Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0136

Kawża T-136/22: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2022 – Hamoudi vs Frontex

ĠU C 198, 16.5.2022, pp. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 198, 16.5.2022, pp. 36–37 (GA)

16.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/52


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2022 – Hamoudi vs Frontex

(Kawża T-136/22)

(2022/C 198/76)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Alaa Hamoudi (It-Turkija) (rappreżentant: F. Gatta, avukat)

Konvenut: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Talbiet

Ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali għandha tordna lill-Frontex tħallsu l-ammont ta’ EUR 250 000 bħala danni morali fir-rigward ta’ kull wieħed miż-żewġ kapijiet ta’ talba. B’mod partikolari, ir-rikorrent jitlob kumpens:

għad-dannu mġarrab minnu bħala riżultat ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu taħt l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 18, 19(1), 19(2) u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) matul u wara l-espulsjoni kollettiva tiegħu mill-Greċja li damet mit-28 sad-29 ta’ April 2020 fil-Baħar Eġew;

għas-sentimenti ta’ inġustizzja u ta’ frustrazzjoni tiegħu bħala konsegwenza tal-fatt li l-awtur jew il-koawtur tal-espulsjoni kollettiva fil-konfront tiegħu fit-28 u fid-29 ta’ April 2020 kien aġenzija tal-Unjoni Ewropea.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li Frontex approvat it-tnedija ta’ Operazzjoni ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri tal-Baħar Eġew bi ksur tal-Artikolu 46(5) tar-Regolament 2019/1896 (1), bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, użu ħażin ta’ poter, u peress li naqset milli taġixxi bid-diliġenza dovuta, ma osservatx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex approva illegalment it-tnedija tal-Operazzjoni ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri tal-Baħar Eġew, bi ksur tal-Artikolu 46(5) tar-regolament fundatur tal-aġenzija, peress li ma eżerċitax id-diskrezzjoni tiegħu sabiex jevalwa l-applikabbiltà stess ta’ din id-dispożizzjoni għas-sitwazzjoni estremament instabbli li kellha tiġi rregolata. Sussidjarjament, id-Direttur Eżekuttiv wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għamel użu ħażin mill-poter tiegħu u naqas mid-dmir ta’ diliġenza fl-aġir tiegħu meta qies li l-Artikolu 46(5) ma kienx applikabbli għas-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata. Iż-żewġ aspetti tad-danni morali ma kinux iseħħu mingħajr l-ommissjoni jew l-aġir illegali attribwibbli lil Frontex.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li Frontex wettqet ommissjoni illegali li tista’ tagħti lok għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, meta naqset milli taġixxi skont l-Artikolu 46(4) tar-Regolament 2019/1896, bi ksur tal-obbligi pożittivi tagħha skont l-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament u l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 18, 19(1), 19(2) u 21 tal-Karta (2), il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u b’użu ħażin ta’ poter u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex b’mod illegali naqas milli jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 46(4) tar-regolament fundatur tal-aġenzija qabel, matul u saħansitra wara l-operazzjoni ta’ pushback tat-28 u tad–29 ta’ April 2020. Sussidjarjament, id-Direttur Eżekuttiv wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għamel użu ħażin mill-poter tiegħu, u naqas mid-dmir ta’ diliġenza fl-aġir tiegħu, meta qies li l-Artikolu 46(4) ma kienx applikabbli għas-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata. Iż-żewġ aspetti tad-danni morali ma kinux iseħħu mingħajr l-ommissjoni illegali kkontestata min-naħa ta’ Frontex.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li Frontex wettqet att illegali li tista’ tagħti lok għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, f’dak li jirrigwarda l-operazzjoni ta’ pushback tat-28 u tad–29 ta’ April 2020, permezz tal-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent taħt l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 6, 18,19(1), 19(2) u 21 tal-Karta.

L-espulsjoni kollettiva illegali tar-rikorrent fit-28 u fid-29 ta’ April 2020 hija attribwibbli lil Frontex, li hija “l-awtur reali” tagħha, peress li din ġiet eżegwita b’mod konformi mal-Pjan Operattiv legalment vinkolanti tal-Operazzjoni ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri tal-Baħar Eġew, imħejji mid-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex. Sussidjarjament, Frontex hija responsabbli abbażi tal-assistenza u tal-għajnuna tagħha fit-twettiq tal-espulsjoni kollettiva illegali eżegwita fit-28 u fid–29 ta’ April 2020. Iż-żewġ aspetti tad-danni morali ma kinux iseħħu mingħajr l-aġir illegali kkontestata tal-aġenzija.


(1)  Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.

(2)  ĠU 2012, C 326, p. 391.


Top