Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0645

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2025.
Hera Comm SpA vs Falconeri Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte d’appello di Bologna.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Elettriku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku – Assenza ta’ finijiet speċifiċi – Taxxa addizzjonali favur l-awtoritajiet reġjonali u lokali meqjusa li tmur kontra d-Direttiva 2008/118 mill-qrati nazzjonali – Irkupru mill-konsumatur finali tat-taxxa mħallsa indebitament lill-fornitur.
Kawża C-645/23.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:454

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Elettriku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku – Assenza ta’ finijiet speċifiċi – Taxxa addizzjonali favur l-awtoritajiet reġjonali u lokali meqjusa li tmur kontra d-Direttiva 2008/118 mill-qrati nazzjonali – Irkupru mill-konsumatur finali tat-taxxa mħallsa indebitament lill-fornitur”

Fil-Kawża C‑645/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura

HERA Comm SpA

vs

Falconeri Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Falconeri Srl, minn R. Cinti, avvocato,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia, M. Björkland u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hera Comm SpA, kumpannija li tipprovdi l-elettriku, u Falconeri Srl, kumpannija klijenta, dwar ir-rimbors ta’ taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku, prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/118

3

Id-Direttiva 2008/118 tħassret permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60). Madankollu, id-Direttiva 2008/118 tibqa’ applikabbli ratione temporis għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

4

Il-premessa 2 ta’ din id-direttiva kienet tgħid li:

“Il-kondizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti koperti mid-[Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39)], minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’, jeħtieġ li jibqgħu armonizzati sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-suq intern.”

5

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

(a)

prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE [tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)];

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

[…]”

6

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-istess direttiva kien jistabbilixxi li:

“Id-dazju tas-sisa għandu jiġi impost u miġbur u, fejn xieraq, rimborżat jew maħfur skont il-proċedura stabbilita minn kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess proċeduri għall-prodotti nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra.”

7

L-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2008/118 kien jgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’effett mill‑1 ta’ April 2010. […]”

Id-Direttiva 2003/96

8

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jistabbilixxi li:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-lista ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija”, fis-sens tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 2(2) tal-istess direttiva jispeċifika li din tapplika wkoll għall-elettriku li jaqa’ taħt il-Kodiċi NC 2716.

10

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi li:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-provissjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri jistgħu japlikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew tnaqqis kollu jew parti minnu fil-livell ta’ tassazzjoni għal:

[…]

(h)

l-elettriku, gass naturali, faħam u karburanti solidi użati għad-djar u/jew minn organizzazzjonijiet rikonnuxuti bħala karitatevoli mill-Istati Membri konċernati. […] Fejn isir użu doppju, it-tassazzjoni għandha tiġi applikata f’proporzjon ma’ kull tip ta’ użu. Jekk xi użu huwa bla valur, jista’ jiġi trattat bħala nil;

[…]”

Id-dritt Taljan

Il-Kodiċi Ċivili

11

L-Artikolu 2033 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili) jgħid li:

“Kull persuna li tkun għamlet ħlas indebitu għandha d-dritt titlob l-irkupru ta’ dak li tkun ħallset. Hija għandha wkoll dritt għall-frottijiet u għall-interessi mill-jum tal-ħlas jekk il-persuna li rċeviet il-ħlas kienet in mala fide, jew, jekk din kienet in bona fide, mill-jum tal-azzjoni ġudizzjarja.”

Id-Digriet Liġi Nru 511/1988

12

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, id-decreto-legge n. 511 – Disposizioni urgenti in materia di finanza regionale e locale (id-Digriet-Liġi Nru 511 li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tal-Finanzi Reġjonali u Lokali), tat‑28 ta’ Novembru 1988 (GURI Nru 280, tad‑29 ta’ Novembru 1988), kif emendat bl-Artikolu 5 tad-decreto legislativo n. 26 – Attuazione della direttiva 2003/96/CE che ristruttura il quadro comunitario per la tassazione dei prodotti energetici e dell’elettricita (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 26 li Jimplimenta d-Direttiva 2003/96/KE li Tirriforma l-Istruttura tal-Komunità Dwar Tassazzjoni Fuq Prodotti ta’ Enerġija u Elettriku), tat‑2 ta’ Frar 2007 (GURI Nru 68, tat‑22 ta’ Marzu 2007, Suppliment Ordinarju Nru 77) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 511/1988”), kien isemmi fil-preambolu tiegħu “in-neċessità, b’mod straordinarju u urġenti, li jiġu żgurati r-riżorsi neċessarji għall-finanzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-funzjonijiet istituzzjonali”.

13

L-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988, li tħassar b’effett mill‑1 ta’ April 2012, kien ifformulat kif ġej:

“1.   Għandha tiġi introdotta taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku msemmija fl-Artikoli 52 et seq tat-test ikkonsolidat tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-konsum, kif ukoll dwar is-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi, approvat mid-[decreto legislativo n. 504 – Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 li Jistabbilixxi Test Ikkonsolidat tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi dwar it-Taxxi Fuq il-Produzzjoni u Fuq il-Konsum u dwar is-Sanzjonijiet Kriminali u Amministrattivi), tas‑26 ta’ Ottubru 1995 (GURI Nru 279, tad‑29 ta’ Novembru 1995, Suppliment Ordinarju Nru 143) (iktar ’il quddiem id-‘Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995’), fl-ammont ta’:

a)

[EUR] 18.59 għal kull 1000 kWh, favur il-komuni, għal kull użu mwettaq fil-postijiet ta’ għajxien; […]

b)

[EUR] 20.40 għal kull 1000 kWh, favur il-komuni, għal kull użu mwettaq fir-residenzi sekondarji;

c)

[EUR] 9.30 għal kull 1000 kWh, favur il-provinċji, għal kull użu mwettaq f’bini u f’postijiet għajr il-postijiet ta’ għajxien, għall-kuntratti kollha, sa massimu ta’ 200000 kWh ta’ konsum fix-xahar.

[…]

3.   It-taxxi addizzjonali previsti fil-paragrafu 1 huma dovuti mill-persuni taxxabbli msemmija fl-Artikolu 53 tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995] meta jiġi pprovdut l-elettriku lill-konsumaturi finali jew, fil-każ tal-elettriku prodott jew mixtri għall-użu tagħhom stess, fil-mument tal-konsum tiegħu. It-taxxi addizzjonali għandhom jinġabru u jiġu rkuprati bl-istess mod bħad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku.

4.   It-taxxi addizzjonali previsti fil-paragrafu 1 relatati mal-provvista tal-elettriku b’saħħa disponibbli ta’ mhux iktar minn 200 kW għandhom jitħallsu direttament lill-komuni u lill-provinċji li fit-territorju tagħhom l-utenti jkunu jinsabu. It-taxxi addizzjonali relatati mal-provvista tal-elettriku b’saħħa disponibbli ta’ iktar minn 200 kW u dawk relatati mal-konsum tal-elettriku prodott jew mixtri għall-użu personali għandhom jitħallsu lit-Teżor Pubbliku, bl-eċċezzjoni ta’ dawk miġbura fit-territorju tar-Reġjun ta’ Val d’Aosta [l-Italja] u tal-Provinċji awtonomi ta’ Trento [l-Italja] u ta’ Bolzano [l-Italja], li għandhom jitħallsu direttament lill-komuni u lill-provinċji nnifishom.

5.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(3) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995] ma japplikawx għat-taxxi addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1; madankollu, il-konsum relatat mad-dawl pubbliku u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku huwa eżentat mit-taxxi addizzjonali.

[…]”

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995

14

Il-proċedura dwar it-talba għar-rimbors tad-dazju tas-sisa mħallas indebitament hija rregolata mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995.

15

L-Artikolu 14 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Rimbors tad-dazju tas-sisa”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Id-dazji tas-sisa għandhom jiġu rrimborsati meta jkunu tħallsu indebitament; ir-regoli dwar ir-rimbors previsti f’dan l-artikolu għandhom japplikaw ukoll għat-talbiet relatati mal-faċilitajiet mogħtija permezz tal-ħlas lura, totali jew parzjali, tad-dazju tas-sisa mħallas, jew permezz ta’ mezzi oħra previsti mir-regoli li jirregolaw kull faċilità.”

16

L-Artikolu 16 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, intitolat “Privileġġ”, jgħid, fil-paragrafu 3 tiegħu, li:

“Il-krediti miżmuma mill-persuni taxxabbli, wara l-ħlas tat-taxxa, fuq ix-xerrejja tal-prodotti li fir-rigward tagħhom huma ħallsu din it-taxxa, jistgħu jiġu mgħoddija fil-fatturazzjoni […]”

17

L-Artikolu 52 tal-istess digriet leġiżlattiv huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-enerġija elettrika (kodiċi NM 2716) hija suġġetta għal dazju tas-sisa, bir-rati previsti fl-Anness I, fil-ħin tal-provvista lill-konsumaturi finali jew fil-ħin tal-konsum tal-elettriku prodott mill-produttur għall-użu tiegħu stess.

[…]

3.   Huwa eżentat mid-dazju tas-sisa l-elettriku:

a)

użat għall-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku u għaż-żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku;

b)

prodott minn installazzjonijiet li joperaw minn sorsi rinnovabbli fis-sens tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dan il-qasam, b’saħħa disponibbli ta’ iktar minn 20 kW, ikkonsmat mill-impriżi ta’ awtoproduzzjoni f’bini u f’postijiet li ma humiex postijiet ta’ għajxien;

c)

użat għall-installazzjoni u għall-operat ta’ linji ferrovjarji għat-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri;

d)

użat għall-installazzjoni u għall-operat ta’ linji ta’ trasport urban u interurban;

e)

ikkonsmat għal kull applikazzjoni fid-domiċilju rreġistrat tal-utenti, b’saħħa impenjata sa 3 kW, sa konsum fix-xahar ta’ 150 kWh. […]

[…]”

18

L-Artikolu 53 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995 jistabbilixxi li:

“1.   Il-persuni sussegwenti għandhom l-obbligu jħallsu d-dazju tas-sisa fuq l-elettriku:

a)

l-entitajiet li jiffatturaw l-elettriku lill-konsumaturi finali, iktar ’il quddiem imsejħa ‘bejjiegħa’;

[…]”

19

L-Artikolu 60 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprevedi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk previsti fit-[tielet paragrafu tal-Artikolu 52], għandhom japplikaw ukoll għal taxxi addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku, meta l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom huma l-istess bħal dawk previsti fir-rigward tad-dazju tas-sisa.”

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2011

20

L-Artikolu 2(6) tad-decreto legislativo no 23 – Disposizioni in materia di federalismo Fiscale Municipale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 23 li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet dwar il-Federaliżmu Fiskali Muniċipali), tal‑14 ta’ Marzu 2011 (GURI Nru 67 tat‑23 ta’ Marzu 2011), jgħid li, mis-sena 2012, it-taxxa addizzjonali li tiżdied mad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku prevista fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) tad-Digriet-Liġi Nru 511/1988 ma għandhiex tibqa’ tiġi applikata fir-reġjuni bi status ordinarju. It-taxxa addizzjonali tħassret definittivament mill‑1 ta’ April 2012.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Skont kuntratt konkluż fl‑1 ta’ Ottubru 2009, Hera Comm ipprovdiet perijodikament l-elettriku lil Falconeri.

22

Sal‑1 ta’ April 2012, data li fiha tħassar l-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988, Hera Comm ħallset lit-Teżor Pubbliku Taljan it-taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku prevista f’din id-dispożizzjoni (iktar ’il quddiem it-“taxxa addizzjonali”). Hija għaddiet it-taxxa hekk imħallsa lil Falconeri, u b’hekk irkuprat kompletament il-valur ekwivalenti ta’ din it-taxxa.

23

Peress li qieset li l-imsemmija taxxa kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, Falconeri ressqet talba għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament quddiem it-Tribunale di Bologna (il-Qorti Distrettwali ta’ Bologna, l-Italja), sabiex tikseb il-kundanna ta’ Hera Comm għar-rimbors tal-ammonti mħallsa f’dan ir-rigward.

24

Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ April 2021, it-Tribunale di Bologna (il-Qorti Distrettwali ta’ Bologna) laqgħet din it-talba, billi qieset li l-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988 kien imur kontra l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, kif interpretat mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li, konsegwentement, l-applikazzjoni tiegħu kellha tiġi miċħuda. Peress li l-ħlasijiet magħmula minn Falconeri bħala taxxa addizzjonali kienu għalhekk mingħajr bażi legali, din il-qorti kkundannat lil Hera Comm tirrimborsa s-somom korrispondenti, mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/118 sat-tħassir tal-Artikolu 6(1) tad-Digriet Liġi Nru 511/1988.

25

Għalhekk, Hera Comm ħallset lura l-pagamenti mhux dovuti. Madankollu, fid‑19 ta’ Mejju 2021, hija appellat minn dan id-digriet quddiem il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li t-taxxa addizzjonali kienet sempliċi żieda tar-rata tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi “taxxa indiretta addizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kwistjoni jekk it-taxxa addizzjonali għandhiex titqies bħala taxxa differenti mid-dazju tas-sisa fuq l-elettriku, peress li din tikkostitwixxi biss frazzjoni jew multiplu tiegħu. Hija tippreċiża li dan id-dazju tas-sisa u din it-taxxa għandhom struttura simili u arranġamenti li jikkoinċidu parzjalment. B’mod partikolari, l-imsemmija taxxa żżid ir-rata tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku u għandha modalitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ ġbir identiċi għalih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-taxxa addizzjonali tista’ tinftiehem bħala sempliċi żieda fir-rata tad-dazju tas-sisa, u għalhekk ma tikkostitwixxix “taxxa indiretta addizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, u ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ allokazzjoni għal finijiet speċifiċi previst f’din id-dispożizzjoni.

27

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ taxxi distinti, jista’ jkun hemm kontradizzjoni bejn ir-regola tad-dritt intern, li stabbilixxiet it-taxxa addizzjonali mingħajr ma tallokaha għal finijiet speċifiċi, u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li jeħtieġ tali allokazzjoni. Il-possibbiltà li l-ħlas ta’ din it-taxxa tiġi mgħoddija lill-klijent finali tiddependi għalhekk mir-riżoluzzjoni ta’ din il-kontradizzjoni.

28

Skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni letterali, globali u teleoloġika tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 tipprekludi li d-dazju tas-sisa fuq l-elettriku u t-taxxa addizzjonali jitqiesu bħala taxxa indiretta waħda. Din id-direttiva tillimita s-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri mhux skont il-forom li bihom din tista’ tiġi eżerċitata, iżda mill-perspettiva tal-iskopijiet imfittxija u tar-riperkussjonijiet li t-taxxi li jirriżultaw minnhom jipproduċu fis-suq.

29

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jistax jipproduċi effetti diretti orizzontali fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi, bħal dik li biha ġiet adita. B’mod iktar partikolari, hija tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-projbizzjoni tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi, li madankollu ma tippermettix espressament li jiġi ddeterminat jekk din il-projbizzjoni testendix jew le għall-“effett ta’ esklużjoni”, li huwa intiż li jeskludi l-applikazzjoni tar-regola tad-dritt intern li tmur kontra direttiva.

30

Din il-qorti tqis li, skont l-ewwel linja ta’ ġurisprudenza nazzjonali, hemm lok li jiġu esklużi l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988, indipendentement mill-effett dirett, orizzontali jew vertikali, tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, minħabba l-prinċipju tal-applikabbiltà immedjata tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE. Min-naħa l-oħra, skont linja ta’ ġurisprudenza oħra, in-nuqqas ta’ effett tad-direttivi “awtoeżekuttivi” fir-relazzjonijiet orizzontali jipprekludi lil konsumatur finali milli jinvoka d-Direttiva 2008/118 kontra fornitur u jħallilu biss ir-rimedju tal-azzjoni għal kumpens.

31

F’dan il-każ, id-digriet mogħti fl-ewwel istanza jaqa’ taħt ġurisprudenza stabbilita tal-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), li tipprovdi li r-regoli li jirregolaw ir-rimbors tat-taxxa addizzjonali huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li, fl-assenza ta’ regoli komuni f’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw tali rimbors konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Skont din il-ġurisprudenza nazzjonali, id-dazju tas-sisa u t-taxxa addizzjonali jikkostitwixxu żewġ taxxi distinti. Madankollu, huwa eskluż li din it-taxxa tissodisfa l-kundizzjoni relatata mat-tfittxija ta’ finijiet speċifiċi, meħtieġa mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, peress li l-uniku għan imfittex minnha huwa dak li “jiġu żgurati r-riżorsi neċessarji għall-finanzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-funzjonijiet istituzzjonali tagħhom”.

32

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li Hera Comm ma hijiex impriża b’parteċipazzjoni pubblika u li hija lanqas ma hija inkarigata minn servizz pubbliku. Għaldaqstant, ir-relazzjoni legali li hija għandha mal-klijent tagħha għar-riperkussjoni tat-taxxa addizzjonali hija ta’ natura orizzontali. Skont din il-qorti, li jiġi affermat l-effett dirett tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 f’din ir-relazzjoni orizzontali jiżgura b’mod sħiħ l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u jevita li wieħed jiddiskrimina b’mod irraġonevoli kontra l-klijent li ma jkunx jista’ jinvoka kontra l-parti kontraenti l-oħra l-illegalità tat-taxxa addizzjonali li huwa jkun sostna l-piż ekonomiku tagħha, għar-raġuni li din it-taxxa tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-taxxa [addizzjonali] applikata mill-Istat Membru bħala frazzjoni jew multiplu tad-dazju tas-sisa li għalih il-prodott huwa diġà suġġett, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘taxxi indiretti oħrajn’, liema espressjoni tintuża fl-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 2008/118], jew għandha titqies bħala sempliċi żieda fir-rata tad-dazju tas-sisa, bil-konsegwenza li l-Istat Membru huwa liberu li ma jallokahiex għall-‘finijiet speċifiċi’ meħtieġa mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118?

2)

Fil-każ li t-taxxa addizzjonali għal dazju tas-sisa fuq l-elettriku taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘taxxi indiretti oħrajn’, l-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi invokat mill-individwu quddiem qorti nazzjonali sabiex:

jilmenta mal-bejjiegħ tal-prodott suġġett għat-taxxa addizzjonali għal dazju tas-sisa, li lilu l-individwu jkun irrimborsa t-taxxa indiretta, li s-soprataxxa imposta mill-Istat Membru fuq il-bejjiegħ hija illegali, peress li hija bbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva;

konsegwentement, jaġixxi kontra l-bejjiegħ sabiex jirkupra l-ħlas indebitu li ġie mgħoddi lilu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq prodott, li tikkostitwixxi biss frazzjoni jew multiplu tad-dazju tas-sisa li għaliha huwa diġà suġġett dan il-prodott, iżda li d-dħul tagħha huwa allokat lil awtoritajiet pubbliċi differenti minn dik li għaliha huwa allokat id-dazju tas-sisa, u li ma ssegwix ir-regoli ta’ eżenzjoni applikabbli għalih, tista’ titqies bħala taxxa distinta minn dan id-dazju tas-sisa u għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi indiretti addizzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liema taxxa tista’ tinġabar mill-Istati Membri sa fejn din ikollha skop speċifiku, distint mid-dazju tas-sisa.

35

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, id-dazju tas-sisa fuq l-elettriku u t-taxxa addizzjonali għandhom struttura u arranġamenti li jikkoinċidu parzjalment, peress li t-tieni waħda żżid ir-rata tal-ewwel waħda u għandha modalitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ ġbir identiċi għaliha. Skont Hera Comm, it-taxxa addizzjonali tikkostitwixxi biss żieda fid-dazju tas-sisa fuq l-elettriku u mhux taxxa distinta. Issa, skont il-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, id-digriet mogħti fl-ewwel istanza fil-kuntest tal-kawża prinċipali jaqa’ taħt ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li d-dazju tas-sisa u t-taxxa addizzjonali huma kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu żewġ taxxi distinti.

36

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li il-klassifikazzjoni ta’ tassazzjoni, ta’ taxxa, ta’ dritt jew ta’ impożizzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni hija kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-karatteristiċi oġġettivi tal-impożizzjoni, indipendentement mill-klassifikazzjoni li tingħatalha fid-dritt nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park,C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, l-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarji applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

38

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ “taxxi indiretti addizzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett ikopri t-taxxi indiretti imposti fuq il-konsum tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, minbarra d-“dazji tas-sisa”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u li huma imposti għal finijiet speċifiċi (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems,C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 59, u tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park,C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 48).

39

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li din id-direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali tad-dazji tas-sisa imposti direttament jew indirettament fuq il-konsum ta’ prodotti bħall-elettriku, billi tarmonizza l-kundizzjonijiet relatati mal-ġbir tad-dazju tas-sisa, kif tiddikjara l-premessa 2 ta’ din id-direttiva.

40

It-tieni nett, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/96, l-elettriku huwa wkoll is-suġġett tas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita minn din id-direttiva.

41

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tat-tradizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri f’dan il-qasam u l-użu frekwenti tat-taxxi indiretti għall-implimentazzjoni ta’ politiki mhux baġitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Promociones Oliva Park,C‑220/19, EU:C:2021:163, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Peress li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/96, it-tassazzjoni tal-elettriku hija s-suġġett ta’ armonizzazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, taxxa addizzjonali li hija distinta mid-dazju tas-sisa fuq l-elettriku, sa fejn ma tkunx tikkostitwixxix sempliċi żieda tar-rata, tista’, madankollu, tiġi aċċettata biss jekk tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

43

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura distinta tat-taxxa addizzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-bażi tat-taxxa ta’ din it-taxxa kien ikkalkolat bl-istess mod bħal dak tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija taxxa kienet issegwi l-istess regoli ta’ stabbiliment, ta’ likwidazzjoni u ta’ ġbir bħal dawk applikabbli għal dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-fatt taxxabbli tat-taxxa addizzjonali kien identiku għal dak tad-dazju tas-sisa, jiġifieri l-provvista u l-bejgħ tal-elettriku.

44

Madankollu, qabelxejn, il-benefiċjarju finali tat-taxxa addizzjonali kien differenti minn dak tad-dazju tas-sisa. Fil-fatt, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, għall-istess kwantità ta’ elettriku ddistribwit lill-konsumaturi finali, minn naħa, id-dazju tas-sisa kellu jitħallas lit-Teżor Pubbliku Taljan u, min-naħa l-oħra, it-taxxa addizzjonali kienet ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet lokali jew reġjonali.

45

Sussegwentement, l-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988 kien jippermetti li ssir distinzjoni bejn it-tassazzjoni tal-elettriku skont l-użu, tal-post ta’ provvista kif ukoll skont il-kwantità kkonsmata. Issa, tali kriterji ta’ differenzjazzjoni ma humiex applikabbli għad-dazju tas-sisa, peress li ma humiex previsti mid-Direttivi 2008/118 u 2003/96.

46

Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Artikolu 52(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995 kien jipprevedi, konformement mad-Direttiva 2003/96, ċerti eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa, il-persuni suġġetti għat-taxxa addizzjonali ma kinux jibbenefikaw minn dawn l-istess eżenzjonijiet.

47

Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li kieku l-imsemmija taxxa kienet biss żieda fir-rata tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku, din kellha tiġi rregolata bħala dan tal-aħħar u tkun is-suġġett tal-istess eżenzjonijiet bħal dawk previsti mil-leġiżlatur nazzjonali għal dan tal-aħħar, konformement mad-Direttiva 2003/96.

48

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-taxxa addizzjonali inkwistjoni ma tistax titqies bħala sempliċi żieda fir-rata tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku, bħala frazzjoni jew multipla tiegħu, iżda tista’ tikkostitwixxi taxxa indiretta addizzjonali imposta direttament jew indirettament fuq il-konsum tal-elettriku msemmi mid-Direttiva 2003/96.

49

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jippermetti, essenzjalment, lill-Istati Membri jimponu taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, dan huwa bil-kundizzjoni doppja li dawn it-taxxi jkollhom “fini speċifiku” waħda jew iktar u li josservaw ir-regoli ta’ tassazzjoni tal-Unjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud għad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu, l-eżiġibbiltà u l-monitoraġġ tat-taxxa, peress li dawn ir-regoli ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 35).

50

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma intiżi li jevitaw it-taxxi indiretti addizzjonali li jostakolaw indebitament il-kummerċ, huma, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, ta’ natura kumulattiva (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “fini speċifiku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma għandhiex tkun purament baġitarja. Madankollu, peress li kull taxxa neċessarjament għandha skop baġitarju, dan il-fatt waħdu ma jistax jeskludi li taxxa addizzjonali jista’ jkollha wkoll skop speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, billi tali esklużjoni ċċaħħadha minn kull effett utli (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, f6 Cigarettenfabrik,C‑336/22, EU:C:2024:226, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għan imfittex mit-taxxa addizzjonali kien, skont il-preambolu tad-Digriet Liġi Nru 511/1988, li “jiġu żgurati r-riżorsi neċessarji għall-finanzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-funzjonijiet istituzzjonali tagħhom”. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li jeżisti għan ieħor, ipotetiku, jiġifieri l-kontribuzzjoni għas-servizz ta’ rimi ta’ skart, li madankollu huwa ppreżentat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali biss bħala potenzjali, u li ma hemm ebda prova li dan l-għan effettivament intlaħaq.

53

Issa, l-eżistenza ta’ “fini speċifiku”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 ma tistax tiġi stabbilita biss permezz tal-allokazzjoni tad-dħul tat-taxxa kkunsidrata għall-finanzjament ta’ spejjeż ġenerali li huma l-obbligu tal-awtorità pubblika f’qasam partikolari. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, l-allegat fini speċifiku ma jistax jiġi distint minn skop purament baġitarju (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 40).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għal verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-taxxa addizzjonali, li tidher li għandha biss skop ġenerali ta’ sostenn għall-baġit tal-awtoritajiet territorjali, tissodisfa l-kriterji relatati mal-iskop speċifiku msemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑9 ta’ Novembru 2021, Agenzia delle dogane e dei monopoli – Ufficio delle dogane di Gaeta, C‑255/20, EU:C:2021:926, punti 3839).

55

Fir-rigward tat-tieni waħda mill-kundizzjonijiet, imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-fatt li t-taxxa addizzjonali ssegwi l-istess regoli ta’ stabbiliment, ta’ likwidazzjoni u ta’ ġbir bħal dawk applikabbli għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku jippermetti li jiġi konkluż li din kienet maħsuba sa mill-bidu mil-leġiżlatur nazzjonali bħala taxxa li għandha tkun konformi mar-regoli ta’ tassazzjoni tal-Unjoni applikabbli għad-dazji tas-sisa.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq prodott, li tikkostitwixxi biss frazzjoni jew multiplu tad-dazju tas-sisa li għaliha huwa diġà suġġett dan il-prodott, iżda li d-dħul tagħha huwa allokat lil awtoritajiet pubbliċi differenti minn dik li għaliha huwa allokat id-dazju tas-sisa, u li ma ssegwix ir-regoli ta’ eżenzjoni applikabbli għalih, tista’ titqies bħala taxxa distinta minn dan id-dazju tas-sisa u għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi indiretti addizzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liema taxxa tista’ tinġabar mill-Istati Membri sa fejn din ikollha skop speċifiku, distint mid-dazju tas-sisa.

Fuq it-tieni domanda

57

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jistax jiġi invokat f’tilwima bejn individwi dwar ir-rimbors ta’ taxxa mħallsa indebitament għar-raġuni li d-dispożizzjoni nazzjonali li stabbilixxiet din it-taxxa tmur kontra dan l-Artikolu 1(2), b’tali mod li qorti nazzjonali, adita b’tali tilwima, hija obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali.

58

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar kwistjonijiet simili mqajma f’kuntest ġuridiku identiku fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Gabel Industria Tessile u Canavesi (C‑316/22, EU:C:2024:301).

59

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, li fuqha hija msejsa l-possibbiltà li din tiġi invokata, teżisti biss fir-rigward tal-“Istati Membri kollha [destinatarji]”. Minn dan isegwi, skont ġurisprudenza stabbilita, li direttiva ma tistax minnha nnifisha toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tali persuna quddiem qorti nazzjonali (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Gabel Industria Tessile u Canavesi, C‑316/22, EU:C:2024:301, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Minn dan isegwi li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk din l-aħħar dispożizzjoni ma jkollhiex effett dirett, mingħajr preġudizzju madankollu għall-possibbiltà, għal dik il-qorti, kif ukoll għal kull awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti, li teskludi, abbażi ta’ dan id-dritt intern, kull dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun nieqsa minn tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin,C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33).

61

Għalhekk, minkejja l-assenza ta’ effett orizzontali ta’ direttiva, qorti nazzjonali tista’ tippermetti lil individwu jinvoka l-illegalità, fid-dawl ta’ dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva, ta’ taxxa li tkun ġiet mgħoddija lilu indebitament minn bejjiegħ, jekk tali possibbiltà tiġi rrikonoxxuta lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex jikseb in-newtralizzazzjoni tal-piż ekonomiku addizzjonali li huwa kellu, fl-aħħar mill-aħħar, isostni, fatt li, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Gabel Industria Tessile u Canavesi, C‑316/22, EU:C:2024:301, punt 25).

62

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-partijiet fil-kawża mhux biss kontra Stat Membru u l-korpi kollha tal-amministrazzjoni tiegħu, iżda wkoll kontra organi jew entitajiet li jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li jkollhom setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Gabel Industria Tessile u Canavesi, C‑316/22, EU:C:2024:301, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jipprekludi li qorti nazzjonali teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa indiretta li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett, ħlief jekk id-dritt nazzjonali jkun jipprovdi mod ieħor jew jekk l-entità li kontriha tiġi invokata l-kuntrarjetà tal-imsemmija taxxa tkun suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew ikollha setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Gabel Industria Tessile u Canavesi, C‑316/22, EU:C:2024:301, punt 27). F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina jekk il-fornitur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt waħda minn dawn il-kategoriji.

64

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma meħtieġa, bħala prinċipju, li jirrimborsaw l-imposti u t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, fejn id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ dawn l-imposti u taxxi huwa fil-fatt il-konsegwenza ta’ u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer-Danfoss, C‑94/10, EU:C:2011:674, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprevedi l-modalitajiet proċedurali preċiżi li permezz tagħhom għandu jiġi eżerċitat id-dritt li jinkiseb ir-rimbors tal-imsemmi piż ekonomiku, peress li dawn il-modalitajiet għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Gabel Industria Tessile u Canavesi, C‑316/22, EU:C:2024:301, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

B’mod partikolari, jekk tali rimbors jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb mill-fornituri kkonċernati, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-konsumatur finali jkun f’pożizzjoni li jressaq it-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Gabel Industria Tessile u Canavesi, C‑316/22, EU:C:2024:301, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn individwi dwar ir-rimbors ta’ taxxa mħallsa indebitament għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li stabbilixxew din it-taxxa jmorru kontra l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li jikkonstata l-impossibbiltà li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li teskludi l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li, fil-każ ta’ impossibbiltà jew ta’ diffikultà eċċessiva sabiex jinkiseb mingħand il-fornitur ir-rimbors tat-taxxa mħallsa indebitament, il-konsumatur finali jkun jista’ jindirizza t-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-Istat Membru kkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq prodott, li tikkostitwixxi biss frazzjoni jew multiplu tad-dazju tas-sisa li għaliha huwa diġà suġġett dan il-prodott, iżda li d-dħul tagħha huwa allokat lil awtoritajiet pubbliċi differenti minn dik li għaliha huwa allokat id-dazju tas-sisa, u li ma ssegwix ir-regoli ta’ eżenzjoni applikabbli għalih, tista’ titqies bħala taxxa distinta minn dan id-dazju tas-sisa u għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “taxxi indiretti addizzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liema taxxa tista’ tinġabar mill-Istati Membri sa fejn din ikollha skop speċifiku, distint mid-dazju tas-sisa.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn individwi dwar ir-rimbors ta’ taxxa mħallsa indebitament għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li stabbilixxew din it-taxxa jmorru kontra l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li jikkonstata l-impossibbiltà li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li teskludi l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li, fil-każ ta’ impossibbiltà jew ta’ diffikultà eċċessiva sabiex jinkiseb mingħand il-fornitur ir-rimbors tat-taxxa mħallsa indebitament, il-konsumatur finali jkun jista’ jindirizza t-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-Istat Membru kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top