Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2004C0090

Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA Nru 90/04/COL tat- 23 ta’ April 2004 li temenda għas-sitta u erbgħin darba r-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam ta’ l-Għajnuna mill-Istat billi Tintroduċi kapitolu ġdid 24Ċ: l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għax-Xandir tas-servizz pubbliku

ĠU L 327, 13.12.2007, p. 21–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/90(2)/oj

13.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 327/21


DEĊIŻJONI TA’ L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA EFTA

Nru 90/04/COL

tat-23 ta’ April 2004

li temenda għas-sitta u erbgħin darba r-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam ta’ l-Għajnuna mill-Istat billi Tintroduċi kapitolu ġdid 24Ċ: l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għax-Xandir tas-servizz pubbliku

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA EFTA,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (2), b’mod partikolari l-Artikolu 24, l-Artikolu 5(2)(b) u l-Artikolu 1 fil-Parti I tal-Protokoll 3 tiegħu,

BILLI skond l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA għandha timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat,

BILLI skond l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet ittrattati fil-Ftehim ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti espressament jipprovdu dan jew jekk l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA tqis li jkun meħtieġ,

FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam ta’ l-Għajnuna mill-Istat (3) li ġew adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA (4),

BILLI, fis-17 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni ġdida li tistabbilixxi l-prinċipji għall-applikazzjoni tar-regoli għall-għajnuna mill-Istat ġodda lis-servizzi ta’ xandir pubbliku (5),

BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll ta’ rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

BILLI għandha tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat maż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

BILLI, skond il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fi tmiem l-Anness XV għall-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA għandha tadotta, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, atti li jikkorrispondu għal dawk li ġew adottati mill-Kummissjoni Ewropea,

WARA li kkonsultat lill-Kummissjoni Ewropea,

FILWAQT LI TFAKKAR li l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA kkonsultat lill-Istati ta’ l-EFTA f’laqgħa multilerali dwar is-suġġett,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiġi introdott Kapitolu ġdid 24Ċ, L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir tas-servizz pubbliku. Dan il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom jiġu informati permezz ta’ ittra, li tinkludi kopja ta’ din id-Deċiżjoni u li tinkludi l-Anness tagħha.

3.

Skond il-punt (d) tal-Protokoll 27 għall-Ftehim ŻEE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi informata permezz ta’ kopja ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż l-Anness.

4.

Id-Deċiżjoni, inkluż l-Anness I, għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment ŻEE għall-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

5.

Id-Deċiżjoni għandha tkun awtentika bl-Ingliż.

Magħmula fi Brussell, 23 ta’ April 2004.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA

Hannes HAFSTEIN

President

Einar M. BULL

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ il-Ftehim ŻEE.

(2)  Minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

(3)  Minn hawn ’il quddiem se jissejħu l-Linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

(4)  Għall-ewwel ippubblikati fil-ĠU L 231, 3.9.94, u fis-Suppliment ŻEE tiegħu Nru 32 fl-istess data, emendati l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 62/04/COL tal-31 ta’ Marzu 2004 (għadha mhix ippubblikata).

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli għall-għajnuna mill-istat lis-servizzi ta’ xandir pubbliku, ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5.


ANNESS

24Ċ.   L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦAX-XANDIR TAS-SERVIZZ PUBBLIKU (1)

24Ċ.1.   Introduzzjoni

(1)

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, ix-xandir għadda minn bidliet importanti. L-abolizzjoni tal-monopolji, l-emerġenza ta’ parteċipanti ġodda u żviluppi teknoloġiċi b’rata mgħaġġla bidlu b’mod fundamentali l-ambjent kompetittiv kollu. Ix-xandir televiżiv kien tradizzjonalment attività riservata. Sa mill-bidu tiegħu, fil-biċċa l-kbira kien ipprovdut minn intrapriżi pubbliċi taħt reġim ta’ monopolju, prinċipalment minħabba d-disponibbilità limitata tal-frekwenzi ta’ xandir u l-barrieri għolja għad-dħul.

(2)

Madankollu, fis-snin 70 tas-seklu 20, żviluppi ekonomiċi u teknoloġiċi għamluha dejjem aktar possibbli li l-Istati EFTA jippermettu li operaturi oħra jxandru. Għalhekk l-Istati EFTA ddeċidew li jintroduċu l-kompetizzjoni fis-suq. Dan wassal għal għażla usa’ għall-konsumaturi, għaliex ħafna stazzjonijiet addizzjonali u servizzi ġodda saru disponibbli; dan iffavorixxa wkoll l-emerġenza u t-tkabbir ta’ operaturi Ewropej b’saħħithom, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, u grad akbar ta’ pluraliżmu fis-settur. Waqt li fetħu s-suq għall-kompetizzjoni, l-Istati EFTA qiesu li x-xandir tas-servizz pubbliku għandu jinżamm, bħala mod biex ikun żgurat li jiġu koperti numru ta’ oqsma u jiġu sodisfatti l-ħtiġiet li operaturi privati mhux bilfors jissodisfaw bl-aħjar mod.

(3)

Il-kompetizzjoni miżjuda, flimkien mal-preżenza ta’ operaturi ffinanzjati mill-Istat, wasslet ukoll għal tħassib dejjem akbar rigward kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, li nġieb għall-attenzjoni ta’ l-Awtorità minn operaturi privati. L-ilmenti jallegaw ksur ta’ l-Artikolu 61 tat-Trattat ŻEE b’relazzjoni għall-iskemi ta’ finanzjament pubbliku stabbiliti favur ix-xandâra tas-servizz pubbliku.

(4)

Dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-prinċipji li għandhom jiġu segwiti mill-Awtorità fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 59(2), tal-Ftehim ŻEE għall-finanzjament ta’ l-Istat tax-xandir tas-servizz pubbliku. Dan se jagħmel il-politika ta’ l-Awtorità f’dan il-qasam kemm jista’ jkun trasparenti.

24Ċ.2.   Ir-Rwol tax-Xandir tas-servizz pubbliku

(1)

Kif ġie ddikjarat fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill KE u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri KE ta’ l-1 ta’ Jannar 1999 dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku (li minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku”) (2), “ix-xandir tas-servizz pubbliku minħabba l-funzjonijiet kulturali, soċjali u demokratiċi tiegħu li jwettaq għall-benesseri komuni għandu sinifikat vitali sabiex ikunu żgurati d-demokrazija, il-pluraliżmu, il-koeżjoni soċjali, id-diversità kulturali u dik lingwistika”.

(2)

Ix-xandir tas-servizz pubbliku, għalkemm għandu rilevanza ekonomika ċara, mhuwiex komparabbli ma’ servizz pubbliku fi kwalunkwe settur ekonomiku ieħor. Ma hemm l-ebda servizz ieħor li fl-istess ħin għandu aċċess għal settur daqshekk wiesa’ tal-popolazzjoni, li jipprovdieh b’daqshekk informazzjoni u kontenut, u permezz t’hekk iwassal u jinfluwenza kemm l-opinjoni individwali kif ukoll dik pubblika.

(3)

Ix-xandir tas-servizz pubbliku għandu rwol importanti sabiex jippromwovi d-diversità kulturali f’kull pajjiż, sabiex jipprovdi programmazzjoni edukattiva, sabiex jinforma lill-pubbliku b’mod oġġettiv, sabiex jiggarantixxi l-pluraliżmu, u biex jipprovdi divertiment ta’ kwalità, b’mod demokratiku u bla ħlas (3).

(4)

Barra minn hekk, ix-xandir huwa ġeneralment meqjus bħala sors ta’ informazzjoni ferm affidabbli u jirrappreżenta, għal proporzjon mhux inkonsiderevoli tal-popolazzjoni, is-sors prinċipali ta’ informazzjoni. Għalhekk jarrikkixxi d-dibattitu pubbliku u fl-aħħar mill-aħħar jiżgura li, sa ċertu punt, iċ-ċittadini kollha jipparteċipaw fil-ħajja pubblika.

(5)

B’mod ġenerali, ir-rwol tas-servizz pubbliku (4) huwa rikonoxxut mill-Ftehim ŻEE. Id-dispożizzjoni prinċipali f’dan ir-rigward hija l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE, li tipprovdi kif ġej: “Intrapriżi fdati bit-tħaddim ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom il-karattru ta’ monopolju li jipproduċi dħul, għandhom ikunu suġġetti għar-regoli li jinsabu f’dan il-Ftehim, b’mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta’ tali regoli ma tkunx ta’ xkiel għall-prestazzjoni, fid-dritt jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari mogħtija lilhom. L-iżvilupp tal-kummerċ m’għandux ikun affetwat sa tali punt li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Partijiet Kontraenti”.

(6)

F’żewġ każi, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej irrikonoxxiet li s-x-xandir ta’ servizzi televiżivi jistgħu jitqiesu bħala “servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali” skond l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE (5). Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn is-servizzi huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni sakemm ma jintweriex li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tkun inkompatibbli mat-twettiq tal-kompiti tagħhom (6).

(7)

Ir-Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku, fejn titqies in-natura partikolari tas-settur tax-xandir, iddikjarat il-prinċipji u l-kundizzjonijiet li skond tagħhom għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej għal dan is-settur:

“Id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament tax-xandir tas-servizz pubbliku sakemm dan il-finanzjament jingħata lil organizzazzjonijiet tax-xandir sabiex ikun sodisfatt il-mandat tas-servizz publiku kif mogħti, iddefinit u organizzat minn kull Stat Membru, u sakemm finanzjament bħal dan ma jaffetwax il-kundizzjonijiet kummerċjali u l-kompetizzjoni fil-Komunità sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li għandh titqies ir-realizzazzjoni tal-mandat ta’ dak is-servizz pubbliku.”

Peress li r-Riżoluzzjoni hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE bħala att li l-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu nota tiegħu (7), fiż-ŻEE għandhom ikunu applikabbli prinċipji simili għal dawk iċċitati.

(8)

Ir-Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku reġgħet affermat ukoll l-importanza tax-xandir tas-servizz pubbliku għall-ħajja soċjali, demokratika u kulturali. “Aċċess pubbliku wiesgħa, mingħajr diskriminazzjoni u fuq il-bażi ta’ opportunitajiet ugwali, għal stazzjonijiet varji u servizzi huwa pre-kundizzjoni għat-twettiq ta’ l-obbligazzjoni speċjali tas-servizz ta’ xandir pubbliku”. Barra minn hekk, ix-xandir ta’ servizz pubbliku jeħtieġ “jibbenefika minn progress teknoloġiku”, iġib “lill-pubbliku l-benefiċċji tas-servizzi ġodda awdjo-viżivi u ta’ informazzjoni u teknoloġiji ġodda” u jieħu ħsieb “l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ta’ attivitajiet fl-era diġitali”. Fl-aħħarnett, “xandir ta’servizz pubbliku irid ikun jista’ jkompli jipprovdi firxa wiesgħa ta’ programmazzjoni skond il-mandat tiegħu kif ġie definit mill-Istati Membri sabiex jindirizza s-soċjetà kollha; f’dan il-kuntest huwa leġittimu għax-xandir tas-servizz pubbliku li jfittex li jilħaq udjenzi wesgħin”.

(9)

Meta jitqiesu dawn il-karatteristiċi, li huma partikolari għas-settur tax-xandir, mandat ta’ servizz pubbliku li jħaddan “firxa wiesgħa ta’ programmazzjoni skond il-mandat tiegħu”, kif ġie ddikjarat fir-Riżoluzzjoni, fil-prinċipju, jista’ jitqies bħala leġittimu, bħala li jimmira għal programmazzjoni bilanċjata u varjata, li huwa kapaċi jippreserva ċertu livell ta’ udjenza għal xandâra pubbliċi u, għalhekk, li jiżgura t-twettiq tal-mandat, jiġifieri li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà u li jkun iggarantit il-pluraliżmu.

(10)

Għandu jkun innutat li xandara kummerċjali, li numru minnhom huma suġġetti għal rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, ukoll għandhom rwol fl-akkwist ta’ l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku sal-punt li jikkontribbwixxu għall-pluraliżmu, jarrikkixxu d-dibattitu kulturali u politiku u jkabbru l-għażla tal-programmi.

24Ċ.3.   Il-Kuntest Legali

(1)

L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għax-xandir tas-servizz pubbliku trid tqis numru wiesa’ ta’ elementi differenti. Il-Ftehim ŻEE jinkludi l-Artikolu 61 dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll l-Artikolu 59(2) dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Ftehim ŻEE u r-regoli dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari, rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura fil-każi ta’ għajnuna mill-Istat.

(2)

Għall-komunitajiet ewropej, it-trattat ta’ amsterdam introduċa didspożizzjoni speċifika (l-Artikolu 16 tat-Trattat KE) dwar servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u protokoll interpretattiv dwar is-sistema tax-xandir tas-servizz pubbliku. It-trattat ta’ Maastricht kien diġà introduċa Artikolu li jiddefinixxi r-rwol tal-Komunità fil-Qasam tal-kultura (l-Artikolu 151 tat-Trattat ke) u klawżola ta’ kompatibbiltà possibbli għall-għajnuna mill-Istat immirata biex tippromowvi l-kultura (l-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat KE). Il-Ftehim ŻEE ma jinkludix “eżenzjoni kulturali” bħall-artikolu 87(3)(d) tat-Trattat ke. madankollu, dan ma jfissirx li eżenzjoni għal miżuri bħal dawn hija eskluża. Kif kien aċċettat mill-awtorità f’każi preċedenti, miżuri ta’ appoġġ bħal dawn jistgħu jiġu approvati minħabba raġunijiet kulturali fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim ŻEE (8).

(3)

Id-Direttiva Tal-Kunsill 89/552/KE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (9) kif ġiet emendata mid-direttiva 97/36/KE (10), ġiet inkorporata fl-Anness X għall-Ftehim ŻEE (11). Id-Direttiva 80/723/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1980 fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll fuq it-trasparenza finanzjarja f’ċerti impriżi (12), KIF ĠIET EMENDATA MID-DIRETTIVA 2000/52/KE (13) tas-26 ta’ Lulju 2000, kienet inkorporata fil-qafas legali tal-Ftehim ŻEE permezz tad-deĊiżjoni tal-Kumitat konġunt ŻEE Nru 6/2001 (14). Dawn ir-regoli huma suġġetti għal interpretazzjoni mill-qorti ta’ l-EFTA fil-“pilastru EFTA” u mill-qorti ewropea tal-Ġustizzja u mill-Qorti ewropea tal-prim’istanza fil-“pilastru komunitarja”. L-awtorità adottat ukoll diversi linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jikkorrispondu għal komunikazzjonijiet simili maħruġa mill-Kummissjoni KE.

24Ċ.4.   L-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE

24Ċ.4.1.   Il-karattru ta’ għajnuna mill-Istat tal-finanzjament ta’ l-Istat tax-xandâra tas-servizz pubbliku

(1)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jiddikjara li: “Għajr kif ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stati Membri KE, minn Stati EFTA jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, sakemm taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, għandha tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim”.

(2)

L-effett ta’ intervent min-naħa ta’ l-Istat, mhux il-fini tiegħu, huwa l-element deċiżiv fi kwalunkwe valutazzjoni tal-kontenut ta’ għajnuna mill-Istat tiegħu skond l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE. Il-finanzjament ta’ l-Istat tax-xandâra tas-servizz pubbliku normalment għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat, sakemm jissodisfa l-kriterji t’aktar ’il fuq. Ix-xandâra tas-servizz pubbliku normalment jiġu ffinanzjati mill-baġit ta’ l-Istat jew permezz ta’ imposta (levy) fuq dawk kollha li għandhom sett tat-televiżjoni. F’ċerti ċirkostanzi speċifiċi, l-Istat jagħmel injezzjonijiet kapitali jew kanċellazzjonijiet tad-djun favur ix-xandâra tas-servizz pubbliku. Dawn il-miżuri finanzjarji normalment jiġu attribwiti lill-awtoritajiet pubbliċi u jinvolvu t-trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Barra minn hekk, u sakemm miżuri bħal dawn jonqsu milli jissodisfaw it-test ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, skond il-Kapitolu 19 tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat ta’ l-Awtorità dwar il-proprjetà ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u skond il-Kapitolu 20 li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-intrapriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura (15), fil-parti l-kbira tal-każi jiffavorixxu biss lil ċerti xandâra u b’hekk jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni. Naturalment, l-eżistenza ta’ l-għajnuna mill-Istat se jkollha tiġi vvalutata każ b’każ, u tiddependi wkoll min-natura speċifika tal-finanzjament (16).

(3)

Kif osservat il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja: “Meta għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi Statali ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ intrapriża meta mqabbla ma’ intrapriżi oħra li jikkompetu f’kummerċ intra-Komunitarju dan ta’ l-aħħar irid jitqies bħala affettwat minn dik l-għajnuna” (17). Għalhekk, il-finanzjament Statali ta’ xandâra ta’ servizz pubbliku ġeneralment jista’ jitqies bħala li jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti. Jidher ċar li din hija l-pożizzjoni rigward l-akkwist u l-bejgħ tad-drittijiet ta’ programm, li ħafna drabi jseħħ fuq livell internazzjonali. Ir-reklami, ukoll, fil-każ ta’ xandâra pubbliċi li jitħallew ibiegħu spazju għal reklami, għandha effett transkonfinali, speċjalment għal żoni lingwistiċi omoġenji li jaqsmu fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, l-istruttura ta’ sjieda ta’ xandâra kummerċjali tista’ tkun estiża sa aktar minn Stat ŻEE wieħed.

(4)

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza (18), b’mod ġenerali, kwalunkwe trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat lil ċertu intrapriża irid jitqies bħala għajnuna mill-Istat (sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE). Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha rigward Altmark Trans GmbH  (19) (li minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ is-“sentenza Altmark”) li “fejn miżura ta’ l-Istat trid titqies bħala kumpens għas-servizzi provduti mill-intrapriżi riċeventi sabiex iwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku, sabiex dawk l-intrapriżi ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali u l-miżura b’hekk ma jkolliex l-effett li tqiegħdhom f’pożizzjoni kompettitiva aktar favorevoli mill-intrapriżi li jikkompetu magħhom, miżura bħal din ma tinqabadx mill-Artikolu 92(1) [issa l-Artikolu 87(1)) tat-Trattat KE]”.

(5)

Skond is-sentenza Altmark tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, madankollu jridu jiġu sodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet t’hawn taħt biex kumpens bħal dan jevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat:

“—

l-ewwel, l-intrapriża riċeventi trid effettivament ikollha obbligi ta’ servizz pubbliku xi twettaq, u l-obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar,

it-tieni, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jkunu stabbiliti bil-quddiem b’mod oġġettiv u trasparenti sabiex ikun evitat li jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-intrapriża riċeventi meta mqabbla ma’ intrapriżi kompetituri,

it-tielet, il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li jkun meħtieġ sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom li saru sabiex jitwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku, fejn jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi,

ir-raba’, fejn l-intrapriża li għandha twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ speċifiku, ma tintgħażilx skond proċedura ta’ akkwist pubbliku li għandha tippermetti l-għażla ta’ dak li tefa’ l-offerta li kapaċi jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, il-livell ta’ kumpens meħtieġ irid jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ l-ispejjeż li intrapriża tipika, ġestita sew u adegwatament ipprovduta b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa ta’ servizz pubblik, tkun għamlet fit-twettiq ta’ dawk l-obbligi, fejn jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ l-obbligi”.

(6)

L-Awtorità se tqis din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, meta tivvaluta l-ħlasijiet ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku skond l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE. L-appoġġ ta’ l-Istat li jissodisfa l-kriterji li ssemmew aktar ’il fuq, għalhekk mhux għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE u mhemmx għalfejn ikun innotifikat lill-Awtorità.

24Ċ.4.2.   In-natura ta’ l-għajnuna: l-għajnuna eżistenti b’kuntrast għall-għajnuna l-ġdida

(1)

L-iskemi ta’ finanzjament bħalissa fis-seħħ fil-parti l-kbira ta’ l-Istati EFTA kienu introdotti żmien twil ilu. Bħala l-ewwel pass, għalhekk, l-Awtorità trid tiddetermina jekk dawn l-iskemi jistgħux jitiqesu bħala “għajnuna eżistenti” fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(1) fil-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (20).

(2)

L-għajnuna eżistenti hija regolata mill-Artikolu 1(1) fil-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti li jiddikjara li: “L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, f’koperazzjoni ma’ l-Istati EFTA, għandha żżomm taħt reviżjoni kostanti s-sistemi kollha ta’ għajnuna eżistenti f’dawk l-Istati. Għandha tipproponi lil dawn ta’ l-aħħar kwalunkwe miżura xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tal-Ftehim ŻEE”.

(3)

Skond l-Artikolu 1(b)(i) fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-għajnuna eżistenti tinkludi “l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE fl-Istati EFTA rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġew implimentati qabel, u għadhom japplikaw wara, id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE”.

(4)

Skond l-Artikolu 1(b)(v) fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-għajnuna eżistenti tinkludi wkoll “l-għajnuna li titqies bħala għajnuna eżistenti għaliex jista’ jiġi stabbilit li fiż-żmien li ġiet implimentata ma kinitx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea u mingħajr ma nbidlet mill-Istat EFTA (…)”.

(5)

Skond il-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (21), l-Awtorità trid tivverifika jekk il-qafas legali li skond tiegħu ngħatat l-għajnuna nbidilx jew le mill-introduzzjoni tagħha. Il-Kummissjoni trid tqis l-elementi legali u ekonomiċi kollha relatati mas-sistema tax-xandir ta’ Stat EFTA partikolari. Għalkemm l-elementi legali u ekonomiċi rilevanti għal valutazzjoni bħal din jippreżentaw karatteristiċi komuni fl-Istati EFTA kollha, l-Awtorità temmen li metodu ta’ każ b’każ huwa l-aktar xieraq.

24Ċ.5.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat skond l-Artikoli 61(2) u 61(3) tal-Ftehim ŻEE

(1)

L-għajnuna mill-Istat lill-xandâra pubbliċi trid tkun eżaminata mill-Awtorità sabiex ikun iddeterminat jekk jistax jinstab li hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE jew le. Jistgħu jiġu applikati d-derogi elenkati fl-Artikoli 61(2) u 61(3) tal-Ftehim ŻEE.

(2)

Il-Ftehim ŻEE ma jinkludix dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE li tobbliga lill-Kummissjoni KE li tqis l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet li tagħha skond dispożizzjonijiet l-oħra, lanqas ma jinkludi eżenzjoni kulturali bħall-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat KE. Madankollu, dan ma jfissirx li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma jħallu l-ebda spazju biex jitqiesu l-aspetti kulturali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Awtorità, f’deċiżjoni li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni tal-films u għall-attivitajiet relatati mal-films fin-Norveġja, stabbiliet li, skond l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, miżuri ta’ appoġġ għall-films jistgħu jiġu approvati minħabba raġunijiet kulturali, sakemm dan il-metodu iqis biżżejjed il-kriterji li ġew żviluppati mill-Kummissjoni KE u li l-metodu ma jiddevjax mill-prattika tal-Kummissjoni KE qabel l-adozzjoni ta’ l-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat KE. It-tienett, għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni KE, fid-deċiżjoni tagħha NN 49/97 u N 357/99 rigward pakkett ta’ appoġġ għall-produzzjoni Irlandiża tal-films u tat-televiżjoni, espliċitament enfasizzat li l-introduzzjoni ta’ l-Artikoli 151(1) u 87(3)(d) tat-Trattat KE mhux bilfors kienet tirrifletti bidla fil-politika tal-Kummissjoni KE lejn is-settur kulturali. It-tieletnett, rigward ix-xandir, ir-Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku tirrikonoxxi li x-xandir tas-servizz pubbliku jissodisfa funzjoni kulturali u li l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom iqisu r-realizzazzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku.

(3)

Hija l-Awtorità li trid tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni effettiva ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ eżenzjoni fl-Artikolu 61(3) tal-Ftehim ŻEE u kif għandhom jitqiesu l-aspetti kulturali. Għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet li jagħtu eżenzjoni mill-projbizzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu applikati b’mod strett. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni KE anki l-kunċett ta’ “kulturali” sabiex l-għajnuna tiġi eżentata mill-projbizzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(d) tat-Trattat KE irid jiġi interpretat b’mod restrittiv. L-istess japplika għal meta l-Awtorità tkun qed teżamina jekk miżura tkunx tista’ tiġi eżentata minħabba raġunijiet kulturali skond l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE. Kif iddikjarat il-Kummissjoni KE fid-deċiżjoni tagħha f’Kinderkanal u Phoenix, il-ħtiġiet edukattivi u demokratiċi ta’ Stat Membru għandhom jitqiesu bħala li jkunu distinti mill-promozzjoni tal-kultura (22). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li hemm distinzjoni bejn il-ħtiġiet kulturali, soċjali u demokratiċi ta’ kull soċjetà. Naturalment, l-edukazzjoni jista’ jkollha aspett kulturali.

(4)

Ħafna drabi l-għajnuna mill-Istat lil xandâra ta’ servizz pubbliku ma tagħmilx distinzjoni bejn dawk it-tliet ħtiġiet. Konsegwentement, sakemm Stat EFTA ma jipprovdix għal definizzjoni separata u għal finanzjament separat ta’ għajnuna mill-Istat biex tkun promossa l-kultura biss, għajnuna bħal din ġeneralment ma tistax tkun approvata fuq dik il-bażi. Normalment tista’ tkun ivvalutata, madankollu, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE dwar servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ikun xi jkun il-każ, tkun xi tkun il-bażi legali biex tkun ivvalutata l-kompatibbiltà, l-analiżi sostantiva għandha ssir mill-Awtorità fuq il-bażi tal-istess kriterji, jiġifieri dawk stabbiliti f’dawn il-Linji gwida.

24Ċ.6.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE

(1)

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sostniet konsistentment li l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (23) jipprovdi għal deroga u għalhekk irid jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkjarifikat li sabiex miżura tibbenifika minn deroga bħal din, huwa meħtieġ li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

is-servizz in kwistjoni jrid jkunu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u jrid ikun iddefinit b’mod ċar bħala tali mill-Istat Membru (definizzjoni);

(ii)

l-intrapriża in kwistjoni trid tkun espliċitament fdata mill-Istat Membri bil-provvista ta’ dak is-servizz (fiduċja);

(iii)

l-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat (f’dan il-każ, il-projbizzjoni formali fuq l-għajnuna mill-Istat) trid tostakola t-twettiq ta’ kompiti partikolari asssenjati lill-intrapriża u l-eżenzjoni minn regoli bħal dawn ma tridx taffettwa l-iżvilupp ta’ kummerċ sa punt li jkun kontra l-interessi tal-Komunità (test ta’ proporzjonalità).

(2)

Hija l-Awtorità li trid tivvaluta jekk dawn il-kriterji ġewx sodisfatti meta tapplika l-Artikolu 59(2) korrispondenti tal-Ftehim ŻEE b’relazzjoni għall-Istati EFTA.

(3)

Fil-każ speċifiku tax-xandir tas-servizz pubbliku, il-metodu t’aktar ’il fuq irid ikun adattat fid-dawl tar-Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku li tirreferi għall-“mandat ta’ servizz pubbliku kif mogħti, iddefinit u organizzat minn kull Stat Membru” (definizzjoni u fiduċja) u, fil-każ tal-finanzjament tax-xandir tas-servizz pubbliku, jipprovdi għal deroga mir-regoli tat-Trattat “sakemm finanzjament bħal dan jingħata lil organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-mandat tas-servizz pubbliku […] u […] ma jaffettwax kundizzjonijiet ta’ kummerċ u ta’ kompetizzjoni fil-Komunità sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li għandha titqies ir-realizzazzjoni tal-mandat ta’ dak is-servizz pubbliku” (proporzjonalità).

(4)

Kif turi l-prattika tal-każi reċenti tal-Kummissjoni KE, miżura li ma tissodisfax il-kriterji kollha ta’ Altmark, xorta trid tkun analizzata skond l-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE, rispettivament l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE (24).

24Ċ.6.1.   Definizzjoni ta’ mandat ta’ servizz pubbliku

(1)

Sabiex tkun sodisfatta l-kundizzjoni li tissemma f’24Ċ.6(1) għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE, huwa meħtieġ li tkun stabbilita definizzjoni uffiċjali tal-mandat tas-servizz pubbliku. Imbagħad biss l-Awtorità tkun tista’ tivvaluta b’biżżejjed ċertezza legali jekk tkunx applikabbli d-deroga skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku taqa’ fil-kompetenza ta’ l-Istati EFTA, li jistgħu jiddeċiedu fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. B’mod ġenerali, fl-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza, irid jitqies il-kunċett ta’ “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”. Madankollu, meta titqies in-natura speċifika tas-settur tax-xandir, definizzjoni “wiesgħa”, li tafda lil xandâr partikolari bil-kompitu li jipprovdi programmazzjoni bilanċjata u varjata skond il-mandat, waqt li jkun ippreservat ċertu livell ta’ udjenza, tista’ titqies leġittima skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE. Definizzjoni bħal din għandha tkun konsistenti ma’ l-għan li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ soċjetà partikolari u jiġi garantit il-pluraliżmu, inklużi d-diversità kulturali u dik lingwistika.

(3)

B’mod simili, il-mandat tas-servizz pubbliku jista’ jinkludi ċerti servizzi li mhumiex “programmi” fis-sens tradizzjonali, bħalma huma servizzi ta’ informazzjoni onlajn, sal-punt li waqt li jitqiesu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ta’ l-attivitajiet fl-era diġitali, ikunu qed jindirizzaw l-istess ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà in kwistjoni.

(4)

Kulmeta l-ambitu tal-mandat tas-servizz pubbliku jiġi estiż biex ikopri servizzi ġodda, id-definizzjoni u l-att ta’ fiduċja għandhom ikunu modifikati kif ikun xieraq, fil-limiti ta’ l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE.

(5)

Il-kompitu ta’ l-Awtorità huwa li tivverifika jekk l-Istati EFTA jirrispettawx jew le d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE. Rigward id-definizzjoni ta’ servizz pubbliku fis-settur tax-xandir, ir-rwol ta’ l-Awtorità huwa limitat għall-kontroll ta’ żbalji evidenti. Mhix l-Awtorità li trid tiddeċiedi jekk programm għandux ikun provdut bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, lanqas li jiddiksuti n-natura jew il-kwalità ta’ ċertu prodott. Id-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku, madankollu, tkun fi żball evidenti jekk tinkludi attivitajiet li ma jistgħux raġonevolment jitqies li jissodisfaw “il-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà”. Normalment din tkun il-pożizzjoni fil-każ ta’, ngħidu aħna, l-e-commerce. F’dan il-kuntest, irid jitfakkar li l-mandat tas-servizz pubbliku jiddeskrivi s-servizzi offruti lill-pubbliku fl-interess ġenerali. Il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku ma tridx tiġi konfuża mal-kwistjoni tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament magħżul biex ikunu pprovduti dawn is-servizzi. Għaldaqstant, waqt li x-xandâra tas-servizz pubbliku jistgħu jwettqu attivitajiet kummerċjali bħalma huma l-bejgħ ta’ spazju għar-reklami sabiex jiksbu dħul, attivitajiet bħal dawn normalment ma jistgħux jitqiesu bħala parti mill-mandat tas-servizz pubbliku.

(6)

Id-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku għandha tkun preċiża kemm jista’ jkun. M’għandha tħalli l-ebda dubju dwar jekk ċerta attività mwettqa mill-operatur fdat hiex intenzjonata mill-Istat EFTA li tkun inkluża fil-mandat tas-servizz pubbliku jew le. Mingħajr definizzjoni ċara u preċiża ta’ l-obbligazzjonijiet imposti fuq ix-xandâr tas-servizz pubbliku, l-Awtorità ma tkunx tista’ twettaq il-kompiti tagħha skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE u, għalhekk, ma tkun tista’ tagħti l-ebda eżenzjoni skond dik id-dispożizzjoni.

(7)

Identifikazzjoni ċara ta’ l-attivitajiet koperti mill-mandat tas-servizz pubbliku hija importanti wkoll għall-operaturi mhux ta’ servizz pubbliku, sabiex ikunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom.

(8)

Fl-aħħarnett, it-termini tal-mandat tas-servizz pubbliku għandhom ikunu preċiżi, sabiex l-awtoritajiet ta’ l-Istati EFTA effettivament ikunu jistgħu jimmonitorjaw il-konformità, kif inhu deskritt fil-kapitolu li ġej.

24Ċ.6.2.   Fiduċja u sorveljanza

(1)

Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE, il-mandat tas-servizz pubbliku għandu jkun fdat lil intrapriża waħda jew aktar permezz ta’ att uffiċjali (pereżempju, permezz ta’ leġiżlazzjoni, kuntratt jew termini ta’ referenza).

(2)

Mhux biżżejjed, madankollu, li x-xandâr tas-servizz pubbliku jkun formalment fdat bil-provvista ta’ servizz pubbliku ddefinit sew. Huwa wkoll meħtieġ li s-servizz pubbliku ikun effettivament fornut kif inhu provdut fil-ftehim formali bejn l-Istat u l-intrapriża fdata. Huwa għalhekk mixtieq li awtorità xierqa jew korp maħtur timmonitorja l-applikazzjoni tiegħu. Fil-każ ta’ l-istandards tal-kwalità imposti fuq l-operatur fdat, tidher biċ-ċar il-ħtieġa għal awtorità xierqa bħal din jew għal korp xieraq bħal dan inkarigata mis-superviżjoni. Mhix l-Awtorità li għandha tiġġudika jekk l-istandards tal-kwalità ġewx sodisfatti jew le: trid tkun tista’ tistrieħ fuq superviżjoni xierqa min-naħa ta’ l-Istati EFTA.

(3)

Hija fil-kompetenza ta’ l-Istat ŻEE li jagħżel il-mekkaniżmu biex tkun żgurata superviżjoni effettiva ħalli l-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku jiġu sodisfatti. Ir-rwol ta’ korp bħal dan jidher li jkun effettiv biss jekk l-awtorità tkun indipendenti mill-intrapriża fdata.

(4)

Fl-assenza ta’ biżżejjed indikazzjonijiet affidabbli li s-servizz pubbliku jkun effettivament fornut skond il-mandat, l-Awtorità ma tkunx tista’ twettaq il-kompiti tagħha skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE u, għalhekk, ma tkun tista’ tagħti l-ebda eżenzjoni skond dik id-dispożizzjoni.

24Ċ.6.3.   Il-finanzjament tax-xandir tas-servizz pubbliku u t-test ta’ proporzjonalità

24Ċ.6.3.1.   L-għażla tal-finanzjament

(1)

Id-dmirijiet tas-servizz pubbliku jistgħu jkunu jew kwantitativi jew kwalitativi jew it-tnejn. Tkun xi tkun il-forma tagħhom, jistgħu jiġġustifikaw il-kumpens, sakemm jinvolvu spejjeż supplimentari li x-xandar normalment ma jkunx għamel.

(2)

L-iskemi ta’ finanzjament jistgħu jitqassmu f’żewġ kategoriji wesgħin: “finanzjament-waħdieni” u “finanzjament-doppju”. Il-kategorija “finanzjament-waħdieni” tkopri dawk is-sistemi fejn ix-xandir tas-servizz pubbliku ikun iffinanzjat biss permezz ta’ fondi pubbliċi, ikunu f’liema forma jkunu. Is-sistemi ta’ “finanzjament-doppju” jinkludu firxa wiesgħa ta’ skemi, fejn ix-xandir tas-servizz pubbliku jkun iffinanzjat permezz ta’ kombinazzjonijiet differenti ta’ fondi Statali u ta’ dħul minn attivitajiet kummerċjali, bħalma huma l-bejgħ ta’ spazju għal reklami jew ta’ programmi.

(3)

Kif ġie ddikjarat fir-Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku: “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ Stati Membru li jipprovdi għall-finanzjament tax-xandir tas-servizz pubbliku…”. Dan se jinkludi l-għażla ta’ l-iskema ta’ finanzjament. Sakemm il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti (eż. ir-reklami, l-akkwist u/jew il-bejgħ tal-programmi) ma tkunx affetwata sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, fil-prinċipju, ma jista’ jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għall-għażla ta’ skema ta’ finanzjament doppju (fejn ikunu kkombinati fondi pubbliċi u dħul mir-reklami) pjuttost milli skema b’finanzjament waħdieni (fondi pubbliċi biss).

(4)

Waqt li l-Istati EFTA huma ħielsa li jagħżlu l-mezzi ta’ finanzjament għax-xandir tas-servizz pubbliku, skond l-Artikolu 59(2), l-Awtorità trid tivverifika li d-deroga mill-applikazzjoni normali tar-regoli ta’ kompetizzjoni għat-twettiq tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma taffettwax il-kompetizzjoni fis-żona ŻEE b’mod sproporzjonat. It-test huwa ta’ natura “negattiva”: jeżamina jekk il-miżura adottata mhix sproporzjonata. L-għajnuna wkoll m’għandiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi komuni.

(5)

Ir-Riżoluzzjoni dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku tikkonferma dan il-metodu anki għax-xandir tas-servizz pubbliku, fejn tiddikjara li l-finanzjament m’għandux “jaffettwa l-kundizzjonijiet kummerċjali u l-kompetizzjoni fil-Komunità sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li għandha titqies r-realizzazzjoni tal-mandat ta’ dak is-servizz pubbliku”.

24Ċ.6.3.2.   Ir-rekwiżiti tat-trasparenza għall-valutazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat

(1)

Il-valutazzjoni mill-Awtorità li ġiet deskritta aktar ’il fuq teħtieġ definizzjoni ċara u preċiża tal-mandat tas-servizz pubbliku u separazzjoni ċara u xierqa bejn attivitajiet ta’ servizz pubbliku u attivitajiet li mhumiex ta’ servizz pubbliku. Is-separazzjoni tal-kontijiet bejn dawn iż-żewġ sferi normalment diġà tkun meħtieġa fuq livell nazzjonali sabiex ikunu żgurati t-trasparenza u l-kontabbiltà meta jintużaw fondi pubbliċi. Separazzjoni tal-kontijiet hija meħtieġa l-Awtorità tkun tista’ twettaq it-test ta’ proporzjonalità tagħha. Se tipprovdi lill-Awtorità b’għodda biex teżamina allegat sussidju inkroċjat u biex tiddefendi ħlasijiet iġġustifikati ta’ kumpens għal kompiti ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fuq il-bażi ta’ spiża xierqa u ta’ allokazzjoni ta’ dħul biss jista’ jkun determinat jekk il-finanzjament pubbliku huwiex effettivament limitat għall-ispejjeż netti tal-mandat tas-servizz pubbliku u b’hekk ikun aċċettabbli skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn awtoritajiet pubbliċi u intrapriżi pubbliċi u f’intrapriżi li ngħataw drittijiet speċjali jew esklużivi jew kienu fdati bit-tħaddim ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, ġew indikati fid-Direttiva 80/723/KEE (25).

(3)

L-Istati EFTA kienu meħtieġa mid-Direttiva 80/723/KEE li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex - fil-każ ta’ kwalunkwe intrapriża mogħtija drittijiet speċjali jew esklużivi jew li kienet fdata bit-tħaddim ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li qed tirċievi għajnuna mill-Istat fi kwalunkwe forma tkun xi tkun u li twettaq attivitajiet oħra, jiġifieri, attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku - jiżguraw li: (a) il-kontijiet interni li jikkorrispondu għal attivitajiet differenti, jiġifieri attivitajiet ta’ servizz pubbliku u attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku, ikunu separati; (b) l-ispejjeż u d-dħul kollha jiġu assenjati sew jew jiġu allokati fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż applikati b’mod konsistenti u ġġustifikati oġġettivament; u (ċ) il-prinċipji tal-kontabilità ta’ l-ispejjeż li skond tagħhom jinżammu kontijiet separati jiġu stabbiliti b’mod ċar.

(4)

Ir-rekwiżiti ġenerali ta’ trasparenza japplikaw ukoll għax-xandâra kif ġie indikat fil-ħames premessa tad-Direttiva 2000/52/KE (26). Ir-rekwiżiti l-ġodda japplikaw għax-xandâra tas-servizz pubbliku, sakemm ikunu benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat u jkunu fdati bit-tħaddim ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li għalih l-għajnuna mill-Istat ma kienetx iffissata għal perjodu xieraq skond proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. L-obbligazzjoni tas-separazzjoni tal-kontijiet ma tapplikax għax-xandâra tas-servizz pubbliku li l-attivitajiet tagħhom ikunu limitati għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u li ma jħaddmux attivitajiet barra l-ambitu ta’ dawk is-servizzi.

(5)

Fis-settur tax-xandir, is-separazzjoni tal-kontijiet mhix problema partikolari fejn għandu x’jaqsam id-dħul, imma tista’ ma tkunx sempliċi jew, tabilħaqq, fattibbli fejn għandhom x’jaqsmu l-ispejjeż. Dan huwa minħabba l-fatt li fis-settur tax-xandir, l-Istati EFTA jistgħu jqisu l-programmazzjoni sħiħa tax-xandâra bħala koperta mill-mandat tas-servizz pubbliku, waqt li fl-istess ħin tippermetti l-esplojtazzjoni kummerċjali tagħha. Fi kliem ieħor, sa ċertu punt, attivitajiet differenti jaqsmu l-istess input.

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità tqis li, fejn għandu x’jaqsam id-dħul, operaturi tax-xandir għandhom jagħtu rendikont dettaljat tas-sorsi u ta’ l-ammont tad-dħul kollu li ġej mit-twettiq ta’ attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku.

(7)

Fejn għandu x’jaqsam l-infiq, l-ispejjeż speċifiċi għall-attività mhux ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu identifikati b’mod ċar. Barra min hekk, kulmeta l-istess riżorsi - persunal, tagħmir, installazzjoni fissa, eċċ. – jintużaw biex jitwettqu kemm kompiti ta’ servizz pubbliku kif ukoll kompiti mhux ta’ servizz pubbliku, l-ispejjeż tagħhom għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tad-differenza fl-ispejjeż totali tal-ditta bl-attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku jew mingħajrhom (27).

(8)

Dak li ntqal aktar ’il fuq jimplika li, kuntrarju għall-metodu ġeneralment adottat f’setturi ta’ utilitajiet oħra, l-ispejjeż li huma għalkollox attribwibbli għal attivitajiet ta’ servizz pubbliku, waqt li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-attivitajiet kummerċjali, mhemmx għalfejn jitqassmu bejn it-tnejn u jistgħu ikunu għalkollox allokati lis-servizz pubbliku. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, bl-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ programm li jintwera bħala parti mill-mandat tas-servizz pubbliku imma jinbiegħ ukoll lil xandâra oħrajn. L-eżempju prinċipali, madankollu, ikun dak tan-numru ta’ telespettaturi, li jiġi ġġenerat kemm biex ikun sodisfatt il-mandat tas-servizz pubbliku kif ukoll biex jinbiegħ spazju għar-reklami. Jitqies li distribuzzjoni sħiħa ta’ dawn l-ispejjeż bejn iż-żewġ attivitajiet tirriskja li tkun arbitrarja u bla siwi. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż mil-lat tat-trasparenza tal-kontijiet m’għandiex tkun konfuża ma’ l-irkupru ta’ l-ispejjeż fid-definizzjoni tal- politiki ta’ l-ipprezzar. Il-kwistjoni ta’ l-aħħar ġiet indirizzata fit-taqsima 24 C.6.3.3.(2) t’aktar ’l isfel.

24Ċ.6.3.3.   Il-proporzjonalità

(1)

Fit-twettiq tat-test ta’ proporzjonalità, l-Awtorità tibda mill-konsiderazzjoni li l-finanzjazjament ta’ l-Istat normalment ikun meħtieġ għall-intrapriża biex twettaq il-kompiti tas-servizz pubbliku tagħha. Madankollu, sabiex dan it-test ikun sodisfatt, huwa meħtieġ li l-għajnuna mill-Istat ma teċċedix l-ispejjeż netti tal-missjoni ta’ servizz pubbliku, waqt li jitqies ukoll id-dħul dirett jew indirett ieħor derivat mill-missjoni ta’ servizz pubbliku. Għal din ir-raġuni, meta tkun ivvaluta l-proporzjonalità tal-għajnuna, se jitqies il-benefiċċju nett li attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku iġibu mill-attività ta’ servizz pubbliku.

(2)

Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm tgħawwiġ fis-suq li ma jkunux meħtieġa biex tkun sodisfatta l-missjoni ta’ servizz pubbliku. Pereżempju, xandâr tas-servizz pubbliku, sakemm id-dħul aktar baxx ikun kopert mill-għajnuna mill-Istat, jista’ jitħajjar ibaxxi l-prezzijiet tar-reklami jew ta’ attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku fis-suq, sabiex inaqqas id-dħul tal-kompetituri. Kondotta bħal din, jekk tiġi ppruvata, ma tistax titqies bħala intrinsika għall-missjoni ta’ servizz pubbliku attribbwita lix-xandâr. Kulmeta xandâr tas-servizz pubbliku jraħħas il-prezzijiet inqas mill-prezz normali f’attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku aktar milli dak li jkun meħtieġ sabiex ikunu rkuprati l-ispejjeż indipendenti li operatur kummerċjali effiċjenti f’sitwazzjoni simili normalment jkollu jirkupra, prattika bħal din tkun tindika l-preżenza ta’ kumpens żejjed ta’ obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku. Ikun xi jkun il-każ, dan għandu jaffetwa l-kundizzjonijiet kummerċjali u l-kompetizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(3)

Għaldaqstant, fit-twettiq tat-test ta’ proporzjonalità, l-Awtorità se tqis jekk kwalunkwe tgħawiġ tal-kompetizzjoni li jinqala’ minħabba l-għajnuna jistax ikun iġġustifikata f’termini tal-ħtieġa biex jitwettaq is-servizz pubbliku kif ġie ddefinit mill-Istat EFTA jew le u tipprovdi għal finanzjament tiegħu. Meta jkun meħtieġ, l-Awtorità se tieħu wkoll azzjoni fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ŻEE.

(4)

L-analiżi ta’ l-effetti ta’ l-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni u l-iżvilupp tal-kummerċ inevitabbilment iridu jkunu bbażati fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni. L-istruttura kompetittiva effettiva u karatteristiċi oħra ta’ kull wieħed mis-swieq ma jistgħux ikunu deskritti f’din il-komunikazzjoni, għaliex ġeneralment ikunu pjuttost differenti minn xulxin. Għall-istess raġuni, dawn il-Linji gwida ma jistgħux ex ante jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-prezzijiet tax-xandâra tas-servizz pubbliku jkunu skond il-prinċipji li ġew spjegati fit-taqsima 24.C.6.3.3.(2). Għalhekk il-valutazzjoni skond l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat lix-xandâra pubbliċi fl-aħħar mill-aħħar tista’ ssir biss fuq bażi ta’ każ b’każ, skond il-prattika ta’ l-Awtorità.

(5)

Fil-valutazzjoni tagħha, l-Awtorità ser tqis il-fatt li, sakemm l-għajnuna mill-Istat tkun meħtieġa biex titwettaq l-obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku, is-sistema kollha jista’ wkoll ikollha l-effett posittiv li tmantni sors alternattiv ta’ provvista f’uħud mis-swieq rilevanti (28). Madankollu, dan l-effett irid ikun ibbilanċjat ma’ l-effetti negattivi possibbli ta’ l-għajnuna, bħal meta operaturi oħra ma jitħallewx jidħlu f’dawn is-swieq, biex b’hekk titħalla struttura ta’ suq aktar oligopolistiku, jew twassal għal imġiba possibbilment anti-kompetittiva ta’ l-operaturi tas-servizz pubbliku fis-swieq rilevanti.

(6)

L-Awtorità se tqis ukoll id-diffikulta li wħud mill-Istati EFTA jista’ jkollhom biex jiġbru l-fondi neċessarji, jekk l-ispejjeż tas-servizz pubbliku għal kull abitant jkunu, ceteris paribus, ogħla (29).


(1)  Sa ċertu punt, dan il-Kapitolu huwa bbażat fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli għall-għajnuna mill-Istat lis-servizzi ta’ xandir pubbliku, ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5.

(2)  ĠU C 30, 5.2.1999, p. 1; inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 4 ta’ l-Anness X, bħala att li l-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu nota titegħu, bid-Deċiżjoni Nru 118/1999, ĠU L 325, 21.12.2000, p. 33 u s-Suppliment ŻEE Nru 60, 21.12.2000, p. 423 (Iżlandiż) u p. 424 (Norveġiż), dħul fis-seħħ fl-1.10.1999.

(3)  “The digital age of European audiovisual policy. Report from the EC high-level group on audiovisual policy (L-era diġitali tal-politka awdjoviżiva Ewropea. Rapport mill-grupp ta’ livell għoli tal-KE dwar il-politika awdjoviżiva)”, 1998.

(4)  Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, it-terminu “servizz pubbliku” jikkorrispondi għat-terminu “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” li ntuża fl-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE.

(5)  L-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE jikkorrispondi għall-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE.

(6)  Kawża T-69/89 Radio Telefis Eireann vs Il-Kummissjoni [1991] ECR II 485, paragrafu 82; Kawża 155/73 Giuseppe Sacchi [1974] ECR 409, paragrafu 15.

(7)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2.

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA 32/02/COL ta’ l-20.2.2002 li tikkonċerna l-produzzjoni tal-films u l-attivitajiet relatati mal-films fin-Norveġja. Għal aktar dettalji wieħed jista’ jara t-taqsima 24.Ċ. 5 (2) ta’ dawn il-Linji gwida.

(9)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23.

(10)  ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 82/1999, ĠU L 296, 23.11.2000, p. 39 u s-Suppliment ŻEE Nru 54, 23.11.2000, p. 99 (Iżlandiż) u Del. 2, p. 69 (Norveġiż), dħul fis-seħħ fl-1.7.2000.

(12)  ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35, inkorporata fil-Ftehim ŻEE fl-Anness XV tiegħu.

(13)  ĠU L 193, 29.7.2000, p. 75.

(14)  ĠU L 66, 8.3.2001, p. 48 u s-Suppliment ŻEE Nru 12, 8.3.2001, p. 6, dħul fis-seħħ fl-1.6.2002.

(15)  Il-Kapitolu 19 tal-Linji gwida ta’ l-Awtorità dwar l-Għajnuna mill-Istat huwa bbażat fuq il-Bullettin KE 9-1984 dwar l-Applikazzjoni ta’ l-[eks-]Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KEE għall-intrapriżi ta’ l-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kapitolu 20 jikkorrispondi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta’ l-[eks-]Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KEE (issa l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE) u ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għall-intrapriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura, ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3.

(16)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni KE NN 88/98 “Il-finanzjament ta’ stazzjon ta’ l-aħbarijiet ta’ 24 siegħa mingħajr reklami bi ħlas tal-liċenzja mill-BBC”, ĠU C 78, 18.3.2000, p. 6 u għajnuna NN 70/98, “L-għajnuna mill-Istat lill-istazzjonijiet tax-xandir pubbliku Kinderkanal u Phoenix”, ĠU C 238, 21.8.1999, p. 3.

(17)  Kawżi 730/79 Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni [1980] ECR 2671, paragrafu 11; C-303/88 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] ECR I-1433, paragrafu 27; C-156/98 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [2000] ECR I-6857, paragrafu 33.

(18)  Kawżi T-106/95 FFSA u Oħrajn vs Il-Kummissjoni [1997] ECR II-229; T-46/97 SIC vs Il-Kummissjoni [2000] ECR II-2125 and C-332/98 Franza vs Il-Kummissjoni [2000] ECR I-4833.

(19)  Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH, Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH [2003] ECR I-7747, paragrafu 87 seq.

(20)  Jikkorrispondi għall-Artikolu 88 (1) tat-Trattat KE.

(21)  Kawża C-44/93 Namur-Les Assurances du Crédit SA vs L-Uffiċċju National du Ducroire u l-Istat Belġjan [1994] ECR I-3829.

(22)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 16.

(23)  L-Artikolu 86 tat-Trattat KE jikkorrispondi għall-Artikolu 59 tal-Ftehim ŻEE.

(24)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C62/1999, RAI, paragrafu 99 u C85/2001, RTP, paragrafu 158.

(25)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 12.

(26)  Ara n-noti f’qiegħ il-paġina 13 u 14.

(27)  Dan jimplika referenza għas-sitwazzjoni ipotetika fejn l-attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku kellhom jitwaqqfu: l-ispejjeż li kieku jiġu evitati b’dan il-mod jirrappreżentaw l-ammont ta’ l-ispejjeż komuni li għandhom jiġu allokati lill-attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku.

(28)  Dan ma jfissirx li l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun iġġustifikata bħala għodda, li żżid il-provvista u l-kompetizzjoni f’suq. L-għajnuna mill-Istat li tippermetti li operatur jibqa’ fis-suq minkejja t-telf rikorrenti tiegħu tikkawża tgħawiġ kbir tal-kompetizzjoni, peress li eventwalment twassal għal aktar ineffiċjenza, provvista iżgħar u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. Jekk jitneħħew il-barrieri legali u ekonomiċi għad-dħul, jekk tiġi żgurata politika anti-trust effettiva u jekk jiġi promoss il-pluraliżmu jkunu strumenti aktar effettivi f’dan ir-rigward. Il-monopolji naturali normalment ikunu suġġetti għal regolamentazzjoni.

(29)  Jistgħu jiġu ffaċċati diffikultajiet simili anki meta x-xandir tas-servizz pubbliku jkun indirizzat lil minoranzi lingwistiċi jew għal ħtiġiet lokali.


Top