EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0686

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
OC et et vs Banca d'Italia et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikoli 63 et seq. TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 107 et seq. TFUE – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment – Artikolu 29 – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(4) – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 241/2014 – Standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji applikabbli għall-istituzzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi limitu massimu ta’ attiv għall-banek popolari kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi u li tippermetti l-limitazzjoni tad-dritt għat-tifdija tal-azzjonijiet tas-soċji li jirtiraw.
Kawża C-686/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:567

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikoli 63 et seq. TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 107 et seq. TFUE – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ intrapriża – Dritt għall-proprjetà – Regolament (UE) Nru 575/2013 – Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-impriżi ta’ investiment – Artikolu 29 – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(4) – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 241/2014 – Standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji applikabbli għall-istituzzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi limitu massimu ta’ attiv għall-banek popolari kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi u li tippermetti l-limitazzjoni tad-dritt għat-tifdija tal-azzjonijiet tas-soċji li jirtiraw”

Fil-Kawża C‑686/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

OC et,

Associazione Difesa Utenti Servizi Bancari Finanziari Postali Assicurativi – Adusbef,

Federazione Nazionale di Consumatori ed Utenti – Federconsumatori,

PB et,

QA et

vs

Banca d’Italia,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

fil-preżenza ta’:

Banca Popolare di Sondrio ScpA,

Veneto Banca ScpA,

Banco Popolare – Società Cooperativa,

Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons),

Banco BPM SpA,

Unione di Banche Italiane – Ubi Banca SpA,

Banca Popolare di Milano,

Amber Capital Italia SGR SpA,

RZ et,

Amber Capital UK LLP,

Unione di Banche Italiane – Ubi Banca ScpA,

Banca Popolare di Vicenza ScpA,

Banca Popolare dell’Etruria e del Lazio SC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OC et, minn F. Capelli, F. S. Marini u U. Corea, avvocati,

għal Banca d’Italia, minn D. La Licata, M. Perassi u R. D’Ambrosio, avvocati,

għal Banca Popolare di Sondrio ScpA, minn G. Tanzarella, A. Sandulli, P. Mondini u C. Tanzarella, avvocati,

għal Unione di Banche Italiane – Ubi Banca SpA, minn G. Lombardi u G. de Vergottini, avvocati,

għal Amber Capital Italia SGR SpA u Amber Capital UK LLP, minn G. Sciacca u P. Cardellicchio, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u G. M. De Socio, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, H. Krämer u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3, tal-Artikoli 63 et seq. kif ukoll tal-Artikoli 107 et seq. TFUE, tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2), tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), kif ukoll tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU 2014, L 74, p. 8).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, l-ewwel waħda, OC et, minn naħa, u Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja) u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja), min-naħa l-oħra, it-tieni waħda, l-Associazione Difesa Utenti Servizi Bancari Finanziari Postali Assicurativi – Adusbef, il-Federazione Nazionale di Consumatori ed Utenti – Federconsumatori u PB et, minn naħa, u l-Bank tal-Italja, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri kif ukoll il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja), min-naħa l-oħra, u, it-tielet waħda, QA et u l-Bank tal-Italja, dwar atti adottati mill-Bank tal-Italja fil-kuntest tal-kompitu ta’ superviżjoni prudenzjali tiegħu fir-rigward tal-banek popolari Taljani.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 575/2013

3

Skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 575/2013:

“Dan ir-Regolament għandu, fost l-oħrajn, ikun fih ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet marbutin strettament mal-funzjonament tas-swieq tas-servizzi bankarji u finanzjarji u huma maħsuba biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja tal-operaturi f’dawk is-swieq kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u d-depożituri. […]”

4

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament jistabbilixxi regoli uniformi li jikkonċernaw ir-rekwiżiti prudenzjali ġenerali li l-istituzzjonijiet kollha li huma s-suġġett ta’ superviżjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 1) għandhom josservaw fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, tar-rekwiżiti li jillimitaw ir-riskji l-kbar, tar-rekwiżiti ta’ likwidità, tal-obbligi ta’ rrapportar, tal-ingranaġġ finanzjarju u tal-obbligi ta’ pubblikazzjoni.

5

Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) tal-imsemmi regolament, l-istrumenti kapitali jikkonsistu f’elementi ta’ ekwità komuni tal-grad 1 tal-istituzzjonijiet, kemm-il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29, tal-istess regolament.

6

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 575/2013, intitolat “Strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-istrumenti ta’ kapital għandhom jikkwalifikaw bħala strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 biss jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

[…]

(e)

l-istrumenti jkunu perpetwi;

[…]”

7

L-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Strumenti ta’ kapital maħruġa minn impriżi mutwali, soċjetajiet kooperattivi, istituzzjonijiet ta’ tfaddil u istituzzjonijiet simili”, jipprovdi:

“1.   L-istrumenti ta’ kapital maħruġa minn soċjetà mutwali jew kooperattivi, istituzzjonijiet ta’ tfaddil u istituzzjonijiet simili għandhom jikkwalifikaw bħala strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 biss jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28 bil-modifiki li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jiġu ssodisfati.

2.   Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ tifdija tal-istrumenti ta’ kapital:

(a)

ħlief meta pprojbit skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-istituzzjoni għandha tkun tista’ tirrifjuta t-tifdija tal-istrumenti;

(b)

meta r-rifjut mill-istituzzjoni tat-tifdija tal-istrumenti jkun pprojbit skont id-dritt nazzjonali applikabbli, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istumenti għandhom jagħtu l-kapaċità lill-istituzzjoni li tillimita t-tifdija tagħhom;

(c)

ir-rifjut li tifdi l-istrumenti, jew il-limitazzjoni tat-tifdija tal-istrumenti meta applikabbli, jista’ ma jkunx jikkostitwixxi avveniment ta’ inadempjenza tal-istituzzjoni.

[…]

6.   L-[Awtorità Bankarja Ewropea (ABE)] għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika n-natura tal-limitazzjonijiet fuq it-tifdija neċessarja meta r-rifjut tat-tifdija tal-istrumenti ta’ fondi proprji mill-istituzzjoni tkun ipprojbita skont id-dritt nazzjonali applikabbli.

[…]

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12)].”

8

L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Konsegwenzi għall-fatt li l-kondizzjonijiet għal strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 ma jibqgħux issodisfatti”, huwa fformulat kif ġej:

“Dawn li ġejjin għandhom japplikaw fejn, fil-każ ta’ strument ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1, il-kondizzjoniiet stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, fejn applikabbli, l-Artikolu 29 ma jibqgħux jiġu ssodisfati:

(a)

dak l-istrument għandu immedjatament ma jibqax jikkwalifika bħala strument ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1;

(b)

il-kontijiet tal-primjum azzjonarju b’rabta ma’ dak l-istrument għandhom immedjatament ma jibqgħux jikkwalifikaw bħala elementi ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1.”

Ir-Regolament Nru 1024/2013

9

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kompiti speċifiċi marbuta mal-politiki fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jikkontribwixxi għas-sigurtà u għas-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea u f’kull Stat Membru, filwaqt li jieħu kompletament inkunsiderazzjoni l-unità u l-integrità tas-suq intern u filwaqt li josserva f’dan ir-rigward dmir ta’ diliġenza, abbażi ta’ trattament ugwali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jiġi evitat arbitraġġ regolatorju.

10

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ superviżjoni uniku (MSU), ikkostitwit mill-BĊE stess u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u għandu jkun responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti ta’ dan il-mekkaniżmu.

11

L-Artikolu 6(4) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-BĊE għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas tal-proċeduri, u soġġett għall-proċeduri, imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:

dawk li huma inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, jew individwalment fil-każ speċifiku tal-fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. Is-sinifikanza għandha tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(i)

id-daqs;

(ii)

l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru parteċipanti;

(iii)

is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu hawn fuq, istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:

(i)

il-valur totali tal-assi tagħha jaqbeż EUR 30 biljun;

(ii)

il-proporzjon tal-assi totali tagħha fuq il-[prodott domestiku gross (PDG)] tal-Istat Membru parteċipanti tal-istabbiliment jaqbeż 20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx taħt il-5 biljun euro;

(iii)

wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha li hija tqis tali istituzzjoni bħala li għandha rilevanza sinifikanti rigward l-ekonomija domestika, il-BĊE jieħu deċiżjoni li tikkonferma tali sinifikanza wara valutazzjoni komprensiva mill-BĊE, inkluż valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija.

Dawk li għalihom assistenza finanzjarja pubblika ġiet rikjesta jew riċevuta direttament mill-[Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ewropea (EFSF)] jew il-[Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES)] ma għandhomx jitqiesu bħala inqas sinifikanti.

Minkejja s-subparagrafi preċedenti, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti f’kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm mhux iġġustifikat minħabba ċirkostanzi partikolari.”

Ir-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014

12

Il-premessa 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 jipprovdi:

“Sabiex jiġu applikati r-regoli tal-fondi proprji għall-mutwi, is-soċjetajiet kooperattivi, l-istituzzjonijiet tat-tfaddil u istituzzjonijiet simili, l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandhom jitqiesu b’mod xieraq. Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġi żgurat, fost l-oħrajn, li meta jkun xieraq dawn l-istituzzjonijiet ikunu kapaċi jillimitaw it-tifdijiet tal-istrumenti kapitali tagħhom. Għalhekk, meta r-rifjut tat-tifdijiet tal-istrumenti jkun projbit mill-liġi nazzjonali applikabbli għal dawn it-tipi ta’ istituzzjonijiet, huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti jagħtu lill-istituzzjoni l-abbiltà li tiddifferixxi t-tifdija tagħhom u tillimita l-ammont li għandu jiġi mifdi. […]”

13

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabilixxi regoli li jikkonċernaw:

[…]

(d)

in-natura tal-limitazzjonijiet fuq it-tifdija neċessarji meta r-rifjut mill-istituzzjoni għat-tifdija ta’ strumenti ta’ fondi proprji jkun ipprojbit skont il-liġi nazzjonali applikabbli, skont l-Artikolu 29(6) tar-Regolament [Nru 575/2013];

[…]”

14

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Limitazzjonijiet fuq it-tifdija ta’ strumenti kapitali maħruġa minn mutwi, istituzzjonijiet tat-tfaddil, soċjetajiet kooperattivi u istituzzjonijiet simili għall-finijiet tal-Artikolu 29(2)(b) tar-Regolament [Nru 575/2013] u l-Artikolu 78(3) tar-Regolament [Nru 575/2013]”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Istituzzjoni tista’ toħroġ strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni bil-possibbiltà ta’ tifdija biss fejn din il-possibilità hija prevista mil-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   L-abbiltà li l-istituzzjoni tillimita t-tifdija skont id-dispożizzjonjiet li jirregolaw l-istrumenti kapitali kif imsemmi fl-Artikolu 29(2)(b) u 78(3) tar-Regolament [Nru 575/2013], għandha tikkomprendi kemm id-dritt li tiddeferixxi t-tifdija kif ukoll id-dritt li tillimita ammont li se jiġi mifdi. L-istituzzjoni għandha tkun tista’ tiddefferixxi t-tifdija jew tillimita l-ammont li se jiġi mifdi għal perjodu illimitat ta’ żmien skont il-paragrafu 3.

3.   Il-punt safejn il-limitazzjonijiet fuq it-tifdija inklużi fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti għandu jiġi ddeterminat mill-istituzzjoni fuq il-bażi tas-sitwazzjoni prudenzjali tal-istituzzjoni fi kwalunkwe ħin, u wara li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari, iżda mhux biss:

(a)

Is-sitwazzjoni kumplessiva finanzjarja, tal-likwidità u s-solvenza tal-istituzzjoni;

(b)

l-ammont tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, ta’ Grad 1 u l-kapital totali mqabbel mal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kkalkulat skont ir-rekwiżiti stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament [Nru 575/2013], ir-rekwiżiti tal-fondi proprji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 104(1)(a) tad-Direttiva [2013/36], ir-rekwiżit tal-bafer kombinat kif definit fil-punt (6) tal-Artikoli 128 ta’ dik id-Direttiva.”

Id-dritt Taljan

15

L-Artikolu 28(2-ter) tad-decreto legislativo n. 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 – Test Uniku tal-Liġijiet dwar il-Banek u l-Kreditu), tal-1 ta’ Settembru 1993 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 230, tat-30 ta’ Settembru 1993), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 385/1993”), jipprevedi:

“Fil-banek popolari […], id-dritt ta’ tifdija tal-azzjonijiet fil-każ ta’ rtirar, inkluż wara t-trasformazzjoni tal-bank, il-mewt jew l-esklużjoni tas-soċju, għandu jkun limitat skont ir-rekwiżiti imposti mill-Bank tal-Italja, anki b’deroga minn dispożizzjonijiet legali, meta dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet ikunu jistgħu jiġu inklużi fil-grad 1 tal-fondi proprji regolatorji tal-bank. Għall-istess finijiet, il-Bank tal-Italja jista’ jillimita d-dritt għat-tifdija ta’ strumenti oħra ta’ kapital maħruġa.”

16

L-Artikolu 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/1993 jipprovdi:

“1.   Il-banek popolari għandhom ikunu kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

2.   Il-valur nominali tal-azzjonijiet ma jistax ikun inqas minn EUR 2.

2-bis.   L-attiv tal-bank popolari ma jistax jaqbeż l-EUR 8 biljuni. Jekk il-bank huwa l-kumpannija omm ta’ grupp bankarju, dan il-limitu huwa ddeterminat fuq bażi kkonsolidata.

2-ter.   Jekk il-limitu indikat fil-paragrafu 2-bis jinqabeż, il-bord tad-diretturi għandu jsejjaħ laqgħa tal-azzjonisti sabiex jiddetermina l-linja ta’ azzjoni xierqa. Jekk, fi żmien sena minn meta dan jinqabeż, l-attiv ma jkunx tnaqqas taħt il-limitu u ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni sabiex il-bank jiġi ttrasformat f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata […] jew sabiex jiġi llikwidat, il-Bank tal-Italja, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-ammont li bih ikun inqabeż il-limitu, jista’ jimponi projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ operazzjonijiet ġodda […], jew il-miżuri previsti fit-Taqsima I tal-Kapitolu I tat-Titolu IV, jew jista’ jipproponi li l-[BĊE] jirrevoka l-awtorizzazzjoni ta’ twettiq ta’ attivitajiet bankarji u li l-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi jibda stralċ amministrattiv obbligatorja. Dan huwa bla ħsara għas-setgħat ta’ intervent u ta’ sanzjoni mogħtija lill-Bank tal-Italja bis-saħħa ta’ dan id-digriet leġiżlattiv.

2-quater.   Il-Bank tal-Italja għandu jadotta d-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu.

[…]”

17

L-Artikolu 1(2) tad-decreto-legge n. 3, recante “Misure urgenti per il sistema bancario e gli investimenti” (id-Digriet Liġi Nru 3 dwar “Miżuri Urġenti għas-Sistema Bankarja u għall-Investimenti”), tal-24 ta’ Jannar 2015 (ĠURI Nru 19, tal-24 ta’ Jannar 2015), ikkonvertit f’liġi, wara emendi, bil-legge n. 33 (il-Liġi Nru 33), tal-24 ta’ Marzu 2015 (GURI Nru 70, tal-25 ta’ Marzu 2015), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 3/2015”), jipprovdi:

“Meta ssir l-ewwel applikazzjoni ta’ dan id-digriet, il-banek popolari awtorizzati, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, għandhom jadattaw ruħhom għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(2-bis) u (2-ter) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 385/1993], introdotti permezz ta’ dan l-artikolu, fi żmien 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati mill-Bank tal-Italja konformement mal-istess Artikolu 29.”

18

Id-decreto-legge n. 91 (id-Digriet Liġi Nru 91), tal-25 ta’ Lulju 2018 (GURI Nru 171, tal-25 ta’ Lulju 2018), ikkonvertit f’liġi permezz tal-legge n. 108 (il-Liġi Nru 108), tal-21 ta’ Settembru 2018 (GURI Nru 220, tal-21 ta’ Settembru 2018), estenda t-terminu ta’ 18-il xahar previst fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet Liġi Nru 3/2015 sal-31 ta’ Diċembru 2018.

19

Il-Bank tal-Italja, permezz tad-disa’ aġġornament, tad-9 ta’ Ġunju 2015, taċ-Ċirkulari Nru 285, tas-17 ta’ Diċembru 2013, intitolata “Dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni tal-banek” (iktar ’il quddiem id-“9 aġġornament taċ-Ċirkulari Nru 285”), implimenta l-Artikoli 28 u 29 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/1993.

20

B’mod partikolari, fuq il-bażi tal-Artikolu 28(2-ter) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/1993, id-9 aġġornament taċ-Ċirkulari Nru 285 jipprevedi li l-istatuti tal-banek popolari u tal-banek kooperattivi ta’ kreditu għandhom jagħtu lill-korp li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ superviżjoni strateġika, fuq proposta tal-korp li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ ġestjoni, u wara l-opinjoni tal-korp li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ kontroll, il-possibbiltà li jillimita jew li jiddiferixxi, kompletament jew parzjalment u mingħajr limitazzjoni fiż-żmien, it-tifdija tal-azzjonijiet u ta’ strumenti kapitali oħra tas-soċju fil-każ ta’ rtirar (inkluż fil-każ ta’ trasformazzjoni tal-bank), ta’ esklużjoni jew tal-mewt tas-soċju.

21

Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li, ħlief għal tnejn minnhom, il-banek popolari Taljani kollha kkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan preċedenti.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

22

Permezz ta’ tliet rikors distinti, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fetħu kawżi kontra atti tal-Bank tal-Italja, b’mod partikolari d-9 aġġornament taċ-Ċirkulari Nru 285, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li ċaħdithom permezz ta’ sentenzi bin-numri 6548/2016, 6544/2016 u 6540/2016.

23

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li adotta digrieti li ssospendew l-effetti tad-9 aġġornament taċ-Ċirkulari Nru 285 u li għamel domandi dwar il-kostituzzjonalità tad-Digriet Liġi Nru 3/2015.

24

Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), permezz ta’ sentenza bin-numru 99/2018, iddikjarat li dawn id-domandi ma kinux fondati.

25

Wara li kompliet il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar, permezz ta’ digriet bin-numru 3645/2018, estendiet is-sospensjonijiet ordnati preċedentement sad-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza li taqa’ t-tilwima fuq il-mertu, bl-eċċezzjoni tas-sospensjoni dwar it-terminu ta’ 18-il xahar previst fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet Liġi Nru 3/2015, li kien diġà s-suġġett ta’ estensjoni legali sad-data tal-31 ta’ Diċembru 2018.

26

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 29 tar-Regolament [Nru 575/2013], l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014, l-Artikoli 16 u 17 tal-[Karta], b’riferiment għall-Artikolu 6(4) tar-[Regolament Nru 1024/2013], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik introdotta permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 3/2015, […] li timponi limitu ta’ attiv li lil hinn minnu l-bank popolari huwa obbligat li jittrasforma ruħu f’kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata, filwaqt li tiffissa dan il-limitu għal EUR 8 biljuni ta’ attiv? Barra minn hekk, l-imsemmija parametri tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ trasformazzjoni tal-bank popolari f’kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata, tippermetti lill-istituzzjoni tiddifferrixxi jew tillimita, anki għal żmien indeterminat, ir-rimbors [it-tifdija] tal-azzjonijiet tas-soċju li jirtira?

2)

L-Artikoli 3 u 63 et seq. TFUE dwar il-kompetizzjoni fis-suq intern u l-moviment liberu tal-kapital, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik introdotta permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 3/2015 […] li tillimita l-eżerċizzju tal-attività bankarja fil-forma ta’ kooperattiva sa limitu determinat ta’ attiv, billi tobbliga lill-istituzzjoni tittrasforma ruħha f’kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata fil-każ li dan il-limitu jinqabeż?

3)

L-Artikoli 107 et seq. TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik introdotta permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 3/2015 […] li timponi t-trasformazzjoni tal-bank popolari f’kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata fil-każ li jinqabeż ċertu limitu ta’ attiv (stabbilit għal EUR 8 biljuni), filwaqt li tipprevedi restrizzjonijiet fuq ir-rimbors tal-ishma tas-soċju fil-każ ta’ rtirar, sabiex tiġi evitata l-likwidazzjoni possibbli tal-bank ittrasformat?

4)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 29 tar-[Regolament Nru 575/2013] u tal-Artikolu 10 tar-[Regolament ta’ Delega Nru 241/2014], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista mill-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 3/2015 […], hekk kif interpretata mill-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenza tagħha Nru 99/2018, li tippermetti lill-bank popolari jiddifferixxi r-rimbors għal perijodu illimitat u jillimita kompletament jew parzjalment l-ammont?

5)

Fil-każ li, fl-interpretazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija kompatibbli mal-interpretazzjoni prevista mill-kontropartijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa l-konformità mad-dritt Ewropew tal-Artikolu 10 tar-[Regolament ta’ Delega Nru 241/2014], fid-dawl tal-Artikolu 16 u 17 tal-[Karta], […], integrat, anki fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-istess Karta […] u tal-ġurisprudenza tal-[Qorti Ewropea tad-Drittijiet mill-Bniedem] dwar l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta din il-kawża għal proċedura mħaffa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2019, Adusbef et (C‑686/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:68).

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

29

Unione di Banche Italiane – Ubi Banca SpA tqis li, sa fejn din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet wara li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija konformi mal-Kostituzzjoni Taljana, jeżisti riskju ta’ inkompatibbiltà bejn il-proċedura nazzjonali quddiem il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u din it-talba, b’tali mod li din tal-aħħar hija inammissibbli fl-intier tagħha.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-qorti nazzjonali għandha tkun ħielsa li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe mument tal-proċedura li fil-fehma tagħha jkun xieraq, u anki wara proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità, kwalunkwe domanda preliminari li fil-fehma tagħha tkun meħtieġa (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 52, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 22).

31

Issa, ikun hemm theddida għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni u limitazzjoni għall-effett utli tal-Artikolu 267 TFUE jekk, minħabba l-eżistenza ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità, il-qorti nazzjonali tkun prekluża milli tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u milli tapplika immedjatament id-dritt tal-Unjoni b’mod konformi mad-deċiżjoni jew mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 23).

32

Bħala qorti suprema, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu saħansitra l-obbligu, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hekk kif jikkonstata li l-mertu tat-tilwima jinvolvi kwistjoni li għandha tiġi deċiża u li taqa’ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u dan minkejja li, fil-kuntest tal-istess tilwima, huwa jista’ jagħmel domanda lill-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat dwar il-kostituzzjonalità tar-regoli nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 72).

33

Għaldaqstant, il-fatt li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tat deċiżjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Taljana ma għandu l-ebda impatt fuq dan l-obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja jsirulha domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 25).

34

Minn dan jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi ddikjarata li hija inammissibbli minħabba dan il-fatt.

35

Barra minn hekk, il-Bank tal-Italja, Unione di Banche Italiane – Ubi Banca, Banca Popolare di Milano, Amber Capital Italia SGR SpA, Amber Capital UK LLP, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-domandi preliminari huma, kompletament jew parzjalment, inammissibbli minħabba li l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju huma insuffiċjenti u minħabba li dawn id-domandi ma humiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawżi prinċipali.

36

Fir-rigward tal-indikazzjonijiet li għandhom ikunu inklużi fi kwalunkwe talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-qafas fattwali u regolamentari li fih tagħmel id-domandi jew li, minn tal-inqas, il-qorti nazzjonali tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni fuq il-bażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (digrieti tal-5 ta’ Ottubru 2017, OJ, C‑321/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:741, punt 12, u tal-5 ta’ Ġunju 2019, Wilo Salmson France, C‑10/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:464, punt 12).

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti wkoll fuq l-importanza tal-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex ikollha dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa meħtieġ li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar diġà ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, tagħti minimu ta’ spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tkun qiegħda titlob l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll dwar ir-rabta li hija tara bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima li jkollha quddiemha (digrieti tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 20, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2019, Wilo Salmson France, C‑10/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:464, punt 13).

38

Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li tiegħu l-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija meqjusa li għandha għarfien u li hija mistennija tosserva b’mod rigoruż (digrieti tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 18; tal-5 ta’ Ġunju 2019, Wilo Salmson France, C‑10/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:464, punt 14, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2019, P.J., C‑513/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:953, punt 15). Dawn ir-rekwiżiti huma mfakkra fil-punt 15 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

39

Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali għandha tiġi miċħuda meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Apple, C‑421/13, EU:C:2014:2070, punt 30, u digriet tas-17 ta’ Jannar 2019, Cipollone, C‑600/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:29, punt 21).

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti preċedenti kollha li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel domanda

41

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013, l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu massimu ta’ tmien biljun euro f’attiv u li tipprovdi li jekk dan il-limitu massimu jinqabeż il-banek popolari kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata jkunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

42

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1024/2013 jistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju, fil-kuntest tal-MSU, ikkostitwit mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, tal-kompiti li dan ir-regolament jagħti lill-BĊE fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

43

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, essenzjalment, il-kriterji li jippermettu li jiġu ddeterminati l-każijiet li fihom dawn il-kompiti għandhom jiġu eżerċitati mill-BĊE waħdu u l-każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jassistu lil dan tal-aħħar fit-twettiq tal-imsemmija kompiti, permezz ta’ implimentazzjoni deċentralizzata ta’ wħud minnom fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-istess Artikolu 6(4) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 41).

44

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jistabbilixxi ebda limitu massimu ta’ attiv li fil-każ li jinqabeż il-banek popolari jkunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, inaqqsu l-attiv tagħhom jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom. Din id-dispożizzjoni la teżiġi u lanqas ma teskludi l-iffissar ta’ tali limitu massimu.

45

Il-limitu minimu ta’ 30 biljun euro f’attiv stabbilit fil-punt (i) tat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 6(4) huwa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni sabiex jiġu identifikati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma għandhomx jitqiesu li huma inqas sinjifikattivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(4).

46

Għaldaqstant, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma għandu ebda konnessjoni mal-limitu massimu ta’ tmien biljun euro f’attiv stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

47

Bl-istess mod, la l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013 u lanqas l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 ma għandhom konnessjoni ma’ dan il-limitu massimu.

48

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, li jipprevedu, fil-kuntest tar-regoli dwar ir-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti minn dawn ir-regolamenti fil-qasam ta’ fondi proprji, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-istrumenti kapitali maħruġa minn soċjetajiet mutwali jew kooperattivi, istituzzjonijiet ta’ tfaddil jew istituzzjonijiet simili jkunu eliġibbli bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1, ma jistabbilixxux livell massimu ta’ attiv li fil-każ li jinqabeż dawn is-soċjetajiet u istituzzjonijiet ikunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limtitata, inaqqsu l-attiv tagħhom jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jobbligawx lill-Istati Membri jistabbilixxu tali livell massimu, u lanqas ma jipprekluduhom milli jagħmlu dan.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-livell massimu ta’ attiv stabbilit fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tidher li hija manifestament irrilevanti.

50

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju la tispjega r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tagħha, tali interpretazzjoni hija rilevanti għall-finijiet li tinqata’ t-tilwima li għandha quddiemha u lanqas ma tispjega r-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u din il-leġiżlazzjoni.

51

Fir-rigward tat-talba għal interpetazzjoni tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, jippreżumi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni li tmur lil hinn mill-fatt li s-suġġetti kkonċernati jkunu relatati jew li wieħed mis-suġġetti jkollu impatt indirett fuq is-suġġett l-ieħor (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24; tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 34, u tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et, C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 14).

53

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux japplikaw fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 26, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35).

54

Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha ma tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu limitu massimu ta’ attiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li fil-każ li jinqabeż il-banek popolari kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata jkunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limtitata, inaqqsu l-attiv tagħhom jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tal-ewwel domanda hija inammissibbli fl-intier tagħha.

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda

56

It-tieni domanda tikkonċerna l-konformità mal-Artikoli 3 kif ukoll 63 et seq. TFUE ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu massimu ta’ attiv għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet bankarji fil-forma ta’ banek popolari, li fil-każ li jinqabeż dawn il-banek, ikkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata, ikunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, inaqqsu l-attiv tagħhom b’tali mod li jkun inqas minn dan il-livell massimu jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom.

57

Din id-domanda hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 TFUE peress li l-qorti tar-rinviju sempliċement titlob interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni “dwar il-kompetizzjoni fis-suq intern” u peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubju dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u lanqas dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din tal-aħħar u t-tilwima fil-kawżi prinċipali.

Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet domanda

58

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 107 et seq. TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tistabbilixxi limitu massimu ta’ attiv li fil-każ li jinqabeż il-banek popolari kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata jkunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, inaqqsu l-attiv tagħhom b’tali mod li jkun inqas minn dan il-livell massimu jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom, u li, min-naħa l-oħra, tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tillimita t-tifdija tas-sehem tas-soċju li jirtira, sabiex tiġi evitata eventwali likwidazzjoni.

59

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tindikax bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li wassluha sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u lanqas ma tindika r-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

60

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex hija tista’ tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tagħti vantaġġ, li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi miżura selettiva, li l-għajnuna toriġina mir-riżorsi tal-Istat jew li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma tagħtix lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li jippermettu li jiġi evalwat jekk tali miżura tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex, fir-rigward tat-tielet domanda, konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura u ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli għal din id-domanda li, għaldaqstant, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames domanda

62

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-validità tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014.

63

F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-qorti tar-rinviju tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex ikollha dubji dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li fil-fehma tagħha għaldaqstant ikunu jistgħu jiġu kkonstatati (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità ta’ att tal-Unjoni jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tal-motivi ta’ invalidità ppreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-validità ta’ dan l-att jew ta’ dawn id-dispożizzjonijiet timplika l-inammissibbiltà tad-domandi dwar il-validità tagħhom (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 50).

65

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-raġunijiet li wassluha sabiex ikollha dubji dwar il-validità tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames domanda hija inammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda u fuq ir-raba’ domanda

67

It-tieni parti tal-ewwel domanda u r-raba’ domanda jikkonċernaw il-kompatibbiltà ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-banek popolari jillimitaw it-tifdija tal-istrumenti ta’ fondi proprji tagħhom.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li s-suġġett tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, kif imfakkar fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, ma għandu ebda konnessjoni ma’ tali possibbiltà li tiġi llimitata t-tifdija ta’ strumenti ta’ fondi proprji u li, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija irrilevanti f’dan ir-rigward. B’hekk, dawn id-domandi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid billi tiġi eskluża l-imsemmija dispożizzjoni.

69

B’hekk, permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha u permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013, l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lil bank popolari stabbilit f’dan l-Istat Membru jiddiferixxi għal perijodu illimitat it-tifdija tas-sehem tas-soċju li jirtira u jillimita l-ammont tagħha.

 Fuq l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014

70

Mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 575/2013 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li dan ir-regolament jinkludi b’mod partikolari r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet li jikkonċernaw strettament il-funzjonament tas-swieq tas-servizzi bankarji u finanzjarji u li huma intiżi li jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja tal-operaturi f’dawn is-swieq kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u tad-depożitaturi.

71

Konformement mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti prudenzjali ġenerali li l-istituzzjonijiet kollha li huma s-suġġett ta’ superviżjoni bis-saħħa tad-Direttiva 2013/36 għandhom josservaw fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji.

72

Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex strumenti ta’ kapital ikunu eliġibbli bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1 u li l-Artikolu 29 tal-istess regolament jipprevedi kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfatti għal dan il-għan fir-rigward tal-istrumenti ta’ kapital maħruġa minn soċjetajiet mutwali jew kooperattivi, istituzzjonijiet ta’ tfaddil jew istituzzjonijiet simili.

73

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 29(2)(a) tar-Regolament Nru 575/2013, l-istituzzjoni għandha tkun tista’ tirrifjuta li tifdi dawn l-istrumenti ħlief fil-każ li d-dritt nazzjonali jipprojbixxi dan. F’dan il-każ tal-aħħar, l-Artikolu 29(2)(b) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-imsemmija strumenti għandhom jagħtu lill-istituzzjoni l-possibbiltà li tillimita din it-tifdija.

74

Fuq il-bażi tal-Artikolu 29(6) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni adottat regoli li jispeċifikaw il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà li tiġi llimitata t-tifdija ta’ strumenti kapitali maħruġa minn soċjetajiet mutwali jew kooperattivi, minn istituzzjonijiet ta’ tfaddil jew minn istituzzjonijiet simili. Dawn ir-regoli jinsabu fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014.

75

B’hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, l-imsemmija possibbiltà tinkludi d-dritt li t-tifdija tiġi ddifferita u d-dritt li jiġi llimitat l-ammont tagħha.

76

It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tispeċifika li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati għal perijodu illimitat skont l-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament ta’ delega, li jipprevedi li l-portata tal-limiti ta’ tifdija previsti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istrumenti kapitali għandha tiġi ddeterminata mill-istituzzjoni kkonċernata b’tali mod li tieħu inkunsiderazzjoni f’kull mument is-sitwazzjoni prudenzjali tagħha u b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, is-sitwazzjoni ġenerali ta’ din l-istituzzjoni f’termini ta’ finanzi, ta’ likwidità u ta’ solvenza kif ukoll l-ammont tal-ekwità komuni tal-grad 1, tal-fondi proprji tal-grad 1 u tat-total tal-fondi proprji fil-konfront tal-ammont totali ta’ espożizzjoni għar-riskju, ikkalkolati skont ir-rekwiżiti preċiżi li għalihom jirreferi l-Artikolu 10(3)(b) tal-istess regolament ta’ delega.

77

Għaldaqstant, mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013 u mill-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 jirriżulta, minn naħa, li l-eliġibbiltà tal-istrumenti kapitali maħruġa minn soċjetajiet mutwali jew kooperattivi, minn istituzzjonijiet ta’ tfaddil jew minn istituzzjonijiet simili bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1 hija suġġetta, fil-każ li d-dritt nazzjonali jipprojbixxi lil tali istituzzjonijiet milli jirrifjutaw li jifdu l-istrumenti ta’ fondi proprji tagħhom, għall-kundizzjoni li l-istituzzjonijiet inkwistjoni jkollhom il-possibbiltà jillimitaw din it-tifdija, li tinkludi d-dritt li jiddiferixxu t-tifdija u d-dritt li jillimitaw l-ammont tagħha, u, min-naħa l-oħra, li l-portata tal-limiti ta’ tifdija għandha tiġi ddeterminata mill-istituzzjoni kkonċernata billi tieħu inkunsiderazzjoni, f’kull mument, is-sitwazzjoni prudenzjali tagħha.

78

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprojbixxu lill-banek popolari Taljani milli jirrifjutaw li jifdu l-istrumenti ta’ fondi proprji. Għall-kuntrarja, huma jippermettulhom jillimitaw it-tifdija tal-azzjonijiet fil-każ ta’ rtirar ta’ soċju meta dan jirriżulta neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kapitali maħruġa minn dawn il-banek ikunu jistgħu jiġu kkontabilizzati bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-imsemmija banek jistgħu jiddiferixxu din it-tifdija għal perijodu illimitat u jistgħu jillimitaw kompletament jew parzjalment l-ammont mifdi.

79

Issa, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014, fil-każ li d-dritt nazzjonali jipprojbixxi li tiġi rrifjutata t-tifdija tal-istrumenti ta’ fondi proprji, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 29(2)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 tippermetti li din it-tifdija tiġi ddifferita u li l-ammont tagħha jiġi llimitat għal perijodu illimitat skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, jiġifieri sakemm u sa fejn dan ikun meħtieġ fir-rigward tas-sitwazzjoni prudenzjali tagħhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni.

80

Għaldaqstant, l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-banek popolari stabbiliti f’dan l-Istat Membru milli jirrifjutaw it-tifdija tal-istrumenti ta’ fondi proprji iżda li, meta dan jirriżulta meħtieġ għall-finijiet li jiġi żgurat li l-istrumenti kapitali maħruġa minn dawn il-banek ikunu eliġibbli bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1, tippermetti lill-imsemmija banek jiddiferixxu għal perijodu illimitat it-tifdija tal-azzjonijiet tas-soċju li jirtira jew jillimitaw kompletament jew parzjalment l-ammont mifdi.

– Fuq l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta

81

Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjonijiet u l-prassi nazzjonali.

82

Il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 25, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2018, Spika et, C‑540/16, EU:C:2018:565, punt 34).

83

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ intrapriża ma hijiex prerogattiva assoluta. Hija tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-poter pubbliku li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 4546; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 28, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2017, BB construct, C‑534/16, EU:C:2017:820, punt 36).

84

Konformement mal-Artikolu 17(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt, u l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà ggarantit minn din id-dispożizzjoni ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 6970).

86

Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha, bħalma huma l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, kemm-il darba dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet u kemm-il darba, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

87

Il-possibbiltà, irrikonoxxuta lill-banek popolari permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jillimitaw it-tifdija tal-istrumenti ta’ fondi proprji tagħhom meta dan jirriżulta meħtieġ għall-finijiet li jiġi żgurat li l-istrumenti kapitali maħruġa minnhom ikunu jistgħu jiġu kkontabilizzati bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1 hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

88

Il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta u d-dritt għall-proprjetà rrikonoxxut fl-Artikolu 17 tagħha huwa osservat minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi possibbiltà li tiġi llimitata t-tifdija tal-azzjonijiet fil-każ ta’ rtirar ta’ soċju, intiża li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 29(2)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 sabiex l-azzjonijiet ikunu eliġibbli bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1.

89

Fil-fatt, minn naħa, din il-possibbiltà ma timplikax ċaħda tal-proprjetà u għalhekk ma tikkostitwixxix intervent li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà. Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li l-imsemmija possibbiltà tillimita l-libertà ta’ intrapriża, hija xorta waħda tosserva l-kontenut essenzjali ta’ din il-libertà peress li ma tipprekludix l-eżerċizzju tal-attività bankarja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-soċjetajiet kooperattivi jsegwu prinċipji ta’ funzjonament partikolari li jiddistingwuhom b’mod ċar minn operaturi ekonomiċi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 55).

90

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, minbarra li hija intiża li timplimenta din il-kundizzjoni billi tipprevedi l-imsemmija possibbiltà, il-qorti tar-rinviju tindika li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiżgura allinjament bejn il-forma ġuridika u d-daqs ta’ bank popolari kif ukoll l-osservanza tar-regoli prudenzjali tal-Unjoni li japplikaw għall-eżerċizzju tal-attività bankarja. Skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija għalhekk intiża li tagħmel il-forma soċjali tal-banek popolari iktar koerenti mad-dinamika tas-suq ta’ referenza, li tiggarantixxi kompetittività ikbar ta’ dawn il-banek kif ukoll li tippromwovi trasparenza ikbar fl-organizzazzjoni, fl-operat u fil-funzjonijiet tagħhom.

91

Tali għanijiet, li huma ta’ natura li jiżguraw governanza tajba fis-settur bankarju kooperattiv, l-istabbiltà ta’ dan is-settur kif ukoll eżerċizzju prudenti tal-attività bankarja, jikkontribwixxu sabiex jiġi evitat il-falliment tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, jew anki riskju sistemiku, u, għaldaqstant, sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema bankarja u finanzjarja.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għanijiet li jikkonsistu f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja u finanzjarja kif ukoll f’li jiġi evitat riskju sistemiku jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 698891; tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 7174, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punti 5154).

93

Fil-fatt, is-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma sors essenzjali ta’ finanzjament għal impriżi attivi fid-diversi swieq. Barra minn hekk, il-banek ħafna drabi jkunu interkonnessi u wħud minnhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali. Huwa għalhekk li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jirriskja li jkollu effetti fi żmien qasir fuq il-banek l-oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra. Dan min-naħa tiegħu jista’ jkollu effetti konsegwenzjali negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 50, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 72).

94

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 81 u 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm interess ġenerali evidenti li jiġi żgurat li investiment fl-ekwità komuni ta’ bank ma jiġix irtirat b’mod mhux mistenni u li jiġi evitat li b’hekk dan il-bank, kif ukoll is-settur bankarju kollu, ikun espost għal instabbiltà prudenzjali.

95

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà u, jekk jitqies li jeżistu, għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

96

Barra minn hekk, dawn il-limitazzjonijiet josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, fid-dawl tas-sitwazzjoni prudenzjali tal-banek ikkonċernati, għall-finijiet li jiġi żgurat li l-istrumenti kapitali maħruġa minnhom ikunu eliġibbli bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tal-ewwel domanda u għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013, l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-banek popolari stabbiliti f’dan l-Istat Membru milli jirrifjutaw li jifdu l-istrumenti ta’ fondi proprji iżda li tippermetti lil dawn il-banek jiddiferixxu għal perijodu illimitat it-tifdija tas-sehem tas-soċju li jirtira u li jillimitaw kompletament jew parzjalment l-ammont mifdi, kemm-il darba l-limiti ta’ tifdija deċiżi fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ, fid-dawl tas-sitwazzjoni prudenzjali tal-imsemmija banek, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kapitali maħruġa minnhom ikunu eliġibbli bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni domanda

98

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 63 et seq. TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi limitu massimu ta’ attiv għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet bankarji minn banek popolari stabbiliti f’dan l-Istat Membru u kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata li, fil-każ li jinqabeż, dawn il-banek ikunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, inaqqsu l-attiv tagħhom b’tali mod li jkun inqas minn dan il-livell massimu jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom.

99

Konformement mal-Artikolu 63(1) TFUE, huma pprojbiti r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

100

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza, fit-Trattat FUE, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment ta’ kapital”, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxut valur indikattiv lin-nomenklatura ta’ movimenti ta’ kapital imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [KE (imħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam)] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10) (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, EU:C:2009:33, punt 24; tal-10 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑212/09, EU:C:2011:717, punt 47, u tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 40).

101

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, b’mod partikolari l-investimenti msejħa “diretti”, jiġifieri l-investimenti f’forma ta’ sehem f’impriża biż-żamma ta’ azzjonijiet li tagħti l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni u fil-kontroll ta’ din l-impriża, kif ukoll l-investimenti msejħa “ta’ portafoll”, jiġifieri l-investimenti f’forma ta’ akkwist ta’ titoli fis-suq tal-kapital imwettaq biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi eżerċitata influwenza fuq il-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑543/08, EU:C:2010:669, punt 46; tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 40, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 26).

102

Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ investimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li għandhom jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, miżuri nazzjonali li jistgħu jipprekludu jew jillimitaw l-akkwist ta’ azzjonijiet fl-impriżi kkonċernati jew li jistgħu jiddiswadu lill-investituri tal-Istati Membri l-oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ dawn l-impriżi (sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou, C‑81/09, EU:C:2010:622, punt 55; tal-10 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑212/09, EU:C:2011:717, punt 48, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 41).

103

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistabbilixxi livell massimu ta’ attiv għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet bankarji minn banek popolari Taljani kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata li, fil-każ li jinqabeż, dawn il-banek ikunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, inaqqsu l-attiv tagħhom b’mod li jiġi inqas minn dan il-limitu massimu jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom.

104

Issa, billi tillimita l-portata tal-attività ekonomika li tista’ tiġi eżerċitata mill-banek Taljani kkostitwiti f’forma ġuridika partikolari, tali leġiżlazzjoni tista’ tiddiswadi lill-investituri ta’ Stati Membri oħra għajr ir-Repubblika Taljana u ta’ Stati terzi milli jakkwistaw sehem fil-kapital tal-imsemmija banek u tikkostitwixxi, għalhekk, restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.

105

Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, miżuri nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital jistgħu jkunu ġġustifikati permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu adegwati sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l-għan imfittex minnhom u bil-kundizzjoni li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑212/09, EU:C:2011:717, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tikkostitwixxi ostakolu ġġustifikat għal libertà fundamentali meta tkun meħtieġa għal raġunijiet ta’ natura ekonomika li jfittxu għan ta’ interess ġenerali (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie deċiż fil-punti 90 sa 95 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni.

107

Għaldaqstant, kemm-il darba l-limitu massimu ta’ attiv stabbilit permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni, li għall-osservanza tiegħu din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-eżerċizzju tal-attività bankarja minn banek popolari Taljani kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limtiata, huwa adegwat sabiex jiġi ggarantit li jintlaħqu dawn l-għanijiet u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni hija ġġustifikata.

108

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 63 et seq. TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi limitu massimu ta’ attiv għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet bankarji minn banek popolari stabbiliti f’dan l-Istat Membru u kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata, limitu li fil-każ li jinqabeż dawn il-banek ikunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, inaqqsu l-attiv tagħhom b’tali mod li jkun inqas minn dan il-limitu jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom, kemm-il darba din il-leġiżlazzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

109

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet, kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-banek popolari stabbiliti f’dan l-Istat Membru milli jirrifjutaw li jifdu l-istrumenti ta’ fondi proprji iżda li tippermetti lil dawn il-banek jiddiferixxu għal perijodu illimitat it-tifdija tas-sehem tas-soċju li jirtira u li jillimitaw kompletament jew parzjalment l-ammont mifdi, kemm-il darba l-limiti ta’ tifdija deċiżi fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ, fid-dawl tas-sitwazzjoni prudenzjali tal-imsemmija banek, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kapitali maħruġa minnhom ikunu eliġibbli bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

L-Artikoli 63 et seq TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi limitu massimu ta’ attiv għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet bankarji minn banek popolari stabbiliti f’dan l-Istat Membru u kkostitwiti fil-forma ta’ soċjetajiet kooperattivi pubbliċi b’responsabbiltà limitata, limitu li fil-każ li jinqabeż dawn il-banek ikunu obbligati jittrasformaw ruħhom f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, inaqqsu l-attiv tagħhom b’tali mod li jkun inqas minn dan il-limitu jew jipproċedu għal-likwidazzjoni tagħhom, kemm-il darba din il-leġiżlazzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top