This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2016/140A/01
Recruitment notice PE/190/S
Avviż ta’ reklutaġġ Nru PE/190/S
Avviż ta’ reklutaġġ Nru PE/190/S
ĠU C 140A, 21.4.2016, pp. 1–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
21.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 140/1 |
AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ NRU PE/190/S
(2016/C 140 A/01)
Il-Parlament Ewropew qed jorganizza proċedura ta’ selezzjoni abbażi ta’ kwalifiki u testijiet sabiex jistabbilixxi lista ta’ riżerva għall-pożizzjoni ta’
KAP TA’ UNITÀ (AD 9)
Mini-Parlamentarium Berlin
(ta’ sess femminil jew maskil)
|
Qabel tapplika, għandek taqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' reklutaġġ. Din il-gwida, li hija parti integrali tal-avviż ta' reklutaġġ, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni. |
WERREJ
|
A. |
DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELIĠIBILITÀ |
|
B. |
ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA |
|
C. |
TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET |
|
ANNESS: |
GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-PROĊEDURI TA’ SELEZZJONI ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW |
A. DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA’ ELIĠIBILITÀ
1. Informazzjoni ġenerali
L-Awtorità tal-Ħatra (AIPN) iddeċidiet li tiftaħ proċedura biex timla l-pożizzjoni ta’ uffiċjal, kap ta’ unità (AD, grad 9), fid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, Direttorat għall-Uffiċċji tal-Informazzjoni, Mini-Parlamentarium Berlin, abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Mini-Parlamentarium huwa ċentru ġdid tal-viżitaturi li jinsab f’Dar l-Ewropa f’Berlin, fejn diġà hemm l-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiki ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
Kull referenza, f’dan l-avviż, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.
2. Deskrizzjoni tal-funzjonijiet
Il-kap ta’ unità se jkun inkarigat mill-ġestjoni tal-Mini-Parlamentarium taħt l-awtorità diretta tad-Direttur tal-Uffiċċji tal-Informazzjoni.
Ibbażat f’Berlin (1), il-kap ta’ unità se jkun responsabbli għas-superviżjoni ta’ tim ta’ aġenti u se jeħtieġlu jivvjaġġa regolarment lejn it-tliet postijiet tax-xogħol normali tal-Parlament Ewropew (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu) u barra minnhom.
Se jaħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi l-oħra tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni biex jiżgura kooperazzjoni effikaċi u koerenti bejn is-servizzi differenti fil-livelli kollha u se jipprovdi lill-ġerarkija tiegħu, fi żmien xieraq, il-pariri u l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kwistjonijiet li jkun responsabbli għalihom.
It-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet jeżiġi l-ħila ta’ antiċipazzjoni, diplomazija, ħiliet interpersonali ma’ interlokuturi differenti minn oqsma politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll il-ħila ta’ tmexxija ta’ tim u ġestjoni ta’ baġit.
Il-Parlament Ewropew jinsisti fuq il-ħila tal-kandidati li jitrattaw problemi differenti u li ta’ spiss ikunu kumplessi, jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u jikkomunikaw b’mod effikaċi. Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi juru inizjattiva u motivazzjoni kbira. Għandhom ikunu kapaċi jaħdmu regolarment b’mod intensiv, kemm b’mod indipendenti kif ukoll f’tim, u jadattaw ruħhom f’qasam ta’ ħidma multikulturali u multilingwi. Fl-aħħar, irid ikollhom l-interess li jkomplu t-taħriġ professjonali tagħhom matul il-karriera tagħhom.
Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolamenti dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Marzu 2004.
Il-kompiti prinċipali ta’ kap ta’ unità tal-Mini-Parlamentarium Berlin (MPB) huma, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:
|
— |
jiżgura l-ġestjoni ta’ kuljum tal-MPB, inkluż is-sit innifsu, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Informazzjoni f’Berlin, |
|
— |
jiżviluppa azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni biex jippromwovi l-MPB mal-pubbliku ġenerali u mal-midja nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiżgura l-aħjar kopertura tal-attivitajiet tal-MPB, |
|
— |
imexxi l-iżvilupp u l-aġġornament tal-kontenut tal-komunikazzjoni tal-MPB, |
|
— |
jiżgura l-ġestjoni operattiva tal-fluss ta’ viżitaturi u tas-sistema ta’ prenotazzjoni, |
|
— |
jikkoopera mas-servizzi kkonċernati tal-Parlament Ewropew, mhux biss mal-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Berlin iżda wkoll mal-Parlamentarium fi Brussell, u ma’ unitajiet oħra tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, |
|
— |
jikkoopera mar-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Berlin biex jilqa’ l-viżitaturi fuq talba tiegħu, |
|
— |
imexxi u jimmotiva l-aġenti tal-unità u jottimizza l-użu tar-riżorsi tagħha billi jiżgura l-kwalità tajba tas-servizz, |
|
— |
jiżviluppa, jimplimenta, u jsegwi l-objettivi u l-pjanijiet ta’ azzjoni fil-qafas stabbilit mill-ġerarkija, |
|
— |
iwettaq azzjonijiet ta’ konsultazzjoni speċjalizzata, |
|
— |
jieħu sehem fi gruppi ta’ ħidma u f’kumitati, |
|
— |
jiggarantixxi kapaċità ta’ ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-attivitajiet kollha tal-MPB skont ir-regoli fis-seħħ, |
|
— |
iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega. |
3. Rekwiżiti ta’ eliġibilità
Fid-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati għandhom jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) Rekwiżiti ġenerali
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati għandhom:
|
— |
ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom, |
|
— |
ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet applikabbli fil-qasam tal-obbligu militari, |
|
— |
joffru l-garanziji ta’ kondotta mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti. |
(b) Rekwiżiti speċifiċi
(i)
Il-kandidati għandu jkollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma f’qasam marbut mal-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2, ta’ tul ta’ żmien ta’:
|
— |
mill-anqas erba’ snin meta t-tul ta’ żmien normali ta’ dawn l-istudji jkun mill-anqas erba’ snin, jew |
|
— |
tliet snin segwiti minn sena ta’ esperjenza professjonali f’qasam marbut mal-funzjonijiet deskritti, meta t-tul ta’ żmien normali ta’ dawn l-istudji jkun mill-anqas tliet snin. Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa fit-Taqsima A.3. b) ii). |
Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis, f’dan ir-rigward, id-differenzi fis-sistemi edukattivi. Eżempji ta’ diplomi minimi meħtieġa jinsabu fit-tabella fil-gwida għall-kandidati.
(ii)
Il-kandidati għandhom ikunu kisbu, wara l-kwalifiki meħtieġa fit-Taqsima A.3. b) i), esperjenza professjonali ta’ tul ta’ żmien minimu ta’ 10 snin marbuta mal-funzjonijiet deskritti, li 3 snin minnhom għandhom ikunu f’karigi maniġerjali.
(iii)
Il-kandidati jrid ikollhom:
għarfien fil-fond tal-Ġermaniż (lingwa 1)
u
għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż jew tal-Ingliż (lingwa 2).
Il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis l-għarfien ta’ lingwi oħra uffiċjali (2) tal-Unjoni Ewropea.
|
Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja) fil-Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu l-obbligu li jimmotiva l-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-kandidati huma informati li l-lingwi 2 (il-Franċiż u l-Ingliż) magħżulin għall-finijiet ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni ġew definiti skont l-interess tas-servizz, li jeżiġi li r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih fil-Mini-Parlamentarium Berlin u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Fid-dawl tal-prattika tal-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’dak li jikkonċerna l-lingwi ta’ komunikazzjoni u b’kunsiderazzjoni partikolari tar-realtà osservata fl-Uffiċċju f’Berlin, fejn il-Franċiż u l-Ingliż, apparti l-Ġermaniż, jibqgħu l-lingwi l-aktar użati, huwa leġittimu li jiġi previst li l-ħtiġijiet tal-Mini-Parlamentarium Berlin rigward l-għarfien tas-soċjetà ċivili u l-ambjent lokali se jeħtieġu wkoll l-għarfien tal-Franċiz jew tal-Ingliż, apparti l-għarfien tal-Ġermaniż. Barra minn hekk, fir-rapporti tal-persunal tal-2013, 92 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Ingliż u 84 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Franċiż. Bl-eċċezzjoni tal-Ġermaniż, li laħaq 56 %, il-lingwi uffiċjali l-oħra ma jaqbżux il-livell ta’ 50 % tal-persunal għal dak li jikkonċerna għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa. Konsegwentement, fl-ibbilanċjar tal-interessi tas-servizzi u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, huwa ġustifikat li jiġi mitlub l-għarfien ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi (il-Franċiż u l-Ingliż) sabiex jiġi garantit, apparti l-għarfien tal-lingwa 1 (il-Ġermaniż) mitlub mill-ambjent lokali, li l-kandidati kollha jkollhom għarfien tajjeb ta’ mill-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi uffiċjali. B’hekk, il-valutazzjoni tal-ħiliet speċifiċi ta’ waħda minn dawn il-lingwi tippermetti lill-Parlament Ewropew jevalwa l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih fl-ambjent li se jkunu mitluba jaħdmu fih. |
B. ŻVOLĠIMENT TAL-PROĊEDURA
1. Eliġibilità għall-proċedura ta’ selezzjoni
Il-proċedura hija organizzata abbażi ta’ kwalifiki u testijiet .
|
a) |
Il-lista tal-kandidati li jkunu ppreżentaw il-fajl tagħhom skont il-modalitajiet u qabel id-data tal-iskadenza stipulata u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali speċifikati fit-Taqsima A.3. a) tiġi stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra, imbagħad tiġi trażmessa flimkien mal-fajls lill-kumitat ta’ selezzjoni (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati) . |
|
b) |
Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina l-fajls u jistabbilixxi lista ta’ kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi kif elenkati fit-Taqsima A.3.(b). |
Il-kumitat jibbaża l-għażla tiegħu esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjonijiet li jkunu appoġġati minn dokumenti ġustifikattivi (għal aktar dettalji, ara l-gwida għall-kandidati) .
2. Evalwazzjoni tal-kwalifiki
Il-kumitat ta’ selezzjoni, abbażi tal-kriterji li jkun stabbilixxa minn qabel, iwettaq evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati eliġibbli għall-proċedura ta’ selezzjoni u jistabbilixxi lista tal-aħjar 12-il kandidat li jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub.
Waqt l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni se jqis b’mod partikolari:
|
— |
l-esperjenza miksuba fl-oqsma tal-komunikazzjoni, ir-relazzjonijiet pubbliċi, ir-relazzjonijiet mal-midja u l-azzjonijiet u l-kampanji ta’ informazzjoni, |
|
— |
l-esperjenza miksuba fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, |
|
— |
l-esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali, |
|
— |
l-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea u l-affarijiet internazzjonali, |
|
— |
l-esperjenza miskuba fit-tmexxija, l-istimular, il-motivazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ timijiet, |
|
— |
l-esperjenza miksuba fil-ġestjoni tar-riżorsi baġitarji u finanzjarji. |
Punteġġ: minn 0 sa 20 punt.
3. Testijiet
Testijiet bil-miktub
|
(a) |
Test tal-kitba bil-lingwa 1 (il-Ġermaniż), maħsub biex jevalwa l-kapaċitajiet ta’ analiżi, ta’ sinteżi u ta’ kitba tal-kandidati. Tul ta’ żmien tat-test: Siegħa. Punteġġ: minn 0 sa 30 punt (minimu meħtieġ: 15). |
|
(b) |
Test tal-kitba bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), abbażi ta’ fajl, maħsub biex jevalwa l-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2. Tul ta’ żmien tat-test: 3 sigħat. Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt). |
Is-6 kandidati li jkunu kisbu l-ogħla marki fit-testijiet kollha bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kundizzjoni li jkunu kisbu l-marka minima meħtieġa għal kull test.
Testijiet orali
|
(c) |
Intervista mal-kumitat ta’ selezzjoni bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), li permezz tagħha tkun tista’ tiġi vvalutata, b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni, il-kapaċità tal-kandidati li jwettqu l-funzjonijiet deskritti fit-Taqsima A.2. Il-kumitat ta’ selezzjoni jista’ jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien lingwistiku tal-kandidati kif inhu speċifikat fl-applikazzjoni. Tul ta’ żmien massimu tat-test: 45 minuta. Punteġġ: minn 0 sa 40 punt (minimu meħtieġ: 20 punt). |
|
(d) |
Test ta’ diskussjoni fi grupp bil-lingwa 2 (il-Franċiż jew l-Ingliż), sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta l-kapaċità ta’ adattament, il-kapaċità ta’ negozjar u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tal-kandidati fi grupp. It-tul ta’ żmien ta’ dan it-test jiġi stabbilit mill-kumitat ta’ selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi. Punteġġ: minn 0 sa 20 punt (minimu meħtieġ: 10 punti). |
4. Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva
Il-lista ta’ riżerva se tinkludi, skont l-ordni ta’ mertu, l-ismijiet tat-3 kandidati li jkunu kisbu l-aktar punti fit-testijiet kollha u li jkunu laħqu l-livell minimu meħtieġ f’kull wieħed minn dawn it-testijiet.
Il-kandidati jiġu informati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista ta’ riżerva tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u titwaħħal fuq in-noticeboards uffiċjali fil-binjiet tal-Parlament Ewropew.
Il-kandidati mniżżlin fil-lista ta’ riżerva jiġu mistiedna għal intervisti fil-qafas tal-proċedura standard biex timtela l-pożizzjoni ta’ kap ta’ unità. Il-lista ta’ riżerva tibqa’ valida sa meta l-pożizzjoni kkonċernata timtela b’mod definittiv u r-reklutaġġ isir fil-grad AD 9.
C. TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET
Il-kandidati għandhom jużaw il-formola ta’ applikazzjoni (oriġinali jew kopja) speċifika għal dan l-avviż ta’ reklutaġġ li tinsab fil-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Il-kandidati huma mitluba jaqraw bir-reqqa l-gwida għall-kandidati qabel ma jimlew l-applikazzjoni tagħhom.
Data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet
Il-formola tal-applikazzjoni u l-fotokopji tad-dokumenti għandhom jintbagħtu bil-posta rreġistrata (3) sa mhux aktar tard mit-23 ta’ Mejju 2016 (it-timbru tal-posta jitqies bħala prova), fl-indirizz li ġej:
|
PARLEMENT EUROPÉEN |
|
Unité concours – MON 04 S 010 |
|
Procédure de sélection PE/190/S |
|
(għandu jiġi indikat in-numru ta’ referenza tal-proċedura ta’ selezzjoni) |
|
60 rue Wiertz |
|
1047 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta mhux irreġistrata jew bil-posta interna ma jiġux ikkunsidrati. L-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni mhijiex se taċċetta applikazzjonijiet li jitressqu bl-idejn.
Mhi se tintbagħat l-ebda konferma ta’ riċevuta tal-fajls tal-applikazzjoni, hlief jekk konferma ta’ riċevuta postali takkumpanja ittra rreġistrata.
Il-kandidati huma mitluba MA JĊEMPLUX rigward il-kalendarju tal-proċedura.
Hija r-responsabilità tal-kandidati li jikkuntattjaw lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni b’email (PE-190-S@ep.europa.eu) jew ittra jekk ma tkunx waslitilhom email rigward l-applikazzjoni tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2016.
(1) Din il-pożizzjoni tista' tkun ibbażata f'wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.
(2) Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.
(3) Il-kunsinna minn kurrier privat titqies bħala rregistrata. F'dan il-każ, id-data ta' meta l-kunsinna tkun intbagħtet, li tidher fuq il-formola tal-kunsinna, titqies bħala prova.
ANNESS
Gwida għall-kandidati fil-proċeduri ta’ selezzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew
|
1. |
DAĦLA | 8 |
| Kif tiżvolġi proċedura ta’ selezzjoni? | 8 |
|
2. |
STADJI TAL-PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI | 8 |
| Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni | 8 |
| Eżami tar-rekwiżiti ġenerali | 8 |
| Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi | 9 |
| Evalwazzjoni tal-kwalifiki | 9 |
| Testijiet | 9 |
| Lista ta’ riżerva | 10 |
|
3. |
KIF TAPPLIKA? | 10 |
| Informazzjoni ġenerali | 10 |
| Kif tibgħat il-fajl komplut? | 10 |
| Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl? | 10 |
| Informazzjoni ġenerali | 10 |
| Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali | 11 |
| Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-evalwazzjoni tal-kwalifiki | 11 |
|
4. |
KOMUNIKAZZJONI | 12 |
|
5. |
INFORMAZZJONI ĠENERALI | 12 |
| Opportunitajiet indaqs | 12 |
| Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom | 13 |
| Protezzjoni tad-data personali | 13 |
| Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn | 13 |
| ANNESS I | 14 |
| ANNESS II | 17 |
1. DAĦLA
Kif tiżvolġi proċedura ta’ selezzjoni?
Proċedura ta’ selezzjoni tinvolvi sensiela ta’ stadji fejn il-kandidati jikkompetu bejniethom; din il-proċedura hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li, sad-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kriterji meħtieġa, toffri l-istess possibilità lill-kandidati kollha biex juru ħiliethom u tippermetti selezzjoni bbażata fuq il-mertu, fir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
Il-kandidati li jgħaddu proċedura ta’ selezzjoni jitniżżlu f’lista ta’ riżerva li se sservi bħala bażi għall-Parlament Ewropew sabiex jimla l-pożizzjoni li għaliha japplika dan l-avviż ta’ reklutaġġ.
Għal kull proċedura ta’ selezzjoni jiġi kostitwit kumitat ta’ selezzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tal-kumitat tal-persunal. Ix-xogħlijiet ta’ dan il-kumitat ta’ selezzjoni huma sigrieti u jiżvolġu skont l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1).
Il-kuntatti diretti jew indiretti tal-kandidati mal-kumitat ta’ selezzjoni huma formalment ipprojbiti. L-Awtorità tal-Ħatra tirriżerva d-dritt li teskludi kull kandidat li jikser din il-projbizzjoni.
Il-kumitat ta’ selezzjoni jimxi b’mod strett mar-rekwiżiti ta’ ammissjoni msemmija fl-avviż ta’ reklutaġġ biex jiddeċiedi dwar l-ammissjoni jew le ta’ kull kandidat. Il-kandidati li kienu ammessi għal konkors jew proċedura ta’ selezzjoni preċedenti ma jkunux awtomatikament eleġibbli.
Sabiex jagħżel l-aħjar kandidati, il-kumitat ta’ selezzjoni jqabbel il-prestazzjonijiet tal-kandidati sabiex jivvaluta ħiliethom biex iwettqu l-funzjonijiet deskritti fl-avviż. Għalhekk ma jridx biss jevalwa l-livell tal-għarfien, iżda wkoll jidentifika l-persuni l-aktar kwalifikati abbażi tal-merti tagħhom.
Għall-informazzjoni, proċedura ta’ selezzjoni tista’ ddum bejn 6 u 9 xhur, skont in-numru tal-kandidati.
2. STADJI TAL-PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI
Il-proċedura ta’ selezzjoni hija magħmula mill-istadji li ġejjin:
|
— |
wasla tal-fajls tal-applikazzjoni, |
|
— |
eżami tar-rekwiżiti ġenerali, |
|
— |
eżami tar-rekwiżiti speċifiċi, |
|
— |
evalwazzjoni tal-kwalifiki, |
|
— |
testijiet, |
|
— |
inklużjoni fil-lista ta’ riżerva. |
Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni
Il-kandidati li jiddeċiedu li japplikaw għandhom jibagħtu, inkella jiġu esklużi, fajl tal-applikazzjoni komplut, li jinkludi l-formola tal-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, mimlija, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa li jagħtu prova li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ. Dan il-fajl għandu jintbagħat bil-posta rreġistrata (il-kunsinna minn kumpanija privata tal-kurriers se titqies bħala ekwivalenti għall-posta rreġistrata. F’dan il-każ, id-data li tidher fil-formola tal-kunsinna se titqies bħala d-data tal-kunsinna) sad-data tal-iskadenza stabbilita fl-avviż ta’ reklutaġġ. Ara t-Taqsima C tal-avviż ta’ reklutaġġ għall-indirizz u d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet.
Eżami tar-rekwiżiti ġenerali
L-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni teżamina jekk l-applikazzjoni tistax tiġi aċċettata, jiġifieri jekk l-applikazzjoni ntbagħtitx skont il-modalitajiet u sad-data tal-iskadenza indikata fl-avviż ta’ reklutaġġ u jekk ir-rekwiżiti ġenerali ta’ ammissjoni ġewx issodisfati.
Konsegwentement, jiġu eliminati awtomatikament il-kandidati li:
|
— |
bagħtu l-fajl tal-applikazzjoni tagħhom wara d-data tal-iskadenza, kif muri mit-timbru tal-posta jew mill-formola tal-kunsinna tal-kurrier privat, jew |
|
— |
ma bagħtux il-fajl tal-applikazzjoni tagħhom bil-posta rreġistrata jew permezz ta’ kurrier privat, jew |
|
— |
ma użawx l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, jew |
|
— |
ma kkompletawx kif xieraq l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, jew |
|
— |
ma ffirmawx l-applikazzjoni, jew |
|
— |
ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali ta’ ammissjoni. |
Il-kandidati jiġu informati individwalment b’dan ir-rifjut wara d-data tal-iskadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet .
Il-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ hija stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra, imbagħad din il-lista tintbagħat flimkien mal-fajls lill-kumitat ta’ selezzjoni.
Eżami tar-rekwiżiti speċifiċi
Il-kumitat ta’ selezzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet u jistabbilixxi l-lista tal-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi fl-avviż ta’ reklutaġġ. Huwa jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi .
L-istudji, it-taħriġ, l-għarfien lingwistiku u, jekk ikun xieraq, l-esperjenza professjonali għandhom jiġu speċifikati fid-dettall fl-applikazzjoni, jiġifieri:
|
— |
għall-istudji: id-dati tal-bidu u tat-tmiem u d-deskrizzjoni tad-diploma/i, kif ukoll is-suġġetti studjati; |
|
— |
għall-esperjenza professjonali eventwali: id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-esperjenza kif ukoll deskrizzjoni preċiża tal-kompiti mwettqa. |
Il-kandidati li jkunu ppubblikaw studji, artikli jew testijiet oħra marbuta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet għandhom jinkluduhom fil-formola tal-applikazzjoni.
F’dan l-istadju huma esklużi l-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ ammissjoni stabbiliti fl-avviż ta’ reklutaġġ.
Kull kandidat jiġi informat b’ittra, dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għall-proċedura.
Evalwazzjoni tal-kwalifiki
Sabiex jagħżel il-kandidati li jkunu mistiedna għat-testijiet, il-kumitat ta’ selezzjoni jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati ammessi. Huwa jibbaża esklużivament fuq l-informazzjoni mogħtija fil-formola tal-applikazzjoni li tkun appoġġata minn dokumenti ġustifikattivi (ara l-punt 3 ta’ hawn taħt). Il-kumitat ta’ selezzjoni jibbaża fuq il-kriterji li jkun stabbilixxa minn qabel filwaqt li jikkunsidra, b’mod speċjali, il-kwalifiki speċifikati fl-avviż ta’ reklutaġġ fit-Taqsima B.2.
Kull kandidat jiġi informat b’ittra dwar id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni jekk ġiex ammess jew le għat-testijiet.
Testijiet
It-testijiet kollha huma obbligatorji u eliminatorji. In-numru massimu ta’ kandidati ammessi għat-testijiet huwa stabbilit fit-Taqsima B.2 tal-avviż ta’ reklutaġġ.
Minħabba raġunijiet ta’ organizzazzjoni, il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għat-testijiet kollha bil-miktub u orali. Madankollu, il-korrezzjoni tat-testijiet issir fl-ordni li jidher fl-avviż ta’ reklutaġġ. Konsegwentement, meta kandidat ma jiksibx il-punteġġ minimu meħtieġ f’wieħed mit-testijiet, il-kumitat ta’ selezzjoni ma jikkoreġix it-testijiet sussegwenti.
F’każ ta’ abbandun min-naħa tal-kandidat, it-testijiet ma jiġux ikkoreġuti.
Lista ta’ riżerva
In-numru massimu biss tal-kandidati stabbilit fit-Taqsima B.4 tal-avviż ta’ reklutaġġ jiddaħħal fil-lista ta’ riżerva.
Il-fatt li isem kandidat jitniżżel fil-lista ta’ riżerva jfisser li jista’ jiġi mistieden minn wieħed mis-servizzi tal-istituzzjoni għal intervista, iżda dan ma jikkostitwixxi la dritt u lanqas garanzija ta’ reklutaġġ min-naħa tal-istituzzjoni.
3. KIF TAPPLIKA?
Informazzjoni ġenerali
Qabel ma japplikaw, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha ta’ ammissjoni, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi. Dan jimplika li għandhom l-ewwel jaqraw l-avviż ta’ reklutaġġ u din il-gwida u jaċċettaw il-kondizzjonijiet tagħhom.
Minkejja li l-avviżi ta’ reklutaġġ ma għandhomx limitu ta’ età, għandha tingħata attenzjoni għall-età tal-pensjoni stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-kandidati għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni (oriġinali jew kopja) speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ u li tinsab f’Il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Id-dokumenti li jintbagħtu wara d-data tal-iskadenza mhumiex se jiġu kkunsidrati.
Il-kandidati li għandhom diżabilità jew li jinsabu f’sitwazzjoni partikolari (pereżempju: tqala, treddigħ, stat ta’ saħħa, terapija medika, eċċ.), li tista’ tikkawża diffikultajiet waqt l-iżvolġiment tat-testijiet għandhom jindikawha fl-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni utli sabiex l-amministrazzjoni, jekk ikun possibbli, tkun tista’ tieħu l-miżuri kollha neċessarji. Jekk ikun il-każ, mal-applikazzjoni tagħhom għandhom jehmżu nota, fuq karta separata, li tippreċiża d-dispożizzjonijiet li huma jqisu neċessarji biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom għat-testijiet.
Kif tibgħat il-fajl komplut?
|
1. |
Imla u ffirma l-applikazzjoni speċifika għall-avviż ta’ reklutaġġ, |
|
2. |
Ehmeż lista nnumerata tad-dokumenti ġustifikattivi kollha mal-fajl tiegħek. |
|
3. |
Ehmeż id-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa, li inti tkun innumerajt minn qabel. |
|
4. |
Ibgħat il-fajl skont il-modalitajiet u qabel id-data tal-iskadenza indikati fl-avviż ta’ reklutaġġ. |
Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl?
Informazzjoni ġenerali
M’għandekx tibgħat l-oriġinali; għandhom jiġu mehmuża biss fotokopji mhux iċċertifikati tad-dokumenti mitluba. Ir-referenzi għal siti tal-internet ma jistgħux jitqiesu bħala dokumenti ġustifikattivi. Dokumenti stampati minn siti tal-internet mhumiex se jitqiesu bħala ċertifikati, iżda jistgħu jinhemżu bħala informazzjoni addizzjonali.
Għandu jitfakkar li l-kandidati mniżżla fil-lista ta’ riżerva li ssirilhom offerta ta’ impjieg għandhom jippreżentaw l-oriġinali tad-dokumenti meħtieġa qabel ma jkunu jistgħu jiġu reklutati.
Curriculum vitæ mhuwiex meqjus bħala dokument ġustifikattiv.
Il-kandidati ma jistgħux jirreferu għal formoli tal-applikazzjonijiet jew dokumenti oħra mibgħuta waqt konkorsi preċedenti (2).
L-ebda element tal-fajl ma jintbagħat lura lill-kandidati.
Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali
F’dan l-istadju, l-ebda dokument ma huwa meħtieġ biex jiġġustifika li l-kandidati:
|
— |
huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom, |
|
— |
ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari, |
|
— |
jipproduċu r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti. |
Il-kandidati huma obbligati jiffirmaw il-formola tal-applikazzjoni. B’din il-firma, jiddikjaraw fuq l-unur tagħhom li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u li l-informazzjoni fornuta hija veraċi u kompluta.
Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-evalwazzjoni tal-kwalifiki
Huwa f’idejn il-kandidati li jfornu lill-kumitat ta’ selezzjoni l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jippermettulu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.
Diplomi u/jew ċertifikati li jiċċertifikaw it-tlestija tal-istudji
Il-kandidati għandhom ifornu fotokopji tad-diplomi jew taċ-ċertifikati li jiċċertifikaw l-istudji tal-livell meħtieġ fl-avviż ta’ reklutaġġ.
F’dan ir-rigward, il-kumitat ta’ selezzjoni jqis is-sistemi edukattivi differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Għal diplomi postsekondarji, għandha tinhemeż l-informazzjoni l-aktar dettaljata possibbli, speċjalment dwar it-tul tal-istudji u s-suġġetti studjati, sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta r-rilevanza tad-diplomi b’rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.
Fil-każ ta’ taħriġ tekniku jew professjonali, jew kors ta’ perfezzjonament jew speċjalizzazzjoni, il-kandidati għandhom jindikaw jekk kienx kors full time jew part time jew kors ta’ filgħaxija, kif ukoll is-suġġetti u t-tul uffiċjali tal-korsijiet.
Esperjenza professjonali
Jekk l-avviż jeżiġi esperjenza professjonali, din se titqies biss jekk tkun inkisbet wara l-kisba tad-diploma jew taċ-ċertifikati meħtieġa. Huwa indispensabbli li d-dokumenti ġustifikattivi jagħtu prova tat-tul u l-livell tal-esperjenza professjonali u li d-deskrizzjoni tal-kompiti tkun dettaljata kemm jista’ jkun sabiex il-kumitat ta’ selezzjoni jkun jista’ jivvaluta r-rilevanza tal-esperjenza b’rabta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet.
Il-perjodi kollha tal-attività professjonali kkonċernati għandhom ikunu koperti minn dokumenti ġustifikattivi, speċjalment:
|
— |
ċertifikati minn impjegaturi preċedenti u mill-impjegatur attwali li jiġġustifikaw l-esperjenza professjonali mitluba għall-aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni; |
|
— |
jekk, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, il-kandidati ma jistgħux jehmżu ċ-ċertifikati tal-impjiegi meħtieġa, huwa essenzjali li, sabiex dawn jiġu sostitwiti, ifornu fotokopji tal-kuntratt tax-xogħol jew tal-ittra ta’ reklutaġġ u tal-ewwel u l-aħħar karta tal-paga; |
|
— |
għal dawk li ma jaħdmux bħala impjegati (dawk li jaħdmu għal rashom, professjonijiet liberali, eċċ.), jistgħu jkunu aċċettati bħala prova, rċevuti li jagħtu dettalji dwar is-servizzi mogħtija jew kull dokument ieħor ġustifikattiv uffiċjali rilevanti. |
Għarfien lingwistiku
L-għarfien tal-lingwi meħtieġ għandu jkun iċċertifikat minn diploma, ċertifikat jew dikjarazzjoni fuq l-unur, fuq karta separata, li tispjega kif inkiseb l-għarfien ta’ dawn il-lingwi.
Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiġi kkonstatat li l-informazzjoni fornuta fl-applikazzjoni ma tkunx eżatta, ma tkunx sostnuta mid-dokumentazzjoni meħtieġa jew ma tikkorrispondix mar-rekwiżiti kollha ta’ dan l-avviż ta’ reklutaġġ, l-ammissjoni tal-kandidat tiġi ddikjarata nulla.
4. KOMUNIKAZZJONI
Hija r-responsabilità tal-kandidati li jieħdu l-miżuri kollha sabiex l-applikazzjoni (oriġinali jew kopja) kkompletata kif xieraq, iffirmata u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi kollha, tintbagħat bil-posta rreġistrata (3) qabel id-data tal-iskadenza. It-timbru tal-posta jitqies bħala prova.
L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta mhux irreġistrata jew bil-posta interna mhumiex se jiġu kkunsidrati. L-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni mhijiex se taċċetta applikazzjonijiet li jitressqu bl-idejn.
Mhi se tintbagħat l-ebda konferma ta’ riċevuta tal-fajls tal-applikazzjoni, ħlief jekk konferma ta’ riċevuta postali takkumpanja ittra rreġistrata.
Il-kandidati għandhom jindirizzaw ittra jew email (4) lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni jekk ma jirċevux email dwar l-applikazzjoni tagħhom sad-data mogħtija fl-aħħar paragrafu tal-avviż ta’ reklutaġġ.
Fil-korrispondenza kollha mibgħuta minn kandidat fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa taħt isem partikolari, għandu jsir riferiment għal dan l-isem kif ukoll għan-numru tal-proċedura ta’ selezzjoni.
Kull korrispondenza indirizzata mill-Parlament Ewropew b’rabta mal-proċedura ta’ selezzjoni, inklużi l-konvokazzjonijiet għat-testijiet, tintbagħat bl-email fl-indirizz indikat mill-kandidat fl-applikazzjoni. Il-kandidat għandu r-responsabilità li jikkonsulta regolarment (tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa) l-email tiegħu u li jinnotifika lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni dwar it-tibdil eventwali tal-informazzjoni personali tiegħu.
Għal kull komunikazzjoni dwar il-proċedura, jekk jogħġbok ibgħat email f’dan l-indirizz elettroniku:
PE-190-S@ep.europa.eu
Jekk il-kandidati ma jkunx jistgħu jikkonsultaw aktar l-emails tagħhom, hija r-responsabilità tagħhom li jinformaw minnufih lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni u li jagħtuha indirizz elettroniku ġdid.
Sabiex tinżamm l-indipendenza tal-kumitat ta’ selezzjoni, kull kuntatt, dirett jew indirett, tal-kandidati mal-kumitat ta’ selezzjoni huwa formalment ipprojbit u jista’ jwassal għall-esklużjoni mill-proċedura.
Kull korrispondenza indirizzata lill-kumitat ta’ selezzjoni, kif ukoll kull talba għall-informazzjoni jew korrispondenza oħra relatata mal-iżvolġiment tal-proċedura, għandha tkun indirizzata esklużivament lill-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni (4), li hija inkarigata mill-komunikazzjoni mal-kandidati sat-tmiem tal-proċedura ta’ selezzjoni.
5. INFORMAZZJONI ĠENERALI
Opportunitajiet indaqs
Il-Parlament Ewropew jiżgura li jevita kull forma ta’ diskriminazzjoni.
Huwa japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.
Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom
Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ selezzjoni, jiġi rikonoxxut id-dritt speċifiku tal-kandidati li jkollhom aċċess, skont il-kondizzjonijiet deskritti hawn taħt, għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom direttament u individwalment. Bis-saħħa ta’ dan id-dritt, il-Parlament Ewropew jista’ jagħti lil kandidat, fuq talba tiegħu, l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:
|
a) |
il-kandidati li ma jkunux għaddew mit-testijiet bil-miktub u/jew ma kinux fost dawk li ġew mistiedna għat-test orali jistgħu jiksbu, fuq talba tagħhom, kopja ta’ dawn it-testijiet kif ukoll kopja tal-karta tal-evalwazzjoni individwali li tinkludi l-evalwazzjonijiet mogħtija mill-kumitat ta’ selezzjoni. It-talba għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ meta ntbagħtet l-ittra li tikkomunika d-deċiżjoni li temmet il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni. |
|
b) |
il-kandidati li ġew mistiedna għat-testijiet orali u li ma tniżżlux fil-lista ta’ riżerva se jiġu informati bil-punteġġ tagħhom fit-testijiet differenti wara li l-kumitat ta’ selezzjoni jkun stabbilixxa l-lista ta’ riżerva. Dawn il-kandidati jistgħu wkoll jiksbu kopja tat-testijiet bil-miktub tagħhom fil-kondizzjonijiet speċifikati taħt il-punt (a). |
|
c) |
il-kandidati inklużi fil-lista ta’ riżerva jiġu informati biss li huma għaddew mill-proċedura ta’ selezzjoni. |
It-talbiet huma pproċessati b’kunsiderazzjoni tas-segretezza tax-xogħlijiet tal-kumitat ta’ selezzjoni prevista mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Anness III, Artikolu 6) u fir-rispett tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi rigward l-ipproċessar tad-data personali.
Protezzjoni tad-data personali
Il-Parlament Ewropew, bħala l-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tas-selezzjonijiet, jiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata fir-rispett sħiħ tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5) speċjalment rigward il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tagħhom.
Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn
Il-kandidati mistiedna għat-testijiet jingħataw kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn. Il-kandidati jiġu informati bl-arranġamenti u bit-tariffi applikabbli waqt l-istedina tagħhom għat-testijiet.
L-indirizz mogħti mill-kandidat fil-formola tal-applikazzjoni jitqies bħala l-post li minnu l-kandidat jitlaq biex jattendi t-testijiet. F’dan ir-rigward, bidla tal-indirizz ikkomunikata mill-kandidat wara li l-Parlament Ewropew ikun bagħat l-istedina għat-testijiet ma tistax tiġi kkunsidrata, ħlief jekk il-Parlament Ewropew iqis li ċ-ċirkostanzi msemmija mill-kandidat ikunu ekwivalenti għal forza maġġuri jew ikun każ mhux mistenni.
(1) Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).
(2) Dawn il-kondizzjonijiet japplikaw għall-kandidati kollha, inklużi l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
(3) Il-kunsinna permezz ta' kurrier privat titqies bħala rreġistrata. F'dan il-każ, id-data li tidher fuq il-formola tal-kunsinna titqies bħala d-data tal-kunsinna.
(4) Indirizz: PARLEMENT EUROPÉEN, Unité concours – MON 04 S 010, Procédure de sélection PE/190/S,
60 rue Wiertz, 1047 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.
Indirizz tal-email: PE-190-S@ep.europa.eu
ANNESS I
Tabella indikattiva tad-diplomi li jagħtu aċċess għall-proċeduri ta’ selezzjoni tal-grupp ta’ funzjonijiet AD (1) (kull każ għandu jiġi eżaminat għalih)
|
PAJJIŻ |
Edukazzjoni ta’ livell universitarju – 4 snin jew aktar |
Edukazzjoni ta’ livell universitarju – 3 snin jew aktar |
|
Belgique – België – Belgien |
Licence/Licentiaat/Diplôme d'études approfondies (DEA)/Diplôme d'études spécialisées (DES)/Diplôme d'études supérieures spécialisées (DESS)/Gediplomeerde in de Voortgezette Studies (GVS)/Gediplomeerde in de Gespecialiseerde Studies (GGS)/Gediplomeerde in de Aanvullende Studies (GAS) Agrégation de l’enseignement secondaire supérieur (AESS)/Aggregaat Ingénieur industriel/Industrieel ingenieur/Master – 60/120 ECTS/Master complémentaire – 60 ECTS ou plus Agrégation de l’enseignement secondaire supérieur (AESS) – 30 ECTS Doctorat/Doctoraal diploma |
Bachelor académique (dit “de transition”) – 180 ECTS Academisch gerichte bachelor – 180 ECTS |
|
България |
Диплома за висше образование Бакалавър – 240 ECTS/Магистър – 300 ECTS/Доктор Магистър след Бакалавър – 60 ECTS/Магистър след Професионален бакалавър по … – 120 ECTS |
|
|
Česká republika |
Diplom o ukončení vysokoškolského studia/Magistr/Doktor |
Diplom o ukončení bakalářského studia (Bakalář) |
|
Danmark |
Kandidatgrad/Candidatus/Master/Magistergrad (Mag.Art)/Licenciatgrad/Ph.d.-grad |
Bachelorgrad (B.A or B. Sc)/Professionsbachelorgrad/Diplomingeniør |
|
Deutschland |
Master (alle Hochschulen)/Diplom (Univ.)/Magister/Staatsexamen/Doktorgrad |
Bachelor/Fachhochschulabschluss (FH) Staatsexamen (Regelstudienzeit 3 Jahre) |
|
Eesti |
Rakenduskõrghariduse diplom Bakalaureusekraad (160 ainepunkti)/Magistrikraad/Arstikraad/Hambaarstikraad/Loomaarstikraad/Filosoofiadoktor/Doktorikraad (120–160 ainepunkti) |
Bakalaureusekraad (min 120 ainepunkti)/Bakalaureusekraad (< 160 ainepunkti) |
|
Éire/Ireland |
Céim Onórach Bhaitsiléara (4 bliana/240 ECTS) Honours Bachelor Degree (4 years/240 ECTS)/Céim Ollscoile University Degree/ Céim Mháistir (60-120 ECTS) Master’s Degree (60-120 ECTS)/Céim Dochtúra Doctorate |
Céim Onórach Bhaitsiléara (3 bliana/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng) Honours Bachelor Degree (3 years/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng) |
|
Ελλάδα |
Πτυχίο [ΑΕI (πανεπιστημίου, πολυτεχνείου), ΤΕI υποχρεωτικής τετραετούς φοίτησης] 4 χρόνια (1ος κύκλος)bb Μεταπτυχιακό Δίπλωμα Ειδίκευσης (2ος κύκλος) Διδακτορικό Δίπλωμα (3ος κύκλος) |
|
|
España |
Licenciado/Ingeniero/Arquitecto/Graduado/Máster Universitario/Doctor |
Diplomado/Ingeniero técnico Arquitecto técnico/Maestro |
|
France |
Maîtrise/MST (maîtrise des sciences et techniques)/MSG (maîtrise des sciences de gestion) DEST (diplôme d'études supérieures techniques)/DRT (diplôme de recherche technologique) DESS (diplôme d'études supérieures spécialisées)/DEA (diplôme d'études approfondies) Master 1/Master 2 professionnel/Master 2 recherche Diplôme des grandes écoles/Diplôme d'ingénieur/Doctorat |
Licence |
|
Italia |
Diploma di Laurea (DL) – da 4 a 6 anni/Laurea specialistica (LS)/Laurea magistrale (LM)/Master universitario di primo livello/Master universitario di secondo livello/Diploma di Specializzazione (DS)/Dottorato di ricerca (DR) |
Diploma universitario (3 anni)/Diploma di Scuola diretta a fini speciali (3 anni)/Laurea – L180 crediti |
|
Κύπρος |
Πανεπιστημιακό Πτυχíο/Bachelor Master/Doctorat |
|
|
Latvija |
Bakalaura diploms (160 kredītpunkti)/Profesionālā bakalaura diploms/Maģistra diploms/Profesionālā maģistra diploms/Doktora grāds |
Bakalaura diploms (min. 120 kredītpunkti) |
|
Lietuva |
Aukštojo mokslo diplomas/Bakalauro diplomas/Magistro diplomas/Daktaro diplomas/Meno licenciato diplomas |
Profesinio bakalauro diplomas Aukštojo mokslo diplomas |
|
Luxembourg |
Master/Diplôme d'ingénieur industriel/DESS en droit européen |
Bachelor/Diplôme d'ingénieur technicien |
|
Magyarország |
Egyetemi oklevél/Alapfokozat – 240 kredit/Mesterfokozat/Doktori fokozat |
Főiskolai oklevél/Alapfokozat – 180 kredit vagy annál több |
|
Malta |
Bachelor's degree/Master of Arts/Doctorate |
Bachelor’s degree |
|
Nederland |
HBO Bachelor degree HBO/WO Master's degree Doctoraal examen/Doctoraat |
Bachelor (WO) |
|
Österreich |
Master Magister/Magistra Magister/Magistra (FH) Diplom-Ingenieur/in Diplom-Ingenieur/in (FH) Doktor/in PhD |
Bachelor Bakkalaureus/Bakkalaurea Bakkalaureus/Bakkalaurea (FH) |
|
Polska |
Magister/Magister inżynier Dyplom doktora |
Licencjat/Inżynier |
|
Portugal |
Licenciado/Mestre/Doutor |
Bacharel/Licenciado |
|
Hrvatska |
Baccalaureus/Baccalaurea (Sveučilišni prvostupnik/prvostupnica) Stručni specijalist Master degree (magistar struke) 300 kredit min. Magistar inženjer/magistrica inženjerka (mag. ing.) Doktor struke/Doktor umjetnosti |
Baccalaureus/Baccalaurea (Sveučilišni prvostupnik/prvostupnica) |
|
România |
Diplomă de Licenţă/Diplomă de inginer/Diplomă de urbanist/Diplomă de Master/Diplomă de Studii Aprofundate/Certificat de atestare (studii academice postuniversitare)/Diplomă de doctor |
Diplomă de Licență |
|
Slovenija |
Univerzitetna diploma/Magisterij/Specializacija/Doktorat |
Diploma o pridobljeni visoki strokovni izobrazbi |
|
Slovensko |
diplom o ukončení vysokoškolského štúdia/bakalár (Bc.)/magister magister/inžinier/ArtD |
diplom o ukončení bakalárskeho štúdia (bakalár) |
|
Suomi/Finland |
Maisterin tutkinto – Magisterexamen Ammattikorkeakoulututkinto – Yrkeshögskoleexamen (min. 160 opintoviikkoa – studieveckor) Tohtorin tutkinto (Doktorsexamen) joko 4 vuotta tai 2 vuotta lisensiaatin tutkinnon jälkeen – antingen 4 år eller 2 år efter licentiatexamen/Lisensiaatti/Licentiat |
Kandidaatin tutkinto – Kandidatexamen/Ammattikorkeakoulututkinto — Yrkeshögskoleexamen (min. 120 opintoviikkoa – studieveckor) |
|
Sverige |
Magisterexamen (akademisk examen omfattande minst 160 poäng varav 80 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 20 poäng eller två uppsatser motsvarande 10 poäng vardera)/Licentiatexamen/Doktorsexamen Meriter på avancerad nivå: Magisterexamen, 1 år, 60 högskolepoäng/Masterexamen, 2 år, 120 högskolepoäng Meriter på forskarnivå: Licentiatexamen, 2 år, 120 högskolepoäng/Doktorsexamen, 4 år, 240 högskolepoäng |
Kandidatexamen (akademisk examen omfattande minst 120 poäng varav 60 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 10 poäng) Meriter på grundnivå: Kandidatexamen, 3 år, 180 högskolepoäng (Bachelor) |
|
United Kingdom |
Honours Bachelor degree/Master's degree (MA, MB, MEng, MPhil, MSc)/Doctorate |
(Honours) Bachelor degree NB: Master's degree in Scotland |
(1) L-aċċess għall-gradi 7 sa 16 tal-grupp ta' funzjonijiet AD huwa soġġett għall-kondizzjoni addizzjonali ta' esperjenza professjonali adegwata ta' mill-anqas sena.
ANNESS II
TALBIET GĦAL RIEŻAMI – APPELLI – ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW
Il-kandidati li jqisu li deċiżjoni laqtithom b’mod negattiv jistgħu jitolbu li jsir rieżami ta’ din id-deċiżjoni, jappellaw jew jippreżentaw ilment lill-Ombudsman Ewropew (1).
Talbiet għal rieżami
Introduċi talba ta’ rieżami permezz ta’ email fl-indirizz funzjonali tal-proċedura
PE-190-S@ep.europa.eu
fi żmien għaxart ijiem kalendarji li jiddekorru mid-data meta l-Unità tal-Konkorsi u l-Proċeduri ta’ Selezzjoni tkun bagħtet l-email li tinnotifika din id-deċiżjoni.
It-tweġiba se tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli.
Din il-possibilità hija limitata għall-istadji tal-ammissjoni għall-konkors u tal-ammissjoni għat-testijiet bil-miktub u orali.
Appelli
|
— |
Il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), indirizzat lil:
Din il-possibilità hija miftuħa għall-istadji kollha tal-proċedura ta’ selezzjoni. Għandha tiġi nnutata s-setgħa wiesgħa ta’ apprezzament li jgawdu minnha l-kumitati ta’ selezzjoni, li jiddeliberaw b’indipendenza sħiħa u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jinbidlu mill-Awtorità tal-Ħatra. Din is-setgħa wiesgħa ta’ apprezzament hija soġġetta għall-kontroll biss f’każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet. Id-deċiżjoni tal-kumitat ta’ selezzjoni tista’ b’hekk titressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma jkun ġie ppreżentat ebda lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
— |
L-appell jitressaq lil:
abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-possibilità hija prevista biss għad-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitat ta’ selezzjoni. F’każ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjoni mar-rekwiżiti ta’ ammissjoni kif stipulat fit-titolu B.1. tal-avviż, jista’ jsir appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea biss wara li jsir ilment kif imsemmi hawn fuq. It-talba għal appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea teħtieġ b’mod obbligatorju l-intervent ta’ avukat li jista’ jeżerċita quddiem ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea. |
Il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li japplikaw għal dawn iż-żewġ tipi ta’ appelli jibdew jgħoddu, jew mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni inizjali li tolqot b’mod negattiv jew, fil-każ ta’ talba għal rieżami, mid-data tan-notifika tat-tweġiba inizjali tal-kumitat ta’ selezzjoni għal din it-talba.
Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew
Bħal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment lil:
|
Médiateur européen |
|
1, avenue du Président Robert Schuman – BP 403 |
|
67001 STRASBOURG CEDEX |
|
FRANCE, |
skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kondizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (3).
Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman ma jissospendux il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għat-tressiq ta’ appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(1) Il-preżentazzjoni ta' talbiet għal rieżami, appelli jew ilmenti lill-Ombudsman Ewropew ma jwaqqfux ix-xogħlijiet tal-kumitat ta' selezzjoni.
(2) Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).