Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0104

    Kawża T-104/23: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2023 – PAN Europe vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 179, 22.5.2023, p. 57–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 179/57


    Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2023 – PAN Europe vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-104/23)

    (2023/C 179/82)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: A. Bailleux, avukat)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2022 u nnotifikata lir-rikorrenti fit-13 ta’ Diċembru 2022, li tiċħad parzjalment applikazzjoni konfermatorja ppreżentata skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1);

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser:

    l-Artikolu 2(1), it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001; u

    l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (2).

    B’mod iktar speċifiku, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata sa fejn tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti abbażi ta’ applikazzjoni illegali tal-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji (it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001) u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001).


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

    (2)  ĠU 2006, L 264, p. 13.


    Top