EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0501

Kawża C-501/21 P: Appell ippreżentat fit-13 ta’ Awwissu 2021 minn Harry Shindler et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-198/20, Shindler et vs Il-Kunsill

ĠU C 452, 8.11.2021, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 452/13


Appell ippreżentat fit-13 ta’ Awwissu 2021 minn Harry Shindler et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fit-8 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-198/20, Shindler et vs Il-Kunsill

(Kawża C-501/21 P)

(2021/C 452/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Harry Shindler et (rappreżentant: J. Fouchet, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Prinċipalment:

tannulla d-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2021 (T-198/20);

tannulla totalment id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-annessi tiegħu.

Sussidjarjament:

tannulla d-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2021 (T-198/20);

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, flimkien mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika sa fejn dawn l-atti jagħmlu distinzjoni b’mod awtomatiku u ġenerali, mingħajr ebda kontroll ta’ proporzjonalità, bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit mill-1 ta’ Frar 2020, u tannulla għalhekk, b’mod partikolari, is-sitt paragrafu tal-preambolu u l-Artikoli 9, 10 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi l-ispejjeż tal-avukat sa EUR 5 000.

Aggravji u argumenti prinċipali

A.   Irregolarità proċedurali tad-digriet appellat

Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha inkwantu hija tat terminu wieħed biss, dak mogħti lill-Kunsill sabiex jippreżenta d-difiża tiegħu fuq il-mertu. Hija ma tat ebda terminu lill-appellanti, li kellhom jistennew it-“termini ġodda għat-tkomplija tal-istanza” qabel ma jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom kemm fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif ukoll fuq il-mertu.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tikkomunikax lill-appellanti d-difiża fuq il-mertu, u b’hekk huma ma setgħux ikunu jafu meta huma kellhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ammissibbiltà.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli mingħajr seduta u mingħajr ma ddeċidiet fuq żewġ talbiet, dik għas-sospensjoni tal-proċedura u dik għar-riferiment tal-proċess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, madankollu, kellhom effett fuq it-tkomplija tal-istanza.

B.   Ksur tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors

(i)   Fir-rigward tal-kriterju li jeżiġi li d-deċiżjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ rikors dirett ikunu atti regolatorji li ma jinvolvux miżura ta’ implimentazzjoni

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, u mingħajr ma tat spjegazzjoni, qieset li l-Ftehim dwar il-ħruġ kien att internazzjonali filwaqt li, skont is-suġġett u l-effetti tiegħu, dan il-ftehim jaqa’ dejjem taħt id-dritt intern tal-Unjoni għaliex dan jirregola r-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni Ewropea u wieħed mill-Istati Membri tagħha abbażi tad-dritt intern stabbilit mill-Unjoni għal iktar minn ħamsin sena (għal dak li jirrigwarda r-Renju Unit) u jkompli jirrendih applikabbli.

Barra minn hekk l-Artikolu 4(4) u (5) tal-Ftehim dwar il-ħruġ jillimita s-sovranità ġudizzjarja tar-Renju Unit bil-għan li tkun possibbli interpretazzjoni ġurisprudenzjali waħda tal-Ftehim dwar il-ħruġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tali dispożizzjoni ma hijiex karatteristika ta’ ftehim internazzjonali.

Fit-tieni lok, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis ukoll li l-Ftehim dwar il-ħruġ huwa att internazzjonali, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 275 TFUE, li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biss għal ċerti atti fir-rigward “tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għaqdet flimkien b’mod żbaljat l-Artikoli 263 u 275 TFUE, li jimplikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fuq l-atti regolatorji kollha li ma jinvolvux miżura ta’ implimentazzjoni bl-esklużjoni tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Issa, fid-dawl tal-Artikoli 23 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jaqax, la fir-rigward tal-kontenut u lanqas fir-rigward tal-proċedura tiegħu, taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

Fit-tielet lok, l-argumenti adottati mill-Qorti Ġenerali jimplikaw essenzjalment li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ tal-Istat tad-dritt fuq ftehim internazzjonali. Issa, tali pożizzjoni la hija aċċettabbli fuq livell politiku u lanqas fuq livell ġuridiku għaliex din tfisser li l-Kunsill jista’, mingħajr kontroll, jikkontesta l-applikazzjoni stess tat-Trattati u tal-valuri li dawn jistabbilixxu.

Fir-raba’ lok, il-Kunsill u Franża jqisu li l-Ftehim dwar il-ħruġ iħassar b’mod awtomatiku ċ-ċittadinanza Ewropea tal-appellanti, fatt li jimplika li, minn dan il-lat, dan ma għandu bżonn ebda miżura ta’ implimentazzjoni sabiex jipproduċi l-effetti tiegħu, filwaqt li għandu jitfakkar li r-rikors tal-appellanti ma għandux, b’mod kuntrarju għal dak li tqis il-Qorti Ġenerali, jiġi limitat għall-kwistjoni biss tad-dritt tal-vot tagħhom.

(ii)   Fir-rigward tal-kriterju ta’ inċidenza individwali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni ta’ G, waħda mit-800 eletti fi Franza, ċirku ristrett, li ma setgħux joħorġu għall-elezzjonijiet muniċipali Franċiżi tal-2020.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ analiżi serju billi indikat li d-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-Ftehim dwar il-ħruġ taffettwa lill-appellanti “minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ċittadini tar-Renju Unit”, filwaqt li dawn tal-aħħar jikkontestaw il-Ftehim dwar il-ħruġ inkwantu ċittadini Brittaniċi residenti fit-territorju tal-Unjoni b’rigward għall-effetti tal-Ftehim dwar il-ħruġ fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha biss fuq l-impossibbiltà tal-appellanti li jivvotaw fl-elezzjonijiet muniċipali, filwaqt li din il-konsegwenza hija biss waħda minn dawk ilmentati mill-appellanti.


Top