Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0392

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-29 ta’ Frar 2024.
    X vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Riskji ta’ trattament inuman jew degradanti – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 3(2) – Portata tal-obbligi tal-Istat Membru li talab it-teħid lura tal-applikant mill-Istat Membru responsabbli u li jixtieq jipproċedi għat-trasferiment tal-applikant lejn dan l-aħħar Stat Membru – Prinċipju ta’ fiduċja reċiproka – Mezzi u livell ta’ prova tar-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, li jirriżulta minn nuqqasijiet sistemiċi – Prattiki ta’ ritorn lura sommarju (pushback) lejn pajjiż terz u ta’ detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera.
    Kawża C-392/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:195

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    29 ta’ Frar 2024 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Riskji ta’ trattament inuman jew degradanti – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 3(2) – Portata tal-obbligi tal-Istat Membru li talab it-teħid lura tal-applikant mill-Istat Membru responsabbli u li jixtieq jipproċedi għat-trasferiment tal-applikant lejn dan l-aħħar Stat Membru – Prinċipju ta’ fiduċja reċiproka – Mezzi u livell ta’ prova tar-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, li jirriżulta minn nuqqasijiet sistemiċi – Prattiki ta’ ritorn lura sommarju (pushback) lejn pajjiż terz u ta’ detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera”

    Fil-Kawża C‑392/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

    X

    vs

    Staatsecretaris van Justitie en Veiligheid,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal X, minn A. Khalaf, advocaat,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, A. Van Baelen M. Van Regemorter, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová kif ukoll M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. G. Pintus, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn L. Grønfeldt u G. Wils, sussegwentement minn G. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar iċ-ċaħda, ta’ dan tal-aħħar, ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn X fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Skont il-premessi 3, 20, 32 u 39 tar-Regolament Dublin III:

    “(3)

    . Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, qabel li jaħdem biex jistabbilixxi s-SEKA, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (“il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), biex hekk ikun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura għal persekuzzjoni, jiġifieri, li jinżamm il-prinċipju ta’ non-refoulement. F’dan ir-rigward, u mingħajr ma jintlaqtu l-kriterji ta’ responsabbiltà preskritti f’dan ir-Regolament, Stati Membri, li kollha jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, jitqiesu bħala pajjiżi siguri għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    […]

    (20)

    . Id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tiġi applikata skont il-prinċipju bażiku li persuni m’għandhomx jiġu detenuti fuq il-bażi unika li huma qiegħdin ifittxu l-protezzjoni internazzjonali. Id-detenzjoni għandha tkun għal perjodu qasir kemm jista’ jkun, u soġġetta għall-prinċipji tan-neċċessita u l-proporzjonalità. B’mod partikolari, id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tkun skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Il-proċeduri previsti minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ persuna detenuta għandhom jiġu applikati bħala kwistjoni ta’ prijorita’, fl-iqsar skadenzi possibbli. Fir-rigward tal-garanziji ġenerali li jirregolaw id-detenzjoni, kif ukoll il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni, fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 96)] ukoll għal persuni detenuti abbażi ta’ dan ir-Regolament.

    […]

    (32)

    . Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    […]

    (39)

    . Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil- [Karta]. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-asil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-Karta kif ukoll tad-drittijiet rikonoxxuti taħt l-Artikoli 1. 4. 7, 24 u 47 tiegħu. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun implimentat kif meħtieġ.”

    4

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

    2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

    Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

    Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

    […]”

    5

    L-Artikolu 5(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “1.   Biex jiffaċilita l-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant. L-intervista għandha tippermetti wkoll li tinftiehem tajjeb l-informazzjoni mogħtija lill-applikant skont l-Artikolu 4.

    2.   L-intervista personali tista’ ma ssirx jekk:

    […]

    (b)

    wara li jkun irċieva l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 l-applikant ikun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli b’mezz ieħor. L-Istat Membru li ma jagħmilx l-intervista għandu jagħti l-opportunità lill-applikant li jippreżenta l-informazzjoni kollha li tkun rilevanti biex jiġi determinat l-Istat Membru responabbli qabel ma tittieħed deċiżjoni li l-applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1).

    […]

    3.   L-intervista personali għandha ssir fi żmien xieraq u, f’kull każ, qabel tittieħed xi deċiżjoni biex applikant ikun trasferit lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1).”

    6

    Skont l-Artikolu 21 tal-istess regolament:

    “1.   Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.

    […]

    3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, it-talba li jittieħed inkarigu minn Stat Membru ieħor għandha ssir billi tintuża formola standard u tinkludi prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi relevanti mid-dikjarazzjoni tal-applikant, li jagħmlu possibbli għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jikkontrollaw jekk hux responsabbli fuq il-bażi tal-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

    […]”

    7

    L-Artikolu 22 tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej:

    “[…]

    2.   Fil-proċedura biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali għandhom ikunu użati.

    3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi, u tirrevedi perjodikament, żewġ listi, li juru l-elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali relevanti skont il-kriterji stabbiliti fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu. […]

    […]

    (b) Evidenza ċirkostanzjali:

    (i)

    Dan jirreferi għal elementi indikattivi li filwaqt li jistgħu jkunu konfutati jistgħu jkunu suffiċjenti, f’ċerti każijiet, skont il-valur evidenzjarju li jingħatalhom;

    […]

    4.   Ir-rekwiżit ta’ prova m’għandux jeċċedi dak li hu meħtieġ għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament.

    5.   Jekk m’hemmx prova formali, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu jekk ix-xhieda ċirkostanzjali tkun koerenti, verifikabbli u ddettaljata suffiċjentement biex tistabbilixxi responsabbiltà.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    X huwa ċittadin Sirjan. Huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Polonja fid-9 ta’ Novembru 2021.

    9

    Sussegwentement, huwa daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-21 ta’ Novembru 2021, u ppreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-aħħar Stat Membru l-għada.

    10

    Fl-20 ta’ Jannar 2022, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab lir-Repubblika tal-Polonja tieħu r-responsabbiltà lura tar-rikorrent fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III. Fl-1 ta’ Frar 2022, dan l-aħħar Stat Membru laqa’ din it-talba skont l-Artikolu 18(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2022, is-Segretarju tal-Istat ma ħax inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn X fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li r-Repubblika tal-Polonja kienet responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni, u ċaħad l-argumenti invokati minn X sabiex topponi t-trasferiment tiegħu.

    12

    X adixxa r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors kontra din id-deċiżjoni, intiż sabiex tinkiseb il-projbizzjoni tat-trasferiment tiegħu lejn il-Polonja. Fl-istess ħin, huwa talab li dan it-trasferiment jiġi pprojbit sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar dan ir-rikors, u dan ingħatalu.

    13

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tar-rikors tagħha, X issostni, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Pollakki kisru d-drittijiet fundamentali tiegħu.

    14

    F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi l-affermazzjonijiet tagħha li huwa kien is-suġġett ta’ rinviju qasir tliet darbiet (“pushback”) lejn il-Bjelorussja wara d-dħul tiegħu fit-territorju Pollakk, fosthom darba billejl. Huwa jgħid li finalment irnexxielu jidħol fil-Polonja ma’ żewġ membri tal-familja tiegħu, fis-7 ta’ Novembru 2021, u baqa’ fil-bosk qabel ma nqabad u ġie kkonsenjat lill-gwardji tal-fruntiera. Huwa jżid li, waqt dan is-soġġorn fil-bosk, il-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu kienu saru insostenibbli. Huwa kien ta l-kunsens tiegħu għat-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu taħt it-theddida li jintbagħat lura lejn il-Bjelorussja u fuq il-pariri ta’ organizzazzjoni, peress li ma kienx jaf li dan il-fatt kien ekwivalenti għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’din l-okkażjoni, huwa rċieva dokumenti bil-lingwa Pollakka u dokument bl-Għarbi li kien fihom informazzjoni dwar ir-Regolament Dublin III, iżda ma bbenefikax mill-assistenza ta’ interpretu. X jiddikjara li sussegwentement tqiegħed f’detenzjoni għal madwar ġimgħa fiċ-ċentru tal-gwardji tal-fruntieri, bħall-applikanti l-oħra kollha għal protezzjoni internazzjonali, fejn kien suġġett għal trattament ħażin ħafna, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ ikel u l-assenza ta’ kwalunkwe kontroll mediku. X sostna li huwa ma ppreżentax ilment quddiem l-awtoritajiet Pollakki dwar dan it-trattament ħażin minħabba li dawn kienu ġew imposti fuqu minn dawn l-awtoritajiet stess.

    15

    X jindika biża’ li d-drittijiet fundamentali tiegħu jinkisru mill-ġdid jekk jiġi ttrasferit lejn il-Polonja.

    16

    Fit-tieni lok, X issostni li l-qrati Pollakki ma humiex indipendenti.

    17

    X sostna l-affermazzjonijiet tiegħu permezz tad-dikjarazzjonijiet tiegħu stess kif ukoll permezz ta’ rapporti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III. Huwa invoka wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-qrati nazzjonali.

    18

    Filwaqt li tibbaża ruħha fuq rapporti minn sorsi awtorevoli, li hija tiċċita, u fuq dokumenti uffiċjali, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-attitudni ta’ diversi Stati Membri li tikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli jidħlu fit-territorju tagħhom u dikjarazzjonijiet li jinvolvu l-Istati Membri kollha intiżi għall-prevenzjoni tal-emigrazzjoni lejn it-territorju tagħhom. Hija tqis li teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, din l-attitudni u dawn id-dikjarazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u l-Karta, li l-osservanza tagħha hija l-bażi tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil. B’mod iktar preċiż, hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-prattiki ta’ ritorn lura sommarju fil-fruntieri.

    19

    Il-qorti tar-rinviju tindika li tali prattiki jmorru kontra l-obbligu li tiġi pproċessata kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jimminaw il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka kif ukoll il-funzjonament ta’ din is-sistema, fost oħrajn għaliex għandhom l-effett li jinkoraġġixxu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jevitaw l-Istati Membri li jużawha.

    20

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata turi li r-Repubblika tal-Polonja kisret b’mod sistematiku, għal diversi snin, diversi drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi billi tagħmel ritorni sommarji, akkumpanjati regolarment minn użu ta’ vjolenza, u billi żżomm sistematikament u taħt kundizzjonijiet ikklassifikati bħala “terribbli” liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu illegalment fit-territorju tagħha.

    21

    Id-dikjarazzjonijiet ta’ X dwar ir-ritorni sommarji li kien is-suġġett tagħhom, li l-kredibbiltà tagħhom ma ġietx ikkontestata mis-Segretarju tal-Istat, huma konsistenti ma’ din l-informazzjoni.

    22

    Din il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ li ksur strutturali tad-drittijiet fundamentali jseħħ fi Stat Membru fil-konfront ta’ applikant jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’mod ġenerali, l-awtorità kompetenti għandhiex tastjeni milli tieħu deċiżjoni ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru jew jekk il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jibqax japplika b’mod sħiħ.

    23

    Jekk deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tittieħed, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni ta’ ksur sistematiku u ġġeneralizzat tad-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz mill-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru rikjedenti jistax xorta waħda jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka sabiex jevalwa s-sitwazzjoni tal-applikant wara t-trasferiment tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

    24

    Hija tirrileva li mill-punt 82 tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218), u mill-premessa 32 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-osservanza, minn Stat Membru, tal-obbligi tiegħu skont is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil ma hijiex limitata għall-perijodu sussegwenti għat-trasferiment ta’ applikant u lanqas għall-Artikolu 4 tal-Karta.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li, fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru rikjedenti ma jkunx jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, ikun konċepibbli tibdil fir-rigward tal-oneru tal-prova.

    26

    B’mod konkret, fil-każ ta’ ksur sistematiku u ġeneralizzat minn Stat Membru tad-drittijiet fundamentali, anki minbarra dawk iggarantiti fl-Artikolu 4 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tipprevedi tnaqqis fil-livell ta’ prova meħtieġ mill-applikant, minn naħa, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar ksur tad-drittijiet fundamentali u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riskji potenzjali fil-każ ta’ trasferiment. Hija tikkunsidra wkoll, f’dan ir-rigward, inverżjoni tal-oneru tal-prova. Għalhekk, jista’ jkun li huwa l-Istat Membru rikjedenti li għandu jelimina kull dubju serju dwar ir-riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, jew tad-drittijiet fundamentali kollha tiegħu, fir-rigward ta’ dan l-applikant fil-każ ta’ trasferiment, b’analoġija mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) dwar ir-riskji mġarrba fil-pajjiż ta’ oriġini.

    27

    Barra minn hekk, hija tal-fehma li l-Istat Membru rikjedenti jista’ jitlob garanziji individwali lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli dwar kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati, it-tkomplija tal-proċedura ta’ ażil kif ukoll l-assenza ta’ detenzjoni mingħajr bażi legali u, anki, tista’ tissorvelja l-osservanza tal-garanziji miksuba.

    28

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-applikant jesponi b’mod plawżibbli li huwa ma għandux il-possibbiltà effettiva li jippreżenta rikors fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu wara trasferiment eventwali u jistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ dan il-fatt.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Bois-le-Duc) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fid-dawl tal-premessi 3, 32 u 39 tiegħu u moqri flimkien mal-Artikoli 1, 4, 18, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas 26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin”) għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati huwa indiviżibbli b’tali mod li ksur serju u sistematiku tad-dritt tal-Unjoni, imwettaq qabel it-trasferiment mill-Istat Membru probabbilment responsabbli fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li (għadhom) ma humiex is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn taħt dan l-istess regolament, jipprekludi b’mod assolut trasferiment lejn dan l-Istat Membru?

    2)

    Jekk id-domanda preċedenti tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin moqri flimkien mal-Artikoli 1, 4, 18, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-Istat Membru eventwalment responsabbli jikser b’mod serju u sistematiku d-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment taħt ir-Regolament Dublin ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati iżda għandu jneħħi kull dubju jew jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li r-rikorrent mhux ser jitqiegħed, wara t-trasferiment, f’sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

    3)

    Liema huma l-provi li r-rikorrent għandu jipproduċi insostenn tal-argumenti tiegħu li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin jipprekludi t-trasferiment tiegħu u liema livell ta’ prova għandu jkun applikabbli f’dan ir-rigward? Fid-dawl tar-riferimenti li r-Regolament ta’ Dublin jagħmel għall-acquis tal-Unjoni fil-premessi tiegħu, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment għandu obbligu ta’ kooperazzjoni u/jew obbligu ta’ verifika jew, fil-każ ta’ ksur serju u sistematiku tad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huwa neċessarju li jinkisbu mill-Istat Membru responsabbli garanziji individwali li d-drittijiet fundamentali tar-rikorrent (effetivament) ser jiġu rrispettati wara t-trasferiment? Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk ir-rikorrent ma jkunx jista’ jsostni d-dikjarazzjonijiet konsistenti u ddettaljati tiegħu permezz ta’ dokumenti, meta, fid-dawl tan-natura ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, dan ma jkunx jista’ jiġi mistenni minnu?

    4)

    Ir-risposta għad-domandi preċedenti magħmula fit-tielet domanda tkun differenti jekk l-applikant jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li lmenti quddiem l-awtoritajiet u/jew użu ta’ rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru responsabbli mhux ser ikunu possibbli u/jew effettivi?”

    Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa

    30

    Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa, konformement mal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    31

    Filwaqt li esponiet li hija ordnat miżura provviżorja li permezz tagħha hija pprojbixxiet it-trasferiment tal-applikant lejn il-Polonja sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-regolarità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, din il-qorti ssostni li l-kawża prinċipali tqajjem problema importanti li tirrigwarda l-prinċipji tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, jiġifieri dik marbuta mal-prattiki fil-qosor ta’ rinviju u ta’ detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istati Membri bl-għan li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali huma kkonfrontati b’mod dejjem jikber b’din il-problema, b’tali mod li l-utilità tad-deċiżjoni preliminari li għandha tingħata tmur lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża prinċipali. Għalhekk, in-natura ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tiġġustifika li dan ikun is-suġġett ta’ proċedura mħaffa.

    32

    L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata kemm jista’ jkun malajr.

    33

    F’dan il-każ, fid-19 ta’ Lulju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatriċi u lill-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

    34

    Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari ma tiddependix min-natura tat-tilwima fil-kawża prinċipali, bħala tali, iżda miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali rispettivi tal-kawża kkonċernata, li għandhom jistabbilixxu l-urġenza straordinarja li tingħata deċiżjoni dwar id-domandi magħmula (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 27 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Issa, iċ-ċirkustanza li l-kawża tirrigwarda aspett jew diversi aspetti essenzjali tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, ma tikkostitwixxix raġuni li tistabbilixxi urġenza straordinarja, neċessarja sabiex tiġġustifika trattament b’mod imħaffef. L-istess japplika għall-fatt li numru kbir ta’ persuni huma potenzjalment ikkonċernati mid-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Fuq it-talba għar-rinviju tal-kawża quddiem l-Awla Manja u għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura

    36

    Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet, fit-13 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Awwissu ta’ wara, ir-rinviju ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Awla Manja u jissuġġerixxi, fil-każ ta’ tali rinviju, il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura.

    37

    Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tat-23 ta’ Awwissu 2023.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 60(1) tar-Regoli tal-Proċedura, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi l-kulleġġ ġudikanti li lilu għandha tiġi rrinvijata kawża, bil-kundizzjoni li rinviju quddiem l-Awla Manja ikun ġie mitlub, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minn Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipaw fil-proċedura. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 60(3), hija biss l-evalwazzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li quddiemu ġiet irrinvijata kawża li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura din il-kawża lil kulleġġ ġudikanti ikbar.

    39

    Issa, f’dan il-każ, ir-rinviju quddiem l-Awla Manja ntalab mir-rikorrent fil-kawża prinċipali u ebda element ma jiġġustifika r-rinviju quddiem kulleġġ ġudikanti ikbar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat is-suġġeriment tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ippreżentat fil-każ li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem l-Awla Manja, li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura. Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura jibqgħu, fi kwalunkwe każ, issodisfatti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    40

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema interpretazzjoni għandha tingħata lir-Regolament Dublin III, b’mod partikolari lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tiegħu, fil-każ ta’ ksur serju u sistematiku tad-dritt tal-Unjoni mwettaq fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ wieħed minn dawn iċ-ċittadini qabel it-trasferiment eventwali tiegħu lejn dan l-Istat Membru. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi jekk tali ksur huwiex ta’ natura li jikkontesta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri sal-punt li jipprekludi dan it-trasferiment, jew tal-inqas jekk dan jimplikax li l-Istat Membru rikjedenti li jixtieq iwettaq l-imsemmi trasferiment jiżgura li, fil-każ ta’ trasferiment, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkonċernat ma jkunx espost għal riskju ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta.

    41

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi jikkonċernaw sitwazzjoni li fiha applikant isostni li l-Istat Membru responsabbli jagħmel ritorni sommarji lejn il-fruntieri esterni tiegħu (pushback) kif ukoll għal detenzjonijiet fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera tiegħu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin ifittxu li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, prattiki li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jgħid li ġarrab huwa stess.

    42

    Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jipproċedi, fir-rigward ta’ tali ċittadini li jfittxu li jippreżentaw tali applikazzjoni fil-fruntiera tiegħu, għal ritorni sommarji kif ukoll għal detenzjonijiet fil-postijiet tal-fruntiera tiegħu jipprekludix it-trasferiment ta’ dan iċ-ċittadin lejn dan l-Istat Membru.

    43

    Għandu jitfakkar li, id-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom, kif ukoll fil-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġifieri d-dinjità tal-bniedem, li tinkludi b’mod partikolari il-projbizzjoni tat-trattamenti inumani jew degradanti (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’ Interno et (Fuljett Komuni – Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑315/21, C‑297/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali peress li jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Għaldaqstant, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, u b’mod partikolari tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi preżunt li t-trattament irriżervat lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ikunu ttrattati, fil-każ li jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, b’mod li jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    B’hekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, jipprevedi li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji li jwasslu għall-konvinzjoni li l-applikant ikun sejjer jesponi ruħu għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal tali protezzjoni f’dan l-Istat Membru.

    48

    F’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fl-Istat Membru responsabbli, li jikkonsistu f’ritorni sommarji lejn il-fruntieri esterni u f’detenzjonijiet fil-punti ta’ bejn il-fruntieri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jixtiequ jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li jkun irnexxielhom jippreżentaw tali applikazzjoni, iżda wkoll l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil, peress li r-ritorn lura sommarju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi ostakolu għall-bidu ta’ din il-proċedura.

    49

    Il-qorti tar-rinviju tqis li r-realtà ta’ tali prattiki hija kkonfermata minn informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u debitament aġġornata

    50

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prattiki ta’ ritorni sommarji lejn il-fruntieri esterni tal-Unjoni, li jwasslu għall-esklużjoni mit-territorju tal-Unjoni ta’ persuni li jixtiequ li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li jwarrbu minn dan it-territorju lil persuni li jkunu ppreżentaw tali applikazzjoni mad-dħul fl-imsemmi territorju, qabel ma din l-applikazzjoni tkun is-suġġett tal-eżami previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn jiksru l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    51

    Din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna l-aċċess għall-proċedura intiża għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u tagħmel parti mir-regoli leġiżlattivi tal-Unjoni li jikkonkretizzaw id-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta li jinkiseb l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali meta l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jkunu ssodisfatti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 192). L-imsemmija dispożizzjoni timplika li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandu d-dritt li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż fil-fruntieri ta’ Stat Membru, billi juri r-rieda tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali quddiem waħda mill-awtoritajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Dan id-dritt għandu jiġi rrikonoxxut lilu, anki jekk ikun qed jirrisjedi irregolarment f’dan it-territorju u jkunu xi jkunu l-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ tali applikazzjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni qabel applikazzjoni għall-ażil), C‑823/21, EU:C:2023:504, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 31 u 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, prassi ta’ ritorn lura sommarju tippreġudika dan l-element fundamentali tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil sa fejn tipprekludi l-eżerċizzju tad-dritt li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, konsegwentement, l-iżvolġiment, skont il-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tal-proċedura li tikkonsisti fit-tressiq u fl-eżami ta’ tali applikazzjoni.

    53

    Jekk hija tikser, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, prassi ta’ ritorn lura sommarju tista’, barra minn hekk, tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement. Kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament Dublin III, dan il-prinċipju, li abbażi tiegħu ħadd ma jista’ jintbagħat lura fil-post fejn jirriskja mill-ġdid li jiġi ppersegwitat, huwa ggarantit, bħala dritt fundamentali, fl-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevre, kif ukoll fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija–Kannabis terapewtika), C-69/21, EU:C:2022:913, punt 55). Għalhekk, prassi ta’ ritorn lura sommarju tippreġudika l-imsemmi prinċipju biss jekk din tikkonsisti fir-ritorn lura ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu li jippreżentaw, fl-Unjoni, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz li fit-territorju tiegħu huma jsofru r-riskju msemmi iktar ’il fuq.

    54

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prattika ta’ detenzjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, il-premessa 15 tad-Direttiva 2013/33, kif ukoll il-premessa 20 tar-Regolament Dublin III, ifakkru l-prinċipju li ħadd ma għandu jinżamm f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa japplika għal protezzjoni internazzjonali.

    55

    Fid-dawl tal-gravità tal-indħil fid-dritt għal-libertà li jirriżulta minn miżura ta’ detenzjoni u fid-dawl tal-importanza ta’ dan id-dritt, is-setgħa rrikonoxxuta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jżommu f’detenzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija strettament limitata. Miżura ta’ detenzjoni għalhekk tista’ tiġi ordnata jew estiża biss b’osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Barra minn hekk, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jinżamm f’detenzjoni skont is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil meta miżura inqas koerċittiva tkun tista’ tiġi applikata b’mod effikaċi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 78).

    57

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li prattiki, bħal dawk ikkonstatati f’dan il-każ, ta’ ritorn lura sommarju u ta’ detenzjoni għal punti ta’ qsim tal-fruntiera huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u jikkostitwixxu nuqqasijiet serji fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti. Madankollu, minn dan ma jirriżultax neċessarjament li dawn in-nuqqasijiet jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi prekluż it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru li fih jeżistu dawn il-prattiki.

    58

    Skont din id-dispożizzjoni, huma biss in-nuqqasijiet “sistemiċi” li “jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal- [Karta]”, tagħmilha impossibbli li jsir tali trasferiment.

    59

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk in-nuqqasijiet ikkonstatati għadhomx preżenti fil-Polonja u jekk jikkonċernawx, b’mod ġenerali, il-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza applikabbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew, tal-inqas, għal ċerti gruppi ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali meħuda fl-intier tagħhom, bħall-grupp ta’ persuni li jfittxu li jiksbu protezzjoni internazzjonali wara li jkunu qasmu jew ippruvaw jaqsmu l-fruntiera bejn il-Polonja u l-Bjelorussja.

    60

    Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, dawn in-nuqqasijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “sistematiċi”, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li n-nuqqasijiet li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni jiġu assimilati man-nuqqasijiet sistemiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218 punt 90).

    61

    Fil-każ kuntrarju, ikun meħtieġ li jiġi konkluż li din l-ewwel kundizzjoni stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. F’dan l-aħħar każ, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix it-trasferiment tal-applikant lejn l-Istat Membru responsabbli.

    62

    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta li jirriżulta minn nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk nuqqasijiet sistemiċi jwasslux għal riskju li l-persuna kkonċernata tkun esposta għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta.

    63

    F’dan ir-rigward, hija għandha teżamina, minn naħa, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li, fil-każ ta’ trasferiment, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien qiegħed jgħaddi minn riskju reali li jerġa’ jiġi ttrasportat lejn il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarussja u li jkun suġġett għal ritorn lura sommarju lejn il-Bjelorussja eventwalment ippreċedut minn detenzjoni fuq il-fruntiera u, min-naħa l-oħra, jekk tali miżuri jew tali prattiki kinux se jesponuh għal sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tippermettilux li jissodisfa l-bżonnijiet l-iktar bażiċi tiegħu, bħal b’mod partikolari dawk li jiekol, li jinħasel u li jgħix, u li jippreġudika s-saħħa fiżika jew mentali tiegħu jew li tpoġġih fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem, billi tpoġġih f’sitwazzjoni tant gravi li tista’ tiġi ekwiparata ma’ trattament inuman jew degradanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, rispettivament punti 85 u 87, kif ukoll 91 sa 93).

    64

    Waqt din l-evalwazzjoni, is-sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija dik li fiha l-applikant ikkonċernat jirriskja li jsib ruħu waqt it-trasferiment jew wara t-trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 85, 8788, kif ukoll tat-30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’ Interno et (Fuljett Komuni –Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punti 134135), u mhux dik li kien fiha meta inizjalment daħal fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

    65

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ipproċeda, fir-rigward ta’ tali ċittadini li jfittxu li jippreżentaw tali applikazzjoni fil-fruntiera tiegħu, b’ritorni lura sommarji kif ukoll b’detenzjonijiet bejn il-punti tal-fruntiera tiegħu ma jipprekludix minnu nnifsu t-trasferiment ta’ dan iċ-ċittadin lejn dan l-Istat Membru. It-trasferiment tal-imsemmi ċittadin lejn l-imsemmi Stat Membru huwa madankollu eskluż jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li huwa kien qiegħed, waqt it-trasferiment jew sussegwentement għalih, f’riskju reali li jkun suġġett għal tali prattiki u li dawn huma, skont iċ-ċirkustanzi li huma l-awtoritajiet kompetenti u l-qorti eventwalment adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment li għandhom jevalwaw, li jistgħu jqegħduh f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema ta’ gravità tali li tista’ tiġi ekwiparata ma’ trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta.

    Fuq it-tielet domanda

    66

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens, l-ewwel, li l-Istat Membru li talab it-teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru responsabbli u li jixtieq jittrasferixxi dan l-applikant lejn dan l-aħħar Stat Membru għandu, qabel ma jkun jista’ jwettaq dan it-trasferiment, jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha pprovduta lilu mill-imsemmi applikant, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ riskju reali li jkun suġġett, waqt it-trasferiment jew wara t-trasferiment, għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4, it-tieni nett, li huwa għandu jikkoopera fl-istabbiliment tal-fatti u/jew jivverifika l-veraċità tagħhom u, it-tielet nett, li, fil-każ ta’ ksur serju u strutturali tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru responsabbli, huwa għandu jitlob lil dan tal-aħħar jipprovdi garanziji individwali tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-imsemmi ċittadin fil-każ ta’ trasferiment.

    67

    Fir-rigward tal-livell u tas-sistema ta’ prova li tippermetti li tiskatta l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, hemm lok, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet partikolari f’din id-dispożizzjoni, li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet ġenerali u għall-istruttura ta’ dan ir-regolament.

    68

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax ruħu li jistabbilixxi regoli organizzattivi li jirregolaw biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, iżda ddeċieda li jassoċja ma’ dan il-proċess l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, billi obbliga lill-Istati Membri jinformawhom bil-kriterji ta’ responsabbiltà u joffrulhom l-opportunità li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 51).

    69

    Fil-fatt, qabelxejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-intervista individwali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III, kif ukoll l-eventwali appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, għandhom jippermettu lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali jippreżenta l-elementi fil-pussess tiegħu.

    70

    Skont l-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament Dublin III, l-intervista personali hija intiża b’mod partikolari sabiex tiffaċilita l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Din l-intervista għandha ssir f’waqtha u, fi kwalunkwe każ, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment.

    71

    Sussegwentement, mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-applikant għandu jkollu l-possibbiltà li “jippreżenta l-[…] informazzjoni kollha li tkun rilevanti biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli”.

    72

    Minn dan isegwi li l-applikant għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jipprovdi kull prova jew kull indizju rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 22(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

    73

    Barra minn hekk, l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-imsemmija provi jew l-imsemmija indizji, iżda wkoll l-elementi rilevanti l-oħra meħuda mid-dikjarazzjoni tal-applikant li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jivverifikaw jekk huwiex responsabbli fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fl-imsemmi regolament.

    74

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 22(4) u (5) ta’ dan l-istess regolament jippreċiża, minn naħa, li r-rekwiżit tal-prova ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, li, fin-nuqqas ta’ prova formali, l-Istat Membru rikjest jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu jekk ix-xhieda tkun koerenti, verifikabbli u ddettaljata biżżejjed sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà.

    75

    Mill-elementi rrilevati fil-punti 68 sa 74 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma impona ebda rekwiżit f’dak li jikkonċerna n-natura u s-saħħa probatorja tal-informazzjoni li l-applikant jista’ jippreżenta fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, b’mod partikolari sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ motivi serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li se jkun f’riskju reali kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ trasferiment lejn Stat Membru responsabbli.

    76

    Konsegwentement, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti mill-applikant sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta, li hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru responsabbli sabiex jipproċedi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jevalwa, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, u fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, il-veraċità tan-nuqqasijiet invokati. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 90 kif ukoll tat-30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’ Interno et (Fuljett Komuni – Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punt 136).

    77

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, l-Istati Membri huma obbligati li ma jittrasferixxux applikant lejn l-Istat Membru responsabbli meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin jitolbu ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jemmen li l-applikant se jkun f’riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 94, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 85). Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-Istat Membru responsabbli li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jkollu jieħu inkunsiderazzjoni, fuq inizjattiva tiegħu stess, informazzjoni rilevanti li jkun jaf biha sabiex jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

    78

    Minn dan isegwi li l-Istat Membru responsabbli għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, minn naħa, jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li jipprovdilu dan tal-aħħar, b’mod partikolari fir-rigward tal-eventwali eżistenza ta’ riskju ta’ pproċessar kuntrarju għall-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ ta’ trasferiment ta’ dan iċ-ċittadin. Dan l-ewwel Stat Membru għandu, min-naħa l-oħra, jikkoopera fl-istabbiliment tal-fatti billi jevalwa l-veraċità ta’ dan ir-riskju, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, u fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ billi tittieħed inkunsiderazzjoni, fuq inizjattiva tiegħu stess, l-informazzjoni rilevanti li huwa ma jistax ma jkunx jaf fir-rigward ta’ eventwali nuqqasijiet sistemiċi tal-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli.

    79

    Fil-każ li tali nuqqasijiet jiġu stabbiliti u jikkostitwixxu raġunijiet serji u kkonfermati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ trasferiment, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jinsab f’riskju reali ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 4 tal-Karta, l-Istat Membru responsabbli għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandu, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, ikompli bl-eżami tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi indikat bħala responsabbli.

    80

    Madankollu, qabel ma jikkonkludi li jeżisti riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti fil-każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru li jixtieq jipproċedi bit-trasferiment jista’ jfittex li jikseb garanziji individwali li jkunu suffiċjenti sabiex jeskludi dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 8384).

    81

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li r-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-Istat Membru li talab it-teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru responsabbli u li jixtieq jittrasferixxi lil dan l-applikant lejn dan l-aħħar Stat Membru għandu, qabel ma jkun jista’ jwettaq dan it-trasferiment, jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li jipprovdilu l-imsemmi applikant, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ riskju reali li jkun suġġett, fil-mument jew wara l-imsemmi trasferiment, għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4:

    l-Istat Membru li jixtieq jagħmel it-trasferimentgħandu jikkoopera fl-istabbiliment tal-fatti u/jew jivverifika l-veraċità tagħhom;

    dan l-Istat Membru għandu jastjeni milli jwettaq dan it-trasferiment fil-każ ta’ raġunijiet serji u kkonfermati li wieħed jemmen li jeżisti riskju reali ta’ tali trattamenti fil-każ ta’ trasferiment,.

    l-imsemmi Stat Membru li jixtieq jipproċedi bit-trasferiment jista’ madankollu jfittex li jikseb mill-Istat Membru responsabbli garanziji individwali u, jekk tali garanziji huma pprovduti u jidhru kemm kredibbli kif ukoll suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, jipproċedi bit-trasferiment.

    Fuq ir-raba’ domanda

    82

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkunx influwenzata mill-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunx jista’, jew ma jkunx jista’, b’mod effettiv, jadixxi lill-awtoritajiet u jippreżenta rikorsi fl-Istat Membru responsabbli.

    83

    Għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-ewwel waħda tagħti lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha huma jkunu ġew aditi. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li trid tittieħed, li għandha tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2023, Fedasil, C‑140/22, EU:C:2023:965, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    84

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża li tkun adita biha, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C 391/20, EU:C:2022:638, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    F’dan l-aħħar rigward, għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑12/04, C‑11/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 46, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ April 2011, Debiasi, C‑613/10, EU:C:2011:266, punt 22).

    86

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tesponix bil-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ id-diffikultajiet li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jiltaqa’ magħhom fil-każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli.

    87

    Barra minn hekk, hija lanqas ma tesponi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija tistabbilixxi rabta bejn id-diffikultajiet sabiex jiġi ppreżentat rimedju effettiv f’dan l-Istat Membru wara t-trasferiment ta’ applikant u l-livell ta’ prova meħtieġ minnu fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu dwar il-fatti li huwa jinvoka insostenn tal-allegazzjoni tiegħu li huwa ser ikun f’riskju ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 4 tal-Karta fil-każ ta’ trasferiment lejn l-imsemmi Stat Membru minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fil-proċedura ta’ ażil jew fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza.

    88

    Minn dan isegwi li r-raba’ domanda hija ammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    89

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-fatt li l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ipproċeda, fir-rigward ta’ tali ċittadini li jfittxu li jippreżentaw tali applikazzjoni fil-fruntiera tiegħu, b’ritorni lura sommarji kif ukoll b’detenzjonijiet bejn il-punti tal-fruntiera tiegħu ma jipprekludix minnu nnifsu t-trasferiment ta’ dan iċ-ċittadin lejn dan l-Istat Membru. It-trasferiment tal-imsemmi ċittadin lejn l-imsemmi Stat Membru huwa madankollu eskluż jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li huwa kien qiegħed, waqt it-trasferiment jew sussegwentement għalih, f’riskju reali li jkun suġġett għal tali prattiki u li dawn huma, skont iċ-ċirkustanzi li huma l-awtoritajiet kompetenti u l-qorti eventwalment adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment li għandhom jevalwaw, li jistgħu jqegħduh f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema ta’ gravità tali li tista’ tiġi ekwiparata ma’ trattament inuman jew degradanti, ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

     

    2)

    Ir-Regolament Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-Istat Membru li talab it-teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru responsabbli u li jixtieq jittrasferixxi lil dan l-applikant lejn dan l-aħħar Stat Membru għandu, qabel ma jkun jista’ jwettaq dan it-trasferiment, jieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li jipprovdilu l-imsemmi applikant, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ riskju reali li jkun suġġett, fil-mument jew wara l-imsemmi trasferiment, għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4,

    l-Istat Membru li jixtieq jagħmel it-trasferiment għandu jikkoopera fl-istabbiliment tal-fatti u/jew jivverifika l-veraċità tagħhom;

    dan l-Istat Membru għandu jastjeni milli jwettaq dan it-trasferiment fil-każ ta’ raġunijiet serji u kkonfermati li wieħed jemmen li jeżisti riskju reali ta’ tali trattamenti fil-każ ta’ trasferiment;.

    l-imsemmi Stat Membru jista’ madankollu jfittex li jikseb mill-Istat Membru responsabbli garanziji individwali u, jekk tali garanziji huma pprovduti u jidhru kemm kredibbli kif ukoll suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, jipproċedi bit-trasferiment.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top