EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0085

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Frar 2024.
Landkreis Jerichower Land vs A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Awtorizzazzjoni – Artikolu 24(1)(i) – Kunċett ta’ ‘ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali’ – Interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport li tista’ ddum sa tmien sigħat.
Kawża C-85/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:161

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Awtorizzazzjoni – Artikolu 24(1)(i) – Kunċett ta’ ‘ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali’ – Interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport li tista’ ddum sa tmien sigħat”

Fil-Kawża C‑85/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

Landkreis Jerichower Land

vs

A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A., minn J. Hagmann, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A.-E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u G. Koleva, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 32).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Landkreis Jerichower Land (id-Distrett ta’ Jerichower Land, il-Ġermanja) u A., kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, dwar il-projbizzjoni lil din tal-aħħar milli taħżen kontenituri ta’ trasport li fihom prodotti sekondarji tal-annimali f’wieħed mill-imħażen tagħha.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessi 1,2, 5, 6, 11 u 36 tar-Regolament Nru 1069/2009:

“(1)      Il-prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem huma sors potenzjali ta’ riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Il-kriżijiet tal-imgħoddi marbuta ma’ tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, it-tixrid ta’ enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli bħall-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) u l-okkorrenza ta’ dijossini fl-għalf urew il-konsegwenzi tal-użu mhux xieraq ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali fuq is-saħħa pubblika u tal-annimali, is-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf u l-fiduċja tal-konsumatur. Barra minn hekk, kriżijiet bħal dawn jista’ jkollhom ukoll impatt negattiv usa’ fuq is-soċjetà kollha, permezz tal-impatt tagħhom fuq il-qagħda soċjo-ekonomika tal-bdiewa u tas-settur industrijali kkonċernat u fuq il-fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali. It-tifqigħat tal-mard jista’ jkollhom ukoll konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent, mhux biss minħabba l-problemi ta’ rimi li jinħolqu, iżda wkoll fir-rigward tal-bijodiversità.

(2)      Il-prodotti sekondarji tal-annimali jinħolqu prinċipalment matul il-qtil tal-annimali għall-konsum mill-bniedem, matul il-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali bħall-prodotti tal-ħalib, u matul ir-rimi ta’ annimali mejtin u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard. Irrispettivament mis-sors tagħhom, dawn joħolqu riskju potenzjali għas-saħħa pubblika u tal-annimali u għall-ambjent. Ir-riskju għandu jiġi kkontrollat b’mod adegwat, jew billi dawn il-prodotti jiġu ddirezzjonati lejn mezz sikur ta’ rimi jew billi jintużaw għal għanijiet differenti, sakemm jiġu applikati kondizzjonijiet stretti li jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa involuti.

[…]

(5)      Ir-regoli tas-saħħa Komunitarji għall-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, it-trattament, it-trasformazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu stipulati f’qafas koerenti u komprensiv.

(6)      Dawn ir-regoli ġenerali għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jinħoloq minn prodotti sekondarji tal-annimali meta jiġu indirizzati mill-operaturi fi stadji differenti tul il-katina mill-ġbir għall-użu jew ir-rimi tagħhom. Ir-regoli għandhom iqisu wkoll ir-riskji għall-ambjent maħluqa matul dawn l-operazzjonijiet. Il-qafas Komunitarju għandu jinkludi regoli tas-saħħa fuq it-tqegħid fis-suq, inklużi l-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, fejn xieraq.

[…]

(11)      L-għanijiet ewlenin tar-regoli dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, jiġifieri l-kontroll tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u l-ħarsien tas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf għandhom jiġu stipulati b’mod ċar. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom iwasslu biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

[…]

(36)      Leġiżlazzjoni oħra li daħlet fis-seħħ wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sikurezza fl-ikel [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5], jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 34, p. 319,] ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, u rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35)] u r-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf [ĠU 2005, L 35, p. 1], u li għalihom ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92, rettifika fil-ĠU 2007, L 30, p. 3)] huwa komplementari, tistabbilixxi li l-obbligu primarju ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, immirata biex tħares is-saħħa pubblika u tal-annimali, huwa tal-operaturi tan-negozji alimentari u tal-għalf. B’konformità ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-operaturi li jwettqu attivitajiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu wkoll prinċipalment responsabbli li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dak l-obbligu għandu jiġi ċċarat u speċifikat aktar fir-rigward tal-mezzi li permezz tagħhom tiġi żgurata t-traċċabbiltà, bħalma huma l-ġbir u l-indirizzar separati ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. […]”

4        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Suġġett”:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf.”

5        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘prodotti sekondarji mill-annimali’ tfisser iġsma jew partijiet ta’ annimali, jew prodotti li ġejjin mill-annimali, li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi ooċiti, embrijuni u semen;

(2)      ‘prodotti derivati’ tfisser prodotti miksuba minn trattament, trasformazzjoni jew grad ta’ ipproċessar wieħed jew aktar ta’ prodotti sekondarji mill-annimali;

[…]

(11)      ‘operatur’tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom taħt il-kontroll attwali tagħhom prodott sekondarju li ġej mill-annimali jew prodott derivat, inklużi t-trasportaturi, l-kummerċjanti u l-utent;

[…]

(13)      ‘stabbiliment’ jew ‘impjant’ tfisser kwalunkwe post fejn titwettaq operazzjoni li tinvolvi l-immaniġġar tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għajr il-bastimenti tas-sajd;

[…]”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Punt tat-tluq fil-katina tal-manifattura u obbligi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Malli l-operaturi jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huma għandhom jidentifikawhom u jiżguraw li jindirizzawhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. (il-punt tat-tluq).

2.      L-operaturi, waqt l-istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom.”

7        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Kategorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-prodotti sekondarji mill-annimali għandhom jiġu kkategorizzati f’kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġej minn dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali, skont il-listi stabbiliti fl-Artikoli 8, 9 u 10.”

8        L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, relattiv għall-“Materjal tal-Kategorija 3”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

(a)      karkassi u partijiet minn annimali maqtula jew, fil-każ ta’ kaċċa, iġsma jew partijiet minn annimali maqtula, u li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali;

(b)      karkassi u l-partijiet li ġejjin li joriġinaw jew minn annimali maqtula f’biċċerija u kkunsidrati xierqa għal-qtil għall-konsum mill-bniedem wara ispezzjoni ante-mortem jew iġsma u l-partijiet li ġejjin ta’ annimali minn kaċċa maqtula għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja:

(i)      karkassi jew iġsma u partijiet minn annimali li jitwarrbu bħala mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda li ma wrewx xi sinjali ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali;

(ii)      irjus ta’ tjur tal-irziezet;

(iii)      ġlud, inklużi bċejjeċ minnhom, qrun u saqajn, inklużi l-għadan tal-karpu u l-metakarpu, l-għadam tal-falanġi, tat-tarsus u l-metatarsus, ta’:

–        annimali għajr dawk li jixtarru li jeħtieġu l-ittestjar għall-[enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli]; u

–        annimali li jixtarru li ġew ittestjati b’riżultat negattiv skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat‑22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289)];

(iv)      lanżit tal-ħanżir;

(v)      rix;

[…]”

9        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 3”, jipprovdi li:

“Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu:

[…]

(d)      jiġi pproċessat, ħlief fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3 li jkun inbidel minħabba dekompożizzjoni jew taħsir b’mod li, permezz ta’ dak il-prodott, jippreżenta riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, u jintuża:

(i)      għall-manifattura ta’ għalf għal annimali tat-trobbija għajr għal annimali tal-pil, bil-ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 31, ħlief fil-każ ta’ materjal imsemmi fl-Artikolu 10(n), (o) u (p);

[…]”

10      It-titolu II ta’ dan ir-regolament, dwar il-“[o]bbligi tal-operaturi”, jinkludi l-Artikoli 21 sa 43 ta’ dan tal-aħħar.

11      L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġbir u l-identifikazzjoni fir-rigward tal-Kategorija u tat-trasport ”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi għandhom jiġbru, jidentifikaw u jġorru prodotti sekondarji tal-annimali mingħajr dewmien bla bżonn b’kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali.”

12      L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Approvazzjoni ta’ stabbilimenti jew impjanti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi għandhom jiggarantixxu li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti, fejn dawn l-istabbilimenti jew impjanti jwettqu xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew aktar:

[…]

(i)      il-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali;

[…]”

13      Skond l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1069/2009:

“Ir-Regolament [Nru 1774/2002] huwa b’dan imħassar b’effett mill‑4 ta’ Marzu 2011.”

14      L-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Miżura transitorja” huwa fformulat kif ġej:

“L-istabbilimenti, impjanti u utenti approvati jew reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel l‑4 ta’ Marzu 2011 għandhom jitqiesu bħala approvati jew reġistrati, kif meħtieġ, skont dan ir-Regolament.”

 Iddritt Ġermaniż

15      L-Artikolu 1 tat-Tierische-Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal‑25 ta’ Jannar 2004 (BGB1.2004 I, p. 82), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TierNebG”), jipprovdi:

“Din il-liġi hija intiża li timplimenta r-[Regolament Nru 1069/2009], kif ukoll l-atti legali tal-Komunità jew tal-Unjoni Ewropea li japplikaw b’mod dirett, adottati skont jew biex jeżegwixxu dan ir-regolament.”

16      Skont l-Artikolu 12(1) u (2) tat-TierNebG:

“1.      L-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tar-regolamenti adottati abbażi tagħha, kif ukoll ordnijiet eżekuttivi mogħtija skont l-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, f’din il-liġi jew f’regolament adottat abbażi tagħha, huma mistħarrġa mill-awtorità kompetenti […]

2.      L-awtorità kompetenti tista’ tagħti, każ b’każ, l-ordnijiet neċessarji għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi kif ukoll tar-regolamenti adottati abbażi tagħha. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll wara r-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament [Nru 1069/2009] jew wara li tingħata approvazzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 1069/2009].”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      Fl‑10 ta’ Novembru 2004, A. kiseb approvazzjoni għall-impjant tiegħu ta’ pproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 li jinsab fil-belt ta’ A, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1774/2002, li kien jipprevedi l-obbligu, għall-impjanti ta’ pproċessar tal-Kategorija 3, li jiksbu tali approvazzjoni.

18      Matul is-sena 2016, waqt kontroll imwettaq f’maħżen operat minn A. fil-belt ta’ B, uffiċjali tad-Distrett ta’ Jerichower Land ikkonstataw li kontejners tat-trasport li kien fihom skart ta’ karkassi u fdalijiet ta’ laħam tal-annimali li jaqgħu taħt il-Kategorija 3 msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 kienu mqiegħda f’semitrejler mgħammar b’apparat li jkessaħ. Huma osservaw ukoll li xi karkassi kienu fi stat ta’ dekompożizzjoni, li l-art tal-maħżen kienet koperta b’likwidi li kien fihom dud u li kienu ġejjin minn kontejners, u li, fl-irkejjen tal-maħżen, kien hemm eskrementi tal-ġrieden u tal-firien.

19      L-uffiċjali tad-Distrett ta’ Jerichower Land ikkonstataw li t-trasport u l-ħażna ta’ dan il-materjal tal-Kategorija 3 kienu jseħħu kif ġej. L-ewwel nett, il-kontejners kienu jinġabru mingħand il-produtturi u ttrasportati b’ħames vetturi fil-maħżen li jinsab fil-belt ta’ B. Sussegwentement, f’dan il-maħżen, il-kontejners kienu jitgħabbew direttament fis-semitrejler li jkessaħ, mingħajr ma jiġi pproċessat il-kontenut tagħhom. Il-kontejners kienu b’hekk jibqgħu fis-semitrejler għal sagħtejn bħala regola ġenerali, tul ta’ żmien li madankollu seta’, f’ċerti każijiet partikolari, jilħaq tmien sigħat. Wara l-ġbir tal-kontejners tat-trasport kollha, dawn kienu jiġu ttrasportati minn trakk mgħammar b’semitrejler li jkessaħ sal-impjant ta’ pproċessar operat minn A. fil-belt ta’ A. Għal dak li jirrigwarda l-kontejners, li ma kinux impermeabbli, fil-parti l-kbira tagħhom kienu reċipjenti għall-iskart konvenzjonali (240 litru) u kontenituri tal-iskart imsejħa “Eurobox” (600 litru).

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2017, meħuda abbażi tal-Artikolu 12(2) tat-TierNebG, id-Distrett ta’ Jerichower Land ipprojbixxa lil A. milli jaħżen prodotti sekondarji tal-annimali fil-maħżen tiegħu tal-belt ta’ B, minħabba li din il-kumpannija ma kellhiex awtorizzazzjoni għal dan l-għan, fis-sens tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009.

21      Wara lment mingħajr suċċess kontra din id-deċiżjoni, A. ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja). Dik il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni, minħabba li l-interruzzjoni ta’ perijodu qasir fl-operazzjoni ta’ trasport, mingħajr ma din l-interruzzjoni tkun marbuta ma’ operazzjoni sabiex dawn il-kontenituri jiġu żvujtati jew mibdula, ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala ħażna ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, fis-sens tal‑Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009.

22      Id-Distrett ta’ Jerichower Land appella mis-sentenza tal-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) quddiem l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen‑Anhalt, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

23      Skont din il-qorti, l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħżin” imsemmi fl-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009, peress li d-deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2017, li permezz tagħha dan id-distrett ipprojbixxa lil A. milli jaħżen prodotti sekondarji tal-annimali fil-maħżen tiegħu tal-belt ta’ B, kienet ibbażata fuq il-fatt li kontenituri li kien fihom prodotti sekondarji tal-annimali, ittrasportati minn trakkijiet, kienu ddepożitati, għal ftit sigħat, f’dan il-maħżen.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament [Nru 1069/2009], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘ħżin’ jinkludi interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport li matulha kontenituri bi prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 jiġu ttrażbordati lejn vettura oħra u maħżuna hemmhekk għal diversi sigħat (mhux iktar minn tmienja), qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant ta’ trasformazzjoni, mingħajr ma l-materjal jiġi pproċessat jew ittrasferit f’kontenituri oħra?”

 Fuq iddomanda preliminari

25      Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħżin” li jirreferi għalih jinkludi l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport, ta’ tul ta’ ftit sigħat li jista’ jdum sa tmien sigħat, li matulu l-kontejners tat-trasport li jkun fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 jiġu ttrażbordati minn vettura għat-trasport għal oħra, qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant tal-ipproċessar, mingħajr ma dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jiġu pproċessati jew ittrasferiti f’kontenituri oħra tat-trasport matul dik l-interruzzjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1069/2009 jipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali fi tliet kategoriji speċifiċi (enumerati 1, 2 u 3) skont il-livell ta’ riskju li dawn jippreżentaw għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Jaqgħu b’mod partikolari taħt il-Kategorija 3 il-materjal li tqies mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala ta’ riskju baxx filwaqt li l-materjal li jaqa’ taħt il-Kategoriji 1 u 2 jippreżentaw riskju għoli għas-saħħa pubblika u tal-annimali, bil-materjal tal-Kategorija 1 indikat bħala dak li jippreżenta l-ogħla riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 41).

27      L-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament, li jimponi l-pussess ta’ approvazzjoni fuq l-operaturi tal-istabbilimenti jew tal-impjanti, li jwettqu waħda mill-attivitajiet li huwa jkopri, li fosthom jinsab, fil-punt (1) tiegħu, il-ħżin tal-prodotti sekondarji tal-annimali, ma japplikax għall-attività tat-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, ReFood, C‑634/17, EU:C:2019:443, punt 42).

28      Peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma għandhiex tali awtorizzazzjoni għall-maħżen li hija topera fil-belt ta’ B, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-punt dwar jekk l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies li tagħmel parti minn dan it-trasport, u għalhekk bil-konsegwenza tan-nuqqas tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni, jew inkella bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħżin” fis-sens tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament ma jiddefinixxix dan il-kunċett u li t-termini tal-Artikolu 24(1)(i) tal-imsemmi regolament ma jippermettux, waħedhom, interpretazzjoni ċara tiegħu.

30      Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet ta’ rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1069/2009, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 4(1) u (2) tiegħu, huma l-operaturi li jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti dderivati, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li għandhom jiżguraw li dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali josservaw ir-regoli tal-imsemmi regolament fl-istadji kollha tal-ġbir, tat-trasport, tal-immaniġġjar, tal-ipproċessar, tal-konverżjoni, tat-trasformazzjoni, tal-ħażna, tat-tqegħid fis-suq, tad-distribuzzjoni, tal-użu u tar-rimi tal-imsemmija prodotti sekondarji tal-annimali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 55).

32      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1069/2009, skont il-premessa 36 tiegħu, jipprevedi r-responsabbiltà primarja tal-operaturi li jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament jiġu osservati sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika u tal-annimali. F’dan ir-rigward, l-operaturi huma obbligati josservaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi regolament li japplikaw għall-attivitajiet tagħhom meta jipproċessaw prodotti sekondarji tal-annimali (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 56).

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 jeżiġi li l-operaturi jittrasportaw il-prodotti sekondarji tal-annimali “mingħajr dewmien bla bżonn” f’kundizzjonijiet li jeskludu r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Minkejja li dan ir-regolament ma jeskludix, fil-prinċipju, il-possibbiltà ta’ interruzzjoni tat-trasport, huwa jipprojbixxi konsegwentement it-tul eċċessiv fit-trasport.

34      Fil-każ ineżami u bla ħsara għal verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jseħħu matul l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport u li huma ma jagħmlux parti mit-trasport li jsir bit-triq fi jew fuq vettura mobbli, iżda jitwettqu f’maħżen. Barra minn hekk, il-materjal tal-Kategorija 3 jinsab regolarment, b’mod organizzat u ppjanat, fil-bini tal-konvenuta fil-kawża prinċipali u dan minħabba deċiżjoni deliberata tagħha, u mhux minħabba interruzzjoni mhux prevista tal-proċess ta’ trasport jew ta’ interruzzjoni intiża sabiex jiġi osservat il-ħin ta’ mistrieħ regolatorju tax-xufier. Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet tar-rinviju jindikaw li, mhux biss il-ħażna fil-maħżen hija frekwenti, iżda wkoll li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma stabbilixxietx proċeduri sabiex tipprevjeni l-kontaminazzjonijiet u tiżgura tindif regolari tal-post, li huwa ta’ natura li joħloq riskju għas-sigurtà tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali.

35      Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet prinċipali mfittxija mir-regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, mill-Artikolu 1 u mill-premessi 2, 5, 6 u 11 tar-Regolament Nru 1069/2009 jirriżulta li dawn l-għanijiet jikkonsistu fil-kontroll b’mod adegwat tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u fil-ħarsien tas-sigurtà tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll li jiġi stabbilit qafas koerenti u komplet ta’ regoli tas-saħħa li huma proporzjonati għar-riskji tas-saħħa li toħloq il-manipulazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali mill-operaturi fid-diversi stadji tal-katina, mill-ġbir tagħhom sal-użu tagħhom jew ir-rimi tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 52).

36      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali jiġu kkontrollati matul l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod adegwat u proporzjonat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 53).

37      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ħżin”, fis-sens tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009, għandu jitqies li jinkludi interruzzjoni tat-trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u t-trażbord tagħhom minn vettura għat-trasport għal oħra, kif ukoll l-eventwali ħatt tagħhom għal ħażna temporanja, sabiex imbagħad jiġu ttrasportati lejn stabbilimenti oħra sabiex jiġu pproċessati sussegwentement. Minn dan isegwi li l-operatur ta’ maħżen li fih jitwettqu tali operazzjonijiet għandu jkollu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.

38      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħżin” li jirreferi għalih jinkludi l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport, ta’ tul ta’ ftit sigħat li jista’ jdum sa tmien sigħat, li matulu l-kontejners tat-trasport li jkun fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 jiġu ttrażbordati minn vettura għat-trasport għal oħra, qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant tal-ipproċessar, mingħajr ma dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jiġu pproċessati jew ittrasferiti f’kontenituri oħra tat-trasport matul dik l-interruzzjoni.

 Fuq lispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-kunċett ta’ “ħżin” li jirreferi għalih jinkludi l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport, ta’ tul ta’ ftit sigħat li jista’ jdum sa tmien sigħat, li matulu l-kontejners tat-trasport li jkun fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 jiġu ttrażbordati minn vettura għat-trasport għal oħra, qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant tal-ipproċessar, mingħajr ma dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jiġu pproċessati jew ittrasferiti f’kontenituri oħra tat-trasport matul dik l-interruzzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top