Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TO0477

Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-11 ta’ Ġunju 2025.
DZ Bank AG Deutsche Zentral-Genossenschaftsbank, Frankfurt am Main vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Rikors għal annullament – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Direttiva 2014/59/UE – Deċiżjoni konġunta li tiddetermina r-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà.
Kawża T-477/23.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2025:602

 DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Direttiva 2014/59/UE – Deċiżjoni konġunta li tiddetermina r-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑477/23,

DZ Bank AG Deutsche Zentral-Genossenschaftsbank, Frankfurt am Main, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Berger, M. Weber u D. Schoo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn H. Ehlers, M. Fernández Rupérez, A. Lapresta Bienz u J. Rius Riu, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, li qiegħed jaġixxi bħala President, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm, G. Steinfatt (Relatriċi) u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–

ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Lulju 2023,

–

l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ottubru 2023,

–

l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2023,

–

it-talbiet għal intervent tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ottubru, fil-15 ta’ Novembru u fil-15 ta’ Novembru 2023, rispettivament,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, DZ Bank AG Deutsche Zentral-Genossenschaftsbank, Frankfurt am Main, titlob, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni Konġunta RC/JD/2022/22, tas-6 ta’ April 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiddetermina r-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (iktar ’il quddiem r-“RMOE”) għaliha nnifisha u għal ħames sussidjarji, u, sussidjarjament, il-konstatazzjoni li din id-deċiżjoni hija legalment ineżistenti.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrenti hija l-kumpannija li tmexxi l-grupp DZ Bank Gruppe, il-grupp finanzjarju tal-banek kooperattivi fil-Ġermanja. Hija kklassifikata fil-Ġermanja bħala bank tal-ewwel grad, peress li l-attiv totali tal-grupp tela’ għal EUR 627 biljun fl-31 ta’ Diċembru 2022. Fi ħdan l-Unjoni Bankarja, ir-rikorrenti għandha sussidjarji fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu. Is-sussidjarja tagħha Fundamenta Lakáskassza Zrt. tinsab barra mill-Unjoni Bankarja, fl-Ungerija.

3

Fl-2017, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) stabbilixxa kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għar-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha, skont l-Artikolu 88 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), kif emendata, li jinkludi, b’mod partikolari, minn naħa, is-SRB bħala president tal-imsemmi kulleġġ u bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, u, min-naħa l-oħra, il-Magyar Nemzeti Bank (il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija) bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarja Ungeriża.

4

Fit-8 ta’ Diċembru 2022, is-SRB, waqt is-sessjoni eżekuttiva estiża tiegħu, approva provviżorjament abbozz tad-deċiżjoni kkontestata intiż li jiġi eżaminat mill-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. Fil-15 ta’ Diċembru 2022, is-SRB nieda l-proċedura ta’ konsultazzjoni tar-rikorrenti dwar l-abbozz. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra tal-10 ta’ Jannar 2023. Fit-8 ta’ Frar 2023, l-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata ġie eżaminat fi ħdan l-imsemmi kulleġġ, li kkonkluda li l-abbozz ma kellux jinbidel wara l-proċedura ta’ konsultazzjoni. Fl-24 ta’ Marzu 2023, is-SRB, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, bagħat lill-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni l-verżjoni finali tal-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-28 ta’ Marzu 2023, intlaħaq qbil fi ħdan il-kulleġġ, u sussegwentement dan ġie suġġett għall-proċessi ta’ approvazzjoni interna rispettivi tas-SRB u tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

5

Fil-5 ta’ April 2023, waqt is-sessjoni eżekuttiva estiża tiegħu, is-SRB ħa nota tal-proċess deċiżjonali konġunt espost iktar ’il fuq, u, fuq din il-bażi, approva l-qbil rifless fid-deċiżjoni kkontestata.

6

Matul l-istess sessjoni eżekuttiva estiża, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215, li tistabbilixxi r-RMOE għall-entitajiet tal-grupp immexxi mir-rikorrenti li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, jiġifieri għar-rikorrenti u għas-sussidjarji tagħha Bausparkasse Schwäbisch Hall AG, DZ HYP AG u Team Bank AG, li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja, u s-sussidjarja tagħha DZ Privatbank S.A., li għandha s-sede tagħha fil-Lussemburgu. Id-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215 tinkariga lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex jimplimentaw l-imsemmi RMOE (Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni) u sabiex jikkontrollaw li dan jinżamm (Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni).

7

Fis-6 ta’ April 2023, id-deċiżjoni kkontestata ġiet iffirmata mill-President tas-SRB. Id-dokument jinkludi, wara l-firma, osservazzjoni li r-rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti taw il-kunsens bil-miktub tagħhom għad-deċiżjoni konġunta dwar ir-RMOE. Fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata hemm ftehim bil-miktub, datat is-6 ta’ April 2023 u ffirmat mill-president tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, li skontu dan jaqbel mad-deċiżjoni konġunta proposta u trażmessa mis-SRB fl-24 ta’ Marzu 2023.

8

Fl-14 ta’ April 2023, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża, jiġifieri l-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (BaFin, Awtorità Federali ta’ Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji), ġiet innotifikata bid-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215 tas-SRB tal-5 ta’ April 2023, li hija għalhekk implimentat permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2023 mibgħuta lir-rikorrenti.

9

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2023, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Lussemburgiża, jiġifieri l-Commission de surveillance du secteur financier (CSSF) (il-Kummissjoni ta’ Sorveljanza tas-Settur Finanzjarju, iktar ’il quddiem iċ-“CSSF”), informat lis-sussidjarja DZ Privatbank bl-implimentazzjoni tar-RMOE ddeterminat bid-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215 u nnotifikatha bl-imsemmija deċiżjoni.

10

Permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Mejju 2023, is-SRB, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, bagħat lir-rikorrenti, bħala kumpannija omm fl-Unjoni tal-grupp, id-deċiżjoni kkontestata, flimkien mad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp u sunt ta’ dan il-pjan.

11

Fit-3 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrenti ppreżentat appell mid-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Bord tal-Appell tas-SRB, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) Nru°806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), kif emendat.

12

Fil-5 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll appell mid-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215 quddiem il-Bord tal-Appell tas-SRB, skont l-istess dispożizzjonijiet.

13

L-appelli ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-SRB tal-15 ta’ Diċembru 2023 fil-Każijiet magħquda 2/23 u 3/23. L-imsemmi bord qies l-appell tar-rikorrenti mid-deċiżjoni kkontestata bħala ammissibbli, iżda infondat, u dak kontra d-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215 bħala inammissibbli.

14

Fis-26 ta’ Frar 2024, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru T‑116/24, kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-SRB.

It-talbiet tal-partijiet

15

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

sussidjarjament, tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata hija legalment ineżistenti;

–

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

16

Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

prinċipalment, tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–

sussidjarjament, tissospendi l-kawża sakemm tingħata deċiżjoni fil-Kawża T‑71/22;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

17

Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, jekk il-konvenut jitlob li jsir hekk.

18

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha biżżejjed informazzjoni u tiddeċiedi, skont dan l-artikolu, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

19

Is-SRB jibbaża l-eċċezzjoni tiegħu ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà fuq erba’ motivi.

20

L-ewwel nett, huwa jsostni li “deċiżjoni konġunta” ma tikkostitwixxix att ġuridiku imputabbli lilu. Huwa jindika, f’dan ir-rigward, li l-qrati tal-Unjoni kkonfermaw li l-atti ta’ entitajiet oħra minbarra l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 263 TFUE, u b’hekk jinvoka nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi din it-tilwima.

21

It-tieni nett, deċiżjoni konġunta hija biss att preparatorju ta’ deċiżjoni oħra. It-tielet nett, hija ma hijiex indirizzata lir-rikorrenti u ma tikkonċernahiex direttament u individwalment, b’tali mod li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi. Ir-raba’ nett, is-SRB iqis li r-rikors huwa inammissibbli minħabba l-kundizzjoni dwar il-proċedura prekontenzjuża.

22

Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tas-SRB u tqis li r-rikors huwa ammissibbli.

23

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, din id-deċiżjoni ttieħdet mis-SRB bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp. Is-SRB iddetermina r-RMOE fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilu mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fil-forma ta’ deċiżjoni konġunta.

24

L-ewwel nett, il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni nnifsu ma jadottax atti ġuridiċi, iżda jikkostitwixxi biss il-qafas li fih l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jwettqu kompiti konġunti. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, sempliċement adottat id-deċiżjoni kkontestata.

25

It-tieni nett, billi rriproduċiet ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell tas-SRB fid-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2023, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni konġunta tikkostitwixxi sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali bl-istess kontenut u li din id-deċiżjoni hija approvata minn kull waħda mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni involuti. Skont ir-rikorrenti, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, kull waħda mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tadotta separatament, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, id-deċiżjoni tagħha stess dwar r‑RMOE (sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 45h(4) u (6) tad-Direttiva 2014/59). Madankollu, fil-każ ta’ deċiżjoni konġunta, kull waħda mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tadotta deċiżjoni individwali li tikkorrispondi għad-deċiżjoni konġunta li tkun ittieħdet qabel (is-sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 45h(2) u (4) tad-Direttiva 2014/59).

26

It-tielet nett, il-fatt li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati jaqblu fuq l-istess test ta’ deċiżjoni ma jwassalx għall-konklużjoni li deċiżjoni konġunta tikkostitwixxi biss ftehim fil-kuntest tar-relazzjonijiet interni bejn awtoritajiet. Ftehim bejn il-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni huwa biss prerekwiżit għal deċiżjoni konġunta, iżda ma jistax jiġi assimilat magħha.

27

Fit-tieni lok, l-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-relazzjonijiet esterni, sa fejn id-deċiżjoni konġunta ta’ kulleġġ ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi deċiżjoni definittiva u mhux sempliċement att preparatorju intern tal-awtorità u hija obbligatorja għall-istituzzjonijiet ikkonċernati. Fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB diġà ddetermina b’mod definittiv ir-RMOE fir-rigward tar-rikorrenti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 806/2014, billi d-deċiżjoni konġunta torbot lis-SRB skont l-Artikolu 45h(7) tad-Direttiva 2014/59 fir-rigward tad-determinazzjoni tar-RMOE.

28

L-argument li kien neċessarju li d-deċiżjoni kkontestata tiġi implimentata permezz ta’ deċiżjoni tas-SRB u tal-BaFin li tistabbilixxi r-RMOE ma huwiex rilevanti sa fejn, f’dan il-każ, id-deċiżjoni konġunta diġà tinkludi d-deċiżjoni finali li kienet torbot, mingħajr marġni ta’ evalwazzjoni, lis-SRB u kif ukoll lill-BaFin fl-atti ġuridiċi sussegwenti tagħhom.

29

It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna lir-rikorrenti, tal-inqas indirettament u individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn deċiżjoni konġunta hija indirizzata lill-istituzzjonijiet inkwistjoni u sa fejn dawn huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni konġunta, indipendentement mill-kwalità tagħhom ta’ destinatarji.

30

It-tielet nett, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti għandha locus standi u għandha l-interess ġuridiku meħtieġ. L-annullament mixtieq tad-deċiżjoni kkontestata bħala tali huwa ta’ natura li jipproduċi effetti legali, peress li dan ineħħi l-bażi tad-deċiżjoni tas-SRB li tistabbilixxi r-RMOE u, għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar ir-RMOE tal-BaFin, li għalhekk tkun obbligata tannulla d-deċiżjoni tagħha wara oppożizzjoni mir-rikorrenti.

31

Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, u din il-kwalità ta’ destinatarja tirriżulta mill-obbligu tas-SRB, espressament previst fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59 u fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 tat-23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1), li tikkomunika d-deċiżjonijiet konġunti lir-rikorrenti wara l-adozzjoni tagħhom.

32

Iktar minn hekk, ir-rikorrenti tirrifjuta l-argument tas-SRB li hija ma għandhiex interess tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan l-annullament ma jagħtiha ebda vantaġġ, ladarba li, fid-dawl tan-natura konġunta tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB fl-ebda każ ma jkun f’pożizzjoni, waħdu, li jissostitwixxi dan l-att, iżda jkun biss f’pożizzjoni li jiftaħ mill-ġdid il-proċedura fi ħdan il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, proċedura li fil-kuntest tagħha huwa ma jistax jimponi ċertu livell ta’ RMOE fuq il-membri l-oħra tal-imsemmi kulleġġ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-determinazzjoni tar-RMOE ma teħtieġx neċessarjament deċiżjoni konġunta. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni konġunta, id-determinazzjoni tar-RMOE ssir permezz ta’ deċiżjonijiet separati tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati, konformement mal-Artikolu 45h(4) sa (6) tad-Direttiva 2014/59, b’tali mod li s-SRB ikun jista’ għalhekk jadotta deċiżjoni li tieħu inkunsiderazzjoni rekwiżiti possibbilment meħtieġa mill-Qorti Ġenerali.

33

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tirrifjuta r-rekwiżit ta’ proċedura preliminari, billi tinvoka, essenzjalment, l-assenza ta’ kjarifika ġudizzjarja ta’ din il-kwistjoni. Hija ssostni li jeżisti riskju dirett ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl‑Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jekk ir-rekwiżit ta’ proċedura preliminari, konformement mal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(3) u mal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 806/2014, jipprekludi l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali.

Fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi din it-tilwima

34

Skont is-SRB, kemm il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha kif ukoll il-kontenut tagħha juru li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att legali imputabbli lilu. Insostenn ta’ dan l-argument, huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni konġunta ma ġietx adottata minnu biss, iżda, konġuntament, minnu u mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, fil-kuntest tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-qbil li waslu għalih l-imsemmija awtoritajiet sabiex jiggarantixxu, fl-aħħar mill-aħħar, l-implimentazzjoni tajba tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni prevista. Dan huwa ftehim integrat fil-livelli rispettivi tar-RMOE stabbiliti għall-membri kollha tal-grupp li permezz tiegħu l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tieħu inkunsiderazzjoni u tiddependi fuq ir-RMOE tal-membri l-oħra.

35

Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati, skont l-Artikolu 263 TFUE, biss kontra l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni (digriet tas-6 ta’ Ottubru 2020, Sharpston vs Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, T‑550/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:475, punt 33).

36

Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikors għal annullament għandu jkun disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn ikunu intiżi li jipproduċu effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 13; tat-13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:436, punt 44; u tat-28 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 14).

Fuq l-effetti legali tad-deċiżjoni konġunta

37

Id-deċiżjoni kkontestata, li għandha t-titolu ta’ “deċiżjoni konġunta”, tipprovdi li “s-SRB u l-[Bank Nazzjonali tal-Ungerija] bħala awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jaġixxu fil-kuntest tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, waslu għal deċiżjoni konġunta billi qablu dwar” RMOE li, skont l-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti u l-ħames sussidjarji tagħha għandhom josservaw. Dawn ir-RMOE huma speċifikati fit-Taqsimiet I sa III tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-firma tal-President tas-SRB, li saret f’isem is-SRB, flimkien mal-kliem “[t]he representatives of the relevant resolution authorities have agreed to this joint decision on MREL by means of a written agreement” (ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti qablu bil-miktub dwar din id-deċiżjoni konġunta dwar ir-RMOE). Il-ftehim tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, iffirmat mill-president tiegħu, huwa anness mad-deċiżjoni kkontestata.

38

Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna għalhekk l-iffissar tar-RMOE għar-rikorrenti u għall-ħames sussidjarji tagħha, li waħda minnhom tinsab barra mill-Unjoni Bankarja.

39

Il-kompetenza sabiex jiġi ddeterminat r-RMOE għall-grupp kompost mir-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu hija tas-SRB (Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 806/2014), li huwa l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-imsemmi “grupp transkonfinali” (ara l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-punt 24 tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament).

40

Madankollu, peress li “grupp transkonfinali” jinkludi biss l-entitajiet fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja (punt 24 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014), is-SRB ma huwiex kompetenti sabiex jiddetermina r-RMOE għall-grupp kollu sa fejn is-sussidjarja Ungeriża tar-rikorrenti hija stabbilita fi Stat li ma jipparteċipax fl-Unjoni Bankarja.

41

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għas-sussidjarja Ungeriża Fundamanta Lakáskassza hija l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija (premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata moqrija flimkien mal-anness tad-deċiżjoni kkontestata).

42

Il-grupp tar-rikorrenti kollu kemm hu, is-sussidjarja Ungeriża inkluża, jikkostitwixxi “grupp transkonfinali” fis-sens tal-punt 27 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, li entitajiet tiegħu huma stabbiliti f’iktar minn Stat Membru wieħed.

43

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2014/59, għall-gruppi transkonfinali, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandhom jistabbilixxu kulleġġi ta’ riżoluzzjoni, li jipprovdu qafas li jippermettilhom jistabbilixxu r-RMOE imposti fuq il-gruppi fil-livell ikkonsolidat u fil-livell tas-sussidjarji (ara l-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2014/59). F’dan il-każ, mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB stabbilixxa kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għar-rikorrenti u għall-ħames sussidjarji tagħha fl-2017, li l-membri tiegħu huma, b’mod partikolari, is-SRB u l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, konformement mal-Artikolu 88(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/59.

44

Fi ħdan tali kulleġġ, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati jiddjalogaw dwar il-proposti tar-RMOE applikabbli fil-livell ikkonsolidat, tal-impriża omm u ta’ kull sussidjarja, u jiddiskutu l-approssimazzjoni tal-imsemmija RMOE (Artikolu 89 tar-Regolament Delegat 2016/1075). Il-kulleġġ huwa ppresedut mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp (Artikolu 88(5) tad-Direttiva 2014/59).

45

Meta grupp jinkludi entitajiet stabbiliti fi Stati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja kif ukoll fi Stati Membri li ma jipparteċipawx fiha, is-SRB jirrappreżenta l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti għall-finijiet tal-konsultazzjoni u tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri mhux parteċipanti (Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni Ġermaniża u Lussemburgiża pparteċipaw fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni biss bħala osservaturi (premessi 6 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

46

Sabiex jiġu stabbiliti, fi ħdan il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, l-ammonti tar-RMOE applikabbli fil-livell ikkonsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni u fuq bażi individwali għas-sussidjarji, il-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2014/59 jirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 45h tal-istess direttiva, li jipprevedi żewġ proċeduri alternattivi sabiex jintlaħaq iffissar ikkoordinat tal-imsemmija RMOE.

47

Il-proċedura rrakkomandata hija t-tfassil ta’ deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59, li jipprovdi li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni inkarigati mis-sussidjarji tal-grupp ta’ riżoluzzjoni għandhom jagħmlu dak kollu li huwa fis-setgħa tagħhom sabiex jaslu għal deċiżjoni konġunta dwar l-ammont tar-rekwiżit applikat fil-livell ikkonsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni u dwar l-ammont tar-rekwiżit applikat fuq bażi individwali għal kull sussidjarja. Id-deċiżjoni konġunta torbot lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati (Artikolu 45h(7) tad-Direttiva 2014/59).

48

Fl-assenza ta’ teħid ta’ tali deċiżjoni konġunta f’terminu ta’ erba’ xhur, l-awtoritajiet kompetenti għar-RMOE kkonsolidat fil-livell tal-grupp, minn naħa, u għar-RMOE fuq bażi individwali, min-naħa l-oħra, għandhom jiddeterminaw ir-RMOE billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet u r-riżervi fformulati mill-awtoritajiet rispettivi l-oħra u mill-entità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata (Artikolu 45h(3) tad-Direttiva 2014/59). Għal din l-alternattiva, il‑paragrafi 4 sa 6 tal-Artikolu 45h jipprevedu regoli speċjali.

49

Peress li s-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, waslu għal deċiżjoni konġunta, huma kkoordinaw ruħhom fid-dawl tal-iffissar sussegwenti tar-RMOE minn kull waħda mill-awtoritajiet involuti fil-kuntest tal-kompetenza tagħha stess. Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, bħala awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, jesprimu l-qbil tagħhom mar-RMOE stabbiliti mis-SRB, bħala president tal-kulleġġ, fit-Taqsimiet I sa III tad-deċiżjoni kkontestata, għar-rikorrenti u s-sussidjarji kollha tagħha.

50

Id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali sa fejn, konformement mal-Artikolu 45h(7) tad-Direttiva 2014/59, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni “kkonċernati” (ara l-punt 78 iktar ’il quddiem) jorbtu lil xulxin b’mod reċiproku sa fejn jobbligaw ruħhom li josservaw ir-RMOE li għandhom jiġu stabbiliti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

51

Is-SRB, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni awtorizzata li tiddetermina r-RMOE tal-entità ta’ riżoluzzjoni u tas-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja, għandu jżomm mar-RMOE ddeterminati fit-Taqsimiet I u II tad-Deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, li hija obbligata tosserva r-RMOE ddeterminat fit-Taqsima III.

52

Minn dan isegwi li, billi pprepara u ffirma d-deċiżjoni kkontestata, kif espost fil-punti 3 sa 7 iktar ’il fuq, is-SRB ipparteċipa fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tipproduċi effetti legali.

Fuq in-natura “ibrida” tad-deċiżjoni konġunta

53

Fir-rigward tal-argument tas-SRB li d-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni konġunta ma ġietx adottata minnu biss, iżda flimkien mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża fl-ambitu tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, tqum il-kwistjoni dwar sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tista’ titqies bħala att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

54

Id-deċiżjoni kkontestata toriġina, kif irrileva ġustament is-SRB, minn qbil u mill-premessa 7 tagħha jirriżulta b’mod ċar li hija ġiet adottata b’mod konġunt mis-SRB, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, minn naħa, u mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-Istat li ma jipparteċipax fl-Unjoni Bankarja, min-naħa l-oħra.

55

Għalhekk, minn naħa, mingħajr il-qbil min-naħa tas-SRB, ebda deċiżjoni konġunta ma setgħet tiġi stabbilita. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata u konformement mal-Artikolu 91(3) tar-Regolament Delegat 2016/1075, huwa wkoll indispensabbli għall-adozzjoni tad-deċiżjoni konġunta l-qbil min-naħa tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

56

Issa, in-natura “ibrida” tad-deċiżjoni kkontestata, li tirriżulta mill-fatt li din hija adottata mis-SRB u mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, ma timplikax madankollu li din ma toriġinax mis-SRB.

57

Fil-fatt, id-dokument li jinkludi d-deċiżjoni kkontestata jirrikonoxxi l-fatt li, kemm fil-parti introduttiva tiegħu (“as agreed by the Single Resolution Board [...] and Magyar Nemzeti Bank”, jiġifieri “kif miftiehem mis-[SRB] u [mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija]”) kif ukoll mill-firma tal-President tas-SRB f’isem is-SRB, li dan tal-aħħar huwa wieħed mill-awturi tad-deċiżjoni konġunta. Barra minn hekk, mill-ewwel sentenza tal-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp. Skont il-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni, id-deċiżjoni konġunta hija bbażata fuq l-Artikolu 45h tad-Direttiva 2014/59 li jipprevedi li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni inkarigati mis-sussidjarji għandhom jagħmlu dak kollu li huwa fis-setgħa tagħhom sabiex jaslu għal deċiżjoni konġunta. Għalhekk, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata konġuntament mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, is-SRB aġixxa abbażi ta’ kompetenza mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni. Is-SRB seta’ jieħu d-deċiżjoni kkontestata mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-Istat Membru mhux parteċipanti biss minħabba s-setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

58

B’mod kuntrarju għall-proċeduri amministrattivi kumplessi li fihom jintervjenu l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, iżda li għalihom id-deċiżjoni finali tappartjeni lis-SRB, bħal pereżempju għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ordinarji għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:574, punti 34 u 35), id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ftehim ġenwin, adottat fuq bażi ugwali, fil-kuntest ta’ koordinazzjoni bejn l-awtorità nazzjonali Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, u s-SRB, li sseħħ qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

59

Il-proċedura amministrattiva inkwistjoni f’dan il-każ hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni (C‑97/91, EU:C:1992:491), u tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023). Fil-fatt, il-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi jaqgħu fl-ambitu ta’ relazzjoni vertikali sa fejn l-att tal-awtorità nazzjonali jseħħ minn qabel u sa fejn id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva tal-Unjoni tittieħed fi tmiem il-proċedura. Il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità tal-Unjoni kkonċernata għandhiex marġni ta’ evalwazzjoni taqa’ preċiżament fl-ambitu ta’ din ir-relazzjoni vertikali.

60

Min-naħa l-oħra, din il-kawża taqa’ fl-ambitu ta’ relazzjoni purament orizzontali fejn żewġ awtoritajiet, dik ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, u s-SRB, li għandhom is-setgħat tagħhom stess, jadottaw “deċiżjoni konġunta”. B’mod differenti mis-sitwazzjoni vertikali tal-proċeduri amministrattivi kumplessi li fihom jipparteċipaw l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni, fejn l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali finali huwa l-element kruċjali għad-determinazzjoni dwar jekk l-istħarriġ ġudizzjarju għandux jiġi eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona, fil-kawża Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:574, punt 34), fis-sitwazzjoni preżenti, il-koawturi tad-deċiżjoni konġunta, billi jadottawha, jeżerċitaw kull wieħed minnhom is-setgħat rispettivi tagħhom, indipendentement minn xulxin. Fi kwalunkwe każ, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni konġunta bħad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB igawdi minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni u ma huwiex marbut minn proposti magħmula minn awtorità nazzjonali.

61

Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija r-riżultat ta’ qbil bejn is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, ma jistax iqiegħed f’dubju l-konklużjoni li dan huwa att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni sa fejn, fid-determinazzjoni tar-RMOE abbażi tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 45h tad-Direttiva 2014/59, is-SRB għandu japplika u josserva l-Artikoli 45 et seq. tal-imsemmija direttiva.

62

F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mis-SRB hija indipendenti mill-intervent tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, li tista’ tagħżel li ma taċċettax id-deċiżjoni konġunta proposta mis-SRB.

63

F’dan il-kuntest, l-assenza ta’ ftehim min-naħa tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, ma pprekludietx lis-SRB milli jistabbilixxi r-RMOE, tal-inqas fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu fi ħdan l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 45h(3) u (4) tad-Direttiva 2014/59, fl-assenza ta’ deċiżjoni konġunta, huwa s-SRB li għandu jieħu deċiżjoni dwar ir-RMOE.

64

B’hekk, anki jekk l-involviment tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża huwa stadju neċessarju fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ, fid-dawl tal-portata tal-kompetenzi eżerċitati mis-SRB f’dan il-kuntest, ma tistax tiġi eskluża mill-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

66

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

67

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwalità tagħha ta’ destinatarja, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li din il-kwalità tirriżulta mill-obbligu tas-SRB, previst fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59 u fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament Delegat 2016/1075, li jittrażmetti d-deċiżjonijiet konġunti wara l-adozzjoni tagħhom.

68

Fil-fatt, skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59, id-deċiżjoni konġunta għandha tiġi “pprovduta lill-entità ta’ riżoluzzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tagħha”. Fir-rigward tal-entitajiet ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni, skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59, id-deċiżjoni konġunta hija pprovduta lilhom mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ dawn l-entitajiet. Fir-rigward tal-impriża omm fl-Unjoni tal-grupp li ma hijiex hija stess entità ta’ riżoluzzjoni tal-istess grupp ta’ riżoluzzjoni, il-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi li d-deċiżjoni konġunta għandha tiġi pprovduta lilha mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni.

69

Minn dan jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59 ma jipprovdix li l-awtur tad-deċiżjoni konġunta għandu jinnotifikaha lill-entitajiet ikkonċernati, iżda jinkariga diversi awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li “jipprovdu” din id-deċiżjoni.

70

Għalhekk, f’dan il-każ, kien biss permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Mejju 2023 li s-SRB, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, konformement mal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45h(1) tad-Direttiva 2014/59, bagħat lir-rikorrenti, bħala kumpannija omm fl-Unjoni tal-grupp, id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni kienu diġà informati qabel din id-data, peress li l-BaFin kienet ġiet informata fl-14 ta’ April 2023 u ċ-CSSF kienet ġiet informata, fi kwalunkwe każ, qabel s-17 ta’ Mejju 2023.

71

Fit-tieni lok, peress li r-rikorrenti ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, hija għandha tkun direttament ikkonċernata minnha.

72

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni li skontha persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji inkarigati bl-implimentazzjoni tagħha, billi din l-implimentazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66; tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C 624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42; u tat-28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il-Kummissjoni, C‑313/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:869, point 51).

73

Is-SRB isostni, essenzjalment, li l-ewwel kriterju msemmi iktar ’il fuq, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, ma huwiex issodisfatt.

74

Sabiex jiġi eżaminat l-ewwel kriterju, jiġifieri l-kapaċità tad-deċiżjoni kkontestata li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, għandha tiġi studjata s-sustanza tal-att inkwistjoni u dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jitqiesu, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Fir-rigward ta’ deċiżjoni konġunta dwar grupp transkonfinali (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-sistema stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiġu ddeterminati r-RMOE għal kull entità tal-grupp fi ħdan l-Unjoni (ara l-punti 38 sa 48 iktar ’il fuq).

76

F’dan il-każ, kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215 jiddeterminaw ir-RMOE għall-entitajiet tal-grupp li għalih tappartjeni r-rikorrenti.

77

Madankollu, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tirrappreżenta l-ftehim konkluż fil-kuntest tal-Unjoni kollha kemm hi bejn is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, skont id-Direttiva 2014/59, id-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215, adottata abbażi tar-Regolament Nru 806/2014, tikkonkretizza dan il-ftehim fi ħdan l-Unjoni Bankarja biss.

78

B’hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, l-effett vinkolanti tagħha huwa impost biss, skont l-Artikolu 45h(7) tad-Direttiva 2014/59, fuq l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni “kkonċernati”, jiġifieri dawk li huma marbuta reċiprokament billi adottaw id-deċiżjoni konġunta. F’dan il-każ, dawn huma s-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

79

L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma għandha, fiha nnifisha, ebda effett legali ieħor fi ħdan l-Unjoni Bankarja ħlief l-obbligu li s-SRB jimponi fuqu nnifsu fir-rigward tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, li japplika r-RMOE li huwa nnegozja magħha.

80

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni SRB/EES/2022/215, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiddetermina liema RMOE li l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni u l-gruppi ta’ riżoluzzjoni huma obbligati jissodisfaw f’kull ħin. Skont l-Artikolu 12(5) tal-imsemmi regolament, is-SRB għandu jibgħat ir-riżultat tad-determinazzjoni tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, peress li dawn jeżegwixxu l-istruzzjonijiet tas-SRB skont l-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament.

81

F’dan il-każ, billi adotta d-deċiżjoni SRB/EES/2022/215, li, fit-tieni premessa tagħha, tirreferi b’mod partikolari għall-Artikoli 12 sa 12k u għall-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ħa deċiżjoni skont l-artikoli ċċitati iktar ’il fuq li permezz tagħha huwa ddetermina, fi ħdan l-Unjoni Bankarja, ir-RMOE tal-grupp li għalih tappartjeni r-rikorrenti.

82

Mill-premess jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 72 iktar ’il fuq.

83

Din il-konstatazzjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-konklużjoni tal-Bord tal-Appell tas-SRB fid-deċiżjoni tiegħu fil-Każijiet maqgħuda 2/2023 u 3/2023 tal-15 ta’ Diċembru 2023, li għaliha tirreferi r-rikorrenti. Skont il-Bord tal-Appell, id-deċiżjoni konġunta taffettwa l-interessi tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tagħmel it-talba sa fejn din tbiddel b’mod distint is-sitwazzjoni legali tagħha (punt 46 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell). Il-Bord tal-Appell qies li d-deċiżjoni kkontestata kienet id-deċiżjoni li kienet tistabbilixxi r-RMOE b’mod definittiv (punt 48 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell).

84

Il-Bord tal-Appell tas-SRB ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-ipoteżi li din hija sempliċi sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali msejħa “paralleli” tad-diversi awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li għandhom l-istess kontenut u approvati individwalment minn kull waħda mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni involuti. Id-deċiżjoni konġunta ma tikkostitwixxix iktar minn ġabra ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti f’dokument wieħed, liema deċiżjonijiet diġà jipproduċu l-effetti tagħhom fl-ambitu tal-qrati rispettivi tal-imsemmija awtoritajiet, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn tal-aħħar kollha tawx il-kunsens tagħhom jew le.

85

Issa, din l-ipoteżi tinjora l-aspett ta’ impenn reċiproku li d-deċiżjoni konġunta tinvolvi, skont l-Artikolu 45h(7) tad-Direttiva 2014/59.

86

Barra minn hekk, din l-ispjegazzjoni hija invalidata mill-Artikolu 45h(3) tad-Direttiva 2014/59, li jipprovdi li, fl-assenza ta’ deċiżjoni konġunta fit-terminu stabbilit, issa huma l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-entità li għandhom josservaw regoli partikolari (ara l‑punt 48 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni hija differenti skont jekk l-awtoritajiet kollha tawx il-kunsens tagħhom jew le. Jekk l-awtoritajiet ikkonċernati – jiġifieri l-awtoritajiet iddefiniti permezz tas-sħubija tagħhom fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, fejn tfasslet u ġiet konkluża d-deċiżjoni konġunta – ma jaqblux kollha, ma jkunx hemm deċiżjoni konġunta. Fir-rigward tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni Ungeriża, jiġifieri l‑Bank Nazzjonali tal-Ungerija, din il-kundizzjoni indispensabbli ta’ ftehim kienet espressament prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata li jipprovdi li din għandha tiġi adottata fil-mument li jkun hemm qbil min-naħa tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-Istat Membru mhux parteċipanti.

87

Peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mis-SRB ibbażata fuq l-assenza ta’ locus standi tar-rikorrenti tintlaqa’.

88

Madankollu, l-inammissibbiltà tar-rikors ma tirriżultax, kif qies is-SRB permezz tar-raba’ motiv ta’ inammissibbiltà tiegħu (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), mill-assenza ta’ appell minn qabel quddiem il-Bord tal-Appell tas-SRB. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, tista’ tappella mid-deċiżjoni tas-SRB imsemmija fl-Artikolu 10(10), fl-Artikolu 11, fl-Artikolu 12(1), f-Artikoli 38 sa 41, fl-Artikolu 65(3) sal-Artikolu 71 u fl-Artikolu 90(3) indirizzata lil dik il-persuna jew li tkun tikkonċernaha b’mod dirett u individwali. Issa, id-deċiżjoni konġunta dwar ir-RMOE hija ta’ natura partikolari. B’mod partikolari, din ma hijiex deċiżjoni tas-SRB imsemmija fl-imsemmija artikoli. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex indirizzata lir-rikorrenti u ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, b’tali mod li ma tikkonċernahiex direttament (ara l-punti 79 sa 82 iktar ’il fuq).

89

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma setgħetx tippreżenta rikors quddiem il-Bord tal-Appell tas-SRB, b’tali mod li hija ma tistax tiġi kkritikata li adixxiet direttament lill-qorti tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 263 TFUE.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-talba għal sospensjoni

91

Peress li s-SRB rebaħ il-kawża fir-rigward tat-talbiet prinċipali tiegħu, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tiegħu, imressqa sussidjarjament fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, li l-proċedura għandha tiġi sospiża sakemm tingħata deċiżjoni fil-Kawża BNP Paribas vs SRB (T‑71/22), li barra minn hekk, ingħalqet permezz ta’ digriet ta’ tħassir tat-8 ta’ Novembru 2024 (mhux ippubblikat, EU:T:2024:834).

Fuq it-talba għal intervent

92

Skont l-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut ikun ressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni kif previst fl-Artikolu 130(1) tal-imsemmija regoli, id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent għandha tingħata biss wara li l-eċċezzjoni tkun ġiet miċħuda jew tħalliet għad-deċiżjoni fil-mertu. Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent huwa anċillari għall-kawża prinċipali u jitlef l-għan tiegħu fil-każ, b’mod partikolari, li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

93

Għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

Fuq l-ispejjeż

94

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

95

Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mis-SRB, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

96

Skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent.

97

Għalhekk, ir-rikorrenti, is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent insostenn tat-talbiet imressqa mis-SRB.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

DZ Bank AG Deutsche Zentral-Genossenschaftsbank, Frankfurt am Main, hija kkundannata tbati, mibarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), minbarra dawk marbuta mat-talbiet għal intervent.

 

4)

DZ Bank AG Deutsche Zentral-Genossenschaftsbank, Frankfurt am Main, is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess marbuta mat-talbiet għal intervent.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2025.

Ir-Reġistratur

V. Di Bucci

Il-President

H. Kanninen


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top