Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0394

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
    Bursa Română de Mărfuri SA vs Autoritatea Naţională de Reglementare în domeniul Energiei (ANRE).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Regolament (UE) 2019/943 – Artikolu 1(b) u (c) kif ukoll l-Artikolu 3 – Prinċipji dwar il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku – Regolament (UE) 2015/1222 – Artikolu 5(1) – Operatur innominat tas-suq tal-elettriku – Monopolju nazzjonali legali għas-servizzi ta’ kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi monopolju tal-innegozjar bl-ingrossa tal-elettriku għal żmien qasir, għal żmien medju u fit-tul.
    Kawża C-394/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:146

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Regolament (UE) 2019/943 – Artikolu 1(b) u (c) kif ukoll l-Artikolu 3 – Prinċipji dwar il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku – Regolament (UE) 2015/1222 – Artikolu 5(1) – Operatur innominat tas-suq tal-elettriku – Monopolju nazzjonali legali għas-servizzi ta’ kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi monopolju tal-innegozjar bl-ingrossa tal-elettriku għal żmien qasir, għal żmien medju u fit-tul”

    Fil-Kawża C‑394/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

    Bursa Română de Mărfuri SA

    vs

    Autoritatea Naţională de Reglementare în domeniul Energiei (ANRE),

    fil-preżenza ta’:

    Federaţia Europeană a Comercianţilor de Energie,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Bursa Română de Mărfuri SA, minn D. Cristea, avocat,

    għall-Federaţia Europeană a Comercianţilor de Energie, minn G. Pop, avocat,

    għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu, E. Gane, A. Rotăreanu u A. Wellman, bħala aġenti,

    għall-Gvern Grieg, minn K. Boskovits, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. G. Marrone, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Symeonidou, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, L. Nicolae u I. Rogalski, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(b) u (c) kif ukoll l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125), b’mod partikolari tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tagħha, kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 106(1) TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bursa Română de Mărfuri SA (iktar ’il quddiem “BRM”), kumpannija rregolata mid-dritt Rumen, u l-Autoritatea Naţională de Reglementare în domeniul Energiei (ANRE) (l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali għall-Enerġija, ir-Rumanija) rigward talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-ANRE li tirrifjuta li toħroġ lil BRM liċenzja għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-amministrazzjoni ta’ swieq ċentralizzati tal-elettriku.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 2009/72/KE

    3

    L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), kien intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”. Huwa kien jipprevedi, fil-paragrafu 1(j) tiegħu:

    “L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

    […]

    (j)

    jissorveljaw il-livell u l-effettività ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku, […], kif ukoll kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anke billi jipprovdu kull informazzjoni relevanti, filwaqt li jirriferu kwalunkwe każ relevanti għall-attenzjoni tal-awtoritajiet relevanti dwar il-kompetizzjoni”.

    4

    Fl‑1 ta’ Jannar 2021, id-Direttiva 2009/72 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2019/944.

    Ir‑Regolament (UE) 2015/1222

    5

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linja Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24) ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15).

    6

    Il-punt 23 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1222 jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

    “[…]

    23.

    ‘operatur nominat tas-suq tal-elettriku [(nominated electricity market operator, NEMO)]’ tfisser entità nnominata mill-awtorità kompetenti biex twettaq kompiti marbutin mal-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem jew akkoppjament singolu tal-istess ġurnata”.

    7

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Nomina ta’ NEMOs fil-każ ta’ monopolju ġuridiku nazzjonali għal servizzi ta’ nnegozjar [kummerċ]”, jipprevedi:

    “1.   Jekk diġà jkun jeżisti monopolju ġuridiku nazzjonali li jeskludi n-nomina ta’ iktar minn NEMO wieħed għal servizzi ta’ nnegozjar [kummerċ] tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata fi Stat Membru jew fiż-żona tal-offerti tal-Istat Membru fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat irid jinnotifika lill-Kummissjoni [Ewropea] fi żmien xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u jista’ jirrifjuta n-nomina ta’ iktar minn NEMO wieħed f’żona tal-offerti.

    […]

    2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, monopolju legali nazzjonali jitqies li jeżisti meta l-liġi nazzjonali tistipula b’mod espliċitu li ma jistax ikun hemm iktar minn entità waħda fi ħdan Stat Membru jew żona tal-offerti ta’ Stat Membru li twettaq servizzi ta’ nnegozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata.

    3.   Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] […] Abbażi ta’ dak ir-rapport u jekk il-Kummissjoni jidhirlha li ma hemmx ġustifikazzjoni għall-kontinwazzjoni tal-monopolji ġuridiċi nazzjonali jew għaċ-ċaħda ssoktata ta’ Stat Membru milli jħalli NEMO nnominata fi Stat Membru ieħor jinnegozja b’mod transfruntier, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra miżuri leġiżlattivi xierqa jew miżuri xierqa oħra sabiex iżżid iktar il-kompetizzjoni u n-negozjar fost u bejn l-Istati Membri. […]”

    8

    Skont l-Artikolu 84 tiegħu, l-imsemmi regolament daħal fis-seħħ “fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, jiġifieri fl‑14 ta’ Awwissu 2015.

    Ir‑Regolament 2019/943

    9

    L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/943, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

    “Dan ir-Regolament jimmira li:

    (a)

    jistabbilixxi l-bażi biex jinkisbu b’mod effiċjenti l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija u b’mod partikolari il-qafas għall-klima u l-enerġija għall‑2030 bis-sinjali tas-suq li jwasslu għal aktar effiċjenza, sehem akbar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sigurtà tal-provvista, flessibbiltà, sostenibbiltà, dekarbonizzazzjoni u innovazzjoni;

    (b)

    l-prinċipji fundamentali stabbiliti għal swieq tal-elettriku integrati li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku kollha jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali kif ukoll jitolbu rispons tad-domanda u l-effiċjenza fl-enerġija, u jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista distribwiti, u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni bbażata fuq is-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    (c)

    regoli ġusti stabbiliti għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, u b’hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tas-swieq nazzjonali u reġjonali. Jinkludi t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens għal flussi transkonfinali tal-elettriku u l-istabbiliment ta’ prinċipji armonizzati dwar limposti tat-trażmissjoni transkonfinali u l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali;

    (d)

    jiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti, li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u jipprovdi għal mekkaniżmi biex jarmonizza r-regoli għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku.”

    10

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (2)

    ‘awtoritàt regolatorja’ tfisser l-awtorità regolatorja nominati minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 57(1) tad-[Direttiva 2019/944];

    […]

    (7)

    ‘operatur tas-suq’ tfisser entità li tipprovdi servizz li permezz tagħha l-offerti għall-bejgħ tal-elettriku jitqabblu mal-offerti għax-xiri tal-elettriku;

    (8)

    ‘operatur nominat tas-suq tal-elettriku’ jew ‘NEMO’ tfisser operatur tas-suq innominat mill-awtorità kompetenti biex iwettaq kompiti relatati mal-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem jew mal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

    […]

    (40)

    ‘swieq tal-elettriku’ tfisser swieq tal-elettriku kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva[2019/944];

    […]”

    11

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji dwar it-tħaddim tas-swieq tal-elettriku”, jispeċifika:

    “L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operaturi tas-suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-domanda u l-provvista;

    (b)

    ir-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u għandhom jevitaw l-azzjonijiet li jipprevjenu l-formazzjoni tal-prezzijiet abbażi tad-domanda u l-provvista;

    […]

    (h)

    għandhom jitneħħew b’mod progressiv l-ostakoli għall-flussi transkonfinali tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti jew l-Istati Membri u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-swieq tal-elettriku u tas-servizzi relatati;

    […]

    (o)

    sabiex il-parteċipanti fis-suq ikunu protetti kontra r-riskji ta’ volatilità tal-prezzijiet abbażi tas-suq u tittaffa l-inċertezza fuq ir-redditu futur fuq l-investiment, l-prodotti ta’ ħħeġġjar fit-tul għandhom ikunu kummerċjabbli fil-Borża b’mod trasparenti u l-kuntratti ta’ provvista fit-tul tal-elettriku għandhom ikunu negozjabbli barra l-Borża, soġġetti għall-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni;

    (p)

    ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ tal-prodotti madwar l-Unjoni [Ewropea], u l-bidliet regolatorji għandhom iqisu l-effetti fuq is-swieq u l-prodotti forward u futuri kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil;

    […]”

    12

    L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Limiti tekniċi tal-offerti”, jipprovdi:

    “1.   Ma għandu jkun hemm la limitu massimu u lanqas limitu minimu tal-prezz tal-elettriku bl-ingrossa. […]

    […]

    4.   L-awtoritajiet regolatorji jew […] [l-]awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jidentifikaw il-politiki u l-miżuri applikati fit-territorju tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw b’mod indirett il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, anki bil-limitazzjoni tal-offerti relatati mal-attivazzjoni tal-enerġija ta’ bbilanċjar, tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, miżuri mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, miżuri maħsuba biex jisfidaw ir-riżultati tas-suq, jew biex jipprevjenu l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti jew taż-żoni tal-offerti ddefiniti b’mod ineffiċjenti.

    5.   Meta awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti maħtura tidentifika politika jew miżura li tista’ tgħin biex tillimita l-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, din għandha tieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex telimina jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex tillimita l-impatt ta’ dik il-politika jew miżura fuq l-imġiba tal-offerti […]”

    Id‑Direttiva 2019/944

    13

    Il-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944 jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (9)

    ‘swieq tal-elettriku’ tfisser swieq tal-elettriku inklużi swieq b’bejgħ dirett (‘over-the-counter’) u l-iskambji tal-enerġija elettrika, swieq għall-kummerċ ta’ enerġija, ta’ kapaċità kif ukoll servizzi ta’ bbilanċjar u servizzi anċillari f’kull perijodu ta’ żmien, inklużi s-swieq bil-quddiem, bil-ġurnata ’l quddiem u dawk fl-istess ġurnata”.

    14

    L-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1(o) tiegħu, li l-awtorità regolatorja għandha d-dmir li “jissorveljaw [tissorvelja] il-livell u l-effikaċja ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku, […] u [li tissorvelja] kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anke billi jipprovdu [tipprovdi] kwalunkwe informazzjoni rilevanti u jinfurmaw [tinforma] lill-awtoritajiet rilevanti tal-kompetizzjoni dwar kwalunkwe każ rilevanti”.

    15

    Skont l-Artikolu 72 tagħha, id-Direttiva 2019/944 tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2009/72 b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, u l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva l-ġdida bdew japplikaw, skont l-Artikolu 73 ta’ din, minn din id-data. Madankollu, hija daħlet fis-seħħ, skont din l-aħħar dispożizzjoni, fl‑4 ta’ Lulju 2019.

    Id‑dritt Rumen

    16

    Il-Legea nr. 123 energiei electrice și a gazelor naturale (il-Liġi Nru 123 dwar l-Elettriku u l-Gass Naturali), tal‑10 ta’ Lulju 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 485, tas‑16 ta’ Lulju 2012), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 123/2012”), tipprevedi, fil-punti 38 u 49 tal-Artikolu 3 tagħha:

    “38)

    ‘operatur tas-suq tal-elettriku’: il-persuna ġuridika li tiżgura l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati, bl-eċċezzjoni tas-suq tal-ibbilanċjar, għall-finijiet tal-innegozjar bl-ingrossa tal-elettriku fuq terminu qasir, medju u twil;

    […]

    49)

    is-‘suq tal-elettriku ċentralizzat’, il-qafas organizzat li fih jitwettqu t-tranżazzjonijiet tal-elettriku bejn operaturi ekonomiċi differenti, permezz tal-operatur tas-suq tal-elettriku jew tal-operatur tan-network ta’ trasport, abbażi ta’ regoli speċifiċi adottati mill-awtorità kompetenti; f’dan it-titolu, it-termini ‘suq tal-elettriku ċentralizzat’ u ‘suq tal-elettriku organizzat’ huma ekwivalenti”.

    17

    L-Artikolu 10(2)(f) ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “L-awtorità kompetenti għandha toħroġ liċenzji għall-:

    […]

    (f)

    ġestjoni tas-swieq ċentralizzati — liċenzja waħda biss hija allokata lill-operatur tas-suq tal-elettriku u liċenzja waħda biss hija allokata lill-operatur tas-suq tal-ibbilanċjar”.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    18

    BRM għandha, skont il-liġi Rumena, kompetenza ġenerali sabiex tamministra swieq ta’ interess pubbliku. Fl‑20 ta’ Awwissu 2020, hija ppreżentat lill-ANRE talba għall-ħruġ ta’ liċenzja għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-elettriku. Fil‑21 ta’ Settembru 2020, l-ANRE informat lil BRM biċ-ċaħda tat-talba tagħha. Imbagħad, din il-kumpannija adixxiet lill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex l-ANRE tiġi ordnata toħroġilha l-liċenzja mitluba, filwaqt li invokat id-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2020, ta’ dan ir-regolament.

    19

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, BRM issostni li mill-imsemmi regolament, b’mod partikolari mill-Artikolu 1(b) u (c) tiegħu, mill-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll mill-Artikolu 10(4) u (5) tiegħu, moqri flimkien mad-Direttiva 2019/944, jirriżulta li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma obbligati jiżguraw kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi tas-swieq tal-elettriku u għandhom jiżguraw li tiġi evitata, fil-każijiet kollha, l-eżistenza ta’ monopolju antikompetittiv. Għaldaqstant, id-dritt ta’ nnegozjar fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi relatati mal-elettriku ma jistax jiġi rrifjutat lilha. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-prinċipji ta’ kompetizzjoni libera stabbiliti mir-Regolament 2019/943, li jinkludu, fil-fehma tagħha, it-tneħħija tal-aġir monopolistiku, jikkonċernaw ukoll lill-operatur tas-suq tal-elettriku, kif iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

    20

    L-ANRE tirrispondi billi tinvoka l-Artikolu 10(2)(f) tal-Liġi Nru 123/2012 u l-fatt li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-liċenzja għall-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-elettriku kienet diġà ngħatat lil OPCOM SA, fl‑20 ta’ Diċembru 2001, għal perijodu ta’ 25 sena, b’tali mod li dan l-operatur għandu monopolju fil-qasam. Hija tispeċifika wkoll li OPCOM ġiet innominata bħala NEMO tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem u tas-suq tal-istess ġurnata tal-elettriku, għaż-żona ta’ preżentazzjoni tal-offerti fir-Rumanija, abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/1222 u li din in-nomina ġiet estiża sussegwentement sal‑20 ta’ Diċembru 2026. Issa, dan l-Artikolu 5, billi joffri l-possibbiltà lill-Istati Membri li jinnominaw NEMO wieħed biss, jippermetti l-eżistenza ta’ monopolju.

    21

    Skont l-ANRE, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 huma, min-naħa l-oħra, irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li dan ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tobbliga lill-Istati Membri jinnominaw diversi operaturi li għandhom il-funzjoni li jorganizzaw u li jamministraw is-swieq ċentralizzati tal-elettriku għall-finijiet tal-innegozjar bl-ingrossa tal-elettriku. Barra minn hekk, peress li s-suq tal-elettriku fir-Rumanija huwa ta’ daqs żgħir, il-ħolqien ta’ żewġ kuntratti distinti jwassal biss għat-tqassim tal-offerti tal-istess offerenti, li jwassal għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-Regolament 2019/943 għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u hija tal-opinjoni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretta tiegħu ma humiex evidenti. Issa, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw għall-operatur tas-suq tal-elettriku, li dawn, moqrija waħedhom jew flimkien mad-Direttiva 2019/944, jipprojbixxu lil Stat Membru, mid-dħul fis-seħħ tagħhom, milli jkompli joħroġ biss liċenzja waħda għall-amministrazzjoni tas-suq kollu tal-elettriku ta’ dan l-Istat, u li l-għoti minn Stat Membru ta’ tali liċenzja waħda jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, kull waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet ikollha rilevanza sinjifikattiva għall-evalwazzjoni li hija għandha twettaq. Hija tindika għalhekk li qed tilqa’ t-talba ta’ BRM li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Ir-[Regolament 2019/943], b’mod partikolari l-Artikolu 1(b) u l-Artikolu 3 tiegħu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2019/944], jipprojbixxi Stat Membru milli jkompli jalloka liċenzja waħda għall-organizzazzjoni u għall-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-enerġija mid-dħul fis-seħħ tiegħu? Mill‑1 ta’ Jannar 2020, hemm obbligu għall-Istat Rumen li jtemm monopolju eżistenti fir-rigward tal-operat tas-suq tal-elettriku?

    2)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa fir-Regolament (UE) 2019/943, b’mod partikolari l-Artikolu 1(b) u (c) u l-Artikolu 3 [ta’ dan], jinkludi l-operatur ta’ suq tal-elettriku[,] bħala [bħalma huwa] suq għan-negozju ta’ prodotti bażiċi? Huwa rilevanti għar-risposta li, għad-definizzjoni tas-suq tal-elettriku, il-punt 40 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jirreferi għad-definizzjoni tas-swieq tal-elettriku fl-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2019/944?

    3)

    Għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ liċenzja waħda għall-operat tas-suq tal-elettriku minn Stat Membru jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE kkunsidrati flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 106(1) TFUE?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

    24

    Preliminarjament, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2019/944, imsemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda, b’applikazzjoni tal-Artikolu 72 tagħha, ħassret id-Direttiva 2009/72 biss b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, jiġifieri kemm wara l-preżentazzjoni, minn BRM, tat-talba tagħha għal ħruġ ta’ liċenzja għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-elettriku kif ukoll wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ANRE li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, b’tali mod li din l-ewwel direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis għal din it-tilwima, bil-kontra tat-tieni direttiva msemmija. Peress li r-Regolament Nru 2019/943 jistabbilixxi, madankollu, ċerti definizzjonijiet b’riferiment għad-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2019/944, hemm lok li jitqies li dawn jagħmlu parti integrali minn dan ir-regolament u jistgħu għalhekk, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-analiżi tal-ewwel żewġ domandi.

    25

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna r-rifjut mill-ANRE li toħroġ lil BRM liċenzja għall-organizzazzjoni u għall-amministrazzjoni tas-swieq tal-elettriku, fejn l-ANRE hija l-“awtorità regolatorja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, innominata mir-Rumanija, u dan ir-rifjut kien ibbażat fuq l-Artikolu 10(2)(f) tal-Liġi Nru 123/2012.

    26

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fuq il-livell ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din il-liġi, għandha tingħata liċenzja waħda biss ta’ operatur tas-suq tal-elettriku, u dan l-operatur jiżgura, skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 38 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tas-swieq ċentralizzati tal-elettriku, bl-eċċezzjoni tas-suq tal-ibbilanċjar, għall-finijiet tal-innegozjar bl-ingrossa tal-elettriku għal żmien qasir, għal żmien medju u fit-tul. Skont il-punt 49 ta’ dan l-artikolu, il-kunċett ta’ “suq tal-elettriku ċentralizzat” jirreferi għall-qafas organizzat li fih iseħħu t-tranżazzjonijiet tal-elettriku bejn diversi operaturi ekonomiċi, permezz tal-operatur tas-suq tal-elettriku.

    27

    Barra minn hekk, huwa stabbilit, fil-kawża prinċipali, li, meta BRM ippreżentat it-talba tagħha għal ħruġ ta’ liċenzja ta’ operatur tas-suq tal-elettriku, fis-sens tal-istess liġi, li r-rifjut tagħha ta lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-unika liċenzja prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet fis-seħħ dak iż-żmien kienet diġà ngħatat lil OPCOM, li għalhekk kellha monopolju fir-Rumanija fuq is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku fis-swieq bl-ingrossa għal żmien qasir, għal żmien medju u fit-tul. F’dan ir-rigward, il-Gvern Rumen speċifika, waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn jikkorrispondu għas-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u futuri, kif huma previsti mid-dritt tal-Unjoni rilevanti. Madankollu, OPCOM ma hijiex parti fil-kawża prinċipali u din tal-aħħar lanqas ma tikkonċerna l-aġir ta’ OPCOM fis-suq, peress li din it-tilwima tirriżulta mis-sempliċi applikazzjoni, mill-awtorità regolatorja Rumena, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha tirriżulta l-eżistenza ta’ dan il-monopolju.

    28

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk operatur ta’ suq tal-elettriku huwiex suġġett għall-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament Nru 2019/943, u, min-naħa l-oħra, jekk, f’dan ir-rigward, huwiex rilevanti li l-kunċett ta’ “swieq tal-elettriku”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-punt 40 tal-Artikolu 2 ta’ dan, iddefinit b’riferiment għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, huwa utli, fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, biss jekk jinftiehem bħala li huwa intiż sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il-prinċipji jew din id-definizzjoni jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li biss operatur tas-suq tal-elettriku, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, jista’ jopera legalment f’dan is-suq.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2019/943, b’mod partikolari l-Artikolu 1(b) u (c), il-punt 40 tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mad-Direttiva 2009/72, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha jinżamm monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri tal-elettriku li jikkonċerna kemm is-swieq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem u dawk tal-istess ġurnata, kif ukoll is-suq bl-ingrossa futur.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Regolament 2019/943 huwa intiż, skont l-Artikolu 1(a) tiegħu, sabiex jiffissa l-bażi għal twettiq effettiv tal-għanijiet tal-unjoni tal-enerġija u, b’mod partikolari, tal-qafas ta’ azzjoni fil-qasam tal-klima u tal-enerġija għall‑2030, u, skont l-Artikolu 1(b), sabiex jistabbilixxi l-prinċipji fundamentali għal swieq tal-elettriku integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu li l-fornituri tar-riżorsi u l-klijenti tal-elettriku kollha jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, li jirrendu lill-konsumaturi awtonomi, li jiżguraw il-kompetittività fis-suq dinji kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tad-domanda, il-ħażna ta’ enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija, u li jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda kif ukoll tal-offerta deċentralizzati, u jippermettu l-integrazzjoni tas-suq u l-integrazzjoni settorjali kif ukoll ir-remunerazzjoni bbażata fuq is-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

    31

    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(c) tal-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jistabbilixxi regoli ġusti għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku bil-għan li tittejjeb il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-swieq nazzjonali u reġjonali, inkluż il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens għall-flussi transkonfinali tal-elettriku, l-istabbiliment ta’ prinċipji armonizzati dwar it-tariffi tat-trasport transkonfinali u l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet disponibbli ta’ interkonnessjoni bejn in-networks ta’ trażmissjoni nazzjonali.

    32

    L-imsemmi Artikolu 1 iżid jgħid, fil-punt (d), li l-istess regolament huwa intiż sabiex jiffaċilita l-ħolqien ta’ suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb, li jkun trasparenti u li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku u li jipprevedi mekkaniżmi għall-armonizzazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kummerċ transkonfinali tal-elettriku.

    33

    Fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2019/943, huwa jelenka l-prinċipji li skonthom l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operaturi tas-suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jiġu operati. Fost dawn hemm, fl-Artikolu 3(a), il-prinċipju li l-prezzijiet jiġu fformati abbażi tal-offerta u tad-domanda; fl-Artikolu 3(b), il-prinċipju li r-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u jevitaw l-azzjonijiet li jipprekludu l-formazzjoni tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-offerta u tad-domanda; fl-Artikolu 3(h), il-prinċipju li l-ostakoli għall-flussi transkonfinali tal-elettriku bejn iż-żoni tad-depożiti tal-offerti jew l-Istati Membri u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-swieq tal-elettriku u s-swieq ta’ servizzi relatati għandhom jiġu progressivament eliminati; fl-Artikolu 3(o), il-prinċipju li l-prodotti ta’ kopertura għal żmien twil għandhom ikunu negozjabbli f’boroż b’mod trasparenti u kuntratti ta’ provvista ta’ elettriku fit-tul għandhom ikunu negozjabbli barra mill-borża, sakemm jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, u, fl-Artikolu 3(p), il-prinċipju li r-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw l-iskambju ta’ prodotti fl-Unjoni kollha.

    34

    Għalkemm, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu b’mod partikolari fuq l-Istati Membri u fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ċerti obbligi sabiex jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku, fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, ma jipprevedu regola li tikkonċerna l-kummerċ f’dawn is-swieq li tista’ tiġi interpretata, anki fid-dawl tal-għanijiet segwiti permezz tal-imsemmi regolament, bħala li tipprekludi, inkwantu tali, li jinżamm fi Stat Membru monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri tal-elettriku bl-ingrossa, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    35

    B’mod partikolari, il-fatt li, permezz ta’ riferiment għall-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/944, dan il-punt 40 tal-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “swieq tal-elettriku” bħala li jkopri s-“swieq tal-elettriku inklużi swieq b’bejgħ dirett (‘over-the-counter’) u l-iskambji tal-enerġija elettrika, swieq għall-kummerċ ta’ enerġija, ta’ kapaċità kif ukoll servizzi ta’ bbilanċjar u servizzi anċillari f’kull perijodu ta’ żmien, inklużi s-swieq bil-quddiem, bil-ġurnata ’l quddiem u dawk fl-istess ġurnata” u għalhekk ikopri, fil-plural, b’mod partikolari l-“iskambji tal-enerġija elettrika”, ma jistax jistabbilixxi li, minn tali definizzjoni, tirriżulta projbizzjoni għall-Istati Membri li jżommu monopolju nazzjonali legali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni f’dan is-sens fir-Regolament 2019/943.

    36

    Tali projbizzjoni lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 10(4) u (5) ta’ dan ir-regolament, invokat minn BRM quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet — li jagħmlu parti mill-kuntest tal-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li jipprovdi li ebda limitu massimu u ebda limitu minimu ma huwa applikat għall-prezz bl-ingrossa tal-elettriku — jillimitaw ruħhom, essenzjalment, li jipprevedu, rispettivament, li l-awtoritajiet regolatorji jidentifikaw il-politiki u l-miżuri applikati fit-territorju tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jirrestrinġu indirettament il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa jew sabiex jipprevjenu l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti jew iż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti ddefiniti b’mod ineffiċjenti u li, meta politika jew miżura li tkun tista’ tikkontribwixxi sabiex tirrestrinġi l-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa tkun ġiet identifikata, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri kollha li huma xierqa sabiex jiġi eliminat jew, jekk dan ma jkunx possibbli, imnaqqas l-impatt ta’ din il-politika jew ta’ din il-miżura fuq l-istrateġiji ta’ offerti.

    37

    Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi żamma ta’ pożizzjoni dominanti ma tikkostitwixxix, bħala tali, abbuż, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE u, min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti permezz tal-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE, ma huwiex, bħala tali, inkompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    L-istess konstatazzjoni bħal dik magħmula fil-punt 34 ta’ din is-sentenza dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/943 tapplika fir-rigward tad-Direttiva 2009/72, li ma twettaqx armonizzazzjoni kompleta tas-suq intern tal-elettriku, iżda tistabbilixxi biss numru ta’ prinċipji ġenerali li l-Istati Membri għandhom josservaw sabiex jintlaħaq suq tal-elettriku li jkun kompetittiv, sigur u sostenibbli fuq il-livell ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Hidroelectrica, C‑648/18, EU:C:2020:723, punt 27).

    39

    B’mod partikolari, l-Artikolu 37(1)(j) ta’ din, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 59(1)(o) tad-Direttiva 2019/944 li BRM invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jillimita ruħu, fir-rigward ta’ dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża, li jinkariga lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bil-missjoni li “jissorveljaw il-livell u l-effettività ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inklużi l-iskambji tal-elettriku” u li [jissorveljaw] kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni”. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem inekwivoku ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din bl-ebda mod ma timponi fuq dawn l-awtoritajiet l-obbligu li jieħdu miżuri sabiex itemmu l-eżistenza ta’ monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri tal-elettriku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    40

    Madankollu, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti li għamlitilha d-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida parallela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, u sa fejn hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-eżistenza ta’ monopolju fuq is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku fis-swieq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem u dawk tal-istess ġurnata, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2015/1222 jipprevedi li, jekk monopolju nazzjonali legali għas-servizzi ta’ kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem u dawk tal-istess ġurnata fl-elettriku, li jeskludi n-nomina ta’ diversi NEMO, ikun diġà jeżisti fi Stat Membru fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn dan id-dħul fis-seħħ u jista’ jirrifjuta n-nomina ta’ iktar minn NEMO għal kull żona ta’ preżentazzjoni tal-offerti.

    42

    Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 5 jispeċifika li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, monopolju nazzjonali legali jitqies li jeżisti meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi b’mod espliċitu li ma jistax ikun hemm iktar minn entità waħda fl-Istat Membru jew f’żona ta’ preżentazzjoni tal-offerti tal-Istat Membru li twettaq servizzi ta’ kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 5 jżid, b’mod partikolari, li, jekk, abbażi ta’ rapport li għandu jiġi redatt sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tqis li xejn ma jiġġustifika ż-żamma tal-monopolji nazzjonali legali jew ir-rifjut kontinwu ta’ Stat Membru li jawtorizza kummerċ transkonfinali minn NEMO nnominat fi Stat Membru ieħor, hija tista’ tipprevedi miżuri leġiżlattivi jew xierqa sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni u l-kummerċ fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom.

    43

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li għalkemm, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/1222, jiġifieri, skont l-Artikolu 84 tiegħu, fl‑14 ta’ Awwissu 2015, fi Stat Membru kien jeżisti monopolju nazzjonali legali għas-servizzi ta’ kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-elettriku, dan l-Istat Membru jista’, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2015/1222, iżomm dan il-monopolju, fil-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu u, konsegwentement, jista’ jirrifjuta n-nomina ta’ iktar minn NEMO wieħed għal kull żona ta’ preżentazzjoni tal-offerti.

    44

    Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li, f’din id-data, tali monopolju għas-servizzi ta’ kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-elettriku kien jeżisti fir-Rumanija, favur OPCOM, inkwantu operatur innominat tas-suq tal-elettriku, fis-sens tal-punt 23 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, u d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija barra minn hekk, essenzjalment, riprodotta fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, li l-Kummissjoni kienet ġiet informata b’dan konformement ma’ kif previst mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2015/1222, u li din tal-aħħar, f’dan l-istadju, ma adottat ebda miżura leġiżlattiva jew xierqa, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan l-aħħar regolament, li timponi li dan jintemm.

    45

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li mir-Regolament 2019/943, b’mod partikolari mill-Artikolu 1(b) u (c), mill-punt 40 tal-Artikolu 2 kif ukoll mill-Artikolu 3 tiegħu, moqri flimkien mad-Direttiva 2009/72, u mill-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/1222 jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li Stat Membru jżomm monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku li jikkonċerna s-swieq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, peress li dan il-monopolju kien diġà jeżisti f’dan l-Istat Membru fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/1222.

    46

    Fit-tieni lok, sa fejn hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-eżistenza ta’ monopolju fuq is-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku fis-suq bl-ingrossa għal żmien twil, għandu jitfakkar li kull miżura nazzjonali relatata ma’ qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Hidroelectrica, C‑648/18, EU:C:2020:723, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, peress li tali servizzi ta’ intermedjazzjoni ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tikkonċerna tali monopolju fis-suq bl-ingrossa futur tal-elettriku, għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 48).

    47

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għal sistema ta’ esklużività favur operatur wieħed, pubbliku jew privat, tista’ b’mod partikolari tikkostitwixxi restrizzjoni kemm għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata), u fir-rigward tagħha għandu għaldaqstant jiġi evalwat jekk hija tistax tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, jekk ikun il-każ, jekk hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan segwit jintlaħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 165 u 166 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Madankollu, fir-rigward ta’ din il-kawża, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ provvista libera ta’ servizzi ma humiex, fil-prinċipju, applikabbli għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 50).

    49

    Fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-erba’ ipoteżijiet li fihom, madankollu, jista’ jkun neċessarju, għas-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, li tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-libertajiet fundamentali minkejja li l-elementi kollha tal-imsemmija tilwimiet ikunu limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed, li wassalha sabiex tiddikjara li dawk it-talbiet għal deċiżjoni preliminari kienu ammissibbli (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C‑343/17, EU:C:2018:754, punt 20).

    50

    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punt 54 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), li, f’dawn l-erba’ ipoteżijiet, hija ma tistax, mingħajr indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju għajr il-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali hija neċessarja sabiex hija tkun tista’ tasal għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha. Fil-fatt, l-elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima, li l-elementi kollha tagħha jkunu limitati għal ġewwa l-Istat Membru kkonċernat, u dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, ukoll, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C‑343/17, EU:C:2018:754, punt 21).

    51

    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punt 55 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), li, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindikalha, konformement ma’ kif mitlub mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura tagħha purament interna, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jirrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

    52

    B’mod iktar partikolari, minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta li, sabiex jiġi kkunsidrat li teżisti tali rabta, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha turi l-elementi konkreti, jiġifieri indizji mhux ipotetiċi, iżda ċerti, li jippermettu li tiġi stabbilita, b’mod pożittiv, l-eżistenza tagħha, peress li l-qorti tar-rinviju ma tistax sempliċement tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi li jistgħu jippermettu li ma tiġix eskluża l-eżistenza ta’ tali rabta jew li, meqjusa b’mod astratt, jistgħu jikkostitwixxu indizji f’dan is-sens, iżda għandha, għall-kuntrarju, tipprovdi elementi oġġettivi u konkordanti li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-eżistenza tal-imsemmija rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C‑343/17, EU:C:2018:754, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari jgħoddu, a fortiori, sabiex jiġi ddeterminat jekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tistax, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha.

    54

    Issa, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, li turi li t-tilwima fil-kawża prinċipali, bejn kumpannija rregolata mid-dritt Rumen u l-awtorità regolatorja Rumena dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tirrifjuta lil din il-kumpannija, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għoti ta’ liċenzja għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-amministrazzjoni tas-swieq tal-elettriku fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għandha, minkejja din in-natura purament interna, rabta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-liberatijet fundamentali u li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ għaldaqstant taħt waħda mill-erba’ ipoteżijiet imsemmija fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874).

    55

    B’mod partikolari, minkejja li l-Federaţia Europeană a Comercianţilor de Energie (il-Federazzjoni Ewropea tal-Kummerċjanti tal-Enerġija) hija intervenjenti fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda element li jindika x’inhu l-involviment tagħha f’din il-kawża u lanqas ma ssemmi sa fejn l-intervent ta’ din il-federazzjoni fl-imsemmija kawża, biss fl-istadju tar-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa tali li jagħti tali rabta lill-istess kawża.

    56

    Bl-istess mod, minkejja li, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kuntest leġiżlattiv applikabbli, l-elettriku jista’ jkun is-suġġett ta’ kummerċ transkonfinali u s-servizzi ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu, fl-astratt, jiġu pprovduti minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, għandu jiġi kkonstatat li tali ipoteżijiet, li barra minn hekk lanqas ma huma previsti mill-qorti tar-rinviju, huma, f’dan il-każ u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, manifestament insuffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi b’mod pożittiv li waħda mil-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat FUE hija applikabbli għall-kawża prinċipali.

    57

    Sussegwentement, għalkemm mir-Regolament 2019/943, b’mod partikolari mill-Artikolu 1(b) u (c), mill-punt 40 tal-Artikolu 2 kif ukoll mill-Artikolu 3 ta’ dan, moqri flimkien mad-Direttiva 2009/72, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li Stat Membru jżomm monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku li jikkonċerna s-suq bl-ingrossa futur, din l-interpretazzjoni hija bla ħsara għal analiżi, jekk ikun il-każ, tal-legalità taż-żamma ta’ tali monopolju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, dawk dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    58

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament 2019/943, b’mod partikolari l-Artikolu 1(b) u (c), il-punt 40 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha jinżamm monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku li jikkonċerna s-swieq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, sakemm dan il-monopolju kien diġà jeżisti f’dan l-Istat Membru fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/1222, skont l-Artikolu 5 ta’ dan;

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha jinżamm monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku li jikkonċerna s-suq bl-ingrossa futur, u l-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju ta’ dan.

    Fuq it‑tielet domanda

    59

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, li minnha jirriżulta, essenzjalment, li l-Artikolu 5 tar-Regolament 2015/1222 jippermetti, fil-kundizzjonijiet li huwa jispeċifika, iż-żamma ta’ monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku li jikkonċerna s-swieq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, it-tielet domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 101 u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 106(1) TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fuq il-livell ta’ dan l-Istat Membru, liċenzja waħda u unika tista’ tingħata għall-finijiet tat-twettiq ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku fis-suq bl-ingrossa futur.

    60

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħtieġa li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, mill-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni biss abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 36).

    61

    Dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni japplika b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2021, Poste Italiane et Agenzia delle entrate – Riscossione, C‑434/19 u C‑435/19, EU:C:2021:162, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet oħra interessati l-possibbiltà li jippreżentaw b’mod effettiv osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi ssalvagwardata, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tagħhom u li hija għandha tosserva bir-reqqa (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

    64

    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 106(1) TFUE. B’mod partikolari, dik il-qorti ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli fil-kawża prinċipali, u lanqas kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikser dawn id-dispożizzjonijiet.

    65

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għat-tielet domanda, għandu jiġi kkonstatat li din hija inammissibbli.

    Fuq l‑ispejjeż

    66

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku, b’mod partikolari l-Artikolu 1(b) u (c), il-punt 40 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha jinżamm monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku li jikkonċerna s-swieq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, sakemm dan il-monopolju kien diġà jeżisti f’dan l-Istat Membru fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linja Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni, skont l-Artikolu 5 ta’ dan;

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha jinżamm monopolju nazzjonali legali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tal-offerti ta’ bejgħ u ta’ xiri ta’ elettriku li jikkonċerna s-suq bl-ingrossa futur, u l-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju ta’ dan.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Top