EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0590

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2023.
Charles Taylor Adjusting Limited u FD vs Starlight Shipping Company u Overseas Marine Enterprises INC.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Areios Pagos.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjonijiet li joriġinaw minn Stat Membru ieħor – Artikolu 34 – Raġunijiet għaċ-ċaħda – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Unjoni Ewropea u tal-ordni pubbliku nazzjonali – Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’ – Fiduċja reċiproka — ‘Kważi’ ordni kontra l-proċedura - Deċiżjoni li tipprekludi t-tkomplija ta’ proċeduri mibdija quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor jew tal-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja.
Kawża C-590/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:246

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑590/21

Charles Taylor Adjusting Limited,

FD

vs

Starlight Shipping Company,

Overseas Marine Enterprises Inc.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjonijiet li joriġinaw minn Stat Membru ieħor – Artikolu 34 – Raġunijiet għaċ-ċaħda – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub – Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’ – Deċiżjoni li tipprekludi t-tkomplija ta’ proċeduri mibdija quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor jew tal-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 34 u tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża li għandha bħala s-suġġett tagħha r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni minn qorti ta’ Stat Membru ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandhom l-effett li jiddisswadu lill-partijiet, li kienu bdew proċeduri quddiem qorti oħra tal-ewwel Stat Membru, milli jkomplu l-proċedura pendenti quddiem din tal-aħħar.

3.

Din it-talba sejra twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ kundanna ta’ dawn ir-rikorrenti għall-ħlas ta’ kumpens fir-rigward tal-ispejjeż ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq il-ksur ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni li jtemm azzjoni preċedenti mibdija minn dawn tal-aħħar u stabbilit mill-qorti maħtura f’dan il-ftehim, jistgħux jiġu rrifjutati billi jmorru kontra l-ordni pubbliku, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

4.

Sejjer nesponi r-raġunijiet għaliex jiena tal-opinjoni li, f’sitwazzjoni bħal din, għandhom jiġu applikati wkoll il-prinċipji li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li “anti-suit injunction”, jiġifieri ordni intiża li tipprekludi persuna milli tibda jew tkompli proċedura quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, ma hijiex kompatibbli mas-sistema implimentata mir-Regolament Nru 44/2001.

II. Il‑kuntest ġuridiku

5.

Il-Punt 1 tal-Artikolu 34, tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

(1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;”

6.

Skont l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament:

“Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’l-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.”

III. Il‑fatti li taw lok għall‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

7.

Fit‑3 ta’ Mejju 2006, il-bastiment Alexandros T. għeraq bil-merkanzija tiegħu lil hinn mill-bajja ta’ Port Elizabeth (l-Afrika t’Isfel). Il-kumpanniji Starlight Shipping Company ( 3 ) u Overseas Marine Enterprises Inc. ( 4 ), rispettivament proprjetarji u operaturi ta’ dan il-bastiment, talbu mingħand l-assiguraturi ta’ dan tal-aħħar il-ħlas ta’ kumpens, fuq il-bażi tar-responsabbiltà kuntrattwali ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-okkorrenza tal-inċident kopert mill-assigurazzjoni.

8.

Minħabba r-rifjut ta’ dawn l-assiguraturi, Starlight bdiet, matul l-istess sena, azzjonijiet kontra dawn tal-aħħar fir-Renju Unit quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni u, fil-konfront ta’ wieħed mill-assiguraturi, billi rrikorriet għall-arbitraġġ. Filwaqt li dawn il-proċeduri kienu pendenti, Starlight, OME u l-assiguraturi tal-bastiment ikkonkludew ftehimiet ta’ riżoluzzjoni ( 5 ) li permezz tagħhom intemmu l-proċeduri ta’ bejn il-partijiet. L-assiguraturi ħallsu, abbażi tal-okkorrenza tal-inċident kopert mill-assigurazzjoni, fit-terminu miftiehem, il-kumpens tal-assigurazzjoni previst mill-kuntratti tal-assigurazzjoni, għas-saldu tal-pretensjonijiet kollha b’rabta mat-telf tal-bastiment Alexandros T.

9.

Dawn il-ftehimiet ġew ivvalidati fl‑14 ta’ Diċembru 2007 u fis‑7 ta’ Jannar 2008 minn qorti Ingliża li quddiemha l-azzjoni kienet pendenti. Din il-qorti ordnat is-sospensjoni ta’ kull proċedura ulterjuri b’rabta mal-kawża kkonċernata u li tirriżulta mill-istess azzjoni.

10.

Wara l-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet, Starlight u ΟΜΕ kif ukoll il-proprjetarji u l-persuni fiżiċi l-oħrajn li jirrappreżentawhom legalment bdew, quddiem il-Polymeles Protodikeio Peiraios (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Piraeus, il-Greċja), diversi azzjonijiet ġudizzjarji fosthom, b’mod partikolari, dawk tal‑21 ta’ April 2011 u tat‑13 ta’ Jannar 2012, b’mod partikolari diretti kontra Charles Taylor Adjusting Limited ( 6 ), uffiċċju ta’ konsulenti legali u tekniċi, li kien iddefenda lill-assiguraturi tal-bastiment Alexandros T. fir-rigward tal-pretensjonijiet ta’ Starlight quddiem il-qorti Ingliża, u kontra FD, direttur ta’ dan l-uffiċċju.

11.

Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet il-ġodda li huma bbażati fuq id-delitt, Starlight u ΟΜΕ talbu kumpens għad-danni kemm materjali kif ukoll morali allegatament subiti minħabba allegazzjonijiet foloz u diffamatorji li jikkonċernaw lilhom li huma responsabbli għalihom l-assiguraturi tal-bastiment u r-rappreżentanti tagħhom. Starlight u ΟΜΕ sostnew li, meta l-proċedura inizjali għal kumpens għad-danni dovuti mill-assiguraturi kienet għadha pendenti u meta kien għadu jippersisti r-rifjut tal-ħlas tal-kumpens tal-assigurazzjoni, l-attendenti u r-rappreżentanti ta’ dawn l-assiguraturi kienu ċċirkolaw, fil-preżenza tal-Ethniki Trapeza tis Ellados (il-Bank Nazzjonali tal-Greċja), kreditur ipotekarju tal-proprjetarju tal-bastiment li kien għeraq, kif ukoll fis-suq tal-assigurazzjoni, b’mod partikolari, il-qlajja falza li skontha t-telf tal-bastiment kien dovut għal difetti serji f’dan tal-aħħar, li l-proprjetarji tiegħu kienu konxji minnhom.

12.

Matul is-sena 2011, filwaqt li l-imsemmija azzjonijiet kienu pendenti, l-assiguraturi tal-bastiment u r-rappreżentanti tagħhom, fosthom b’mod partikolari Charles Taylor u FD, konvenuti f’dawk il-proċeduri, ippreżentaw azzjonijiet kontra Starlight u ΟΜΕ quddiem il-qrati Ingliżi sabiex jiġi kkonstatat li l-proċeduri mibdija fil-Greċja kienu jikkostitwixxu ksur tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni u sabiex jintlaqgħu t-talbiet tagħhom għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għad-danni u għal kumpens.

13.

Wara l-istadji kollha tal-proċess quddiem il-qrati Ingliżi, dawn ir-rikorsi taw lok għas-sentenza mogħtija fis‑26 ta’ Settembru 2014, u għal żewġ digrieti minn Imħallef tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“High Court”)) ( 7 ), ibbażati fuq il-kontenut tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fuq il-klawżola dwar l-għażla tal-forum li tindika lil din il-qorti u li jilqgħu t-talba tar-rikorrenti għall-kumpens għad-danni marbuta mal-proċedura mibdija fil-Greċja kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti fl-Ingliterra ( 8 ).

14.

Il-Monomeles Protodikeio Peiraios, Naftiko Tmima (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Piraeus, Sezzjoni Marittima, il-Greċja) laqgħet ir-rikors ta’ Charles Taylor u ta’ FD tas‑7 ta’ Jannar 2015 intiż sabiex dawn id-deċiżjonijiet jiġu rrikonoxxuti u ddikjarati parzjalment eżekuttivi fil-Greċja, konformement mar-Regolament Nru 44/2001.

15.

Fil‑11 ta’ Settembru 2015, Starlight u OME appellaw ( 9 ) minn din is-sentenza quddiem il-Monomeles Efeteio Peiraios Naftiko Tmima (il-Qorti tal-Appell ta’ Piraeus b’Imħallef Uniku, Sezzjoni Marittima, il-Greċja).

16.

Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2019, din il-qorti laqgħet it-talba tagħhom peress li d-deċiżjonijiet li qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom jinkludu “‘kważi’ anti-suit injunctions” li jostakolaw lill-persuni interessati milli jaċċedu għall-ġustizzja Griega, bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 10 ) kif ukoll tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 20 tas-Syntagma (il-Kostituzzjoni). Issa, dawn id-dispożizzjonijiet huma fil-qalba tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fil-Greċja.

17.

Charles Taylor u FD appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Huma jqisu li s-sentenza u d-digrieti tal-High Court la huma manifestament kuntrarji għall-ordni pubbliku tal-forum u lanqas għal dak tal-Unjoni Ewropea u ma jiksrux il-prinċipji fundamentali. Huma jsostnu li l-fatt li huma jingħataw kumpens provviżorju, abbażi tal-azzjonijiet mibdija fil-Greċja qabel ma jiġu eżerċitati l-azzjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni quddiem il-qrati Ingliżi, ma jipprekludix lill-persuni interessati la li jkomplu jadixxu lill-qrati Griegi u lanqas lil dawn il-qrati milli jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja. Konsegwentement, din is-sentenza u dawn id-digrieti tal-High Court ġew, b’mod żbaljat, ittrattati bħala li kienu jikkostitwixxu “anti-suit injunctions”.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-espressjoni manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Unjoni u, b’estensjoni, mal-ordni pubbliku nazzjonali, li tikkostitwixxi raġuni għaċ-ċaħda ta’ rikonoxximent u għad-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda, minbarra l-anti-suit injunctions, li jipprojbixxu l-ftuħ u t-tkomplija ta’ proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor, ukoll deċiżjonijiet u digrieti mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri li: i) jipprekludu u jostakolaw lir-rikorrent fir-rigward tal-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja min-naħa ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor jew fit-tkomplija ta’ proċedimenti diġà pendenti quddiemha, u ii) liema fatt jikkostitwixxi għalhekk indħil fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima speċifika, diġà pendenti quddiemha u li diġà ġiet attribwita lilha u li titqies li hija kompatibbli mal-ordni pubbliku tal-Unjoni? B’mod iktar partikolari, ir-rikonoxximent u/jew id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jew ta’ digriet ta’ qorti ta’ Stat Membru li jagħti kumpens pekunjarju provviżorju u bil-quddiem lill-persuni li jitolbuh, ir-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għall-infieq u l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tressiq tal-azzjoni ġudizzjarja jew mit-tkomplija ta’ proċedimenti quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, jinsabu f’kuntrast mal-ordni pubbliku tal-Unjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-fatt li:

a)

b’riżultat tal-eżami ta’ tali azzjoni, il-kawża tkun koperta bi ftehim ta’ riżoluzzjoni, konkluż b’mod regolari u kkonfermat minn qorti tal-Istat Membru li jagħti d-deċiżjoni (jew) u digriet u,

b)

il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor adita mill-konvenut b’azzjoni ġdida ma jkollhiex ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisprudenza esklużiva?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jeżisti fis-sens veru tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, kif delimitat mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ostakolu għar-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva fil-Greċja tad-deċiżjoni u tad-digrieti msemmija iktar ’il fuq (l-ewwel domanda), mogħtija minn qrati ta’ Stat Membru ieħor (ir-Renju Unit) meta din id-deċiżjoni jew dawn id-digrieti huma manifestament u direttament kuntrarji għall-ordni pubbliku intern konformement mal-prinċipji fundamentali kulturali u legali, adottati fil-pajjiż, u mar-regoli fundamentali tad-dritt Grieg, li jirrigwardaw in-nukleu nnifsu tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja (l-Artikolu 8 u l-Artikolu 20 tal-Kostituzzjoni Ellenika, l-Artikolu 33 tal-Astikos Kodikas [il-Kodiċi Ċivili] u l-prinċipju ta’ preservazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja, kif ippreċiżat mill-Artikoli 176 u 173(1) sa (3), 185, 205 u 191 tal-Kodikas Politikis Dikonomias [il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili] […]), kif ukoll mal-Artikolu 6(1) tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ta’ natura li jiġġustifika f’tali każ, li d-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma jiġix applikat, u n-nuqqas ta’ rikonoxximent minħabba dan l-ostakolu huwa kompatibbli mal-prinċipji li jassimilaw u jippromwovu l-perspettiva Ewropea?”.

19.

Charles Taylor u FD, Starlight u OME, il-Gvern Grieg u Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub.

IV. Analiżi

20.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi deċiżjoni minħabba li din tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku minħabba l-fatt li din id-deċiżjoni tostakola t-tkomplija ta’ proċedura pendenti quddiem qorti oħra ta’ dan l-Istat Membru, sa fejn hija tagħti lil waħda mill-partijiet kumpens pekunjarju provviżorju fuq il-bażi tal-ispejjeż li hija ġġarrab minħabba l-ftuħ ta’ din il-proċedura, peress, minn naħa, li s-suġġett ta’ din il-proċedura huwa kopert minn ftehim ta’ riżoluzzjoni, konkluż legalment u vvalidat mill-qorti tal-Istat Membru li tat din id-deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Istat Membru l-ieħor, li quddiemha inbdiet din il-proċedura, ma hijiex kompetenti minħabba klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva.

21.

F’dan il-każ, is-sentenza u d-digrieti tal-High Court li qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom quddiem qorti Griega ngħataw fis‑26 ta’ Settembru 2014. Ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali ( 11 ).

22.

Dan ir-regolament jinkludi regoli speċifiċi fil-qasam tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jeħtieġ li jitfakkru ( 12 ), filwaqt li jiġi enfasizzat li dawn ma ġewx kollha riprodotti fir-Regolament Nru 1215/2012.

A.   Tfakkira tar‑regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni applikabbli għat‑tilwima

23.

Ir-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “[s]entenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.” ( 13 ). F’każ ta’ kontestazzjoni, kull parti interessata li tinvoka r-rikonoxximent fuq bażi prinċipali tista’ tikkonstata li d-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta ( 14 ). Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, hija prevista, fl-Artikolu 38 ta’ dan ir-regolament, proċedura li ssir b’rikors bil-ħsieb li tiġi kkonstatata s-saħħa eżekuttiva tagħha fl-Istat Membru mitlub ( 15 ).

24.

F’dan l-istadju, ma jitwettaq l-ebda stħarriġ fil-mertu ( 16 ).

25.

Konformement mal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa biss fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni marbuta mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, previst fl-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament ( 17 ), li l-qorti tista’ tirrifjuta jew tirrevoka tali dikjarazzjoni għal waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent stabbiliti fl-Artikoli 34 u 35 tal-imsemmi regolament.

26.

Fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 hemm stabbiliti erba’ raġunijiet ġenerali għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ( 18 ). Il-punt 1 ta’ dan l-artikolu jikkontempla l-każ li fih “ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent”. Skont l-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament, il-kriterju tal-ordni pubbliku jista’ jiġi applikat biss għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ( 19 ).

27.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li hija adita biha.

B.   Iċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża prinċipali

28.

Jixraq li jiġu rrilevati diversi elementi marbuta mal-kuntest proċedurali u mal-kontenut tad-deċiżjonijiet inkwistjoni.

1. Il‑kuntest proċedurali

29.

Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha bħala l-għan tagħha l-interpretazzjoni tar-raġuni għar-rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni minħabba li r-rikonoxximent imur kontra l-ordni pubbliku f’kuntest proċedurali li jippreżenta l-karatteristiċi li ġejjin:

ġew iffirmati mill-partijiet fil-kawża prinċipali ftehimiet ta’ riżoluzzjoni li jipprovdu għall-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti Ingliża fil-kuntest ta’ azzjoni mibdija minn Starlight fuq bażi kuntrattwali;

il-konvenuti fl-azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn delitt mibdija minn Starlight u minn OME quddiem qorti Griega, wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, kisbu mingħand dik il-qorti Ingliża deċiżjonijiet li jilqgħu t-talba tagħhom għal protezzjoni dikjaratorja u li jagħtuhom fuq bażi ta’ akkont, kumpens marbut mal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-qorti Griega kif ukoll il-ħlas ta’ somom għall-ispejjeż sostnuti quddiem l-imsemmija qorti Ingliża, u

kif enfasizzaw Charles Taylor u FD, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jiddependu fuq l-evalwazzjoni tas-suġġett tagħha.

2. Il‑kontenut tad‑deċiżjonijiet inkwistjoni espost mill‑qorti tar-rinviju

30.

Il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju joriġinaw mill-kontenut tas-sentenza u tad-digrieti tal-High Court, li hija tislet mir-rikors ta’ Charles Taylor u ta’ FD.

31.

Fl-ewwel lok, dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq konstatazzjoni doppja. Minn naħa, ġie deċiż, b’sentenza, li l-azzjonijiet mibdija fil-Greċja jiksru l-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni ( 20 ). Dawn il-ftehimiet ġew konklużi bejn il-partijiet li kienu kollha kemm huma ffaċċjati fil-proċeduri fl-Ingilterra u fil-proċedura tal-arbitraġġ b’allegazzjonijiet li huma kienu pparteċipaw f’delitt kollettiv. L-effett prodott mill-imsemmija ftehimiet huwa li kull azzjoni possibbli diretta kontra dawn il-partijiet, għall-istess raġuni bħal dik li tikkostitwixxi l-bażi tal-proċeduri mibdija fil-Greċja kontra tagħhom, kienet diġà riżolta mill-istess ftehimiet, bis-saħħa tar-regola applikabbli għall-koawturi tad-delitti.

32.

Min-naħa l-oħra, bid-digrieti, ġie rrilevat ukoll li l-azzjonijiet ġudizzjarji Griegi tressqu bi ksur tal-għażla tal-qorti b’ġurisdizzjoni esklużiva.

33.

Fit-tieni lok, permezz ta’ żewġ digrieti separati, Starlight u OME ġew ikkundannati jħallsu:

abbażi tas-sentenza tal-High Court li tistabbilixxi l-kreditu bħala prinċipju u l-ammont tiegħu ( 21 ), akkont fuq il-kumpens dovut abbażi tal-proċedura mibdija fil-Greċja, ekwivalenti għal somma ta’ 100000 lira sterlina (GBP) (madwar EUR 128090) ( 22 ), pagabbli sa mhux iktar tard mis‑17 ta’ Ottubru 2014, fl‑16.30, liema somma kellha tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti sad‑9 ta’ Settembru 2014 inkluża din id-data, kif ukoll

żewġ somom rappreżentanti spejjeż tal-proċedura quddiem il-qorti Ingliża, jiġifieri GBP 120000 (madwar EUR 153708), u GBP 30000 (madwar EUR 38527), pagabbli fl-istess terminu, rappreżentanti kumpens sħiħ.

34.

Fit-tielet lok, hemm elementi komplementari fid-digrieti tal-High Court li tagħhom intalbu r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva quddiem il-qrati Griegi. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tfakkar:

“[I]ż-żewġ digrieti [tal-High Court] jinkludu, fil-bidu tagħhom, ordnijiet li jwissu lil Starlight u lil OME, kif ukoll lill-persuni fiżiċi li jirrappreżentawhom, li, jekk huma ma jottemperawx ruħhom mad-digriet, dawn jistgħu jitqiesu li wettqu disprezz tal-qorti u jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-beni tagħhom jew li tiġi imposta fuqhom multa jew priġunerija fuq il-persuni fiżiċi (punti 1 sa 5).”

“[D]awn id-digrieti jinkludu wkoll il-punti li ġejjin, li lanqas ma ġew inklużi fir-rikors tal-appellanti (la ntlab li dawn il-passaġġi jiġu rikonoxxuti u lanqas li jiġu ddikjarati eżekuttivi):

‘4.

Sejra tiġi adottata deċiżjoni li tiffissa l-ammont tal-kumpens kontra kull waħda mill-kumpanniji Starlight u OME.

5.

Sejjer ikun possibbli li jitressqu talbiet intiżi sabiex isiru iktar ħlasijiet akkont tal-imsemmi kumpens [dan jipprevedi manifestament il-każ li fih il-proċeduri quddiem il-qrati Griegi jkomplu u l-ispejjeż tar-rikorrenti jiġu mmultiplikati ( 23 )].’”

“U l-ewwel digriet jinkludu fih, barra minn hekk, l-ordnijiet li ġejjin:

‘8.

[…] kull waħda mill-kumpanniji Starlight u OME sejra tikkonkludi ftehim li jistabbilixxi li l-partijiet CTa [ ( 24 )] huma eżentati minn kull obbligu b’rabta mal-pretensjonijiet li kull waħda mill-kumpanniji Starlight u OME tista’ ssostni fl-azzjonijiet ġudizzjarji Griegi mibdija kontra kull waħda mill-partijiet CTa, konformement mal-mudell ta’ ftehim anness ma’ dan id-digriet, u Starlight u OME huma obbligati li jibgħatu l-verżjonijiet oriġinali ffirmati lill-avukati tal-partijiet CTa […]

9.

Fil-każ li Starlight u OME ma jkunux jistgħu jiġu lokalizzati permezz ta’ tfittxija raġonevoli jew li dawn jonqsu milli jew jirrifjutaw li jiffirmaw il-ftehimiet sad-data imsemmija iktar ’il fuq, ikun possibbli li titressaq talba quddiem l-Imħallef Kay QC bil-għan li dan jeżegwixxi huwa stess l-imsemmija ftehimiet.’”

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tad-deċiżjonijiet li qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom.

C.   Klassifikazzjoni tad‑deċiżjonijiet inkwistjoni

36.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sentenza u d-digrieti tal-High Court li l-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha ntgħażlet mill-partijiet fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw l-effetti ta’ dawn tal-aħħar fuq il-proċedura pendenti quddiem il-qrati Griegi.

37.

Ċertament, dawn id-deċiżjonijiet ma jindirizzawx direttament lill-qorti Griega u ma jipprojbixxux formalment it-tkomplija tal-proċedura li hija adita biha. Madankollu, jinkludu fihom motivi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti Griega fir-rigward tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni konklużi bejn il-partijiet, kundanni pekunjarji, fosthom deċiżjoni ta’ kumpens pagabbli bħala akkont, dissważiva sa fejn l-ammont tagħha ma huwiex definittiv u tiddependi fuq it-tkomplija ta’ dik il-proċedura ( 25 ). Barra minn hekk, dawn huma akkumpanjati minn sanzjonijiet u minn ordnijiet inseparabbli, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tagħhom ( 26 ). Huma indirizzati in personam lil Starlight u ΟΜΕ bil-għan li dawn jiefqu milli jaġixxu bi ksur tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni li jinkludu fihom klawżola dwar l-għażla tal-forum ( 27 ).

38.

Abbażi ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li huwa ġġustifikat li l-qorti tar-rinviju tikklassifika s-sentenza u d-digrieti tal-High Court bħala “‘kważi’ anti-suit injunctions” ( 28 ) u jikkonċernaw b’mod iktar partikolari d-deċiżjonijiet tal-kumpens li qegħdin jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom.

39.

Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li l-qorti tar-rinviju ġustament qiegħda tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 44/2001 tal-effetti tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni eventwali ta’ dawn id-deċiżjonijiet billi tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-ħruġ ta’ “anti-suit injunction” ( 29 ) bil-għan li tislet minnha raġuni ta’ ksur tal-ordni pubbliku.

D.   Prinċipji ġurisprudenzjali applikabbli fil-qasam ta’ “anti-suit injunction”

1. Inkompatibbiltà mal‑prinċipju ta’ fiduċja reċiproka tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minn qorti ta’ Stat Membru ieħor

40.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ), id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ġurisdizzjoni jipprekludi l-ħruġ ta’ projbizzjoni minn qorti fil-konfront ta’ parti milli tibda jew tkompli azzjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor ( 31 ) sa fejn din tippreġudika l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi t-tilwima li tkun adita biha. Fil-fatt, tali ndħil ma huwiex kompatibbli mas-sistema tal-konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll tar-Regolament Nru 44/2001, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

41.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet diversi raġunijiet invokati sabiex jiġi ġġustifikat dan l-indħil:

il-fatt li huwa biss indirett u li huwa intiż li jipprekludi abbuż mill-proċedura min-naħa tal-konvenut fil-proċedura nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sentenza mogħtija fuq in-natura abbużiva tal-aġir attribwit lill-konvenut li jikkonsisti fil-fatt li dan jipprevalixxi ruħu mill-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor timplika evalwazzjoni tan-natura rilevanti tat-tressiq ta’ azzjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor ( 32 ), u

il-fatt li jifforma parti minn proċedura ta’ arbitraġġ ( 33 ).

42.

Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza joħroġ il-prinċipju ġenerali, illum stabbilit, li skontu kull qorti adita tiddetermina hija stess jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima mressqa quddiemha, skont ir-regoli applikabbli ( 34 ), u parti ma tistax tiġi mċaħħda, taħt piena ta’ sanzjoni fejn ikun xieraq, mill-fakultà li tadixxi qorti ta’ Stat Membru li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha ( 35 ).

2. Eċċezzjonijiet għall‑prinċipju ta’ nuqqas ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni limitati mil‑leġiżlatur tal‑Unjoni

43.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju ġenerali huma awtorizzati b’mod limitat mir-Regolament Nru 44/2001, li dawn jikkonċernaw biss l-istadju tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u li huma intiżi li jiggarantixxu l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali jew esklużiva previsti unikament minn dan ir-regolament ( 36 ).

44.

Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, minn dan kollu hemm lok li jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni ikkunsidra li huma mingħajr effett fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni, il-ftehimiet tal-partijiet li bihom jobbligaw ruħhom li jissottomettu t-tilwim tagħhom għall-arbitraġġ jew li bihom jagħżlu qorti li għandha tieħu konjizzjoni tagħhom ( 37 ).

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar dan l-aħħar imsemmi każ ( 38 ). Fl-opinjoni tiegħi, b’analoġija mas-soluzzjoni pprovduta, fil-qasam tal-arbitraġġ, fis-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali ( 39 ), parti li tadixxi qorti ta’ Stat Membru billi tqis li l-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni li hija tat il-kunsens tagħha għaliha ma hijiex applikabbli ma tistax tiġi mċaħħda mill-protezzjoni ġudizzjarja li għandha dritt għaliha ( 40 ).

46.

Fil-fatt, il-bażi tal-projbizzjoni tal-“anti-suit injunctions” fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri l-fiduċja reċiproka bejn il-qrati, kif ukoll l-assenza ta’ dispożizzjoni partikolari fir-Regolament Nru 1215/2012, li tissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, jiġġustifikaw l-estensjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-każijiet li fihom tkun ingħatat ġurisprudenza esklużiva lil qorti skont ftehim bejn il-partijiet ( 41 ). B’hekk, l-effett utli ta’ dan ir-regolament huwa garantit ( 42 ).

E.   Fuq il‑motiv ibbażat fuq l‑ordni pubbliku li jiġġustifika r-rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ “anti‑suit injunctions”

47.

Prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 43 ), l-evalwazzjoni tal-ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub tirrigwarda l-effetti prodotti mid-deċiżjoni barranija jekk din tiġi rikonoxxuta u eżegwita ( 44 ), fid-dawl tas-sens Ewropew tal-ordni pubbliku ( 45 ).

48.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant huwa għandu japplika biss f’każijiet eċċezzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tuża dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix deċiżjoni li toriġina minn Stat Membru ieħor ( 46 ).

49.

Fir-rigward tal-ordni pubbliku proċedurali ( 47 ), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat sens wiesa’ tal-kunċett previst f’dan il-punt 1 tal-Artikolu 34, billi qieset li dan jista’ jiġi oppost f’każ ta’ ostaklu għad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 48 ).

50.

Fil-kawża odjerna, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, ibbażati b’mod partikolari fuq il-ksur ta’ klawżola ta’ għażla tal-forum inkluża fi ftehimiet ta’ riżoluzzjoni, adottati mill-qorti magħżula mill-partijiet, li jiddeterminaw il-konsegwenzi pekunjarji ( 49 ). B’mod partikolari, dawn id-deċiżjonijiet jikkundannaw lill-partijiet għal dawn il-ftehimiet li ma adixxewx fl-ewwel lok lil din il-qorti għall-ħlas ta’ kumpens marbut mal-ispejjeż sostnuti mill-partijiet l-oħrajn imfittxija fi Stat Membru ieħor, bħala ħlas bil-quddiem.

51.

Akkumpanjati minn miżuri maħsuba sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tagħhom, l-imsemmija deċiżjonijiet, li ma ġewx adottati fuq bażi kawtelatorja, jipprovdu għall-għoti ta’ kumpensi oħrajn f’każ li l-proċedura titkompla quddiem il-qorti Griega. Għaldaqstant, bl-effetti tagħhom, dawn tal-aħħar jeċċedu bil-kbir il-kuntest tal-interpretazzjoni tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni u tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha mill-qorti magħżula mill-partijiet f’dawn il-ftehimiet ( 50 ).

52.

Għaldaqstant, impoġġija mill-ġdid fil-kuntest tagħhom, speċjalment id-digrieti tal-High Court indubjament għandhom l-effett li jġiegħlu lill-partijiet ikkonċernati jiddeżistu mill-azzjoni tagħhom. Bl-istess mod, indirettament ġie ostakolat l-aċċess għall-unika qorti li hija adita bil-kawża fuq il-mertu li, skont ir-Regolament Nru 44/2001, għandha s-setgħa tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha, li ssegwi l-proċedura sa tmiemha u li tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedura mibdija quddiemha kif ukoll dwar it-talbiet għal kumpens eventwali marbuta ta’ din tal-aħħar.

53.

Billi tqis li hija dik il-qorti li għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-proċedura u tal-assjem taċ-ċirkustanzi ( 51 ), il-qorti tar-rinviju ġustament tinvoka, fl-opinjoni tiegħi, li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza u tad-digrieti tal-High Court huma manifestement inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum billi ssostni li dan jippreġudika l-prinċipju fundamentali, fiż-żona ġudizzjarja Ewropea li hija msejsa fuq il-fiduċja reċiproka ( 52 ), li skontu kull qorti għandha tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni proprja tagħha. Infakkar li dan il-prinċipju wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li, fiċ-ċirkustanzi kollha, dan jipprekludi l-għoti ta’ deċiżjonijiet li jipprojbixxu direttament jew indirettament it-tkomplija ta’ proċedura mibdija fi Stat Membru ieħor.

54.

Fi kliem ieħor, minħabba l-bażi sistematika ta’ din il-projbizzjoni, ma tista’ tiġi ammessa l-ebda deroga minnha, ħlief sabiex tiġi attwata deċiżjoni li kienet ipprojbita fil-kuntest ta’ istanza diretta.

55.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari u, konsegwentement, li tikkonstata li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni domanda.

V. Konklużjoni

56.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja) kif ġej:

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi deċiżjoni minħabba li tmur kontra l-ordni pubbliku dovut għall-fatt li din id-deċiżjoni tostakola t-tkomplija ta’ proċedura pendenti quddiem qorti oħra ta’ dak l-Istat Membru, sa fejn tagħti lil waħda mill-partijiet kumpens pekunjarju provviżorju rappreżentanti l-ispejjeż sostnuti minnha minħabba l-ftuħ ta’ dik il-proċedura, għar-raġuni, minn naħa, li s-suġġett ta’ dik il-proċedura huwa kopert minn ftehim ta’ riżoluzzjoni, konkluż b’mod legali u vvalidat mill-qorti tal-Istat Membru li tat l-imsemmija deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Istat Membru l-ieħor, li quddiemha infetħet dik il-proċedura, ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) Iktar ’il quddiem “Starlight”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem “OME”.

( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“ftehimiet ta’ riżoluzzjoni”. Hemm tlieta minn dawn il-ftehimiet u huma datati, rispettivament, it‑13 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll is‑7 u t‑30 ta’ Jannar 2008, dan l-aħħar imsemmi ftehim ġie konkluż fil-kuntest ta’ arbitraġġ.

( 6 ) Iktar ’il quddiem “Charles Taylor”.

( 7 ) Iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-High Court, id- “digrieti tal-High Court” u flimkien, is-“sentenza u d-digrieti tal-High Court”.

( 8 ) Ara, għal spjegazzjoni fid-dettall tal-kontenut tagħhom, il-punti 30 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 11 ) Konformement mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), ir-Regolament Nru 44/2001 ikompli japplika għall-azzjonijiet mibdija qabel l‑10 ta’ Jannar 2015. Dan huwa l-każ ukoll, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fir-Renju Unit, skont l-Artikolu 67(2)(a) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7), adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1), fis-seħħ sa mill‑1 ta’ Frar 2020, konformement mal-Artikolu 185, b’perijodu ta’ tranżizzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2020 (l-Artikolu 126), li matulu d-dritt tal-Unjoni kien applikabbli fir-Renju Unit, bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja prevista f’dak il-ftehim (l-Artikolu 127).

( 12 ) Fuq il-prinċipju li l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti legali, fosthom ukoll il-konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968, kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi marbuta mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda f’din il-konvenzjoni (ĠU 1998, C 27, p. 1), (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Brussell”), tgħodd ukoll għal dawk ta’ oħrajn, meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti, ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association (C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 42).

( 13 ) Artikolu 33(1). Din ir-regola hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, li hija msejsa fuq il-prinċipju li l-Istati Membru kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, bil-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet [ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Aktiva Finants (C‑433/18, EU:C:2019:1074, punti 2325)].

( 14 ) Ara l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, qorti ta’ Stat Membru li quddiemha jiġi invokat ir-rikonoxximent ta’ tali deċiżjonijiet b’mod inċidentali għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħhom (ara l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu).

( 15 ) Din il-proċedura tħassret fir-Regolament Nru 1215/2012 (ara l-premessa 26). Ara, bħala tfakkira tal-istħarriġ eżerċitat, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 4344). Skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 44/2001, id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni barranija li tat deċiżjoni dwar diversi talbiet tista’ tiġi limitata għal uħud minnhom li jkunu separabbli, ex officio jew fuq talba tar-rikorrent.

( 16 ) Ara l-Artikolu 41, u l-premessa 17 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 17 ) Ara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 44/2001. Skont l-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-Regolament, “[i]d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti”.

( 18 ) Raġunijiet oħrajn huma stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001. Dan tal-aħħar huwa sanċit fir-rigward tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni, tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, u ta’ dawk li jindikaw b’mod esklużiv qorti partikolari, irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet, kif ukoll fir-regola stabbilita fl-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament. Billi ġew riprodotti fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, dawn id-dispożizzjonijiet ġew estiżi biss għall-qasam tal-kuntratti individwali tax-xogħol. Ara, bħala illustrazzjoni tal-konsegwenzi proċedurali, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Weber (C‑438/12, EU:C:2014:212, punti 54 sa 58).

( 19 ) Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato (C‑386/17, EU:C:2019:24, punt 45), kif ukoll il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Il-qorti Ingliża rrilevat li l-klawżoli tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni kienu jeżentaw b’mod partikolari lil Charles Taylor u FD minn kull obbligu b’rabta ma’ kull pretensjoni li Starlight u OME (jew kull waħda minnhom) seta’ jkollhom abbażi tat-telf tal-bastiment, inkluż kull obbligu b’rabta mal-pretensjonijiet ifformulati fl-azzjonijiet ġudizzjarji Griegi.

( 21 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita l-punt 83 tas-sentenza tal-High Court fit-termini li ġejjin: “[ir-rikorrenti] […] jsostnu talba għal kumpens […] L-ispejjeż [‘costs’ fil-verżjoni oriġinali bil-lingwa Ingliża] li huma sostnew sal-lum jekwivalu għal kważi GBP 163000. Il-ħlas intermedjarju [mitlub] […] jekwivali għal GBP 150000 jew kull ammont ieħor verjuri li l-High Court fil-ġudizzju sovran tagħha jidhrilha li huwa xieraq”. Iktar ’il quddiem fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa rrilevat li, f’dan il-punt, huwa speċifikat li, f’din il-proċedura, rikorrenti oħrajn kienu talbu “akkont fuq il-kumpens ekwivalenti għal 60 % tal-ispejjeż sostnuti minnhom abbażi tal-azzjonijiet ġudizzjarji Griegi”. Barra minn hekk, fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, iċċitata wkoll fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-High Court ikkunsidrat li “il-ħlas intermedjarju adegwat, bħala akkont fuq il-kumpens iċċitat iktar ’il fuq, jammonta għal GBP 100000”. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara f’dan ir-rigward li “din il-kunsiderazzjoni ukoll hija ta’ natura dikjaratorja u, wara evalwazzjoni tar-rikors, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tqum biss fil-kawża odjerna l-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent tagħha, u mhux il-kwistjoni tad-dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva tagħha, billi din l-aħħar imsemmija kwistjoni tikkonċerna biss il-parti rilevanti tad-digriet ta’ wara s-sentenza”.

( 22 ) Bir-rata tal-kambju tas‑26 ta’ Settembru 2014, ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Nota tal-qorti tar-rinviju.

( 24 ) Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li “‘CTa’ tirreferi għall-appellanti”, jiġifieri Charles Taylor u FD, ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kalkolu u l-għoti bil-quddiem tal-ispejjeż bħala kumpens provviżorju essenzjalment jikkostitwixxu sanzjoni moħbija.

( 26 ) Fis-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà rrilevat il-varjetà ta’ miżuri adottati fil-kuntest ta’ “anti-suit injunctions”.

( 27 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-frażi “forma ta’ anti-suit injunction”, użata fil-punt 89 tas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, C.E. u N.E. (C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739).

( 29 ) Fil-qasam tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi parti milli tressaq ċerti talbiet quddiem qorti ta’ Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza waħda [is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Gazprom (C‑536/13, EU:C:2015:316)]. Madankollu, din ma hijiex rilevanti għall-kawża odjerna. Fil-fatt, din kienet tirrigwarda deċiżjoni ta’ arbitraġġ, fatt li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, prinċipalment minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 li jeskludi l-arbitraġġ, li la dik id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u lanqas id-deċiżjoni li biha, fejn xieraq, il-qorti ta’ Stat Membru tirrikonoxxi din l-aħħar imsemmija sentenza ma jistgħu jaffettwaw il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati ta’ Stati Membri differenti li fuqha huwa bbażat dan ir-regolament (punt 39). Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u taħt id-dritt internazzjonali applikabbli fl-Istat Membru li fih jintalab dan ir-rikonoxximent jew tintalab din l-eżekuzzjoni (il-punt 41). Fl-istess sens, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1215/2012 issa tenfasizza li dan ir-regolament ma japplikax għal azzjoni jew għal deċiżjoni li tikkonċerna r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association, C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 46).

( 30 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2004, Turner (C‑159/02, EU:C:2004:228, punti 27, 2831). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69), u s-sinteżi ta’ din tal-aħħar fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Gazprom (C‑536/13, EU:C:2015:316, punti 32 sa 34). Ara, fir-rigward tad-deċiżjoni l-iktar riċenti, iżda fil-qasam tar-responsabbiltà parentali, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, C.E. u N.E. (C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739, punt 90).

( 31 ) Ara, għal tfakkira tal-kuntest li fih jintużaw “anti-suit injunctions” fil-pajjiżi tal-“common law”, Usinier, L., “Compétence judiciaire, reconnaissance et exécution des décisions en matière civile et commerciale. – Compétence. – Exceptions à l’exercice de la compétence. – Conflits de procédures. – Articles 29 à 34 du règlement (UE) no 1215/2012”, JurisClasseur Droit international, LexisNexis, Pariġi, 7 ta’ Ottubru 2015 (l-aħħar aġġornament fit_3 ta’ Awwissu 2022), faxxiklu 584‑170, punt 5.

( 32 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2004, Turner (C‑159/02, EU:C:2004:228, punt 28).

( 33 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punti 2728), kif ukoll tat‑13 ta’ Mejju 2015, Gazprom (C‑536/13, EU:C:2015:316, punt 32).

( 34 ) Ara s-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punti 2930).

( 35 ) Ara, għal tfakkira tal-prinċipju u tas-sens wiesa’ tiegħu, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, C.E. u N.E. (C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739, punti 9091). Ara, wkoll f’dan is-sens, ċerti deċiżjonijiet nazzjonali bħas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza), l-Ewwel Awla Ċivili, tal‑14 ta’ Ottubru 2009 (Nri 08‑16.369 u 08‑16.549), u l-kummentarji b’mod partikolari ta’ Clavel, S., “Conflits de juridictions. – Exequatur d’un jugement étranger. – Injonction anti-suit. – Ordre public international. – Clause attributive de juridiction. – Clauses de procédure.”, Journal du droit international (Clunet), LexisNexis, Pariġi, Jannar tal‑2010, Nru 1, p. 146 sa 155, b’mod partikolari p. 152, u ta’ Muir Watt, H., “La procédure d’anti-suit injonction n’est pas contraire à l’ordre public international”, Revue critique de droit international privé, Dalloz, Pariġi, 2010, p. 158 sa 163. Ara wkoll, is-sentenza tal-High Court, tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Nori Holding Limited et vs Public Joint-Stock Company “Bank Otkritie Financial Corporation”, punt 90, iċċitata minn Law, S., “Article 29”, fir-Requejo Isidro, M., Brussel I bis: A Commentary on Regulation (EU) no 1215/2012, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2022, p. 466 sa 483, b’mod partikolari l-punti 29.52 u 29.54, p. 481 u 482.

( 36 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għalkemm, fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni kellu l-effett, skont l-Artikolu 17 tagħha, li jagħżel qorti li jkollha ġurisdizzjoni esklużiva, fir-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1215/2012, din ir-regola inżammet “sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor”.

( 38 ) Fil-kawża Gjensidige (C‑90/22), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar hija adita b’talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 (it-tieni domanda preliminari) li għandha bħala s-suġġett tagħha ftehim ta’ għażla tal-forum inkluż f’kuntratt ta’ trasport internazzjonali, irregolat minn ftehim internazzjonali speċjali, kif ukoll il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” f’dan il-kuntest partikolari (it-tielet domanda preliminari).

( 39 ) C‑185/07, EU:C:2009:69, punti 2631. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti tal-Istat ma tistax tiġi prekluża milli teżamina l-kwistjoni preliminari tal-validità jew tal-applikabbiltà tal-ftehim ta’ arbitraġġ u b’hekk milli tevalwa, fuq talba tal-persuna interessata, jekk ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null, ineffettiv jew inapplikabbli. F’dan ir-rigward nirrileva, li minkejja l-kritika espressa mid-duttrina wara din is-sentenza minħabba s-sitwazzjoni partikolari tal-arbitraġġ (ara, b’mod partikolari, Muir Watt, H., op. cit., p. 161), is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Gazprom (C‑536/13, EU:C:2015:316), ma tpoġġix f’dubju l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-imsemmija sentenza. Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Ewwel Awla Ċivili, tal‑14 ta’ Ottubru 2009 (Nri 08-16.369 u 08-16.549), li ddeċidiet li ma hijiex kontra l-ordni pubbliku internazzjonali l-“anti-suit injunction”, li l-għan tagħha “bla ħsara għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet jew tad-dritt komunitarju” jikkonsisti f’li tiġi osservata klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni. Ara, fir-rigward ta’ ċerti kummentarji dottrinali fuq din is-sentenza, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Id-diskussjoni bejn il-partijiet tista’ b’mod partikolari tikkonċerna l-kundizzjoni fuq il-mertu li għandu jissodisfa ftehim li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni, jiġifieri li dan għandu jkun jikkonċerna “kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari” (l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001). Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 67). Il-qorti adita tista’ wkoll tkun indotta li tivverifika jekk il-klawżola tal-għażla tal-forum tidderogax minn regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jew jekk ġietx immanifestata intenzjoni li ssir deroga minnha jew inkella jekk din ġietx issostitwita fl-okkażjoni ta’ ċirkustanzi oħrajn. Ara, bħala eżempju, Legros, C., “Commerce maritime. – Contrat de transport de marchandises. Responsabilité du transporteur”, JurisClasseur Transport, LexisNexis, Pariġi, 25 ta’ Settembru 2021, faxxiklu 1269, I, Conflits de juridictions, punt 48. Ara, barra minn hekk, fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni u tal-motivi tagħha marbuta mal-validità ta’ din tal-aħħar, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 2941).

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, Usunier, L., op. cit., punt 5. Ara wkoll, Legros, C., op. cit., punt 48.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2004, Turner (C‑159/02, EU:C:2004:228, punt 29), u tal‑10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69, punt 24).

( 43 ) Ara l-punti 5 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara r-rapport ta’ M. P. Jenard dwar il-ftehim tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), u b’mod partikolari p. 44, kif ukoll is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 25 sa 27). Ara, dwar dan il-kunċett, Nowak, J. T., u Richard, V., “Article 45”, fir-Requejo Isidro, M., Brussels I bis: A Commentary on Regulation (EU) no 1215/2012, op. cit., p. 638 sa 678, b’mod partikolari l-punti 45.69 sa 45.72, p. 666 sa 668, u Mankowski, P., “Article 45”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., European Commentaries on Private International Law, Brussels Ibis Regulation, 2de éd., Otto Schmidt, Cologne, 2023, p. 842 sa 918, b’mod partikolari l-punti 28 et seq., p. 864 et seq.

( 46 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punti 3840). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association (C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 77).

( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., Compétence et exécution des jugements en Europe, Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1998 et 2007), 6e éd., Librairie générale de droit et de jurisprudence, collection “Droit des affaires”, Pariġi, 2018, punti 438 et seq., p. 611 et seq., kif ukoll Nowak, J., T., u Richard, V., op. cit., punti 45.82 et seq., p. 671 et seq.

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punti 44 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ksur tal-ordni pubbliku proċedurali jikkostitwixxi ksur manifest tad-drittijiet tad-difiża, bla ħsara għall-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji (punti 48 u 50 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fuq l-applikazzjoni ta’ dan il-motiv ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tal-“anti-suit injunctions”, ara Mankowski, P., op. cit., punt 31, p. 869.

( 49 ) Hemm lok li jiġi enfasizzat li din id-domanda ma tirrigwardax il-fondatezza tal-ħlas tad-danni meta parti tkun kisret ftehim li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fl-istadju tar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni huwa pprojbit kull stħarriġ tal-metru [ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 41), u tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato (C‑386/17, EU:C:2019:24, punt 54)]. Fit-tieni lok, jidhirli madankollu li huwa xieraq li jsir riferiment għad-dibattitu fil-livell tad-duttrina li jeżisti f’din il-materja. Ara, minn naħa, Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., op. cit., punt 162, p. 215, li jsostnu risposta negattiva fid-dritt tal-Unjoni. Ara, min-naħa l-oħra, Brosch, M., u Kahl, L. M., “Article 25”, fir-Requejo Isidro, M., Brussels I bis: A Commentary on Regulation (EU) no 1215/2012, op. cit., p. 344 sa 374, b’mod partikolari l-punt 25.75, p. 366, fejn ġew iċċitati d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fis‑17 ta’ Ottubru 2019, III ZR 42/19, punti 41 sa 45, u mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) fit‑23 ta’ Frar 2007, Nru 201/2007, kif ukoll Álvarez González, S., “The Spanish Tribunal Supremo Grants Damages for Breach of a Choice-of-Court Agreement”, Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts (IPRax), Gieseking, Bielefeld, 2009, vol. 29, Nru 6, p. 529 sa 533. Nosserva li, f’din id-deċiżjoni Ġermaniża li jipprevalixxu ruħhom minnha Charles Taylor u FD, id-deċiżjoni tal-kumpens tal-qorti magħżula mill-partijiet ingħatat wara li l-ewwel qorti adita ivverifikat il-ġurisdizzjoni tagħha. Ara, b’mod partikolari, il-kummentarju ta’ Burianski, M., “Damages for breach of an exclusive jurisdiction clause”, Jannar tal‑2020, disponibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://www.whitecase.com/insight-alert/damages-breach-exclusive-jurisdiction-clause.

( 50 ) F’dan ir-rigward, fil-kawża prinċipali, tista’ tqum il-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-proċedura msemmija fis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C-116/02, EU:C:2003:657), bla ħsara għall-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ lis alibi pendens kienu sodisfatti. Għall-kuntrarju ta’ dak li kien ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni, waqt il-formulazzjoni mill-ġdid tar-Regolament Nru 44/2001, ta prijorità lil qorti tal-post tal-forum magħżul sabiex tikkonferma l-ġurisdizzjoni tagħha fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(2) u (3) tar-Regolament Nru 1215/2012, fosthom dik li hija tkun adita bil-kawża. Dwar din l-aħħar imsemmija kundizzjoni essenzjali, speċjalment f’dan il-każ, ara Usunier, L., op. cit., punt 29. Dwar l-estensjoni ta’ din is-soluzzjoni għas-sitwazzjonijiet li fihom huwa applikabbli r-Regolament Nru 44/2001, ara Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., op. cit, punt 367, p. 534. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, fl-istadju tar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ lis alibi pendens ma jostakolax tali rikonoxximent. Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato (C‑386/17, EU:C:2019:24, punt 52).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 48).

( 52 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top