EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0451

Kawża C-451/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-7 ta’ Lulju 2022 – RTL Nederland BV u RTL Nieuws BV; parti oħra: Minister van Infrastructuur en Waterstaat

ĠU C 380, 3.10.2022, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 380/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-7 ta’ Lulju 2022 – RTL Nederland BV u RTL Nieuws BV; parti oħra: Minister van Infrastructuur en Waterstaat

(Kawża C-451/22)

(2022/C 380/06)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RTL Nederland BV, RTL Nieuws BV

Parti oħra fil-proċedura: Minister van Infrastructuur en Waterstaat

Domandi preliminari

1)

X’tifsira għandha tingħata lil “dettalji tal-okkorrenzi” u “kunfidenzjalità” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (1) u fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem?

2)

Fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 11 tal-Karta u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa kompatibbli ma’ regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ebda informazzjoni rċevuta wara okkorrenzi nnotifikati ma tista’ tiġi ppubblikata?

3)

Jekk għat-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tapplika sistema ġenerali nazzjonali ta’ żvelar li abbażi tagħha l-informazzjoni ma tiġix żvelata sakemm l-iżvelar tagħha ma jkunx jipprevali fuq l-interessi involuti minħabba, pereżempju, ir-relazzjonijiet ma’ Stati oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, l-ispezzjoni, il-kontroll u s-sorveljanza minn awtoritajiet amministrattivi, ir-rispett tal-ħajja privata u l-fatt li għandu jiġi evitat li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jiġu vantaġġati jew żvantaġġati b’mod sproporzjonat?

4)

Jagħmel differenza, fl-applikazzjoni tas-sistema ġenerali nazzjonali ta’ żvelar, il-fatt li l-informazzjoni tkun inkluża fid-database nazzjonali jew meħuda minn rapporti, jew tkun dwar dawn ir-rapporti, u tkun tinsab f’dokumenti oħra, bħal pereżempju dokumenti ta’ gwida?


(1)  ĠU 2014, L 122, p. 18.


Top