Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0131

Kawża T-131/23: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2023 – Nardi vs BĊE

ĠU C 179, 22.5.2023, p. 58–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/58


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2023 – Nardi vs BĊE

(Kawża T-131/23)

(2023/C 179/84)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Anna Nardi (Napoli, l-Italja) (rappreżentant: M. De Siena, avukata)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tistabbilixxi u tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat mill-Presidenta Christine Lagarde:

a)

peress li kkawża fir-rigward tat-titoli finanzjarji tar-rikorrenti, bl-isem SI FTSE.COPERP, iddokumentati u deskritti f’dan ir-rikors l-ewwel darba fit-tieni paragrafu tat-Taqsima ta’ dan ir-rikors intitolata “Fatti”, tnaqqis fil-valur b’telf kapitali ta’ EUR 626 134,29, b’telf ta’ 81,54 % tal-valur totali tal-kapital investit ekwivalenti għal EUR 767 856,16, peress li fit-12 ta’ Marzu 2020, Christine Lagarde, fil-kwalità ta’ Presidenta tal-BĊE, filwaqt li qalet il-frażi famuża “Aħna mhux qegħdin hawnhekk biex innaqsu l-firxiet, dan ma huwiex ir-rwol tal-BĊE”, kienet ikkawżat tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tat-titoli fil-boroż kollha madwar id-dinja u telf ta’ 16,92 % fil-Borża ta’ Milano kkwantifikat f’perċentwali li qatt ma seħħ qabel fl-istorja tal-imsemmija istituzzjoni, u fejn ikkomunikat permezz ta’ stqarrija għall-istampa, lid-dinja kollha, li l-BĊE ma kienx ser jibqa’ jappoġġa l-valur tat-titoli maħruġa minn pajjiżi f’diffikultà u, għalhekk, ikkomunikat il-bidla sħiħa fl-orjentazzjoni tal-politika monetarja adottata mill-BĊE taħt it-tmexxija tal-President preċedenti, li kien temm il-mandat tiegħu f’Novembru 2019;

b)

peress li bl-imsemmi aġir, u bħala konsegwenza tal-fuq imsemmi tnaqqis sinjifikattiv tal-indiċi tal-Borża ta’ Milano, ikkawża tnaqqis fil-valur tal-assi tar-rikorrenti;

c)

peress li kkawża lir-rikorrenti dannu materjali, ta’ EUR 626 134,29, damnum emergens u EUR 912 673,83, lucrum cessans;

d)

peress li kkawża lir-rikorrenti dannu materjali totali ekwivalenti għal EUR 1 538 808,12;

e)

peress li kkawża danni morali bit-tbatija psikoloġika tagħha stess u tal-familja tagħha, ikkawżati minn dannu tal-unur, reputazzjoni, identità personali u professjonali tagħha kkwantifikati fis-somma ta’ EUR 500 000;

f)

peress li kkawża danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità.

tikkundanna lill-BĊE, irrappreżentat mill-President pro tempore, għall-kumpens tad-danni materjali, li jinkludu d-damnum emergens u l-lucrum cessans, tad-danni mhux materjali msemmija iktar ’il fuq u tad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità lir-rikorrenti, evalwati abbażi tal-kriterji indikati fil-kapitoli u paragrafi rispettivi ta’ dan ir-rikors, permezz tal-pagament favur ir-rikorrenti tal-ammonti segwenti: 1) EUR 1 538 808,12, bħala danni materjali; 2).EUR 500 000, bħala dannu morali; 3) u għaldaqstant, għall-pagament tas-somma totali ta’ EUR 2 038 808,12.

sussidjarjament, tirrimborsa lir-rikorrenti, permezz tal-kundanna tal-BĊE, irrappreżentat mill-President pro tempore, għall-pagament tat-tipi ta’ danni msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll ta’ kwalunkwe somma oħra li tirriżulta mill-proċedura ġudizzjarja, sal-ammont li jitqies xieraq, anki permezz ta’ rapport ta’ espert ordnat mill-Qorti Ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;

għall-pagament ta’ kwalunwe somma li l-Qorti Ġenerali tiddetermina u tordna, abbażi ta’ ekwità, għad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità;

għall-pagament tal-interessi moratorji kkalkolati mit-12 ta’ Marzu 2020, id-data li fiha seħħ l-avveniment dannuż, sar-rimbors effettiv;

tikkundanna lill-konvenut għar-rimbors tal-ispejjeż legali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà tal-BĊE skont it-tielet paragrafu tal-ex Artikolu 340 TFUE u tal-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, għad-danni materjali u morali mġarrba mir-rikorrenti, bl-indikazzjoni tal-ammonti tad-danni mġarrba;

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq it-tifsira tad-danni materjali, morali u ta’ telf ta’ opportunità allegatament imġarrba mir-rikorrenti u fuq spjegazzjoni tal-prinċipji applikati għad-determinazzjoni tagħhom;

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mis-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni, C-650/19 P, tad-9 ta’ Frar 2022, QI et vs Il-Kummissjoni u BĊE, T-868/16, u tal-21 ta’ Jannar 2014, Klein vs Il-Kummissjoni, T-309/10.

Huma indikati l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni u hija invokata l-verifika pożittiva, imwettqa anki mill-konsulent tekniku fir-rapport ta’ espert ġuramentat anness mar-rikors, tal-eżistenza tal-imsemmija kundizzjonijiet, permezz tat-tqabbil bejn il-leġiżlazzjoni Ewropea li tirregola l-BĊE, il-korpi u l-funzjonijiet relattivi tagħhom. Huma invokati l-ksur tal-BĊE tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni, kif ukoll il-ksur u l-abbuż ta’ poter tal-Presidenta tal-BĊE.

Huwa invokat il-ksur imwettaq fit-12 ta’ Marzu 2020 mill-BĊE, irrappreżentat mill-Presidenta tiegħu, tal-Artikolu 127 TFUE, Kapitolu 2, intitolat “Politika Monetarja”, tal-Artikoli 3, 10, 11, 12, 13, 38 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll tal-punti 17.2 u 17.3 tal-Artikolu 17 tar-Regolament adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-BĊE tad-19 ta’ Frar 2004 (1).

4.

Ir-raba’ motiv jikkwantifika, jindika r-raġunijiet u jiddokumenta d-danni materjali allegatament imġarrba mir-rikorrenti (damnum emergenslucrum cessans).

5.

Il-ħames motiv jikkwantifika, jindika r-raġunijiet u jiddokumenta d-danni ta’ tbatija psikoloġika u tad-danni għar-reputazzjoni, identità personali e professjonali.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-illustrazzjoni, il-motivazzjoni u l-prova għall-preżunzjoni u għall-kalkolu tal-probabbiltà ta’ telf ta’ opportunità u, għaldaqstant, jintalab il-likwidazzjoni tiegħu abbażi ta’ ekwità.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-prinċipji indikati fil-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ dannu mhux materjali kkawżat mill-istituzzjonijiet Ewropej liċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Settembru 2007, Kawża T-250/04, Combescot vs Il-Kummissjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/257/KE tad-19 ta’ Frar 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/2) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 46), kif emendata bid-Deċiżjoni BĊE/2014/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 95, p. 56).


Top