Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0821

    Kawża C-821/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n°2 de Fuengirola (Spanja) fl-24 ta’ Diċembru 2021 – NM vs Club La Costa (UK) PLC, fergħa fi Spanja, CLC Resort Management LTD, Midmark 2 LTD, CLC Resort Development LTD u European Resorts & Hotels SL

    ĠU C 171, 25.4.2022, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 171, 25.4.2022, p. 14–14 (GA)

    25.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 171/15


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no2 de Fuengirola (Spanja) fl-24 ta’ Diċembru 2021 – NM vs Club La Costa (UK) PLC, fergħa fi Spanja, CLC Resort Management LTD, Midmark 2 LTD, CLC Resort Development LTD u European Resorts & Hotels SL

    (Kawża C-821/21)

    (2022/C 171/19)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Qorti tar-rinviju

    Juzgado de Primera Instancia no2 de Fuengirola

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: NM

    Konvenuti: Club La Costa (UK) PLC, fergħa fi Spanja, CLC Resort Management LTD, Midmark 2 LTD, CLC Resort Development LTD u European Resorts & Hotels SL

    Domandi preliminari

    B’riferiment għar-Regolament (UE) 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (1):

     

    L-ewwel. Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa konformi mal-imsemmi regolament li jitqies li l-espressjoni “l-parti l-oħra ta’ kuntratt” użata f’din id-dispożizzjoni tinkludi biss lill-persuna li ffirmat il-kuntratt, b’tali mod li ma tistax tinkludi persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, differenti minn dawk li effettivament iffirmawh?

     

    It-tieni. Fil-każ li jitqies li l-espressjoni “l-parti l-oħra ta’ kuntratt” tinkludi biss lil min effettivament iffirma l-kuntratt, fil-każijiet li fihom kemm il-konsumatur kif ukoll “[i]l-parti l-oħra ta’ kuntratt” għandhom id-domiċilju tagħhom barra minn Spanja, huwa konformi mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 li jitqies li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Spanjoli ma tistax tiġi ddeterminata mill-fatt li l-grupp ta’ impriżi li tagħmel parti minnu “l-parti l-oħra ta’ kuntratt” jinkludi kumpanniji b’domiċilju fi Spanja li ma kinux involuti fl-iffirmar tal-kuntratt, jew li ffirmaw kuntratti differenti minn dak li hija mitluba n-nullità tiegħu?

     

    It-tielet. Fil-każ li “l-parti l-oħra ta’ kuntratt” li jagħmel riferiment għaliha l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, tipprova li għandha d-domiċilju tagħha fir-Renju Unit skont l-Artikolu 63(2) tiegħu, huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni li jitqies li d-domiċilju hekk iddeterminat jiddelimita l-għażla li tista’ tiġi eżerċitata skont l-Artikolu 18(1)? Barra minn hekk, huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni li jitqies li la hija limitata sabiex tistabbilixxi sempliċi “preżunzjoni ta’ fatt”, la li din il-preżunzjoni hija kkonfutata jekk “[i]l-parti l-oħra ta’ kuntratt” twettaq attivitajiet barra mill-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tagħha, u lanqas li huwa l-oneru “[ta]l-parti l-oħra ta’ kuntratt” li tipprova li hemm rabta bejn id-domiċilju tagħha ddeterminat skont id-dispożizzjoni msemmija u l-post fejn twettaq l-attivitajiet tagħha?

    B’riferiment għar-Regolament (KE) 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (2):

     

    Ir-raba’. Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika r-Regolament Nru 593/2008, huwa konformi mal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament li jitqies li huma validi u applikabbli l-klawżoli li jiddeterminaw il-liġi applikabbli inklużi fil-“Kundizzjonijiet Ġenerali” tal-kuntratt iffirmat mill-partijiet, jew li huma inklużi f’dokument separat li l-kuntratt jagħmel riferiment espress għalih u li għalih hemm prova tal-wasla tiegħu għand il-konsumatur?

     

    Il-ħames. Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika r-Regolament Nru 593/2008, huwa konformi mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament li jitqies li jista’ jiġi invokat kemm mill-konsumatur kif ukoll mill-parti kontraenti l-oħra?

     

    Is-sitt. Fil-każijiet ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li għalihom japplika r-Regolament Nru 593/2008, huwa konformi mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament li jitqies li, jekk ir-rekwiżiti tiegħu jkunu ssodisfatti, il-liġi indikata f’din id-dispożizzjoni fi kwalunkwe każ tapplika bi prijorità fuq dik imsemmija fl-Artikolu 6(3), anki jekk din tal-aħħar tista’ tirriżulta iktar favorevoli għall-konsumatur fil-każ konkret?


    (1)  ĠU 2012, L 351, p. 1.

    (2)  ĠU 2008, L 177, p. 6, u rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87.


    Top