EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/155/34

Kawża C-250/07: Rikors imressaq fl- 24 ta' Mejju 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 155, 7.7.2007, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 155/17


Rikors imressaq fl-24 ta' Mejju 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-250/07)

(2007/C 155/34)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Patakià u D. Kukovec)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li r-Repubblika Ellenika, billi naqset milli tippubblika skond sejħa għall-kompetizzjoni u billi damet mingħajr ġustifikazzjoni ma twieġeb għat-talba għal kjarifiki magħmula minn min qed jilmenta fir-rigward tar-raġunijiet għaċ-ċaħda ta' l-offerta tiegħu, naqset milli obbligu li kellha li tippubblika s-sejħa għall-kompetizzjoni qabel ma sar il-proċediment għall-preżentazzjoni ta' l-offerti skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 93/38/KEE li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (1), kif ukoll l-obbligu li kellha taħt l-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 93/38/KEE, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Wasal ilment quddiem il-Kummissjoni li jirrigwarda l-irregolarità fil-kompetizzjoni għal appalt magħmula minn Dimosia Epicheirisi Ilektrismu (Impriża pubblika għall-enerġija elettrika; iktar 'il quddiem “DEI”), għall-istudju, il-provvista, it-trasport, l-installazzjoni u t-tħaddim ta' żewġt impjanti għall-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika għaċ-ċentrali termoelettrika ta' Athinolakko fi Kreta.

Il-Kummissjoni ssostni li d-DEI naqset milli tippubblika s-sejħa għall-komeptizzjoni bi ksur ta' l-Artikolu 20(2)(a) tad-Direttiva 93/38/KEE, li tipprovdi eċċezzjonijiet f'dan ir-rigward sakemm jirriżultaw ċertu kundizzjonijiet li jridu jiġu interpretati restrittivament. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li d-DEI għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li tirrigwarda “offerti mhux adatti” kif ukoll “it-tibdil sostanzjali tal-kundizzjonijiet inizjali ta' l-appalt” sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni prevista fid-dispożizzjoni hawn fuq.

Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk li f'dan il-każ ma jistgħux jiġu invokati motivi imperativi u ta' urġenza eċċezzjonali jew avvenimenti imprevedibbli taħt l-Artikolu 20(2)(d), peress li dawn ma ġewx ipprovati mid-DEI.

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tqis li kien hemm dewmien kunsiderevoli fil-motivazzjoni taċ-ċaħda ta' l-offerta ta' min għamel l-ilment bi ksur ta' l-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 93/38/KEE.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 20(2) u 41(4) tad-Direttiva 93/38/KEE.


(1)  ĠU L 199, tad-9.8.1993, p. 84.


Top