EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2012/162/10

Sejħa għall-Proposti – L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi tliet skemi ġodda ta’ għajnuna finanzjarja tal-EIBURS fi ħdan il-Programm tal-Għarfien tiegħu

ĠU C 162, 8.6.2012, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 162/12


Sejħa għall-Proposti – L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi tliet skemi ġodda ta’ għajnuna finanzjarja tal-EIBURS fi ħdan il-Programm tal-Għarfien tiegħu

2012/C 162/10

L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jamministra l-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet istituzzjonali tiegħu mal-universitajiet permezz tal-Programm tal-Għarfien tiegħu, li jikkonsisti fi tliet programmi differenti:

EIBURS (EIB University Research Sponsorship Programme), il-Programm ta’ Għajnuna Finanzjarja tal-BEI għar-Riċerka Universitarja,

STAREBEI ( STAges de REcherche BEI ), programm li jiffinanzja lir-riċerkaturi żgħażagħ li jaħdmu fuq proġetti konġunti tal-BEI u Universitajiet, u

Netwerks ta’ Universitajiet BEI, li huwa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni għal netwerks tal-universitajiet li jkollhom karatteristiċi ta’ rilevanza partikolari li jappoġġjaw l-għanijiet tal-Grupp tal-BEI.

EIBURS jipprovdi għotjiet lil ċentri ta’ riċerka universitarji li jaħdmu fuq suġġetti u temi ta’ riċerka li huma ta’ interess kbir għall-Bank. L-iskemi ta’ għajnuna finanzjarja tal-BEI, li jammontaw sa EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta’ 3 snin, jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta’ riċerka interessati, li jkunu assoċjati ma’ universitajiet fl-UE, fil-pajjiżi aderenti jew pajjiżi fil-fażi ta’ adeżjoni, bi speċjalizzazzjoni esperta rikonoxxuta f’oqsma magħżula mill-BEI, sabiex ikunu jistgħu jespandu l-attivitajiet tagħhom f’dawn l-oqsma. Jeħtieġ li l-proposti magħżulin jipproduċu għadd ta’ attivitajiet (riċerka, organizzazzjoni ta’ korsijiet u seminars, netwerking, tqassim ta’ riżultati, eċċ) li jkunu suġġetti għal ftehim kuntrattwali mal-Bank.

Għas-sena akkademika 2012/2013, il-programm EIBURS għażel tliet linji ġodda ta’ riċerka:

Il-Kejl tal-Impatt lil hinn mid-Dħul Finanzjarju

Minn mindu bdiet il-kriżi finanzjarja globali fl-2008, “l-investiment fl-impatt” ġibed ħafna l-attenzjoni fid-dibattiti pubbliċi, fejn il-punt fokali kien fuq il-mistoqsija ta’ kif is-swieq finanzjarji jistgħu jaqdu aħjar il-bżonnijiet tas-soċjetà u joħolqu valur b’mod sostenibbli. Madankollu, għalkemm hemm kunsens dwar il-fatt li l-impatt soċjali għandu jkollu rwol aktar prominenti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment, ftit intlaħaq progress dwar id-definizzjoni tal-ispazju ta’ investiment fl-impatt u fl-iżvilupp ta’ kunċetti għall-integrazzjoni tal-kriterji tal-impatt soċjali u ambjentali fil-proċess ta’ investiment u l-kejl tar-riżultati li għandhom x’jaqsmu mal-impatt.

L-għan tal-proġett huwa li jesplora metodi tal-kejl u l-espressjoni tal-impatt soċjali ġġenerat minn attività ta’ investiment fl-oqsma ta’ intraprenditorija soċjali, mudelli tan-negozju ffukati fuq is-sostenibbiltà, u l-mikrofinanzi. Ir-riċerka għandha tissuġġerixxi modi kif l-objettivi tal-impatt soċjali u/jew ambjentali għandhom jiġu integrati fl-approċċ tad-deċiżjoni ta’ investiment ta’ investituri mmexxija mill-politika.

Il-ħidma tar-riċerka għandha tinkludi studju empiriku dwar kif l-investituri ffukati fuq l-impatt, bi sfondi kemm istituzzjonali kif ukoll mhux istituzzjonali, jifformulaw objettivi tal-impatt fl-attivitajiet ta’ investiment tagħhom u f’liema stadju sseħħ tali formulazzjoni ta’ objettivi. Barra dan għandha tanalizza wkoll id-dinamika li tali objettivi tal-impatt tiġġenera fil-proċess tad-deċiżjoni ta’ investiment u fil-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-investiment ladarba jkun sar l-investiment. Ta’ interess partikolari hija d-dinamika tar-relazzjoni bejn l-impatt soċjali/ambjentali u d-dħul finanzjarju u kif ir-riżultati tal-impatt miksuba maċ-ċessjoni jitqabblu mat-teżi tal-impatt ippreżentata fid-deċiżjoni tal-investiment inizjali.

Fuq bażi ta’ tali analiżi empirika l-istudju għandu jiżviluppa evidenza tas-suq għall-kompatibbiltà tal-objettivi soċjali/ambjentali u finanzjarji u jispjega f’liema ċirkostanzi tapplika tali dinamika.

Il-proposti għandhom jispeċifikaw fid-dettall l-approċċ tar-riċerka propost miċ-ċentru universitarju li, flimkien mal-istudju empiriku, jista’ wkoll jinvolvi korsijiet, seminars/konferenzi, stħarriġ u l-ħolqien ta’ bażijiet tad-dejta rilevanti għall-proġett. Il-proposti tar-riċerka għandhom juru wkoll kif jistgħu jinfluwenzaw opinjonijiet prattiċi mill-attività operazzjonali tal-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (u b’mod partikolari l-Fond Ewropew tal-Investiment) f’dan l-ispazju. Minħabba l-iżvilupp ta’ dan is-segment tas-suq, hija mħeġġa l-kollaborazzjoni transkonfinali bejn l-universitajiet u għandha tikkostitwixxi assi fil-proċess tal-għażla.

Litteriżmu Finanzjarju

Il-kriżijiet ekonomiċi globali riċenti enfasizzaw l-importanza tal-litteriżmu finanzjarju, jiġifieri s-sett ta’ ħiliet u għarfien li bih l-individwi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati u effettivi permezz tal-fehim tagħhom tal-finanzi. L-evidenza tissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ litteriżmu finanzjarju seta’ kkontribwixxa għall-kriżijiet sub-prime u oħrajn relatati ma’ dawn. Dan ta impetu għal għadd ta’ programmi mmexxija mill-Istat f’bosta pajjiżi fl-Ewropa u postijiet oħrajn.

Iċ-ċentru tar-riċerka universitarja li jirċievi appoġġ mill-EIBURS ikun mistenni jwaqqaf programm ta’ riċerka ffukat fuq l-inizjattivi ta’ reviżjoni eżistenti b’mod kritiku, bil-għan li jiġu identifikati fatturi ta’ suċċess u l-aħjar prassi. Għaldaqstant, jistgħu jintużaw metodoloġiji alternattivi biex jevalwaw l-impatt ta’ tali inizjattivi, bħall-ittestjar ekonometriku jew l-oqfsa ta’ valutazzjoni tal-impatt. Barra dan, għandu jagħmel analiżi tad-distakk għal għadd magħżul ta’ pajjiżi tal-UE.

Il-fokus reġjonali tal-proposti għandu jkun, iżda mhux limitat għal, pajjiżi membri tal-OECD. L-applikanti huma mħeġġa li jistabbilixxu sħubijiet ma’ universitajiet u ċentri tar-riċerka oħrajn biex issir ir-riċerka. Il-proġett jista’ jinvolvi attività addizzjonali li ċ-ċentru tar-riċerka universitarja jkun lest li jwettaq bl-għajnuna finanzjarja fil-linja tar-riċerka, inkluż:

Organizzazzjoni ta’ korsijiet, skejjel tas-sajf, konferenzi u seminars

Ħolqien ta’ bażijiet ta’ dejta

Stħarriġ

Analiżi tal-Benefiċċji meta mqabbla mal-Ispejjeż fis-Settur tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni

Il-kejl jew il-valutazzjoni tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż fl-infrastruttura tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) huwa ferm diffiċli. Minkejja dan id-diskussjonijiet dwar il-politika globali qegħdin dejjem aktar jiffukaw fuq l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien bħala mutur għat-tkabbir sostenibbli fuq żmien twil. Jintużaw għadd ta’ metodi u indikaturi għall-istudju tal-impatti soċjoekonomiċi. Il-metodoloġija attwali fi ħdan il-Bank hija konservattiva u allinjata mal-“Gwida għall-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż fi proġetti ta’ investiment” tad-DĠ Regio. Madankollu, dan id-dokument fih innifsu juri nuqqas fl-ispjegazzjoni tiegħu tas-settur tar-RŻI.

Sabiex jingħalaq id-distakk inizjalment, it-tim ta’ JASPERS qabbad konsulent biex jaħdem mal-awtoritajiet Ċeki fuq l-iżvilupp ta’ Gwida CBA għall-infrastruttura tar-R&Ż. Wara xi sentejn ta’ esperjenza prattika bl-użu ta’ din il-gwida ġiet żviluppata bażi ta’ dejta tajba, ħarsa ġenerali tat-tendenzi fis-settur u fehim tal-valur u l-limitazzjonijiet tal-gwida attwali.

Reviżjoni interna tal-gwida żviluppat ukoll il-fehim tal-medda ta’ valuri monetizzati ġusti u xierqa li huma assoċjati mal-gwida, iżda kixfet ukoll dak li hu meħtieġ biex il-gwida tiġi żviluppata aktar.

Fl-istess ħin, l-interess globali fis-CBA fis-settur żdied ħafna u hemm ħafna aktar studji tas-settur minn meta l-ewwel gwida ġiet żviluppata, u dawn jitwettqu kemm mill-amministrazzjoni ta’ faċilitajiet tar-riċerka ewlenin kif ukoll minn forums żviluppati speċjalment dwar is-suġġett (eżempju tajjeb ta’ dan huwa FenRIAM (http://www.fenriam.eu/ jew http://www.fenriam.eu/doc/FenRIAM%20full%20guide.pdf)).

L-għan tal-proġett huwa li tkompli l-ħidma fuq ir-reviżjoni interna attwali u jiġi prodott mudell li huwa kredibbli b’mod akkademiku, robust iżda fl-istess ħin faċli biex jiġi applikat u faċilment aċċessibbli. Sabiex jinkiseb dan, it-tim tar-riċerka jeħtieġ jirrevedi l-litteratura avvanzata fil-qasam, jevalwa l-mudelli b’kunsens li wieħed iħallas minn Stati Membri b’relazzjoni mal-benefiċċji varji li tipikament jikbru minn tali proġetti, jiżviluppa fehim tal-valuri tas-suq fejn applikabbli li huma assoċjati ma’ tali benefiċċji potenzjali, u jiżviluppa fehim tat-tip tipiku ta’ proġetti infrastrutturali tar-RŻI li huma interessati fil-finanzjament. Dan kollu jkun fi ħdan qafas teoretiku xieraq.

X’jeħtieġ li jiġi ppreżentat:

Iċ-ċentru tar-riċerka universitarja li jirċievi l-appoġġ taħt il-EIBURS ikun mistenni jwaqqaf programm tar-riċerka iffukat fuq ir-reviżjoni ta’ metodoloġiji u tbassir eżistenti tal-ħtiġijiet ta’ investiment infrastrutturali, u biex jiżviluppa metodoloġija unifikata għat-tbassir tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż għall-użu fi ħdan il-Bank u minn oħrajn (idealment dawk li jipproponu proġetti). Billi dan huwa studju mifrux fuq tliet snin, l-applikanti huma mħeġġa jipproponu dati tal-għeluq għall-preżentazzjoni ta’ dejta interim. Il-proġett jista’ jinvolvi attivitajiet addizzjonali li ċ-ċentru universitarju jkun lest li jwettaq bl-għajnuna finanzjarja fil-linja tar-riċerka, inkluż:

Organizzazzjoni ta’ korsijiet, skejjel tas-sajf, konferenzi u seminars

Ħolqien ta’ bażijiet ta’ dejta

Stħarriġ

Dan il-proġett huwa kumplementari għal kull gwida CBA żviluppata jew aġġornata mill-istituzzjonijiet Ewropej ewlenin.

Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati bl-Ingliż jew bil-Franċiż, u d-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni ta’ proposti hija l-14 ta’ Settembru 2012. Proposti ppreżentati wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu lil:

 

Kopja elettronika

universities@eib.org

u

 

Kopja stampata

EIB Institute

98-100, boulevard Konrad Adenauer

2950 Luxembourg

LUXEMBOURG

Attn. Ms Luísa FERREIRA, Co-ordinator.

Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċess tal-għażla tal-EIBURS u dwar il-programmi u l-mekkaniżmi l-oħrajn, jekk jogħġbok żur http://institute.eib.org/


Top