EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0165

Kawża T-165/22: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2022 – Saure vs Il-Kummissjoni

ĠU C 198, 16.5.2022, p. 64–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 198, 16.5.2022, p. 48–49 (GA)

16.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/64


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2022 – Saure vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-165/22)

(2022/C 198/92)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Hans-Wilhelm Saure (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Partsch, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Frar 2022 li tirrifjuta it-talba tar-rikorrent għal aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni, billi tipproduċi kopji tal-komunikazzjoni kollha tal-Kummissjoni mal-kumpannija AstraZeneca plc jew mas-sussidjarji tagħha, mal-Kanċellerija Federali tal-Ġermanja jew mal-Ministeru Federali għas-Saħħa rigward il-kumpannija Astra Zeneca plc jew is-sussidjarji tagħha mill-1 ta’ April 2020 u b’mod partikolari fir-rigward tal-kwantità ta’ vaċċini Covid-19 offruti minn AstraZeneca plc u d-data tal-kunsinna tagħhom,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1). Ir-rifjut tal-Kummissjoni jikser dik id-dispożizzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent ma huwiex prekluż minn ebda raġuni għal esklużjoni skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Din ir-raġuni għal esklużjoni hija limitata ratione temporis u tapplika biss għal proċeduri legali u konsultazzjonijiet pendenti. Il-proċeduri pendenti fil-Belġju kontra AstraZeneca bin-numru 2021/48/C jikkonċernaw fatti li huma kompletament differenti u li kienu diġà ġew deċiżi permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2021.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent ma huwiex prekluż mir-raġuni għall-esklużjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. L-interess pubbliku fl-iżvelar tad-data personali jipprevali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent ma huwiex prekluż mir-raġuni għall-esklużjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. L-informazzjoni mitluba ma fiha l-ebda sigriet kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/943 (2), peress li hija magħrufa u ma hemm ebda miżuri ta’ kunfidenzjalità xierqa.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

(2)  Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta‘ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1).


Top