This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0536
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 28 September 2023.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2023.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2023.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:721
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑28 ta’ Settembru 2023 (1)
Kawża C-536/22
MW,
CY
vs
VR Bank Ravensburg-Weingarten eG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali – Direttiva 2014/17/UE – Rimbors antiċipat tal-kreditu – Regolament nazzjonali li jipprevedi kumpens inkluż il-lucrum cessans tal-kreditur – Metodu ta’ kalkolu tal-lucrum cessans – Terminazzjoni tal-kuntratt qabel ir-rimbors”
1. Skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17/UE (2), il-konsumaturi għandhom id-dritt ta’ likwidazzjoni tal-obbligi kollha jew parti minnhom li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu relatat ma’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali, qabel id-data ta’ skadenza tiegħu.
2. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi dwar il-portata tat-tnaqqis (favur il-konsumatur) tal-ispiża totali tal-kreditu, inerenti għal-likwidazzjoni antiċipata tal-obbligi tiegħu (3).
3. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tindirizza għall-ewwel darba (sakemm mhux qiegħed niżbalja) il-parti l-oħra tal-ekwazzjoni: id-dritt ta’ kreditur li jirċievi kumpens “ġust u oġġettiv, fejn ġustifikat” għall-ispejjeż possibbli marbuta direttament mar-rimbors antiċipat tal-kreditu.
I. Il-liġi applikabbli
A. Id‑dritt tal‑Unjoni. Id‑Direttiva 2014/17
4. Il-premessa 66 tindika li:
“Il-kapaċità ta’ konsumatur li jħallas lura l-kreditu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu jista’ jkollha rwol importanti fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tgħin biex tipprovdi l-flessibbiltà matul il-ħajja tal-kuntratt ta’ kreditu neċessarja għall-promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. […] L-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw, kemm jekk permezz tal-liġi kif ukoll permezz ta’ mezzi oħrajn bħal klawsoli kuntrattwali, li l-konsumaturi għandhom id-dritt għal ħlas lura antiċipat. […] Il-kundizzjonijiet stipulati mill-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens ekwu u oġġettivament iġġustifikat għall-ispejjeż potenzjali direttament marbutin mall-ħlas lura antiċipat tal-kreditu. F’każijiet fejn Stati Membri jipprevedu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens, tali kumpens għandu jkun kumpens ekwu u oġġettivament iġġustifikat għall-ispejjeż potenzjali direttament marbutin mal-ħlas lura antiċipat tal-kreditu f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-kumpens. Il-kumpens m’għandux jeċċedi t-telf finanzjarju tal-kreditur.”
5. Skont l-Artikolu 25:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi dak il-kuntratt. F’tali każijiet, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, b’tali tnaqqis ikun jikkonsisti fl-imgħax u l-ispejjeż għat-tul ta’ żmien li jkun baqa’ tal-kuntratt.
2. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-tħaddim tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt, trattament differenti skont it-tip tar-rata tal-imgħax tas-self jew skont il-mument li fih il-konsumatur iħaddem id-dritt, jew restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jiġi jitħaddem id-dritt.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens ġust u oġġettiv, fejn ġustifikat, għall-ispejjeż possibbli marbuta direttament mar-ripagament antiċipat tal-kreditu iżda m’għandhomx jimponu penali fuq il-konsumatur. F’dak ir-rigward, il-kumpens m’għandux jaqbeż it-telf finanzjarju tal-kreditur. Filwaqt li jitħarsu dawk il-kundizzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-kumpens ma jistax jaqbeż ċertu livell jew ikun permess biss għal ċertu perijodu ta’ żmien.
4. Fejn konsumatur ifittex li jeħles mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi l-kuntratt, il-kreditur għandu jagħti lill-konsumatur mingħajr dewmien wara li jkun irċieva t-talba, bil-miktub jew b’mezz dejjiemi ieħor, l-informazzjoni meħtieġa biex jikkunsidra din l-alternattiva. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas tikkwantifika l-implikazzjonijiet għall-konsumatur tal-ħelsien mill-obbligi tiegħu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu u tistipula b’mod ċar kwalunkwe preżunzjoni użata. Kwalunkwe preżunzjoni użata għandha tkun raġonevoli u ġustifikabbli.
5. Fejn il-ħlas lura antiċipat isir f’perjodu meta r-rata tal-imgħax tas-self tkun fissal-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi soġġett għall-eżistenza ta’ interess leġittimu min-naħa tal-konsumatur.”
B. Id‑dritt nazzjonali
6. Diversi dispożizzjonijiet tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż; iktar ’il quddiem il-“BGB”), huma rilevanti f’din il-kawża, b’mod partikolari, l-Artikoli 252 (“Lucrum cessans”); 490 (“Dritt straordinarju għax-xoljiment tal-kuntratt”), fil-punt 2 tiegħu; 500 (“Dritt ta’ min jissellef għax-xoljiment; ħlas lura antiċipat”), fil-punt 2 tiegħu; 502 (“Kumpens għal ħlas lura antiċipat”), u 812 (“Dritt għal ħlas lura”).
II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari
7. Fil‑11 ta’ Jannar 2019, MW u CY ikkonkludew kuntratt ta’ self immobiljari ma’ VR Bank Ravensburg-Weingarten eG (iktar ’il quddiem “VR Bank”), għax-xiri ta’ beni immobbli sabiex joqogħdu fih. Huma qablu dwar rata fissa tas-self sat‑30 ta’ Jannar 2029.
8. Skont il-kuntratt, matul il-perijodu tar-rata fissa, il-persuna li tissellef setgħet tillikwida l-obbligi tagħha biss b’mod antiċipat billi turi interess leġittimu.
9. Il-klawżoli tal-kuntratt kienu jinkludu:
– VR Bank għandu dritt għal kumpens għad-dannu li jirriżulta minn dan fil-każ ta’ ħlas lura antiċipat tas-self. Il-kalkolu ta’ dan id-dannu huwa bbażat fuq il-metodu msejjaħ attiv-passiv, meqjus ammissibbli mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) (4).
– Min jissellef għandu jħallas kummissjoni ġusta għall-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħlas lura antiċipat tas-self.
10. Fid‑19 ta’ Mejju 2020, MW u CY biegħu l-beni immobbli (akkwistat fis-sena preċedenti) (5) u xoljew il-kuntratt ta’ self b’effett mit‑30 ta’ Ġunju 2020.
11. Fid‑9 ta’ Ġunju 2020, VR Bank talab lil MW u lil CY kumpens, bħala danni għal ħlas lura antiċipat tal-kreditu, li huma kienu ħallsu.
12. Fid‑19 ta’ April 2021, MW u CY talbu lil VR Bank ir-rimbors tal-kumpens għall-ħlas lura antiċipat. Din hija wkoll it-talba tagħhom fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.
13. Skont ir-rikorrenti, VR Bank ma kellux dritt jikseb kumpens, peress li l-kuntratt ta’ self ma kienx jipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar il-kalkolu tiegħu. Barra minn hekk, skont id-Direttiva 2014/17, il-kumpens jista’ jkopri biss l-ispejjeż realment iġġenerati, u mhux l-interessi mitlufa jew il-lucrum cessans sostnut mill-kreditur. Kalkolu ipotetiku skont formuli matematiċi finanzjarji huwa wkoll inammissibbli.
14. VR Bank oppona għal din it-talba billi sostna li:
– Il-kuntratt jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa legalment.
– L-ammont tal-kumpens huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fil-każ ta’ xoljiment iġġustifikat ta’ self b’ipoteka fuq proprjetà immobbli. Skont din il-ġurisprudenza, il-kreditur għandu dritt għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta direttament mir-rimbors antiċipat jekk, f’dak il-mument, ikunu dovuti interessi minn min jissellef b’rata fissa ta’ self.
– Meta jagħtu s-self, il-banek ta’ spiss ikunu obbligati jiffinanzjaw lilhom innifishom mill-ġdid u jidħlu f’impenji fit-tul għal din ir-raġuni. Il-fatt li l-kreditur jista’ jirtira mill-kuntratt fi kwalunkwe mument, mingħajr ma jikkumpensa d-danni kkawżati mix-xoljiment tiegħu, iwassal għal żieda kunsiderevoli fl-ispiża tas-self iggarantit b’ipoteka, peress li dan ir-riskju issa huwa integrat fil-prezz.
15. Huwa f’dan il-kuntest li l-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-kunċett ta’ ‘kumpens ġust u oġġettiv […] għall-ispejjeż possibbli marbuta direttament mar-ripagament antiċipat tal-kreditu’ fl-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens ikopri wkoll it-telf ta’ profitt tal-kreditur, b’mod partikolari l-ħlas ta’ interessi futuri bħala konsegwenza tal-ħlas antiċipat?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17/UE, jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-qligħ tal-kreditur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tat-telf tal-profitt tiegħu li jirriżulta mill-investiment mill-ġdid ta’ kreditu għall-konsumaturi marbut ma’ proprjetà immobbli li ġie rrimborsat b’mod antiċipat u, fl-affermattiv, liema huma dawn id-dispożizzjonijiet?
B’mod partikolari:
a) Fir-rigward tal-kalkolu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-mod li bih il-kreditur effettivament juża l-ammont irrimborsat b’mod antiċipat?
b) Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tawtorizza lil kreditur jikkalkola l-kumpens għal rimbors antiċipat abbażi ta’ investiment mill-ġdid fittizju f’titoli siguri tas-suq tal-kapital b’maturità identika (metodu msejjaħ attiv-passiv)?
3) Il-każ li fih konsumatur l-ewwel ixolji kuntratt ta’ kreditu għall-konsumaturi marbut ma’ proprjetà immobbli abbażi ta’ dritt għal xoljiment previst mil-leġiżlatur nazzjonali qabel ir-rimbors antiċipat tal-kreditu lill-kreditur, jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17/UE?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Awwissu 2022.
17. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn VR Bank, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea. Iż-żamma ta’ seduta ma ġietx ikkunsidrata indispensabbli.
IV. Analiżi
18. Id-Direttiva 2014/17 tistabbilixxi “qafas komuni għal ċerti aspetti ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti li jkopru l-kreditu għal konsumaturi ggarantit b’ipoteka jew b’mod ieħor rigward proprjetà immobbli residenzjali […]” (6).
19. B’xi eċċezzjonijiet, l-armonizzazzjoni prevista mid-Direttiva 2014/17 hija minima. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha:
– għal aspetti rregolati b’mod uniformi, din tippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet li joffru iktar protezzjoni lill-konsumatur (7);
– għal aspetti oħra, hija tirrikonoxxi setgħat leġiżlattivi lil-leġiżlatur nazzjonali, billi l-ewwel u qabel kollox taċċetta l-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni uniformi.
20. Taħt it-titolu “Ħlas lura antiċipat”, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 jiggarantixxi lill-konsumatur il-possibbiltà li jeħles mill-obbligu kuntrattwali qabel iż-żmien miftiehem. Din is-setgħa, madankollu, ma hijiex inkundizzjonata u lanqas ma hija ħielsa mill-ħlas ta’ kumpens: fost dawn tal-aħħar jista’ jinstab il-kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż potenzjali kkawżati direttament mir-rimbors antiċipat tal-kreditu.
21. Huwa essenzjali għall-Istati Membri li jipprevedu d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-kreditu fir-rigward ta’ proprjetà immobbli residenzjali, bi tnaqqis sussegwenti (favurih) tal-ispiża totali ta’ dan il-kreditu. Id-Direttiva 2014/17 tistabbilixxi l-kunċetti li fuqhom japplika dan it-tnaqqis.
22. Madankollu, id-Direttiva 2014/17 nnifisha ma tiggarantixxix id-dritt tal-kreditur għall-kumpens għad-danni kkawżati lilu mir-rimbors antiċipat. Hija tillimita ruħha li tippermetti lil kull leġiżlatur nazzjonali li jistabbilixxi dan id-dritt u li jirregolah, billi tiżgura l-kundizzjonijiet tiegħu (8). Madankollu, jekk id-dispożizzjoni nazzjonali tippermetti dan, il-kumpens ser ikollu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet minimi stabbiliti mid-Direttiva 2014/17 innifisha.
A. L-ewwel domanda preliminari
23. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kumpens ġust u oġġettiv għall-ispejjeż eventwali marbuta direttament mar-rimbors antiċipat jinkludix ukoll il-lucrum cessans tal-kreditur (9). Hija tinkludi, f’dan ir-rigward u b’mod partikolari, l-interessi li l-kreditur kien qiegħed jittama li jirċievi fil-futur u li baqa’ ma rċeviex (10).
24. Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2014/17 ma tipprekludix il-kalkolu tal-kumpens billi jitqiesu dawn l-interessi, u dan jimplika li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari. Fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, ser ninterpreta, għal dan il-għan, l-Artikolu 25(3) ta’ din id-direttiva skont il-kriterji ermenewtiċi normali.
1. Il‑kriterju letterali
25. L-approssimazzjoni inizjali tat-test (11) tista’ tqajjem ċerti dubji:
– L-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17 jirreferi għall-kumpens tal-ispejjeż. Skont il-punt 1 tiegħu (li juża l-konġunzjoni “u” bejn “imgħax” u “spejjeż”), il-kunċett ta’ spejjeż ifisser xi ħaġa differenti minn dak tal-imgħax.
– Dan it-test isemmi l-ispejjeż eventwali marbuta mar-rimbors antiċipat. L-interessi dovuti fin-nuqqas ta’ tali ħlas lura ma jkollhomx in-natura ta’ spejjeż, peress li, b’konsegwenza ta’ dan, huma jkunu neċessarjament mitlufa.
– L-Artikolu jkopri l-ispejjeż marbuta direttament mar-rimbors. Jista’ jiġi sostnut li huma biss dawk li jikkorrispondu għal tranżazzjonijiet konkreti, imwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jamministraw din il-ħlas lura, li huma tali (12).
26. Madankollu, ma naħsibx li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17 tmur kontra t-teżi li jiena qiegħed nipproponi.
27. Il-kunċett ta’ “spejjeż” jew ta’ “infiq” użat minn din id-direttiva (13), la huwa preċiż u lanqas ma jindika kontenut univoku (14). Hija tippreżenta, verbatim, l-interessi bħala “spejjeż”, pereżempju fl-Artikolu 14 dwar l-informazzjoni prekuntrattwali (15).
28. Barra minn hekk, jekk fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 l-“ispejjeż” jikkostitwixxu parti mill-“ispiża totali tal-kreditu” għall-konsumatur u, għaldaqstant, l-“ispejjeż” li għandu jħallas (16), “imgħax” huma wkoll “spejjeż” skont id-definizzjoni ta’ “spiża totali tal-kreditu” (17).
29. L-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17 jindika, barra minn hekk, li l-kumpens “m’għandux jaqbeż it-telf finanzjarju tal-kreditur” (18). B’hekk, hija tissuġġerixxi li t-telf tal-interessi futuri għandu jitqies bħala spiża li taqa’ (jew li tista’ taqa’, skont il-każ) fuq il-kreditur bħala riżultat tal-antiċipazzjoni tal-ħlas, u dan jista’ jiġi kkumpensat jekk il-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi hekk.
30. L-użu tal-frażi “spejjez possibbli” lanqas ma jipprekludi li l-lucrum cessans jiġi kkunsidrat bħala parti mill-kumpens dovut lill-kreditur. Dan jieqaf jirċievi l-interessi miftiehma (jiġifieri dawk li, skont il-kuntratt, kienu jitħallsu matul il-perijodu kuntrattwali kollu) wara r-rimbors antiċipat tal-kreditu. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li t-telf tal-interessi jista’ jiġi kklassifikat bħala konsegwenza finanzjarja direttament marbuta mar-rimbors
31. Minn din il-perspettiva, l-affermazzjoni li l-interessi jintilfu b’mod irrimedjabbli, u mhux biss eventwali, hija, b’mod ġenerali, korretta. Madankollu, ma huwiex eskluż li self b’rata varjabbli jieqaf jipproduċi interessi qabel ir-rimbors u indipendentement minnu (f’ċerti ċirkustanzi tas-suq) (19).
32. Jista’ jkun ukoll il-każ li, fil-prattika, ir-rimbors antiċipat tal-kapital ma jikkawżax danni lill-kreditur f’termini ta’ interessi li ma huwiex ser jirċievi, jekk dan tal-aħħar jerġa’ jinvesti l-ammont tiegħu u r-rata tal-interessi applikabbli wara l-investiment mill-ġdid tkun iktar favorevoli għalih. F’dan il-każ, wieħed ma jistax ikun ċert ex ante jekk id-dannu ser isirx jew le.
33. Dikjarazzjonijiet oħra li jinsabu fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 jikkorroboraw il-fatt li l-interessi ma humiex ser jinħabru bħala parti integrali mill-kumpens mingħand il-kreditur, peress li dan ma huwiex limitat għal sempliċi spejjeż ta’ ġestjoni:
– Il-kumpens, li għandu jkun “ġust u oġġettiv”, għandu jkun “ġustifikat” (20): ma huwiex neċessarju li jiġi ppreċiżat jekk dan jikkorrispondix biss għall-ħlas ta’ servizzi (bħall-ġestjoni tar-rimbors) li l-ġustifikazzjoni oġġettiva tagħhom għadha preżenti.
– Il-frażi tal-għeluq “[il-kumpens] ikun permess biss għal ċertu perijodu ta’ żmien”, tirreferi għall-istess ħaġa, peress li l-ispejjeż ta’ ġestjoni tar-rimbors ma jiġux estiżi fiż-żmien.
34. Finalment, it-Taqsima 9 (“Ħlas lura antiċipat”) tal-Parti B, fl-Anness II tal-fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata (FEIN) tad-Direttiva 2014/17, dwar l-informazzjoni li għandu jkollu dan il-fuljett, tipprovdi li “meta l-ammont tal-kumpens ikun jiddependi fuq fatturi differenti” bħar-“rata tal-imgħax prevalenti li tapplika fil-mument tal-ħlas lura antiċipat […]”. Hija tenfasizza li n-nuqqas tad-dħul mill-interessi jikkostitwixxi wieħed mill-elementi ammissibbli għall-kalkolu tal-kumpens.
2. Ħidma preparatorja
35. Waqt ir-reviżjoni tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2014/17, ma sibtx riferimenti għall-kumpens ta’ rimbors antiċipat li kienu intiżi sabiex jarmonizzaw il-metodu ta’ kalkolu tiegħu jew il-kunċetti li jistgħu jiġu kkumpensati. Madankollu, hemm indikazzjonijiet li l-possibbiltà li jiġi inkluż il-lucrum cessans tal-kreditur f’dan il-kumpens ġiet ikkunsidrata.
36. Il-Parlament, fir-rapport tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni, issuġġerixxa li, meta jiġi ffissat il-kumpens, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż għall-kreditur, iżda wkoll l-iffrankar ta’ flus possibbli li r-rimbors jista’ jiġġeneralu (21). Barra minn hekk, fid-dispożittiv, hija introduċiet il-limitu tal-kumpens massimu għat-telf finanzjarju tal-kreditur (22).
37. F’ċerti dokumenti tal-Kunsill, il-kumpens jidher separat mill-“ispejjeż addizzjonali l-oħra”, li l-eżempji tagħhom huma l-ispejjeż amministrattivi jew l-għeluq tal-fajl (23).
38. Barra minn hekk, flimkien mar-regolamentazzjoni possibbli mill-Istati Membri ta’ rimbors antiċipat b’kumpens lill-kreditur għall-ispejjeż li jirriżultaw, il-Kunsill ippreveda rimbors mingħajr ħlas (“free of charge for the consumer”), filwaqt li kkwota bħala eżempju s-self b’rata varjabbli (24). Jidhirli li l-previżjoni hija indikattiva tal-fatt li, għall-Kunsill, il-kumpens seta’ jiġbor flimkien l-interessi li kienu għadhom dovuti mir-rimbors antiċipat.
3. Kriterju teleoloġiku
39. Kif diġà sostnejt, id-Direttiva 2014/17 ma tagħtix, fiha nnifisha, lill-kreditur id-dritt għal kumpens għal rimbors antiċipat tal-kreditu. Id-deċiżjoni li dan jiġi stabbilit jew le, taqa’ f’idejn kull leġiżlatur nazzjonali, iżda li xorta għandu, madankollu, josserva l-għan tal-Artikolu 25 tagħha.
40. Sistema nazzjonali li tipprevedi l-lucrum cessans tal-kreditur waqt l-evalwazzjoni tal-kumpens għar-rimbors antiċipat tista’ tkun, fil-fehma tiegħi, konformi ma’ dan l-għan.
41. Fis-sentenza UniCredit Bank Austria, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li assoċjat id-dritt għal rimbors antiċipat mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/17, moqri flimkien mal-premessa 15 tagħha, fakkret li din id-direttiva hija intiża sabiex il-ftehimiet dwar il-kreditu għall-konsum iggarantiti b’ipoteka jew b’tip ieħor ta’ garanzija fuq proprjetà immobbli għal użu residenzjali “igawdu livell għoli ta’ protezzjoni” (25).
42. Ġie sostnut li l-esklużjoni tal-lucrum cessans tal-kreditur mill-ispejjeż li jistgħu jiġu kkumpensati hija s-soluzzjoni li tipproteġi bl-aħjar mod lill-konsumatur (peress li tneħħi l-ostakli għall-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal rimbors antiċipat) (26). Minn din il-perspettiva, it-tnaqqis tal-interessi u tal-ispejjeż li jġib miegħu d-dritt għal rimbors skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, jipprekludi l-inklużjoni fil-kumpens tal-interessi futuri li ma jibqgħux jinġabru (27).
43. Skont din it-teżi, l-identifikazzjoni tal-lucrum cessans tal-kreditur bil-profittabbiltà li dan tal-aħħar kien jirċievi li kieku l-kuntratt baqa’ fis-seħħ, jista’ jannulla wieħed mill-attrazzjonijiet tad-dritt għar-rimbors antiċipat, jiġifieri l-ekonomija, u jqiegħed inkwistjoni s-sens ta’ dan id-dritt. Mingħajr ġustifikazzjoni speċifika, jew restrizzjonijiet ta’ kwalunkwe natura, tali identifikazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-Direttiva 2014/17.
44. Madankollu, naħseb li din il-pożizzjoni ma hijiex dik li tirriżulta mid-Direttiva 2014/17. Din tal-aħħar, filwaqt li imponiet id-dritt għal rimbors antiċipat (li, bħala tali, ma jistax jiġi kkontestat), ippermettiet lil kull Stat Membru jintegra dan id-dritt fis-sistema ġuridika tiegħu billi jippreżerva l-karatteristiċi partikolari tiegħu u fid-dawl ta’ dawk tas-suq tiegħu tal-kreditu immobiljari (28).
45. Meta, filwaqt li jagħmel użu minn din il-libertà, Stat Membru jirrikonoxxi d-dritt għal kumpens favur il-kreditur, huwa għandu josserva ċerti kundizzjonijiet minimi (29), iżda xejn ma jipprekludih milli jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tiegħu, il-lucrum cessans imġarrab mill-kreditur.
46. Id-Direttiva 2014/17 ma tagħtix definizzjoni għal “kumpens ekwu” (30), frażi li għandha tingħata interpretazzjoni uniformi u li tirreferi kemm għar-“raġuni” kif ukoll għall-“ammont” tal-kumpens. Kif inhu l-każ f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni (31), l-aġġettiv “ġust” applikat għall-kumpens għal rimbors antiċipat tal-kreditu jirreferi kemm għall-kumpens għad-dannu sostnut minn parti, kif ukoll għall-bilanċ bejn l-interessi opposti tal-konsumatur u tal-kreditur:
– Għall-konsumatur, ir-rimbors jinkludi ċerti vantaġġi, peress li jista’ jeħles mill-obbligu kuntrattwali tiegħu permezz ta’ tnaqqis mill-prezz miftiehem.
– Għall-kreditur, huwa possibbli li r-rimbors antiċipat iwassal għal żvantaġġi, peress li huwa għandu mhux biss jamministrah, iżda wkoll jinvesti mill-ġdid il-kapital skont il-prezzijiet il-ġodda tas-suq (jew jassumi, mingħajr iktar dewmien, telf tal-interessi) (32).
47. F’dan il-kuntest, l-inklużjoni tal-lucrum cessans fost l-elementi tal-kumpens tista’ tiffavorixxi l-għanijiet tad-Direttiva 2014/17, li ma humiex limitati biss għar-rieda li jiġi offrut livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi. Għan iddikjarat ieħor huwa li jinħoloq suq intern effiċjenti u kompetittiv għal kuntratti ta’ kreditu relatati ma’ proprjetà immobbli għal użu residenzjali (33), filwaqt li jitqies it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja (34). B’mod konformi mal-premessa 66 tagħha, id-dritt għal rimbors antiċipat huwa strument għas-servizz ta’ dawn il-finijiet (35).
48. Kif spjegajt, ladarba d-dritt għal kumpens jiġi rikonoxxut fi Stat Membru, id-Direttiva 2014/17 toffri firxa wiesgħa ta’ manuvrar bil-għan li tirregola l-eżerċizzju tagħha. B’dan il-mod, hija tippermetti lil dak l-Istat Membru jindirizza l-partikolaritajiet tas-suq tal-kreditu tiegħu, mingħajr ma jmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva nnifisha.
49. Jekk għandux jiġi stabbilit jew le kumpens favur il-kreditur fil-każ ta’ rimbors antiċipat u, jekk iva, sa liema punt, hija deċiżjoni li tista’ twassal, skont il-każ, għal konsegwenzi konsiderevoli. Fil-qasam tal-kreditu immobiljari, predominantement domestiku, dawn il-konsegwenzi jaffettwaw primarjament is-suq u l-ekonomija lokali, iżda l-kapaċità tagħhom ta’ kontaġju f’livelli usa’ ma hijiex eskluża.
50. Quddiem sistema li ma tawtorizzax lill-kreditur li jiġi kkumpensat għat-telf tal-interessi mistennija, huwa konċepibbli li dawn jagħżlu strateġiji li għandhom effetti potenzjalment mhux mixtieqa fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2014/17 (36): għalhekk, il-limitazzjoni tal-firxa ta’ prodotti ta’ kreditu offruti jew l-irkupru ta’ interessi ogħla għall-konsumaturi kollha (37).
51. Meta l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17 jagħti lill-Istati Membri d-deċiżjoni li jistabbilixxu l-kumpens, dan ma jillimitahx minn qabel għall-ispejjeż ta’ ġestjoni tar-rimbors jew għall-ispejjeż amministrattivi oħra li jirriżultaw minn dan. Il-leġiżlatur nazzjonali għalhekk igawdi minn marġni ta’ azzjoni wiesa’, b’tali mod li jista’ jintegra fil-kumpens il-lucrum cessans subit mill-kreditur, jekk iqis li huwa indispensabbli sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, jiġu promossi l-għanijiet tad-Direttiva 2014/17 fis-suq tiegħu tal-proprjetà residenzjali.
4. Kriterju sistematiku. Id‑Direttiva 2008/48
52. Fil-preambolu tagħha, id-Direttiva 2014/17 tfakkar il-ħtieġa għal interpretazzjonijiet konsistenti u komplementari ma’ atti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 2008/48 (38). Għalkemm tindika wkoll limiti għal dan il-kriterju ta’ interpretazzjoni sistematika, l-ebda wieħed ma jirreferi għad-dritt ta’ rimbors antiċipat (39).
53. Id-Direttiva 2008/48 tirrikonoxxi (premessa 39) id-differenza bejn il-kreditu lill-konsumatur u “prodotti oħrajn, li huma finanzjati minn mekkaniżmi ta’ finanzjament għall-perijodu fit-tul, bħal self b’ipoteka b’rata fissa”. Proprju minħabba li dan l-aħħar mudell ta’ finanzjament fit-tul ma huwiex dak tas-soltu fil-krediti tal-konsumatur, il-kumpens massimu lill-kreditur f’każ ta’ rimbors antiċipat ta’ dawn il-krediti għandu jiġi ffissat, bħala regola, b’rata fissa.
54. Fid-Direttiva 2008/48, l-eċċezzjoni għal din ir-regola tikkonferma li l-interessi li ma jibqgħux jinġabru minħabba l-ħlas antiċipat huma (jew jistgħu jkunu) ikkumpensati:
– B’osservanza ta’ limitu massimu, l-Artikolu 16(4)(b) tad-Direttiva 2008/48 jawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu kumpens differenti skont ir-realtà tat-telf imġarrab (40).
– Bħala kriterju għall-konkretizzazzjoni tat-telf, l-istess dispożizzjoni tipprovdi li dan “għandu jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax miftiehma inizzjalment u r-rata ta’ imgħax skond liema l-kreditur jista’ jislef l-ammont imħallas b’mod antiċipat fuq is-suq fil-ħin tar-radd lura antiċipat”.
55. Barra minn hekk, jekk dan huwa l-każ fid-Direttiva 2008/48, jista’ jkun a fortiori fil-kuntest ta’ kreditu fuq proprjetà immobbli (b’garanzija ta’ ipoteka jew ekwivalenti) biex jiġi interpretat l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 (41). Dan jikkonferma li t-telf finanzjarju li jikkorrispondi għall-interessi jista’ jiġi inkluż fost l-ispejjeż potenzjali marbuta mar-rimbors antiċipat tal-kreditu, skont ir-regoli nazzjonali ta’ kumpens.
56. Fil-qosor, jiena tal-fehma li ma hemmx ostakolu sabiex il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprovdi li l-kumpens skont l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17 jieħu inkunsiderazzjoni d-danni marbuta mat-telf ta’ interessi li, wara l-ħlas antiċipat, ma jkunux iktar dovuti.
B. It‑tieni domanda preliminari
57. Fil-każ li (kif qiegħed nipproponi jien) ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17 fihx “dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-qligħ tal-kreditur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-lucrum cessans li jirriżulta mill-investiment mill-ġdid ta’ kreditu għall-konsumaturi marbut ma’ proprjetà immobbli li ġie rrimborsat b’mod antiċipat”.
1. Dwar il‑metodu ta’ kalkolu, inġenerali
58. Id-Direttiva 2014/17 ma ssemmix mod speċifiku għall-kalkolu tal-kumpens dovut lill-kreditur (42). Il-metodu tal-kalkolu (bħal aspetti oħra tal-kumpens, b’ċerti kundizzjonijiet biss li diġà rreferejt għalihom u ser nirrepeti issa) jitħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.
59. Din l-idea hija kkorroborata mill-premessa 66 tad-Direttiva 2014/17, billi tiddikjara li l-kumpens għandu jiġi stabbilit “f’konformità mar-regoli nazzjonali”.
60. Sabiex jiġi stabbilit il-kumpens, id-Direttiva 2014/17 la timponi u lanqas ma tipprojbixxi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod li bih il-kreditur effettivament juża l-ammont imħallas lura b’mod antiċipat (43), jew kwalunkwe metodu ieħor simili, deċiżjonijiet li jiddependu fuq kull Stat Membru.
61. Ir-restrizzjonijiet tad-Direttiva 2014/17 fir-rigward tal-kumpens huma limitati għall-fatt li ma jippenalizzawx lill-konsumatur u ma jeċċedux it-telf finanzjarju tal-kreditur, u li dan ikun “ġust” (44) u “oġġettiv”.
62. Ir-rekwiżit li l-kumpens għandu jkun “oġġettiv” jirreferi għal modalità ta’ kalkolu astratta u predeterminata, li l-parametri tagħha ma jistgħux jiġu ddefiniti kif mixtieq minn waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, dan il-metodu għandu jservi sabiex jiġu identifikati l-każijiet li fihom il-kumpens ma jkunx iġġustifikat (45). Iżda, b’osservanza ta’ dawn il-karatteristiċi, il-kalkolu tal-kumpens permezz ta’ metodu li jinkludi element ipotetiku jista’, fil-fehma tiegħi, ikun għażla li ma tiksirx id-Direttiva 2014/17.
2. Il‑metodu msejjaħ attiv‑passiv skont il‑ġurisprudenza Ġermaniża
63. Skont id-deskrizzjoni tad-digriet tar-rinviju, li jirreferi għall-ġurisprudenza nazzjonali (46), fil-metodu tal-attiv-passiv, id-dannu finanzjarju tal-kreditur jikkorrispondi għad-differenza bejn żewġ ammonti:
– l-interess li kien iħallas il-kreditur li kieku l-kuntratt ġie eżegwit kif miftiehem; u
– il-profittabbiltà li jikseb il-kreditur jekk jinvesti l-ammont antiċipat irċevut f’suq tal-kapital sigur, f’titoli li l-maturità tagħhom hija konsistenti ma’ dik tas-self.
64. Sabiex isir dan il-kalkolu, ma huwiex essenzjali li l-investiment mill-ġdid fih innifsu jkun ikkonkretizza ruħu. Ir-riferiment jittieħed billi jiġi vvalutat id-dħul ta’ investiment bl-istess maturità (47).
65. Barra minn hekk, l-ammont tad-differenza għandu jitnaqqas mill-ispejjeż tar-riskju u l-ispejjeż amministrattivi li ġew iffrankati fid-data tal-ħlas tal-kumpens għall-ħlas antiċipat; dan għandu jiġi skontat sa dik id-data tal-ħlas
66. F’dan il-metodu:
– Il-kalkolu tal-kumpens għandu jsir abbażi tal-kundizzjonijiet tas-suq tal-kapital, stabbiliti b’mod trasparenti, li fuqhom il-kreditur ma jkollux influwenza.
– Il-formula ma tinkludix ammonti għal sanzjoni fuq min jissellef għal rimbors antiċipat.
– Il-kumpens ikkalkolat b’dan il-mod huwa intiż sabiex jibbilanċja t-telf finanzjarju, u għalhekk ma jimponix de facto penali fuq il-konsumatur li jirrimborsa b’mod antiċipat. Jekk ir-rati tal-interess applikati għall-investiment mill-ġdid ikunu ogħla minn dawk miftiehma fil-ftehim ta’ kreditu inizjali, il-kreditur ma għandux ikun intitolat għal kumpens.
67. Madankollu, bħal dawk kollha li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, u bla ħsara għall-evalwazzjoni finali tal-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt, inqis li l-metodu msejjaħ “attiv-passiv” jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi tal-kumpens meħtieġ mid-Direttiva 2014/17.
68. Barra minn hekk, l-imsemmi metodu jixbah lil dak li tuża d-Direttiva 2008/48, fl-aħħar parti tal-Artikolu 16(4) tagħha, għall-kalkolu tat-telf finanzjarju attwali tal-kreditur, meta l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni li jidderogaw, b’mod eċċezzjonali, mill-iskema ta’ limitu massimu b’rata fissa (punt 2 tal-istess artikolu).
69. Fil-fatt, il-kalkolu tal-kumpens lill-kreditur ammess mid-Direttiva 2008/48, dwar il-krediti għall-konsum, jinkorpora, bħall-metodu msejjaħ “attiv-passiv”, element ta’ investiment ipotetiku (u mhux neċessarjament effettiv) tal-ammont imħallas irrimborsat (48). Id-dħul tiegħu fil-qasam tal-kreditu għall-konsum jiffaċilita wkoll l-aċċettazzjoni tiegħu f’kreditu ipotekarju jew b’garanzija ekwivalenti.
C. It‑tielet domanda preliminari
70. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 japplikax f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża ineżami, fejn il-konsumatur, qabel ma jirrimborsa l-kreditu, ixolji l-kuntratt tiegħu abbażi ta’ dritt ta’ terminazzjoni mogħti lilu mill-ordinament ġuridiku nazzjonali.
71. Il-kwistjoni tqum fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li tipprevedi żewġ sitwazzjonijiet ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu f’self b’rata fissa:
– Fl-ewwel waħda, ir-rimbors isegwi x-xoljiment tal-kuntratt mill-kreditur u huwa suġġett għall-kundizzjonijiet tiegħu. Dan jaqa’ taħt l-Artikolu 490(2) tal-BGB, li jagħti lill-konsumatur id-dritt li jxolji l-kuntratt għal raġunijiet eċċezzjonali (49). Id-dispożizzjoni, fil-formulazzjoni attwali tagħha, tipprevali fuq id-Direttiva 2014/17 u ma tissodisfax it-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali.
– Fit-tieni waħda, ir-rimbors ma huwiex il-konsegwenza tax-xoljiment tal-kuntratt; dan japplika irrispettivament minn jekk iseħħx jew le. Ir-regolazzjoni tiegħu tinsab, essenzjalment, fl-Artikoli 500 u 502 tal-BGB, modifikati fl‑2016 għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/17 (50). Il-konsumatur huwa liberu li jħallas bil-quddiem fi kwalunkwe ħin, jekk juri interess leġittimu (51).
72. Il-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ regola jew oħra jvarjaw fir-rigward tal-kumpens imħallas lill-kreditur:
– L-Artikolu 490(2) tal-BGB jipprovdi li min jissellef għandu jikkumpensa lil kreditur għad-dannu li huwa jġarrab wara x-xoljiment antiċipat tal-kuntratt. Il-kalkolu tal-kumpens huwa rregolat mill-prinċipji ġenerali fis-seħħ fil-qasam tad-danni, b’tali mod li, skont l-Artikolu 252 tal-BGB, il-lucrum cessans huwa inkluż ukoll.
– Skont l-Artikolu 502(1) tal-BGB, fil-każ ta’ rimbors antiċipat, il-kreditur jista’ jitlob kumpens raġonevoli għat-telf marbut direttament ma’ dan ir-rimbors. L-elementi li jikkostitwixxu l-kumpens, u kif dan għandu jiġi kkalkolat, huma aspetti li huma deċiżi mil-leġiżlatur nazzjonali, filwaqt li huma suġġetti għal-limiti u għall-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2014/17.
73. L-eżistenza ta’ opinjonijiet dottrinali diverġenti twassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tesprimi dubji dwar jekk l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 jipprevedix ukoll il-ħlas lura tas-self wara x-xoljiment tal-kuntratt irregolat mill-Artikolu 490(2) tal-BGB.
74. Għall-qorti tar-rinviju, “hemm diversi elementi li jindikaw li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 huwa applikabbli wkoll meta l-konsumatur ixolji l-kuntratt skont l-Artikolu 490(2) tal-BGB qabel ma jħallas lura l-kreditu bil-quddiem”.
75. Fin-nuqqas ta’ dan, iżżid tgħid li “ħafna konsumaturi ma jibbenefikawx mid-dritt tagħhom għar-rimbors […]. Jekk il-kumpens għall-ħlas lura antiċipat jiġi kkalkolat b’mod differenti fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ xoljiment antiċipat previst fl-Artikolu 490(2) tal-BGB milli fil-kuntest tal-Artikoli 500 u 502 tal-BGB, ikun ifisser li l-konsumatur li jtemm is-self tiegħu bil-quddiem jista’ jispiċċa agħar mill-konsumatur li jeżerċita d-dritt tiegħu għar-rimbors antiċipat mingħajr ma jipproċedi għax-xoljiment”.
76. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tiġbor fil-qosor li, “l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi li għandu dan id-dritt suġġettiv iwassal biex jidher neċessarju li jiġi applikat ukoll l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17, fil-każ fejn it-terminazzjoni tkun saret qabel ir-rimbors tas-self”.
77. Naqbel mal-argument tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17. Madankollu, għandi r-riżervi tiegħi rigward xi wħud mir-raġunamenti li fuqhom din hija bbażata.
78. B’mod astratt, id-domanda hija dwar jekk kull Stat Membru jistax jaġġusta d-dritt għal kumpens tal-kreditur b’mod differenti (52), skont jekk jassoċjahx jew le mal-eżerċizzju ta’ dritt straordinarju tal-konsumatur li jxolji l-kuntratt.
79. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta fl-affermattiv għal din id-domanda konkreta ma hijiex eskluża. Fi kliem ieħor, argumenti bħal konsumatur jista’ jkun “agħar” (53) minn ieħor minħabba l-użu ta’ waħda mill-possibbiltajiet offruti lilu mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, pjuttost milli mill-alternattiva, ma jidhirlix li huma suffiċjenti sabiex jitnaqqas il-marġni ta’ libertà regolatorja tal-Istati Membri.
80. Dak li huwa neċessarju, fi kwalunkwe każ, huwa li kull għażla tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tosserva l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17, minbarra d-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 2 tagħha.
81. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji li jirregolaw il-kumpens fil-kuntest tal-Artikolu 490(2) tal-BGB (u li jippermettu li jiġi inkluż il-lucrum cessans favur il-kreditur) humiex suġġetti jew le għall-konformità mal-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17, għandha tingħata risposta fl-affermattiv (54).
82. L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 jirrikonoxxi lill-konsumaturi d-dritt li jillikwidaw l-obbligi tagħhom, b’mod parzjali jew totali, mingħajr ma jkollhom jistennew li jiskadu. L-artikolu ma jsemmi xejn dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt: jista’ jiġi purament eżerċitat bħala att materjali ta’ rimbors, jew bħala konsegwenza ta’ setgħa li jxolji l-kuntratt ta’ self.
83. Il-protezzjoni li d-Direttiva 2014/17 tiżgura lill-konsumatur għandha dejjem teżisti, irrispettivament mill-fatt li dan tal-aħħar jagħżel waħda jew oħra minn dawn il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jillikwida minn qabel l-obbligi tiegħu. Tkun xi tkun il-leġiżlazzjoni li l-Istat Membru jistabbilixxi billi jagħmel użu mil-libertà mogħtija lilu mid-Direttiva 2014/17, il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu huwa suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 25(3) tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw, għaldaqstant, kemm jekk ir-rimbors antiċipat isegwi x-xoljiment tal-kuntratt, u kemm jekk le.
84. Ma naħsibx li r-riferiment magħmul fl-Artikolu 25(1) u (4) tad-Direttiva 2014/17 għad-dritt għal rimbors “qabel ma jiskadi” tal-kuntratt isostni l-argument propost mill-VR Bank (55). L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 ma għandux l-għan li jimponi restrizzjonijiet temporanji għall-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumatur li jillikwida minn qabel l-obbligi tiegħu. Dan pjuttost iservi sabiex jiġi enfasizzat li dan id-dritt jipprevali fuq l-iskema normali tal-kuntratti privati, li permezz tagħha ż-żewġ partijiet huma obbligati josservaw dak li ġie miftiehem, u jagħmlu dan fit-termini (anki temporanji) miftiehma.
V. Konklużjoni
85. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) kif ġej:
“L-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
Ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens dovut lill-kreditur, tieħu inkunsiderazzjoni danni marbuta mat-telf tal-interessi li, bħala riżultat tar-rimbors antiċipat tal-kreditu mill-konsumatur, ma jkunux għadhom dovuti.
Ma jipprekludix metodu ta’ kalkolu tal-kumpens lill-kreditur għal rimbors antiċipat tal-kreditu, ibbażat fuq l-investiment mill-ġdid fittizju tal-ammont irrimborsat f’titoli ta’ assigurazzjoni tas-suq tal-kapital li l-maturità tagħhom hija koerenti ma’ dik tas-self.
Dan japplika meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jillikwida minn qabel l-obbligi tiegħu wara li jkun xolja l-kuntratt ta’ kreditu immobiljari.”
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11).
3 Sentenza tad-9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria (C‑555/21, EU:C:2023:78; iktar ’il quddiem is-“sentenza UniCredit Bank Austria”).
4 Dan il-metodu jikkonsisti fil-preżunzjoni li r-riżorsi rrilaxxati bir-rimbors jiġu investiti f’bonds ipotekarji li l-maturità tagħhom tkun konformi ma’ dik tas-self. Fil-kuntest ta’ dan il-kalkolu, id-dannu kkawżat mit-tnaqqis tal-interessi jitqies bħala dannu finanzjarju li jirriżulta mill-ħlas lura antiċipat tas-self. Dan huwa ekwivalenti għad-differenza bejn l-interessi kuntrattwali u r-rendiment tal-bonds ipotekarji li l-maturità tagħhom tikkorrispondi għall-bqija tat-terminu tas-self annullat.
5 Wieħed minnhom, suldat professjonali, kien ġie ttrasferit mill-persuna li tħaddmu.
6 Artikolu 1.
7 Sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mal-obbligi li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri (Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/17).
8 Probabbilment, id-diversità li kienet teżisti qabel id-Direttiva dwar dan il-punt tispjega d-diffikultà biex tinkiseb iktar armonizzazzjoni. Ara d-Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-White Paper dwar l-integrazzjoni tas-swieq ta’ kreditu b’ipoteka, SEC(2007) 1683, p. 56. Skont ir-rapport Evaluation of the Mortgage Credit Directive (Directive 2014/17/EU) mir-Risk & Policy Analysts (RPA), 2021, Anness I, Tabella 163, f’Ottubru tal‑2020, għoxrin Stat Membru kienu adottaw dispożizzjonijiet biex jiġi kkumpensat il-kreditur f’każ ta’ rimbors antiċipat; erbgħa ma kinux għamlu dan, u kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-oħrajn.
9 Din tidher li hija l-prattika komuni fil-Ġermanja, fejn il-ġurisprudenza tikkunsidra li t-telf tal-kreditur jiġi ddeterminat skont il-prinċipji tad-dritt għad-danni. Konsegwentement, l-interessi mhux miġbura jistgħu jiġu kkumpensati bħala lucrum cessans (l-Artikolu 252 tal-BGB) billi jiġu applikati r-regoli nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17.
10 Il-formulazzjoni tad-domanda tista’ twassal għal konfużjoni. Sa fejn hija tqabbel il-lucrum cessans ma’ dawn l-interessi futuri, risposta affermattiva mingħajr ebda sfumatura oħra tippreżupponi li l-kreditur ikun jista’ jikseb mingħand il-konsumatur, abbażi tal-kumpens previst fl-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17, l-interessi kollha li kellhom ikunu dovuti li kieku r-relazzjoni kuntrattwali tkompliet sad-data oriġinarjament miftiehma, minkejja li t-tnaqqis stabbilit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 25 stess japplika għalihom. It-tieni domanda tirrigwarda kif għandu jiġi kkalkolat il-lucrum cessans sabiex jiġi kkumpensat, tisfuma l-approċċ u, għaldaqstant, din l-affermazzjoni.
11 Il-qorti tar-rinviju ssemmi ċerti interpretazzjonijiet dottrinali bbażati fuq it-test. Il-paragun ta’ verżjonijiet lingwistiċi differenti jeżiġi li wieħed ikun prudenti fir-rigward ta’ dan il-kriterju ermenewtiku.
12 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Lexitor (C‑383/18, EU:C:2019:451), punt 49, dwar l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifika fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2009, L 207, p. 14 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46). Min-naħa tiegħi, jiena tal-fehma li dan il-paragrafu huwa intiż sabiex jikkumpensa l-profittabbiltà li l-kreditur seta’ jikseb li kieku ma sarx ir-rimbors antiċipat tal-kreditu (anki jekk, skont il-perijodu li jkun iddekorra, jiġi stabbilit limitu massimu ta’ kumpens, għar-raġunijiet esposti fil-premessa 39 tad-Direttiva 2008/48).
13 Fid-Direttiva 2014/17, inklużi l-annessi tagħha, jissemmew kategoriji eteroġenji ta’ spejjeż: valutazzjoni tal-proprjetà immobbli; il-ftuħ u l-ġestjoni ta’ kont bankarju; ir-reġistru tal-artijiet; aċċess għal bażijiet tad-data ta’ kreditu tal-konsumatur; li jirriżulta mir-rimbors; fir-rigward tal-garanzija tal-kreditu; ftehim ta’ kreditu; imsemmija fl-Artikolu 17(2); mhux inkluż fl-ispiża totali tal-kreditu; relatati mal-valutazzjoni tal-proprjetà immobbli; applikabbli għall-offerta ta’ ftehim ta’ kreditu; l-użu ta’ mezz ta’ pagament għal tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett; spejjeż oħra relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas; ikkawżati min-nuqqas ta’ ħlas; li għandhom jitħallsu darba; billi għandhom jitħallsu regolarment; relatati mas-self; minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi kuntrattwali; il-kreditur ma jkunx jaf; inkluż fil-kwota.
14 Dan jidher mill-kawża li wasslet għas-sentenza UniCredit Bank Austria, fir-rigward tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17. Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C‑383/18, EU:C:2019:702), relatata mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, li hija prattikament identika għall-oħra.
15 Ir-riferiment preċiż huwa għar-“rata tal-mgħax jew spejjeż oħra applikabbli għall-offerta”. Eżempju supplimentari ta’ “spejjeż” li jkopri l-interessi huwa pprovdut mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/17, moqri flimkien mal-paragrafu 3(c) tiegħu.
16 Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2014/17, li jirreferi għall-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48.
17 Ibidem. Skont l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, l-ispiża totali tal-kreditu hija “l-ispejjeż kollha, inklużi interessi[…]” (korsiv miżjud). Mill-perspettiva tal-konsumatur, l-elenkar ta’ “imgħax” u “spejjeż” (jew “infiq”) bħala kunċetti differenti fir-rigward tad-dritt ta’ tnaqqis li jakkumpanja rimbors antiċipat għandu għan ta’ kjarifika: jelimina minn qabel id-dubju dwar jekk dan it-tnaqqis huwiex limitat għal kategorija jew oħra (u kull tentattiv li jista’ jillimitaha). Mill-perspettiva ta’ kreditur, il-kunċetti għandhom jinftiehmu fis-sens li jeskludu lil xulxin minn dettalji oħra fl-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il quddiem.
18 Bl-istess mod, il-premessa 66 (“telf finanzjarju tal-kreditur”).
19 Infakkar li, fix-xogħlijiet preparatorji tal-Kunsill dwar id-Direttiva attwali, ġie inkluż, fil-premessa 50, riferiment għal rimbors antiċipat mingħajr ħlas (“free of charge for the consumer”), li jirrigwarda preċiżament is-self b’rata ta’ interessi varjabbli: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il quddiem. Dan ma huwiex il-każ meta l-kumpens għal ħlas lura antiċipat ikun jikkonċerna biss self b’rata fissa, bħal fil-kawża ineżami.
20 Il-premessa 66 tad-Direttiva 2014/17 tipprovdi formulazzjoni kemxejn differenti: “F’każijiet fejn Stati Membri jipprevedu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens, tali kumpens għandu jkun kumpens ekwu u oġġettivament iġġustifikat għall-ispejjeż […]” (korsiv miżjud). Jidhirli li f’din is-sentenza ħareġ iktar ċar il-fatt li l-ispejjeż huma r-raġuni għall-kumpens, iżda wkoll il-kriterju tal-kalkolu tiegħu.
21 Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehmiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà reżidenzjali, COM(2011)0142 – C7-0085/2011 – 2011/0062(COD), tal‑11 ta’ Ottubru 2012, jemenda l-premessa 35. Ma jidhirx fost dawk approvati: ara d-dokument tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Settembru 2013 dwar din il-proposta, P7_TA (2013)0341 (ĠU 2016, C 93, p. 295).
22 Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehmiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà reżidenzjali, COM(2011)0142 – C7‑0085/2011 – 2011/0062(COD), tal‑11 ta’ Ottubru 2012. L-emenda 87 adottata mill-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Settembru 2013, dokument P7_TA (2013)0341 (ĠU 2016, C 93, p. 295). Infakkar li dawn l-emendi ġew issostitwiti bil-Pożizzjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013, dokument P7_TC1-COD(2011)0062, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għall-att leġiżlattiv finali, jiġifieri d-Direttiva 2014/17.
23 Mid-dokument tat‑3 ta’ Novembru 2011, 16325/11. Id-distinzjoni kienet tidher (dak iż-żmien) fit-Taqsima 8 tal-istruzzjonijiet għall-mili tal-FEIS.
24 Abbażi tan-Nota mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet (Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà reżidenzjali – Proposta ta’ kompromess tal-Presidenza), tal‑15 ta’ Novembru 2011, dokument nru 16948/11, premessa 50. Ma tidhirx fit-test miftiehem provviżorjament mal-Parlament fit‑22 ta’ April 2013, wara t-tmiem tan-negozjati: ara n-Nota mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet (Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà reżidenzjali – Proposta ta’ kompromess tal-Presidenza), tat-3 ta’ Mejju 2013, dokument Nru 8895/13.
25 Sentenza UniCredit Bank Austria, punt 29.
26 Fi Study on switching of financial services and products tal-2019, ikkummissjonat mill-Kummissjoni, huwa indikat l-ammont tal-kumpens dovut lill-kreditur, b’mod partikolari fis-self ipotekarju b’rata fissa, bħala wieħed mill-fatturi li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi u jiddisswadihom milli jeżerċitaw id-dritt għal rimbors. Ara wkoll ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali, COM(2021)229 final.
27 Digriet tar-rinviju, Parti D, punt I.2(b), (bb), u I.3(a), b’riferiment għall-opinjonijiet dottrinali.
28 Id-Direttiva 2014/17 tirrikonoxxi u tirriproduċi d-diversità li tirriżulta fil-premessa 66 tagħha.
29 Il-kumpens ikopri biss l-ispejjeż “marbuta direttament mar-ripagament antiċipat” u huwa ġġustifikat; “m’għandux jaqbeż it-telf finanzjarju tal-kreditur”; mhux ser jippenalizza lill-konsumatur; u ser ikun “oġġettiv” u “ġust”.
30 Bl-istess mod, “oġġettiv”. Fil-fehma tiegħi, l-aġġettiv jirreferi għall-mod kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-kumpens: ara l-punt 62 iktar ’l isfel.
31 Minkejja d-diverġenza bejniethom, wieħed jista’, fil-fehma tiegħi, jiċċita bħala sinjal ta’ ċerta komunità ta’ opinjoni l-kumpens ekwu tal-aġent kummerċjali għal telf ta’ klijentela, li ma jeskludix it-talba komplementari għad-danni, prevista fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat‑18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177); f’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2023, 02 Czech Republic (C‑574/21, EU:C:2023:233), u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Herios (C‑593/21, EU:C:2022:784). Eżempju ieħor huwa d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), li l-Artikolu 5(2)(b) tagħha jipprevedi obbligu ta’ “kumpens ġust” għall-awturi f’ċerti ċirkustanzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ir-relazzjoni ta’ dan il-kunċett mal-ħtieġa ta’ “bilanċ ġust” bejn diversi atturi, li tidher fil-wieħed u tletin premessa: ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620), punti 38 et seq., kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fl-istess kawża (C‑467/08, EU:C:2010:264), punti 73 et seq. Finalment, ta’ min isemmi l-kumpens ekwu aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tad-Direttiva (illum imħassra) 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319): ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Messner (C‑489/07, EU:C:2009:502), punt 26.
32 Din kienet l-ispjegazzjoni “ġusta” fl-ewwel proposta tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, li kienet espressament kwistjoni ta’ kumpens għall-kreditur: Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumaturi, COM(2002)443 final, punt 3 (Eżami tad-dispożittiv, Artikolu 16).
33 Premessa 82.
34 B’mod partikolari, il-premessi 3, 66, 67 u 75.
35 “Il-kapaċità ta’ konsumatur li jħallas lura l-kreditu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu jista’ jkollha rwol importanti fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tgħin biex tipprovdi l-flessibbiltà matul il-ħajja tal-kuntratt ta’ kreditu neċessarja għall-promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja”. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża UniCredit Bank Austria (C‑555/21, EU:C:2022:742), punt 67, id-dritt għal rimbors antiċipat ma huwiex intiż sabiex jirrimedja l-asimetrija tipika tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-kreditur u l-konsumatur.
36 Osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, punt 45, u, fid-dettall, l-osservazzjonijiet tal-VR Bank, punti 44 et seq. L-Anness III għad-Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-White Paper dwar l-integrazzjoni tas-swieq ta’ kreditu b’ipoteka, SEC(2007)1683 finali, kien jirreferi, fil-paġni 60 u 61 tiegħu, għal dawn l-istrateġiji marbuta mar-regolamentazzjoni tal-kumpens fi Stati Membri differenti u kien jesponi l-effetti negattivi tiegħu fuq swieq speċifiċi. Ara Schäfer, H. B., u Wulf, A. J., “Premature repayment of fixed interest Mortgage loans without compensation, a case of misguided consumer protection in the EU”, European Journal of Law and Economics, 2022, minn p. 175 sa 208.
37 Dak li, fl-aħħar mill-aħħar, jillimita l-għażla tal-konsumaturi li jfittxu l-prodotti l-iktar adatti għall-bżonnijiet tagħhom, qabel ma jikkonkludu kwalunkwe ftehim ta’ kreditu għall-proprjetà residenzjali, jew sussegwentement, sabiex jeżerċitaw id-dritt għal rimbors antiċipat. L-għoti jew in-nuqqas tiegħu ta’ dritt għal kumpens u l-impożizzjoni jew in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ limitu massimu għall-ammont tiegħu, huma relatati ma’ inklinazzjoni ikbar jew iżgħar ta’ kredituri li joffru self b’interessi fissi fit-tul.
38 Il-premessi 19 u 20. Ara wkoll is-sentenza UniCredit Bank Austria, punt 28: “mill-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2014/17 jirriżulta li hemm lok, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li tiġi żgurata l-koerenza u l-komplementarjetà ta’ din id-direttiva ma’ atti oħra adottati fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. […]”.
39 Premessa 22. Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/17, ċerti Stati Membri kienu estendew l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/48 għall-kreditu b’garanzija ipotekarja jew ekwivalenti.
40 Meta wieħed jaċċetta li d-differenza tista’ tiffavorixxi kwalunkwe waħda mill-partijiet: tal-kreditur jekk juri telf reali ta’ ammont ogħla minn dak ikkalkulat bħala somma f’daqqa; tal-konsumatur, li jista’ jeħtieġ tnaqqis ta’ dan l-ammont fil-każ li jinqabeż it-telf effettivament imġarrab mill-kreditur.
41 Irrid infisser li, fir-rigward tal-kreditu ipotekarju, metodi oħra ta’ kalkolu tal-kumpens huma teoretikament possibbli, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17. Infakkar li l-livell ta’ armonizzazzjoni tagħha huwa inqas minn dak tad-Direttiva 2008/48.
42 Ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva lanqas ma jispeċifika metodi possibbli ta’ kalkolu.
43 Il-Kummissjoni, fil-punt 35 tal-osservazzjonijiet tagħha, tiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet ta’ dan il-metodu, li jimponi li jiġi ddeterminat b’eżattezza, jew li jiġi stabbilit, kif l-ammont rrimborsat ser jiġi investit mill-mument meta jiġi rkuprat u sad-data inizjalment prevista ta’ pagament.
44 Kif diġà antiċipajt, kumpens ikun “ġust” jekk jikseb bilanċ bejn il-benefiċċji li għall-konsumatur jirrappreżenta d-dritt għal rimbors antiċipat u l-iżvantaġġi kkawżati mill-kreditur. Ara l-punt 46 iktar ’il fuq.
45 Dan jista’ jkun il-każ meta, minħabba t-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq, l-investiment mill-ġdid iġib miegħu vantaġġi ikbar għall-kreditur minn dawk li kienu jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt fiż-żmien miftiehem. F’dan ir-rigward, issemmiet l-ewwel proposta tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, li fiha l-kumpens ġie espressament introdott lill-kreditur: Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, COM(2002)443 final, punt 3 (Eżami tad-dispożittiv, Artikolu 16).
46 Sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tat‑30 ta’ Novembru 2004, XI ZR 285/03.
47 Id-dħul ista’ jitnaqqas mid-data tad-Deutsche Bundesbank jew tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-suq kapitali.
48 Skont l-aħħar parti tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2008/48, it-telf finanzjarju tal-kreditur, li għalih huwa jista’ jitlob kumpens jekk l-Istat Membru hekk jipprevedi, jikkonsisti “fid-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax miftiehma inizzjalment u r-rata ta’ imgħax skond liema l-kreditur jista’ jislef l-ammont imħallas b’mod antiċipat fuq is-suq fil-ħin tar-radd lura antiċipat […]”. L-element ipotetiku huwa pperċepit b’mod iktar ċar fil-verżjonijiet lingwistiċi fejn il-verb huwa użat fil-kundizzjonal (“jista’ jislef”).
49 Teknikament, l-Artikolu 490(2) tal-BGB jagħti lill-konsumatur id-dritt li jibdel ir-relazzjoni kuntrattwali (“Gestaltungsrecht”) taħt kundizzjonijiet ta’ żmien stretti u fil-preżenza ta’ interess leġittimu, interpretat b’mod strett. Skont id-digriet tar-rinviju, dan l-interess huwa marbut mal-libertà ta’ azzjoni ekonomika tal-kreditur fir-rigward tal-proprjetà immobbli; dan jeżisti, b’mod partikolari, meta l-kreditur ikollu bżonn li jagħmel użu ieħor minnu.
50 Gesetz zur Umsetzung der Wohnimmobilienkreditrichtlinie und zur Änderung handelsrechtlicher Vorschriften, 11.03.2016, BGBl I. 2016, Nr. 12 16.03.2016, p. 296.
51 Il-kunċett ta’ “interess leġittimu” f’dan it-titolu huwa inqas strett minn dak li japplika fil-kuntest tal-Artikolu 490(2) tal-BGB. Id-digriet tar-rinviju jispjega li d-divorzju jew is-sitwazzjoni tal-qgħad huma kkunsidrati bħala interessi leġittimi.
52 Billi jimponu kundizzjonijiet differenti, pereżempju fir-rigward tal-“interessi leġittimi” meħtieġa, jew perijodi ta’ stennija għall-eżerċizzju tad-dritt, kif inhu l-każ bħalissa fil-Ġermanja.
53 Ara l-punt 75 iktar ’il fuq.
54 Huwa evidenti li r-risposta ma tippreġudikax il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu, għall-benefiċċju tal-konsumaturi, dritt eċċezzjonali għax-xoljiment tal-kuntratt. Fl-aħħar tal-premessa 21 tad-Direttiva 2014/17, jiġi ppreċiżat li din “[…] m’għandhiex taffettwa l-liġi kuntrattwali nazzjonali ġenerali bħar-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sa fejn aspetti ta’ dritt kuntrattwali ġenerali mhumiex regolati f’din id-Direttiva.” Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, UK et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736), punt 110, dwar id-Direttiva 2008/48.
55 Osservazzjonijiet ta’ VR Bank, punti 16 u 17. Fl-opinjoni tiegħu, meta l-konsumatur jagħżel xoljiment straordinarju tal-kuntratt, dan tal-aħħar jintemm ex nunc u r-rimbors ulterjuri ma jsirx “qabel ma jiskadi” prevista fl-Artikolu 25(1) u (4) tad-Direttiva 2014/17.