tal-bastimenti u sakemm il-forniment tal-għajnuna lil dawk ta’ qabel ma jikkontribwixxix għall-ksib tal-għanijiet tal-Linji Gwida bl-istess mod bħall-forniment tal-għajnuna lis-sidien tal-bastimenti.

Partikolarment l-Kummissjoni tqis li, proprju minħabba l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom u minħabba n-natura tal-kummerċ prinċipali tagħhom, il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-ksib tal-għanijiet tal-Linji Gwida, Partikolarment l-ksib ta’ “trasport marittimu effiċjenti, sikur u li jiffavorixxi l-ambjent” u l-“konsolidazzjoni tar-raggruppament marittimu stabbilit mill-Istati Membri” (5).

4.   Estensjoni tal-Eliġibbiltà għall-Għajnuna mill-Istat lill-Kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti

Fuq il-bażi ta’ dak li ġie spjegat fit-Taqsima 3 hawn fuq, l-Awtorità tawtorizza taħt l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, rifużjoni fiskali għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti, kif imsemmi fit-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida Marittimi, fir-rigward ta’ ekwipaġġ konġunt jew separat u tal-ġestjoni teknika tal-bastimenti, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’Taqsimiet 5 u 6 ta’ dan il-Kaptitolu jiġu sodisfatti.

5.   Kundizzjonijiet ta’ Eliġibbiltà Applikabbli kemm għall-Maniġers Tekniċi kif ukoll għall-Maniġers tal-Ekwipaġġ

Sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna l-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għandu jkollhom ness ċar maż-ŻEE u l-ekonomija tagħha, f’konformità mat-Taqsima 3.1. tal-Linji Gwida Marittimi. Barra dan, għandhom jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Linji Gwida Marittimi, bħal dawk stabbiliti fit-Taqsima 2.2 tal-imsemmija Linji Gwida. Maniġers tekniċi u tal-ekwipaġġ huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat, sakemm il-bastimenti li jiġġestixxu jkunu f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 5.1 sa 5.4 ta’ dan il-Kapitolu. L-attivitajiet eliġibbli għandhom isiru kompletament fit-territorju taż-ŻEE.

5.1.   Kontribut għall-ekonomija u x-xogħol fi ħdan iż-ŻEE

In-ness ekonomiku maż-ŻEE tiġi ppruvata mill-fatt li l-ġestjoni tal-bastiment issir fit-territorju ta’ wieħed jew aktar mill-Istati taż-ŻEE u li prinċipalment ċittadini taż-ŻEE ikunu impjegati fl-attivitajiet ibbażati fuq l-art jew fuq il-bastimenti.

5.2.   In-ness ekonomiku bejn il-bastimenti ġestiti u ż-ŻEE

Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ bastimenti li jkunu kompletament ġestiti mit-territorju taż-ŻEE, irrispettivament ta’ jekk il-ġestjoni tiġix provduta internament jew jekk tkunx parzjalment jew totalment iddelegata lil waħda jew iktar kumpaniji ta’ ġestjoni tal-bastimenti.

Madanakollu, peress li l-kumpaniji ta’ ġestjoni tal-bastimenti m’għandhomx il-kontroll sħiħ tal-klijenti tagħhom, ir-rekwiżit preċitat huwa meqjus sodisfatt jekk minn tal-inqas żewġ terzi tat-tunellaġġ tal-bastimenti ġestiti jkun ġestit mit-territorju taż-ŻEE. It-tunellaġġ żejjed ta’ dak il-perċentwali li ma jkunx kompletament ġestit miż-ŻEE ma jkunx eliġibbli (6).

5.3.   Il-konformità mal-istandards internazzjonali u Komunitarji

Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jkunu eliġibbli jekk il-bastimenti kollha u l-ekwipaġġi li jiġġestixxu jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju jkunu sodisfatti, b’mod partikolari dwak li jirrigwardaw is-sikurezza, is-sigurtà, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara, il-prestazzjoni marittima u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord.

5.4.   Ir-rekwiżit dwar is-sehem ta’ reġistrazzjoni tal-Istati (rabta tal-bandiera)

Ir-rekwiżit dwar is-sehem ta’ reġistrazzjoni tal-Istati, kif stabbilit fit-tmien paragrafu taq-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida Marittimi japplika għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti. Is-sehem ta’ reġistrazzjoni tal-Istat taż-ŻEE li għandha titqies bħala punt ta’ riferiment huwa dak tal-jum li fih dan il-Kapitolu ġie adottat. Għall-kumpaniji ġodda l-punt ta’ riferiment għandu jiġi kalkulat sena wara d-data li fiha bdew l-attività.

6.   Rekwiżiti addizzjonali għal maniġers tal-ekwipaġġ

6.1.   It-taħriġ tal-baħħara

Maniġers tal-ekwipaġġ li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat sakemm il-baħħara kollha li jaħdmu abbord il-bastimenti ġestiti huma edukati, mħarrġa u għandhom ċertifikat ta’ kompetenza f’konformità mal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar l-Istandrds ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Żamma tal-Ħin tal-Baħħara, 1978, kif emendata (STCW), u li temmew b’suċċess it-taħriġ għas-sigurtà personali abbord bastiment. Barra dan, il-maniġers tal-ekwipaġġ ikunu eliġibbli jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-iSTWC u tad-dritt Komunitarju fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-kumpaniji.

6.2.   Il-kundizzjonijiet soċjali

Sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat, il-maniġers tal-ekwipaġġ għandhom jiżguraw li fuq il-bastimenti ġestiti kollha d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu, 2006, tal-Konvenzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“MLC”) (7), jiġu implimentati bis-sħiħ min dak li jimpjega lill-baħħar, kemm jekk huwa s-sid tal-bastiment u kemm jekk huma kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti. Il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tal-MLC li jirrigwardaw il-ftehim tal-impjieg tal-baħħar (8), minħabba t-telf jew l-għarqa tal-bastiment (9) kura medika (10), responsabbiltà tas-sid tal-bastiment inkluż il-ħlas tal-pagi f’każ ta’ inċident jew mard (11), u ripatrijazzjoni (12) jiġu applikati kif jixraq.

Il-maniġers tal-ekwipaġġ għandhom ukoll jiżguraw li l-istandards internazzjonali li jirrigwardaw is-sigħat tax-xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ stabbiliti mil-MLC jiġu kompletament segwiti.

Fl-aħħar, sabiex ikunu eliġibbli, il-maniġers tal-ekwipaġġ għandhom jipprovdu wkoll sigurtà finanzjarja biex jiżguraw kumpens f’każ ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul ta’ baħħara minħabba korriment fuq il-post tax-xogħol, mard jew periklu.

7.   Kalkoli tat-Taxxa

Ukoll f’każ ta’ kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti l-Awtorità għandha tapplika l-prinċipju stabilit fil-Linji Gwida Marittimi, li skonthom, sabiex tiġi evitata d-distorsjoni, se tawtorizza biss skemi li jagħtu lok ta’ piż tat-taxxa omoġenju madwar l-istati tal-ŻEE għall-istess attività jew l-istess tunellaġġ. Dan ifisser li l-eżenzjoni totali jew skemi ekwivalenti ma jkunux awtorizzati (13).

It-taxxa li għandha tintuża għal kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti tista’ ovvjament ma tkunx l-istess bħal dik applikata għas-sidien tal-bastimenti peress, fir-rigward ta’ bastiment speċifiku, l-introjtu tal-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti huwa ħafna inqas minn dak tas-sid tal-bastiment. Skont l-istudju msemmi fit-Taqsima 2.3, kif ukoll in-notifiki li waslu fl-imgħoddi, il-bażi tat-taxxa li għandha tiġi applikata għall-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għandha tkun aprossimattivament ta’ 25 % (f’termini ta’ tunellaġġ jew profitti teoretiċi) ta’ dak li japplika għal sid ta’ bastiment għall-istess bastiment jew tunellaġġ. L-Awtorità għalhekk, titlob li perċentwali ta’ mhux inqas minn 25 % tiġi applikata taħt l-iskemi tat-taxxa tat-tunellaġġ għall-ġestjoni tal-bastimenti (14).

Jekk kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jagħmlu attivitajiet li mhux eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat taħt il-Kapitolu preżenti, għandhom iżommu kontabilità separata għal dawk l-attivitajiet.

F’każ li kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti jissubappaltaw parti mill-attività lil partijiet terzi, dawn tal-aħħar ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat.

8.   Applikazzjoni u reviżjoni

L-Awtorità għandha tapplika l-gwida provduta f’dan il-Kapitolu mid-data tal-adozzjoni.

Għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti għandhom jiġu inklużi fir-reviżjoni ġenerali tal-Linji Gwida Marittimi bħalma hu previst fit-Taqsima 13 ta’ dawn tal-aħħar.


(1)  Disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Awtorità ta’ Sorveljenza tal-EFTA fuq http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

(2)  Ara n-nota tal-qiegħ tal-paġna dwar il-Linji Gwida Marittimi.

(3)  Eżempju partikolari huwa l-“BIMCO’s Standard Ship Management Agreement SHIPMAN 98” li ta’ sikwit jintuża fir-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti u s-sidien tal-bastimenti.

(4)  Study on Ship Management in Cyprus and in the European Union tal-31 ta’ Mejju 2008, li twettaq mill-gvern Ċiprijott b’konsorzju taħt id-direzzjoni tal-Vienna University of Economics and Business Administration.

(5)  Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida Marittimi:

(6)  Filwaqt li l-fatt li ma jkunx jikkonforma mar-regola taż-2/3 ma jaffettwax l-eleġibbiltà tal-kumpanija tal-ġestjoni tal-bastimenti bħala tali.

(7)  Ta’ min wieħed ifakkar li s-sħab soċjali Ewropej adottaw ftehim li jadotta l-parti relevanti tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006 li ddaħħlet fil-liġi Komunitarja bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet Ewropej tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30). Id-Direttiva 2009/13/KE qiegħda fil-proċess li tiġi inkorporata fit-Trattat taż-ŻEE.

(8)  Regolament 2.1 u Standard A2.1 (Ftehim ta’ impjieg ta’ baħħar) tal-Intestatura 2 tal-MLC.

(9)  Ibid. Regolament 2.6 u Standard A2.6 (Ftehim ta’ impjieg ta’ baħħar) tal-Intestatura 2 tal-MLC.

(10)  Regolament 4.1 u Standard A4.1 (Kura medika abbord bastiment u responsabbiltà tas-sidien tal-bastiment fuq l-art); Regolament 4.3 u A4.3 (Saħħa u sigurtà u prevenzjoni tal-inċidenti); Regolament 4.3 u A4.3 (Aċċess għal faċilitajiet tal-welfer ibbażati fuq l-art) tal-Intestatura 4.

(11)  Ibid. Regolament 4.2 u Standard A4.2 (Responsabbiltà tas-Sid tal-bastiment) tal-Intestatura 4.

(12)  Ibid. Regolament 2.5 u Standard A2.5 (Ripatrijazzjoni) tal-Intestatura 2.

(13)  L-Awtorità tieħu din l-opportunità fi ħdan il-kapitolu preżenti tal-Linji Gwida tagħha sabiex tenfasizza li l-mekkaniżmu użat biex jikkalkula t-taxxa li għandha titħallas kemm mill-kumpaniji tal-ġestjoni tal-bastimenti u kif ukoll mis-sidien hija bħala tali irrilevanti; B’mod partikolari, huwa irrilevanti jekk tiġi jew ma tiġix applikata sistema bbażata fuq profitt teoretiku.

(14)  Is-sid tal-bastiment, jekk ikun eliġibbli, jibqa’ responsabbli għat-taxxa tat-tunellaġġ kollha.


Top