This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CJ0252
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 8 May 2025.#Prisum Healthcare S.R.L. v Autoritatea Vamală Română.#Request for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Bucureşti.#Reference for a preliminary ruling – Customs union – Common Customs Tariff – Combined Nomenclature – Tariff classification – Headings 2106 and 2202 – Food supplement in liquid form.#Case C-252/24.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Mejju 2025.
Prisum Healthcare S.R.L. vs Autoritatea Vamală Română.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 2106 u 2202 – Suppliment tal-ikel f’forma likwida.
Kawża C-252/24.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Mejju 2025.
Prisum Healthcare S.R.L. vs Autoritatea Vamală Română.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 2106 u 2202 – Suppliment tal-ikel f’forma likwida.
Kawża C-252/24.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:339
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 2106 u 2202 – Suppliment tal-ikel f’forma likwida”
Fil-Kawża C‑252/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ April 2024, fil-proċedura
Prisum Healthcare SRL
vs
Autoritatea Vamală Română,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Condinanzi (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Prisum Healthcare SRL, minn I. A. Hrisafi-Josan u M. Petcu, avocați, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiţă u A. Wellman, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Demeneix u T. Isacu de Groot, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 2106 u 2202 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1998 tal‑20 ta’ Settembru 2022 (ĠU 2022, L 282, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Prisum Healthcare SRL u l-Autoritatea Vamală Română (l-Awtorità Doganali Rumena) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ suppliment tal-ikel imsejjaħ “Feroglobin liquid plus”. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) kienet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (iktar ’il quddiem il-“WCO”), u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). |
|
4 |
Il-WCO tapprova, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni. |
|
5 |
Il-Kapitolu 21 tas-SA huwa intitolat “Preparazzjonijiet tal-ikel diversi” u jinkludi l-intestatura 2106 tas-SA, li għandha t-titolu “Preparazzjonijiet tal-ikel li la jissemmew u lanqas ma huma inklużi taħt intestatura oħra”. |
|
6 |
Il-Kapitolu 22 tas-SA huwa intitolat “Xorb, likwidi alkoħoliċi u ħallijiet” u jinkludi l-intestatura 2202 tas-SA, li għandha t-titolu “Ilmijiet, inklużi l-ilmijiet minerali u l-ilmijiet bil-gass, li magħhom jiżdiedu zokkor jew dolċifikanti oħra jew aromi, u xarbiet mhux alkoħoliċi oħra, bl-esklużjoni tal-meraq tal-frott jew tal-ħaxix tan-numru 2009”. |
|
7 |
In-Noti ta’ spjega dwar l-intestatura 2106 tas-SA huma mfassla kif ġej: “[…] Għandhom jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura: […]
|
|
8 |
Skont in-Noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2202 ta’ din is-sistema:
[…]
|
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
|
9 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, din in-nomenklatura tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifra jikkostitwixxu subdiviżjonijiet speċifiċi għaliha. |
|
10 |
L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I, intitolat “Regoli ġenerali”, il-punt A ta’ dan it-titolu, dwar ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, jipprovdi: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]
|
|
11 |
It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji doganali” tinkludi t-Taqsima IV, iddedikata għall-“Prodotti tal-ikel ippreparati; xarbiet, spirti u ħall; tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk; prodotti, kemm jekk ikun fihom in-nikotina u kemm jekk le, maħsuba għall-inalazzjoni mingħajr kombustjoni; prodotti oħra li fihom in-nikotina maħsuba għat-teħid tan-nikotina minn ġisem il-bniedem”. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitoli 21 u 22 tan-NM, intitolati, rispettivament “Preparati mixxellanji tajbin għall-ikel” u “Xarbiet, spirti u ħall”. |
|
12 |
Skont in-Nota addizzjonali 5 tal-Kapitolu 21 tan-NM: “Il-preparati l-oħra tal-ikel ippreżentati f’dożi mkejla, bħal pereżempju kapsuli, tablets, pastilji u pilloli, u li huma intiżi biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura 2106, sakemm mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra.” |
|
13 |
Dan il-Kapitolu 21 jinkludi, b’mod partikolari, l-intestatura u s-subintestaturi segwenti:
|
|
14 |
Il-Kapitolu 22 tan-NM jinkludi l-intestatura 2202 ta’ din in-nomenklatura u s-subintestaturi tagħha, ifformulati kif ġej:
|
|
15 |
Għall-finijiet tat-tilwima fil-kawża prinċipali, huma r-rilevanti n-Noti ta’ spjega għan-NM stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu 2019 (ĠU 2019, C 119, p. 1, iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ spjega tan-NM”). |
|
16 |
Il-parti introduttiva tan-Noti ta’ spjega tan-NM dwar il-Kapitolu 21 ta’ din in-nomenklatura hija intitolata “Ġenerali” u hija fformulata kif ġej: “Il-klassifikazzjoni ta’ ‘supplimenti tal-ikel’ (kif imsemmija fil-punt (16) tan-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-SA tal-intestatura 2106), b’mod partikolari preparazzjonijiet oħra tal-ikel ippreżentati f’dożi mkejlin, bħalma huma l-kapsuli, il-pastilji u l-pilloli, u li huma intiżi biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, għandhom jitqiesu wkoll skont il-kriterji stipulati fis-sentenza [tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Swiss Caps (C‑410/08 sa C‑412/08, EU:C:2009:794)]”. |
|
17 |
Skont in-nota ġenerali li tinsab fil-parti introduttiva tan-Noti ta’ spjega tan-NM dwar il-Kapitolu 22 ta’ din in-nomenklatura: “[…] Dan il-kapitolu jkopri – sakemm ma jkunux medikamenti – preparazzjonijiet toniċi li, għalkemm jittieħdu fi kwantitajiet żgħar, pereżempju bl-imgħarfa, ikunu tajbin għall-konsum dirett bħala xarbiet. Il-preparazzjonijiet toniċi mhux alkoħoliċi li jeħtieġu li jiġu dilwiti qabel ma jiġu kkonsmati, ma jaqgħux fil-kapitolu 22 (ġeneralment jiddaħħlu fl-intestatura 2106).” |
|
18 |
Fir-rigward tal-intestatura 2202 tan-NM, in-Noti ta’ spjega tan-NM jindikaw: “[…] Ix-xarbiet mhux alkoħoliċi ta’ din l-intestatura huma likwidi adattati direttament għall-konsum mill-bniedem permezz tal-inġestjoni u maħsuba għal dan l-użu, irrispettivament mill-kwantità assorbita jew mill-iskopijiet partikolari li jistgħu jintużaw it-tipi differenti ta’ likwidi kkonsmati, sakemm ma jiġux inklużi f’intestatura oħra aktar speċifika. Il-fatturi purament soġġettivi u varjabbli, bħall-mod li bih jittieħdu dawn ix-xarbiet jew l-iskop għalfejn jiġu kkonsmati, eż. biex jinqata l-għatx jew biex titjieb is-saħħa, mhumiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tagħhom (ara s-sentenza [tas‑26 ta’ Marzu 1981, Dr Ritter (114/80, EU:C:1981:79)]) […]” |
|
19 |
Fir-rigward tas-subintestatura 22029919 tan-NM, in-Noti ta’ spjega tan-NM jippreċiżaw: “Din is-subintestatura tinkludi l-preparazzjonijiet toniċi kif deskritti fit-tieni paragrafu tat-taqsima msejħa ‘Ġenerali’ fin-nota ta’ spjegazzjoni ta’ dan il-kapitolu. Dawn ix-xarbiet mhux alkoħoliċi, li ħafna drabi nirreferu għalihom bħala supplimenti tal-ikel, jistgħu jkunu bbażati fuq estratti minn pjanti (li jinkludu l-ħxejjex aromatiċi) u jistgħu jkunu miżjuda l-vitamini jew/u l-minerali. B’mod ġenerali, dawn il-preparazzjonijiet għandhom jgħinu biex imantnu s-saħħa u l-benessri ġenerali, għalhekk huma differenti mill-ilmijiet aromatizzati jew dolċifikati u minn luminati oħra tas-subintestatura 22021000, imsemmija fin-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-SA tal-intestatura 2202, il-paragrafu (A).” |
Id-Direttiva 2002/46/KE
|
20 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490) jipprovdi: “Għall-għan ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
21 |
Prisum Healthcare tiddistribwixxi suppliment tal-ikel f’forma likwida, imsejjaħ “Feroglobin liquid plus”, ikkummerċjalizzat fi fliexken tal-plastik ta’ 200 millilitru (ml), li fih il-ħadid fil-forma ta’ sulfat tal-ħadid, kumpless ta’ vitamini, imluħa minerali, estratti tal-ħxejjex, estratti naturali tal-frott, nutrijenti oħra, għasel, zokkor u ġulepp tal-glukosju (iktar ’il quddiem il-“prodott inkwistjoni”). Prisum Healthcare tirrakkomanda li jittieħdu żewġ kuċċarini kuljum tal-prodott inkwistjoni u tindika li huwa intiż għall-produzzjoni tal-emoglobina u taċ-ċelloli tad-demm ħomor u li għalhekk jikkontribwixxi għaż-żamma tal-bilanċ tas-saħħa, għall-benesseri ġenerali tal-ġisem u għall-funzjonament normali tas-sistema immunitarja. |
|
22 |
F’Marzu 2023, Prisum Healthcare talbet lill-Awtorità Doganali Rumena toħroġ informazzjoni tariffarja vinkolanti għall-klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni fl-intestatura 2106 tan-NM, b’mod partikolari fis-subintestatura 21069098. |
|
23 |
Fis‑7 ta’ Lulju 2023, din l-awtorità ħarġet deċiżjoni ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti li fiha indikat li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarju tiegħu, il-prodott inkwistjoni kellu jitqies bħala xarba tonika fi flixkun, fis-sens tal-intestatura 2202 tan-NM. |
|
24 |
Prisum Healthcare ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni. |
|
25 |
Fis‑6 ta’ Settembru 2023, l-Awtorità Doganali Rumena ċaħdet dan l-ilment u rrifjutat li tikklassifika l-prodott inkwistjoni fl-intestatura 2106 tan-NM. Din l-awtorità fil-fatt ikkunsidrat li n-NM ma tinkludix intestaturi speċifiċi għall-prodotti kkummerċjalizzati bħala supplimenti tal-ikel u li minn din in-nomenklatura lanqas ma kien jirriżulta li s-supplimenti tal-ikel kellhom neċessarjament jiġu kklassifikati fl-intestatura 2106 tagħha, irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom. Filwaqt li għamlet riferiment b’mod partikolari għar-Regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, l-imsemmija awtorità indikat li fl-intestatura 2106 tan-NM kellhom jiġu kklassifikati biss il-prodotti li ma setgħux jiġu kklassifikati f’intestaturi speċifiċi oħra. Issa, is-supplimenti tal-ikel, bħalma huwa l-prodott inkwistjoni, jistgħu jiġu kklassifikati f’diversi intestaturi tan-NM. Abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità Doganali Rumena qieset li l-prodott inkwistjoni kien preparazzjoni f’forma likwida, intiża li tiġi kkonsmata fl-istat li tinsab fih, b’tali mod li kellu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2202 tan-NM. |
|
26 |
Prisum Healthcare ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
27 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet ma humiex jaqblu, essenzjalment, dwar jekk il-prodotti f’forma likwida, ikkummerċjalizzati bħala supplimenti tal-ikel, għandhomx jiġu kklassifikati f’intestatura tariffarja differenti mill-intestatura 2106 fid-dawl tal-fatt li n-NM ma tinkludix intestaturi speċifiċi għall-prodotti kkummerċjalizzati bħala supplimenti tal-ikel, irrispettivament mill-forma tagħhom (likwida, solida, kapsuli, eċċ.). |
|
28 |
Prisum Healthcare ssostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-karatteristiċi tekniċi speċifiċi tiegħu u minkejja l-forma likwida tiegħu, il-prodott inkwistjoni huwa suppliment tal-ikel fis-sens tad-Direttiva 2002/46 u għalhekk kien imissu ġie kklassifikat fl-intestatura 2106 tan-NM, u b’mod iktar preċiż fis-subintestatura 21069098 tagħha. Barra minn hekk, billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-forma likwida ta’ dan il-prodott, l-Awtorità Doganali Rumena injorat il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Swiss Caps (C‑410/08 sa C‑412/08, EU:C:2009:794). |
|
29 |
Mill-banda l-oħra, skont l-Awtorità Doganali Rumena, mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1981, Dr Ritter (114/80, EU:C:1981:79), jirriżulta li l-merkanzija kollha ppreżentata f’forma likwida, bħalma huwa l-każ tal-prodott inkwistjoni, għandha neċessarjament tiġi kklassifikata fl-intestatura 2202 tan-NM, li tkopri x-“xarbiet mhux alkoħoliċi” u x-“xarbiet jew preparazzjonijiet toniċi”, irrispettivament mill-indikazzjoni tagħhom bħala supplimenti tal-ikel. |
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-ġurisprudenza li toħroġ minn din is-sentenza hijiex applikabbli għat-tilwima li għandha quddiemha. Hija tispjega li l-imsemmija sentenza ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2658/87 u kienet tikkonċerna xarba tonika u mhux suppliment tal-ikel. Barra minn hekk, minn naħa, il-Kumitat tas-SA ddeċieda li jikklassifika fl-intestatura 2106 ta’ din is-sistema prodott b’karatteristiċi komparabbli għal dawk tal-prodott inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Swiss Caps (C‑410/08 à C‑412/08, EU:C:2009:794), jirriżulta li suppliment tal-ikel fil-forma ta’ kapsuli għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2106 tan-NM. |
|
31 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “In-[NC] għandha tiġi interpretata fis-sens li: preparazzjoni tal-ikel f’forma likwida li fiha ħadid (bħala sulfat tal-ħadid), kumpless ta’ vitamini, imluħa minerali, estratti tal-ħxejjex, estratti naturali tal-frott, nutrijenti oħra, għasel, zokkor u ġulepp tal-glukosju, li tiġi kkonsmata bħala tali f’doża ta’ 2 kuċċarini kuljum, ikkummerċjalizzata fi fliexken tal-plastik ta’ 200 ml, intiża għal użu speċifiku għall-produzzjoni tal-emoglobina u taċ-ċelloli tad-demm il-ħomor u li għandha l-funzjoni ta’ suppliment tal-ikel li jikkontribwixxi għall-bilanċ tas-saħħa, għall-benesseri ġenerali tal-ġisem u għall-funzjonament normali tas-sistema immunitarja, taqa’ taħt l-intestatura 2202 tan-[NM] msemmija iktar ’il fuq peress li l-forma likwida tagħha għandha l-effett li teskludiha milli tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2106?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
32 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li preparazzjoni tal-ikel f’forma likwida li jkun fiha l-ħadid fil-forma ta’ sulfat tal-ħadid, kumpless ta’ vitamini, imluħa minerali, estratti tal-ħxejjex, estratti naturali tal-frott, nutrijenti oħra, għasel, zokkor u ġulepp tal-glukosju, li tiġi kkonsmata bħala tali f’doża ta’ żewġ kuċċarini kuljum, ikkummerċjalizzata fi fliexken tal-plastik ta’ 200 ml, intiża għal użu speċifiku għall-produzzjoni tal-emoglobina u taċ-ċelloli tad-demm ħomor u li jkollha l-funzjoni ta’ suppliment tal-ikel li jikkontribwixxi għall-bilanċ tas-saħħa, għall-benesseri ġenerali tal-ġisem u għall-funzjonament normali tas-sistema immunitarja, taqa’ taħt l-intestatura 2106 ta’ din in-nomenklatura jew taħt l-intestatura 2202 tal-imsemmija nomenklatura. |
|
33 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha tkun iktar li tikkjarifika għall-qorti nazzjonali l-kriterji li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tippermetti lil din tal-aħħar tikklassifika b’mod korrett il-prodotti kkonċernati skont in-NM, iktar milli twettaq tali klassifikazzjoni hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls,C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mar-Regola ġenerali 1 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont il-formulazzjoni tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi tagħha u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif ikunu ddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli korrispondenti. L-użu intenzjonat tal-prodott ikkonċernat jista’ jkun kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, kemm-il darba jkun inerenti għal dan il-prodott, u għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls,C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, għalkemm ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-Noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u, bħala tali, jipprovdu elementi utli għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls,C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-intestatura 2106 tan-NM tikkonċerna l-“Preparati tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra”. In-Nota addizzjonali 5 tal-Kapitolu 21 tan-NM tispeċifika li l-intestatura inkwistjoni tinkludi, b’mod partikolari, il-preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati f’forma ta’ dożi, bħalma huma l-kapsuli, it-tablets, il-pastilji u l-pilloli, u li huma intiżi li jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, sakemm ma jkunux imsemmija jew inklużi banda oħra. |
|
37 |
Għaldaqstant, jekk preparazzjoni tal-ikel taqa’ taħt l-intestatura 2202 tan-NM, hija tkun, minħabba dan stess, eskluża mill-intestatura 2106 tan-NM. |
|
38 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk preparazzjoni tal-ikel f’forma likwida tistax taqa’ taħt l-intestatura 2202 ta’ din in-nomenklatura. |
|
39 |
Skont il-formulazzjoni tagħha, din l-aħħar pożizzjoni tkopri l-ilmijiet, inklużi l-ilmijiet minerali u l-ilmijiet bil-gass, li magħhom jiżdiedu zokkor jew dolċifikanti oħra jew aromi, kif ukoll xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, bl-esklużjoni tal-meraq tal-frott jew tal-ħaxix. |
|
40 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kelma “xarba”, li la hija ddefinita fin-NM, la fis-SA u lanqas fin-Noti ta’ spjega, rispettivament, tan-NM u tas-SA, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 8 u 9 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1981, Dr Ritter (114/80, EU:C:1981:79), essenzjalment, li din il-kelma kellha tinftiehem bħala kunċett ġeneriku, li jkopri l-likwidi kollha intiżi għall-konsum mill-bniedem, kemm-il darba ma jkunux is-suġġett ta’ klassifikazzjoni speċifika oħra, b’tali mod li l-imsemmija kelma tirreferi għal kull likwidu tajjeb għall-konsum mill-bniedem u intiż għal dan l-użu, irrispettivament mill-kwantità assorbita jew mill-finijiet partikolari li għalihom jistgħu jservu tipi differenti ta’ likwidi kkonsmati jew mill-materji primi użati. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, minkejja li ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2658/87 u tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-intestaturi 2106 u 2202 tat-tariffa doganali komuni preċedenti, dik is-sentenza għadha kompletament rilevanti għal dan il-każ peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-intestaturi tariffarji inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-interpretazzjoni tagħhom ma ġewx emendati. |
|
42 |
Fit-tieni lok, mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fil-parti introduttiva tan-Noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 22 tan-NM jirriżulta li l-preparazzjonijiet toniċi li jistgħu jiġu kkonsmati kif jinsabu bħala xarbiet jaqgħu taħt dan il-kapitolu, anki jekk “jittieħdu fi kwantitajiet żgħar, pereżempju bl-imgħarfa”. Mill-banda l-oħra, il-preparazzjonijiet toniċi mhux alkoħoliċi “li jeħtieġu li jiġu dilwiti qabel ma jiġu kkonsmati” ġeneralment jaqgħu fl-intestatura 2106 tan-NM. |
|
43 |
Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1981, Dr Ritter (114/80, EU:C:1981:79), in-Nota ta’ spjega tal-intestatura 2202 tan-NM tispeċifika li x-xarbiet mhux alkoħoliċi li jaqgħu taħt din l-intestatura huma likwidi intiżi għall-konsum mill-bniedem, li jistgħu jintużaw b’dan il-mod kif jinsabu bħala xarbiet, irrispettivament mill-kwantità assorbita jew mill-użi partikolari li għalihom jistgħu jiġu kkonsmati diversi tipi ta’ likwidi, sakemm dawn ix-xarbiet ma jaqgħux taħt intestatura oħra iktar speċifika tan-NM. Huwa speċifikat ukoll li l-klassifikazzjoni tagħhom ma tistax tiddependi minn fatturi purament suġġettivi u varjabbli, bħalma huma l-mod kif jiġu kkonsmati dawn ix-xarbiet jew l-għan tal-konsum tagħhom, pereżempju, sabiex jaqtgħu l-għatx jew sabiex il-ġisem jinżamm fi stat ta’ saħħa tajjeb. |
|
44 |
Barra minn hekk, kif jindikaw in-Noti ta’ spjega tan-NM fir-rigward tas-subintestatura 22029919 tagħha, ix-xarbiet mhux alkoħoliċi, li ħafna drabi jissejħu “supplimenti tal-ikel”, indikati bħala ta’ benefiċċju għas-saħħa u għall-benesseri, li jistgħu jkollhom bħala bażi estratti ta’ pjanti, inklużi pjanti aromatiċi, u li jistgħu jinkludu vitamini u/jew minerali miżjuda, għandhom bħala prinċipju jiġu kklassifikati taħt din is-subintestatura tan-NM. |
|
45 |
Fit-tielet lok, kif osservaw il-Gvern Rumen u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Swiss Caps (C‑410/08 sa C‑412/08, EU:C:2009:794) ma jistax jiġi dedott li kull preparazzjoni tal-ikel meqjusa bħala suppliment tal-ikel għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura 2106 tan-NM. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddeċidiet, mingħajr ma eskludiet li suppliment tal-ikel f’forma likwida jista’ jiġi kklassifikat fl-intestatura 2202 ta’ din in-nomenklatura, li supplimenti tal-ikel fil-forma ta’ kapsuli kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 2106 tan-NM. |
|
46 |
Fir-raba’ lok, il-fatt li l-prodott inkwistjoni jiġi kkummerċjalizzat bħala “suppliment tal-ikel” fis-sens tad-Direttiva 2002/46 ma jipprekludix il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott fl-intestatura 2202 tan-NM, fid-dawl tal-għanijiet fundamentalment differenti ta’ din id-direttiva u tan-NM (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, LEK, C‑700/15, EU:C:2016:959, punti 34 sa 37). |
|
47 |
Fil-ħames u l-aħħar lok, fir-rigward tal-Opinjoni ta’ klassifikazzjoni 2106.90/43, adottata mill-Kumitat tas-SA matul il-wieħed u sebgħin laqgħa tiegħu li nżammet f’Marzu 2023, li tissemma minn Prisum Healthcare fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u li kklassifikat prodott b’karatteristiċi komparabbli għal dawk tal-prodott inkwistjoni fl-intestatura 2106 tas-SA, għandu jitfakkar, kif għamlu l-Gvern Rumen, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, li, fid-dawl tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1981, Dr Ritter (114/80, EU:C:1981:79), l-Unjoni kienet ressqet talba għal eżami mill-ġdid ta’ din l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni. Peress li, madankollu, il-Kumitat tas-SA ċaħad din it-talba, il-Kummissjoni, permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub tal‑15 ta’ Diċembru 2023, informat lis-Segretarju Ġenerali tal-WCO li, minħabba dik is-sentenza, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tapplika l-imsemmija opinjoni ta’ klassifikazzjoni. |
|
48 |
Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm jikkostitwixxu indizji li jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tan-NM, l-opinjonijiet tas-SA ma għandhomx saħħa obbligatorja ta’ liġi u għandhom jitwarrbu jekk l-interpretazzjoni tagħhom tkun tidher li ma tkunx tista’ tiġi kkonċiljata mal-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Jannar 2005, SmithKline Beecham, C‑206/03, EU:C:2005:31, punti 24 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Minn dan isegwi li preparazzjonijiet tal-ikel f’forma likwida, meta din il-forma tippermettilhom li jkunu intiżi għall-konsum mill-bniedem bħala xarbiet, irrispettivament mill-kwantità assorbita jew mill-użu partikolari li għalih jistgħu jiġu kkonsmati, jistgħu jiġu kklassifikati fl-intestatura 2202 tan-NM, sakemm ma jkunux jaqgħu taħt pożizzjoni oħra iktar speċifika tagħha. Fil-fatt, il-forma likwida ta’ tali preparazzjonijiet tal-ikel għandha titqies li tikkostitwixxi karatteristika oġġettiva li teskludihom mill-klassifikazzjoni fl-intestatura 2106 tan-NM. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li preparazzjoni tal-ikel f’forma likwida li jkun fiha l-ħadid fil-forma ta’ sulfat tal-ħadid, kumpless ta’ vitamini, imluħa minerali, estratti tal-ħxejjex, estratti naturali tal-frott, nutrijenti oħra, għasel, zokkor u ġulepp tal-glukosju, li tiġi kkonsmata bħala tali f’doża ta’ żewġ kuċċarini kuljum, ikkummerċjalizzata fi fliexken tal-plastik ta’ 200 ml, intiża għal użu speċifiku għall-produzzjoni tal-emoglobina u taċ-ċelloli tad-demm ħomor u li jkollha l-funzjoni ta’ suppliment tal-ikel li jikkontribwixxi għall-bilanċ tas-saħħa, għall-benesseri ġenerali tal-ġisem u għall-funzjonament normali tas-sistema immunitarja, taqa’ taħt l-intestatura 2202 ta’ din in-nomenklatura. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1998 tal‑20 ta’ Settembru 2022, |
|
għandha tiġi interpretata fis-sens li: |
|
preparazzjoni tal-ikel f’forma likwida li jkun fiha l-ħadid fil-forma ta’ sulfat tal-ħadid, kumpless ta’ vitamini, imluħa minerali, estratti tal-ħxejjex, estratti naturali tal-frott, nutrijenti oħra, għasel, zokkor u ġulepp tal-glukosju, li tiġi kkonsmata bħala tali f’doża ta’ żewġ kuċċarini kuljum, ikkummerċjalizzata fi fliexken tal-plastik ta’ 200 millilitru, intiża għal użu speċifiku għall-produzzjoni tal-emoglobina u taċ-ċelloli tad-demm ħomor u li jkollha l-funzjoni ta’ suppliment tal-ikel li jikkontribwixxi għall-bilanċ tas-saħħa, għall-benesseri ġenerali tal-ġisem u għall-funzjonament normali tas-sistema immunitarja, taqa’ taħt l-intestatura 2202 ta’ din in-nomenklatura. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.