SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ April 2009 ( *1 )

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Protokoll Nru 10 dwar Ċipru — Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni li fihom il-Gvern Ċiprijott ma jeżerċitax kontroll effettiv — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona ta’ kontroll effettiv ta’ dan il-gvern u li tikkonċerna proprjetà immobbli li tinsab barra minn din iż-żona — Artikolu 22(1), Artikolu 34(1) u (2), Artikoli 35(1) u 38(1) ta’ dan ir-regolament”

Fil-Kawża C-420/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Settembru 2007, fil-kawża

Meletis Apostolides

vs

David Charles Orams,

Linda Elizabeth Orams,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič u A. Ó Caoimh, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), J. Malenovský, J. Klučka u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Apostolides, minn T. Beazley, QC, u C. West, barrister, mandatarji ta’ S. Congdon, solicitor, u minn C. Candounas, advocate,

għal L.E. Orams u D.C. Orams, minn C. Booth u N. Green, QC, kif ukoll minn A. Ward u B. Bhalla, barristers,

għall-Gvern Ċiprijott, minn P. Clerides, bħala aġent, assistit minn D. Anderson, QC, u minn M. Demetriou, barrister,

għall-Gvern Grieg, minn A. Samoni-Rantou u S. Chala kif ukoll minn G. Karipsiadis, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Hoffmeister u A.-M. Rouchaud, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru anness mal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 955, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 10”), kif ukoll, min-naħa l-oħra, ta’ ċerti aspetti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Apostolides, ċittadin Ċiprijott, u L.E. Orams u D.C. Orams, koppja miżżewġa ta’ ċittadinanza Britannika (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Orams”), fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni fir-Renju Unit, skont ir-Regolament Nru 44/2001, ta’ żewġ sentenzi mogħtija mill-Eparchiako Dikastirio tis Lefkosias (Ċipru).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

Il-Protokoll Nru 10

3

Il-Protokoll Nru 10 huwa fformulat kif ġej:

“IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal ftehim komprensiv dwar il-problema ta’ Ċipru, konsistenti mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal dak l-iskop, u l-appoġġ qawwi tagħhom għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal dak l-iskop,

FILWAQT li jikkunsidraw li ftehim komprensiv bħal dak għal problema ta’ Ċipru għadu ma ntlaħaqx

FILWAQT li jikkunsidraw li, għaldaqstant, huwa neċessarju li jipprovdu għas-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis f’dawk [iż-żoni] tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv,

FILWAQT li jikkunsidraw illi, f’każ ta’ soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru din is-sospensjoni għandha titneħħa,

FILWAQT li jikkunsidraw li l-Unjoni Ewropea hija lesta takkomoda l-patti ta’ ftehim bħal dan mal-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea,

FILWAQT li jikkunsidraw li huwa neċessarju li jipprovdu għall-patti li taħthom id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-U[njoni] E[wropea] għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam l-arei [iż-żoni] msemmija hawn fuq u f’dawk iż-żewġ arei [żoni] fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv u l-Area [ż-Żona] tal-Bażi Sovrana tal-Lvant tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

FILWAQT li jixtiequ li l-adeżjoni ta’ Ċipru ma’ l-Unjoni Ewropea għandha tibbenefika ċ-ċittadini Ċiprijotti kollha u tippromwovi l-paċi ċivili u r-rikonċiljazzjoni,

FILWAQT li jikkunsidraw, għaldaqstant, li xejn f’dan il-Protokoll ma jipprekludi miżuri immirati għal dan l-iskop,

FILWAQT li jikkunsidraw li miżuri bħal dawk ma għandhomx jolqtu l-applikazzjoni ta’ l-acquis taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat ta’ l-Adeżjoni fi kwalunkwe parti oħra tar-Repubblika ta’ Ċipru,

FTIEHMU FUQ ID-DISPOSIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

1.   L-applikazzjoni ta’ l-acquis għandha tiġi sospiża f’dawk l-arei [iż-żoni] tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

2.   Il-Kunsill, b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċidi dwar it-tneħħija tas-sospensjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

1.   Il-Kunsill, b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddefenixxi l-patti li taħthom id-disposizzjonijiet tal-liġi ta’ l-UE għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam dawk [iż-żoni] imsemmija fl-Artikolu 1 u l-arei [ż-żoni] li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv.

2.   Il-konfini bejn l-Area [iż-Żona] ta’ Bażi Sovrana tal-Lvant u dawk l-arei [iż-żoni] li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom ikunu trattati bħala parti mill-konfini esterni tal-Arei [taż-Żoni] ta’ Bażi Sovrani għall-iskop tal-Parti IV ta’ l-Anness mal-Protokoll dwar l-Arei ta’ Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’Ċipru għal matul is-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-acquis skond l-Artikolu 1.

Artikolu 3

1.   Xejn f’dan il-Protokoll ma għandu jipprekludi miżuri maħsuba biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku tal-arei [taż-żoni] li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1.

2.   Miżuri bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ l-acquis taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat ta’ l-Adeżjoni fi kwalunkwe parti oħra tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Artikolu 4

F’każ ta’ ftehim, il-Kunsill, b’mod unanimu abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċidi dwar l-adattamenti għall-patti li jikkonċernaw l-adeżjoni ta’ Ċipru ma’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Komunità Ċipriotta-Torka.”

Ir-Regolament Nru 44/2001

4

Il-premessi 16 sa 18 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita [issir eżekuttiva] fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli [ta’ saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni] għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.

(18)

B’dana kollu, rispett għad-drittijiet tal-konvenut għandu jfisser illi l-konvenut għandu jkun jista’ jappella fi proċedura avversarja, kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni [dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva], jekk jikkonsidra wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti. Proċeduri ta’ rimedju għandhom ikunu disponibbli wkoll għal min iressaq il-każ meta l-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet miċħuda.”

5

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

6

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Persuni li mhumiex ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

7

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 6, intitolata “Ġurisdizzjoni esklussiva”, tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

1)

fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà.

B’dana kollu, fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom kirjiet ta’ propjetà immobbli li jkunu konklużi għal użu privat temporanju għal massimu ta’ sitt xhur konsekuttivi, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat il-konvenut għandhom ukoll ikollhom il-ġurisdizzjoni, basta illi l-kerrej tkun persuna naturali u li s-sid tal-kera u l-kerrej ikunu domiċiljati fl-Istat Membru”.

8

L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika [ordni pubbliku] ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)

meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk;

3)

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)

jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

9

L-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament jgħid li ġej:

“1.   Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.   Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.   Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

10

L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.   Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli [eżekuttiva] hemmhekk.

2.   B’dan kollu, fir-Renju Unit, sentenza bħal din għandha tiġi eżegwita fl-Ingilterra u Wales, fl-Iskozja jew fl-Irlanda ta’ Fuq meta, fuq applikazzjoni tal-parti interessata, tkun ġiet irreġistrata għall-eżekuzzjoni f’dik il-parti tar-Renju Unit.”

11

L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.   Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2.   Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

Id-dritt nazzjonali

12

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-drittijiet ta’ proprjetà fuq l-art fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv (iktar ’il quddiem iż-“żona ta’ Fuq”) jibqgħu validi u attwali minkejja l-invażjoni tat-territorju Ċiprijott fl-1974 mill-armata Torka u l-okkupazzjoni militari sussegwenti ta’ parti minn dan l-Istat

13

Skont l-Artikolu 21(2) tal-Liġi 14/60 fuq il-qrati, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, meta rikors jirreferi għal kull suġġett li jikkonċerna proprjetà immobbli, “dan ir-rikors għandu jitressaq quddiem l-Eparchiako Dikastirio tad-distrett li fih tinsab din il-proprjetà”.

14

Permezz ta’ digriet tal-Anotato Dikastirio tis Kypriakis Dimokratias (Qorti Suprema) ippubblikat fit-13 ta’ Settembru 1974 fl-Episimi Efimerida tis Kypriakis Dimokratias (Ġurnal uffiċjali tar-Repubblika ta’ Ċipru), jiġifieri wara l-invażjoni taż-żona ta’ Fuq, id-distretti ta’ Kyrenia u ta’ Nikosija ġew magħquda.

15

Skont il-leġiżlazzjoni Ċiprijotta, in-notifika ta’ att promotur lil konjuġi permezz tan-notifika ta’ dan l-att lill-konjuġi l-ieħor hija valida. Jekk il-konvenut ma jidhirx fi żmien għaxart ijiem min-notifika tal-att promotur, ir-rikorrent għandu l-possibbiltà li jitlob li tingħata sentenza inkontumaċja. Id-dehra hija azzjoni li ma tirrikjedi l-preżentazzjoni ta’ ebda risposta.

16

Ir-rikors għall-annullament ta’ sentenza mogħtija inkontumaċja jimponi fuq ir-rikorrent l-oneru li jipprova li għandu difiża plawżibbli (“arguable defence”).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għandha bħala suġġett ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fir-Renju Unit, skont ir-Regolament Nru 44/2001, ta’ żewġ sentenzi tal-Eparchiako Dikastirio tis Lefkosias (iktar ’il quddiem is-“sentenzi inkwistjoni”) li qatgħu kawża mressqa kontra l-konjuġi Orams minn M. Apostolides u li jikkonċernaw proprjetà immobbli (iktar ’il quddiem il-“proprjetà”).

18

Il-proprjetà tinsab f’Lapithos, fid-distrett ta’ Kyrenia, li jagħmel parti miż-żona ta’ Fuq. Hija kienet tappartjeni għall-familja ta’ M. Apostolides, li kienet tokkupaha qabel ma l-armata Torka invadiet Ċipru fl-1974. Il-familja tiegħu, li kienet tagħmel parti mill-komunità Griega ta’ Ċipru, kellha tabbanduna d-dar tagħha u stabbiliet ruħha fiż-żona tal-gżira effettivament ikkontrollata mill-Gvern Ċiprijott (iktar ’il quddiem iż-“żona kkontrollata mill-Gvern”).

19

Il-konjuġi Orams jallegaw li xtraw il-proprjetà matul is-sena 2002 minn terza persuna u fi buona fede, fejn din it-terza persuna stess kienet xtratha mill-awtoritajiet tar-Repubblika Torka ta’ Ċipru ta’ Fuq, entità li sa llum ma hija rrikonoxxuta minn ebda Stat ħlief għar-Repubblika tat-Turkija. Ix-xiri suċċessiv kien konformi mal-liġijiet ta’ din l-entità. Il-konjuġi Orams bnew villa u ta’ spiss joqgħodu fil-proprjetà li huma jużaw bħala dar għall-vaganzi.

20

Il-moviment tal-persuni bejn iż-żona ta’ Fuq u ż-żona kkontrollata mill-Gvern ġie ristrett sax-xahar ta’ April tas-sena 2003.

21

L-Eparchiako Dikastirio tis Lefkosias, qorti Ċiprijotta stabbilita fiż-żona kkontrollata mill-Gvern, ippubblikat, fis-26 ta’ Ottubru 2004, l-atti promoturi tal-kawża mressqa minn M. Apostolides kontra l-konjuġi Orams. Dawn l-atti, jiġifieri wieħed għal kull parti mill-miżżewġin, ġew innotifikati fl-istess jum fuq il-post, fl-indirizz tal-proprjetà, mill-marixxall tal-istess qorti. Iż-żewġ atti ġew innotifikati billi ġew ippreżentati lil L.E. Orams innifisha, li rrifjutat tiffirma l-att li juri din in-notifika.

22

Il-marixxall ma informa lil L.E. Orams la dwar l-inkarigu tiegħu u lanqas dwar in-natura tad-dokumenti li huwa ppreżentalha, li kienu redatti bil-Grieg, lingwa li l-konjuġi Orams ma jifhmux. L.E. Orams madankollu fehmet li dawn id-dokumenti kellhom natura uffiċjali u li kienu ta’ natura ġuridika.

23

Fil-faċċata tad-dokument bil-lingwa Griega, kull rikors promotur jindika, sabiex ma tingħatax sentenza inkontumaċja, li kien meħtieġ li l-parti tidher quddiem l-Eparchiako Dikastirio tis Lefkosias fi żmien għaxart ijiem min-notifika.

24

Minkejja d-diffikultajiet sabiex fiż-żona ta’ Fuq jinsab avukat li jitkellem il-Grieg u li jkun jista’ jidher quddiem il-qrati taż-żona kkontrollata mill-Gvern, L.E. Orams irnexxiela tikseb is-servizz tat-tali avukat, li ħa l-inkarigu li jidher f’isimha fit-8 ta’ Novembru 2004. Madankollu huwa deher quddiem din il-qorti mhux f’din id-data iżda biss l-għada.

25

Fid-9 ta’ Novembru 2004, peress li ħadd ma deher għall-konjuġi Orams, l-Eparchiako Dikastirio tis Lefkosias tat sentenza inkontumaċja fuq talba ta’ M. Apostolides. Fl-istess jum, din il-qorti rrifjutat il-mandat ippreżentat mill-avukat ta’ L. E. Orams minħabba l-fatt li kienet redatta bl-Ingliż u mhux bil-Grieg jew bit-Tork.

26

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, is-sentenza mogħtija inkontumaċja mill-Eparchiako Dikastirio tis Lefkosias tordna lill-konjuġi Orams sabiex:

iwaqqgħu l-villa, il-pixxina u r-reċinzjoni tal-madwar li kienu tellgħu fuq il-proprjetà;

jikkunsinnaw immedjatament il-pussess liberu tal-proprjetà lil M. Apostolides;

iħallsu lil M. Apostolides diversi somom bħala danni speċjali u ħlas għall-okkupazzjoni ta’ kull xahar, jiġifieri l-kera, sakemm jikkonformaw mas-sentenza, bl-interessi;

jiddesistu milli jkomplu bl-intervent illegali fuq il-proprjetà, kemm personalment jew permezz tal-aġenti tagħhom, u

iħallsu diversi somom ta’ flus fir-rigward ta’ spejjeż, bl-interessi.

27

Fil-15 ta’ Novembru 2004, il-konjuġi Orams ressqu oppożizzjoni għal din is-sentenza. Wara li semgħet il-provi u l-argumenti ta’ dawn tal-aħħar u ta’ M. Apostolides, l-Eparchiako Dikastirio tis Lefkosias, permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ April 2005, ċaħdet l-oppożizzjoni tal-konjuġi Orams, minħabba li, essenzjalment, huma ma kinux invokaw difiża plawżibbli sabiex jikkontestaw it-titolu ta’ proprjetà ta’ M. Apostolides. L-ispejjeż tal-kawża kellhom jitħallsu mill-konjuġi Orams.

28

Dawn tal-aħħar appellaw mis-sentenza li kienet ċaħdet l-oppożizzjoni tagħhom. L-appell ukoll ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Anotato Dikastirio tis Kypriakis Dimokratias tal-21 ta’ Diċembru 2006.

29

Fit-18 ta’ Ottubru 2005, M. Apostolides ippreżenta d-dokumenti meħtieġa fl-Ingilterra sabiex jitlob, skont ir-Regolament Nru 44/2001, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi inkwistjoni. Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Ottubru 2005, Master tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, ordna li dawn is-sentenzi jsiru eżekuttivi fl-Ingilterra skont l-istess regolament.

30

Peress li l-konjuġi Orams ikkontestaw dan id-digriet skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001, Imħallef tal-High Court of Justice ddeċieda li dan għandu jiġi annullat permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006. M. Apostolides appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

[…]

Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona ta’ Fuq permezz tal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 […] tipprekludi qorti ta’ Stat Membru milli tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza mogħtija minn qorti tar-Repubblika ta’ Ċipru sedenti fiż-żona kkontrollata mill-Gvern fir-rigward ta’ art fiż-żona ta’ Fuq, meta tali rikonoxximent u eżekuzzjoni jintalbu taħt ir-Regolament […] Nru 44/2001 […], li huma parti mill-acquis communautaire?

2)

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001 jintitola jew jorbot qorti ta’ Stat Membru sabiex tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor rigward art f’żona tal-aħħar Stat Membru li fuqha l-Gvern ta’ dak l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv? B’mod partikolari, sentenza bħal din tinsab f’kunflitt mal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001?

3)

Tista’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru, sedenti f’żona ta’ dak l-Istat li fuqha l-Gvern ta’ dak l-Istat ma jeżerċitax kontroll effettiv, fir-rigward ta’ art f’dak l-Istat f’żona li fuqha l-Gvern ta’ dak l-Istat ma jeżerċitax kontroll effettiv, ma tiġix irrikonoxxuta jew eżegwita taħt l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 minħabba li mill-aspett prattiku s-sentenza ma tistax tiġi eżegwita fejn tinsab l-art, għalkemm is-sentenza hija eżekuttiva fiż-żona tal-Istat Membru kkontrollata mill-Gvern?

4)

Fejn

tiġi rreġistrata sentenza inkontumaċja kontra konvenut;

il-konvenut sussegwentement ikun ta bidu għal proċedimenti fil-qorti oriġinali sabiex jikkontesta s-sentenza inkontumaċja;

iżda r-rikors tiegħu ma jintlaqax wara smigħ sħiħ u xieraq minħabba li jkun naqas milli jagħti difiża plawżibbli (li hija neċessarja skont il-liġi nazzjonali qabel ma sentenza tkun tista’ tiġi annullata),

jista’ dan il-konvenut jirreżisti l-eżekuzzjoni tas-sentenza inkontumaċja oriġinali jew is-sentenza dwar ir-rikors għal annullament taħt l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba li l-att promotur ma ġiex innotifikat lilu fi żmien suffiċjenti u b’tali mod li jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu qabel ir-reġistrazzjoni tas-sentenza inkontumaċja oriġinali? Tagħmel differenza jekk is-smigħ kien jinvolvi biss il-kunsiderazzjoni tad-difiża tal-konvenut għat-talba?

5)

Fl-applikazzjoni tat-test imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ta’ jekk il-konvenut kienx “notifikat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu” liema fatturi huma rilevanti għall-evalwazzjoni? B’mod partikolari:

a)

Fejn in-notifika fil-fatt tkun ġabet id-dokument għall-attenzjoni tal-konvenut, huwa rilevanti li wieħed jikkunsidra l-azzjonijiet (jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet) tal-konvenut jew tal-avukati tiegħu wara li tkun saret in-notifika?

b)

X’inhi r-rilevanza, jekk teżisti, tal-imġiba partikolari tal-konvenut jew l-avukati tiegħu, jew tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom?

ċ)

Huwa rilevanti li l-avukat tal-konvenut seta’ ppreżenta risposta qabel ma ġiet irreġistrata s-sentenza inkontumaċja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk is-sospensjoni mill-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona ta’ Fuq, prevista fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10, tmurx kontra l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 fil-konfront ta’ sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona kkontrollata mill-Gvern, iżda li tikkonċerna proprjetà li tinsab fiż-żona ta’ Fuq.

33

Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Att ta’ Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali tal-applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-konfront ta’ dan l-Istat, li fih derogi huma ammessi biss sa fejn dawn jiġu espressament previsti minn dispożizzjonijiet tranżitorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1982, Metallurgiki Halyps vs Il-Kummissjoni, 258/81, Ġabra p. 4261, punt 8).

34

F’dan ir-rigward, il-Protokoll Nru 10 jikkostitwixxi deroga tranżitorja għall-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti, ibbażata fuq is-sitwazzjoni eċċezzjonali li teżisti f’Ċipru.

35

Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet fl-Att ta’ Adeżjoni li jippermettu derogi minn regoli stabbiliti mit-Trattat KE għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u għandhom jiġu limitati għal dak li huwa assolutament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 1979, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 231/78, Ġabra p. 1447, punt 13; tat-23 ta’ Marzu 1983, Peskeloglou, 77/82, Ġabra p. 1085, punt 12; tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punt 26; tal-14 ta’ Diċembru 1989, Agegate, C-3/87, Ġabra p. 4459, punt 39, kif ukoll tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl, C-233/97, Ġabra p. I-8069, punt 18.)

36

Fil-kawża prinċipali, id-deroga prevista mill-Protokoll Nru 10 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tmur kontra l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għas-sentenzi inkwistjoni mogħtija mil-qorti Ċiprijotta.

37

Fil-fatt, jirriżulta minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 li s-sospensjoni pprovduta minnu hija limitata għall-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona ta’ Fuq. Madankollu, fil-kawża prinċipali, is-sentenzi inkwistjoni, li tagħhom intalab ir-rikonoxximent minn M. Apostolides, ingħataw minn qorti sedenti fiż-żona kkontrollata mill-Gvern.

38

Iċ-ċirkustanza li dawn is-sentenzi jikkonċernaw proprjetà li tinsab fiż-żona ta’ Fuq ma tipprekludix l-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, sa fejn, minn naħa, hija ma teliminax l-obbligu tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 fiż-żona kkontrollata mill-Gvern u, min-naħa l-oħra, hija ma timplikax lanqas li dan ir-regolament jiġi applikat, minħabba f’hekk, fl-imsemmija żona ta’ Fuq (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C-281/02, Ġabra p. I-1383, punt 31).

39

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona ta’ Fuq, prevista fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10, ma tmurx kontra l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 fil-konfront ta’ sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona kkontrollata mill-Gvern, iżda li tikkonċerna proprjetà li tinsab fiż-żona ta’ Fuq.

Fuq it-tieni sal-ħames domandi

40

Fir-rigward tat-tieni sal-ħames domandi, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni tinvoka l-possibbiltà li l-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001. Din l-allegazzjoni timponi għaldaqstant li jiġi ddeterminat jekk il-kawża prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala “materja ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiżgura, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 44/2001 kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materja ċivili u kummerċjali” ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. Dan il-kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi legali nazzjonali kollha (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1976, LTU, 29/76, Ġabra p. 1541, punt 3; tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer, 814/79, Ġabra p. 3807, punt 7; tal-21 ta’ April 1993, Sonntag, C-172/91, Ġabra p. I-1963, punt 18; tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD, C-266/01, Ġabra p. I-4867, punt 20; tat-18 ta’ Mejju 2006, ČEZ, C-343/04, Ġabra p. I-4557, punt 22, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C-292/05, Ġabra p. I-1519, punt 29).

42

L-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “materja ċivili u kummerċjali” twassal għall-esklużjoni ta’ ċerti sentenzi ġudizzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 minħabba f’elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan tagħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq LTU, punt 4; Rüffer, punt 14; Préservatrice foncière TIARD, punt 21; ČEZ, punt 22, kif ukoll Lechouritou et, punt 30).

43

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu f’dan il-kunċett, tkun ħaġa oħra meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq LTU, punt 4; Rüffer, punt 8; Sonntag, punt 20; Préservatrice foncière TIARD, punt 22, kif ukoll Lechouritou et, punt 31).

44

Fil-fatt il-manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità tal-Istat minn waħda mill-partijiet fil-kawża, minħabba fl-eżerċizzju minnha ta’ setgħat li jeċċedu dawk tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, teskludi t-tali kawża mill-materja ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq LTU, punt 4; Rüffer, punti 9 u 16; Sonntag, punt 22; Préservatrice foncière TIARD, punt 30, kif ukoll, Lechouritou et, punt 34).

45

Fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tikkonċerna kawża bejn individwi li s-suġġett tagħha hija l-kisba ta’ danni minħabba pussess illegali ta’ proprjetà, il-kunsinna u t-tqegħid fl-istat oriġinali ta’ din il-proprjetà kif ukoll il-waqfien minn kull intervent illegali ieħor. Il-kawża għaldaqstant imressqa mhijiex diretta kontra xi mġiba jew proċedimenti li huma manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ awtorità tal-Istat minn waħda mill-partijiet fil-kawża, iżda kontra atti mwettqa minn individwi.

46

Għaldaqstant, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda relatata ma’ “materja ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk il-fatt li sentenza tingħata minn qorti ta’ Stat Membru, li tikkonċerna proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat u li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv, jistax jiġi kkunsidrat bħala kunsiderazzjoni żbaljata tar-regola ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u, għaldaqstant, jiġġustifika rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni tat-tali sentenza skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi lista imperattiva u eżawrjenti ta’ qrati ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva tal-Istati Membri. Dan l-artikolu sempliċement jindika l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni ratione materiae, mingħajr madankollu ma jaqsam il-ġurisdizzjoni fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat. Huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-organizzazzjoni ġudizzjarja tiegħu stess.

49

Barra minn hekk, il-prinċipju tal-projbizzjoni mill-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, previst fl-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament — liema kontroll huwa ammess biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu –, jipprekludi milli jsir stħarriġ fil-kawża prinċipali tal-kompetenza interna tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

50

Għaldaqstant, ir-regola tal-forum rei sitae prevista fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tikkonċerna l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-kompetenza interna tagħhom.

51

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-proprjetà tinsab fit-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru u li, għaldaqstant, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ġiet osservata. Il-fatt li l-proprjetà tinsab fiż-żona ta’ Fuq jista’ eventwalment ikollu effett fuq il-kompetenza interna tal-qrati Ċiprijotti, iżda dan ma jista’ jkollu ebda effett għall-finijiet ta’ dan ir-regolament.

52

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax lil qorti ta’ Stat Membru sabiex tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-aħħar Stat li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk il-fatt li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà, tikkostitwixxix raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni skont il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

— Fuq l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001

54

Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza m’għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 45(1) tal-istess regolament jipprovdi każ identiku ta’ ċaħda ta’ dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva.

55

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren, C-414/92, Ġabra p. I-2237, punt 20; tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach, C-7/98, Ġabra p. I-1935, punt 21, u tal-11 ta’ Mejju 2000, Renault, C-38/98, Ġabra p. I-2973, punt 26). Iktar preċiżament fir-rigward tal-użu tal-klawżola ta’ ordni pubbliku, li tinsab fl-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament, dan għandu jsir biss f’każijiet eċċezzjonali (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Hoffmann, 145/86, Ġabra p. 645, punt 21; tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hendrikman u Feyen, C-78/95, Ġabra p. I-4943, punt 23; Krombach, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, kif ukoll Renault, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

56

Jekk l-Istati Membri, bħala prinċipju, jibqgħu ħielsa, bis-saħħa tar-riżerva fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jiddeterminaw, skont il-kunċetti nazzjonali tagħhom, l-eżiġenzi ta’ ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach, punt 22, u Renault, punt 27).

57

Għaldaqstant, filwaqt li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach, punt 23, u Renault, punt 28).

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi jipprojbixxu l-istħarriġ tal-mertu ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza kieku ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach, punt 36, u Renault, punt 29).

59

Għandu jsir użu mill-klawżola tal-ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ biss li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jolqtu s-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudika prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni tal-mertu ta’ sentenza mogħtija minn qorti barranija, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach, punt 37, u Renault, punt 30).

60

F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ma tistax, taħt piena li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tiċħad ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju ġie applikat b’mod żbaljat. Jeħtieġ, bil-kontra, li jiġi kkunsidrat li, f’dawn il-każijiet, is-sistema ta’ rimedji stabbiliti f’kull Stat Membru, sostnuta mill-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 234 KE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-individwi (ara s-sentenza Renault, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Il-klawżola tal-ordni pubbliku tapplika, f’dawn il-każijiet, biss sa fejn dan l-iżball ta’ liġi jimplika li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat fejn din tintalab tiġi kkunsidrata bħala ksur manifest ta’ regola ta’ dritt essenzjali fis-sistema legali ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Renault, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

61

Fil-kawża prinċipali, kif osservaw kemm M. Apostolides kif ukoll il-Gvern Ċiprijott u l-Gvern Grieg, il-qorti tar-rinviju ma semmiet ebda prinċipju fundamentali tas-sistema legali tar-Renju Unit li jista’ jiġi ppreġudikat mir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi inkwistjoni.

62

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ prinċipju fundamentali fis-sistema legali tar-Renju Unit li jista’ jiġi ppreġudikat mir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi inkwistjoni, l-ebda rifjut ta’ rikonoxximent tagħhom, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwa ġustifikat minħabba li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru li tikkonċerna proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat li fiha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà. Bl-istess mod, l-ebda rifjut ta’ eżekuzzjoni ma huwa infurzabbli abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, skont l-Artikolu 45(1) tal-istess regolament.

— Fuq l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001

63

Minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE, hija tista’ tieħu mill-kliem tad-domandi fformulati mill-qorti nażżjonali, fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija minnha, l-elementi li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex tkun tista’ ssolvi l-problema legali li titressaq quddiema (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, López Brea u Hidalgo Palacios, C-330/90 u C-331/90, Ġabra p. I-323, punt 5; tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 60, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2006, Chateignier, C-346/05, Ġabra p. I-10951, punt 18).

64

Għandu jingħad ukoll li, fil-kawża prinċipali, jekk iċ-ċirkustanza li s-sentenzi inkwistjoni ma jistgħux jiġu eżegwiti fl-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġġustifika r-rifjut ta’ rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, xorta jibqa’ l-fatt li din iċ-ċirkustanza tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 38(1) tal-istess regolament.

65

Skont din l-aħħar dispożizzjoni, is-sentenzi mogħtija fi Stat Membru u li huma eżekuttivi għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor wara li jkunu ġew iddikjarati eżekuttivi billi jkun tressaq rikors f’dan is-sens minn kull parti interessata.

66

Għaldaqstant, in-natura eżekuttiva tas-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini tikkostitwixxi kundizzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Coursier, C-267/97, Ġabra p. I-2543, punt 23). F’dan ir-rigward, jekk ir-rikonoxximent għandu jkollu l-effett, bħala prinċipju, li jagħti lis-sentenzi l-awtorità u l-effikaċja li minnhom igawdu fl-Istat Membru fejn dawn ingħataw (ara s-sentenza Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq, punti 10 u 11), madankollu ma teżisti l-ebda raġuni li sentenza tingħata, meta tiġi eżegwita, drittijiet li ma japplikawx għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini [ara r-Rapport fuq il-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, imfassal minn Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 48)] jew tal-effetti li ma jwasslux għal sentenza tal-istess tip mogħtija direttament fl-Istat Membru.

67

Madankollu, fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi validament sostnut li s-sentenzi inkwistjoni huma neqsin minn natura eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ oriġini.

68

Fil-fatt, din tirrigwarda sentenzi ta’ kundanna li ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 jikkonstata n-natura eżekuttiva tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini fid-data li fiha nħareġ dan iċ-ċertifikat.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż sabiex jirregola l-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tat-titoli eżekuttivi barranin u ma jikkonċernax l-hekk imsejħa eżekuzzjoni, li tibqa’ suġġetta għad-dritt nazzjonali tal-qorti adita bil-kawża (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1985, Deutsche Genossenschaftsbank, 148/84, Ġabra p. 1981, punt 18; tat-3 ta’ Ottubru 1985, Capelloni u Aquilini, 119/84, Ġabra p. 3147, punt 16, kif ukoll Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt, 27), mingħajr ma l-applikazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tista’ tippreġudika l-effett utli tas-sistema prevista minn dan ir-regolament fil-qasam tal-eżekuzzjoni billi tonqos mill-prinċipji stabbiliti fis-suġġett, kemm jekk b’mod espliċitu jew impliċitu, mir-regolament innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Capelloni u Aquilini, iċċitati iktar ’il fuq, punt 21; Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 1990, Hagen, C-365/88, Ġabra p. I-1845, punt 20).

70

Iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti jistgħu jsibu xi diffikultajiet sabiex jiġu eżegwiti s-sentenzi inkwistjoni fiż-żona ta’ Fuq ma tneħħix min-natura eżekuttiva tagħhom u, għaldaqstant, ma tipprekludix il-qrati tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza milli jiddikjaraw dawn is-sentenzi eżekuttivi.

71

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-fatt li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru dwar proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà ma jikkostitwix raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u dan l-anqas ma jimplika nuqqas ta’ natura eżekuttiva ta’ tali sentenza skont l-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament.

Fuq ir-raba’ domanda

72

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija inkontumaċja jistgħux jiġu rrifjutati skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba l-fatt li att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lill-konvenut fil-ħin u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu, meta dan tal-aħħar kellu l-opportunità jappella minn din is-sentenza quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

73

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessi 16 sa 18 tar-Regolament Nru 44/2001 li s-sistema ta’ rimedji li dan jipprovdi kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza hija intiża sabiex tistabbilixxi bilanċ ekwu bejn, minn naħa, il-kunfidenza reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, li tiġġustifika li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru jkunu, bħala prinċipju, rikonoxxuti u ddikjarati eżekuttivi b’mod sħiħ fi Stat Membru ieħor, u min-naħa l-oħra, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li timponi li l-konvenut ikun jista’, jekk ikun il-każ, jippreżenta rikors, eżaminat bi proċediment kuntraddittorju, kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, jekk iqis li waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ġie stabbilit.

74

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C-283/05, Ġabra p. I-12041), li tenfasizza d-differenzi bejn l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-punt 2 tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

75

L-Artikolu 34(2), b’differenza mill-imsemmi punt 2 tal-Artikolu 27, ma jirrikjedix neċessarjament ir-regolarità tal-preżentata jew tan-notifika tal-att promotur, iżda pjuttost ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża (sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

76

Fil-fatt, skont l-Artikolu 34(2) u l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija inkontumaċja għandhom jiġu rrifjutati, fil-każ ta’ rikors, jekk l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lill-konvenut fil-ħin u b’mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx ressaq rikors kontra din is-sentenza quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini meta kien f’pożizzjoni li jagħmel dan.

77

Mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li sentenza mogħtija inkontumaċja abbażi ta’ att promotur mhux notifikat fil-ħin lill-konvenut u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu, għandha tiġi rrikonoxxuta jekk huwa ma jkunx ħa l-inizjattiva li jippreżenta rikors kontra din is-sentenza, meta seta’ jagħmel dan.

78

Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża, li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq iħares permezz tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġu rrispettati meta l-konvenut effettivament ikun ippreżenta rikors kontra s-sentenza mogħtija inkontumaċja u li permezz ta’ dan ir-rikors isostni li l-att promotur jew l-att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lilu fil-ħin u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu.

79

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-konjuġi Orams użaw dan ir-rimedju fl-Istat Membru ta’ oriġini kontra s-sentenza mogħtija inkontumaċja fid-9 ta’ Novembru 2004. Għaldaqstant, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jiġi validament invokat.

80

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija inkontumaċja ma jistgħux jiġu rrifjutati skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 meta l-konvenut ikun jista’ jippreżenta rikors kontra s-sentenza mogħtija inkontumaċja u meta permezz ta’ dan ir-rikors huwa jkun jista’ jsostni li l-att promotur jew l-att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lilu fil-ħin u b’tali mod li seta’ jiddefendi ruħu.

Fuq il-ħames domanda

81

Fid-dawl tar-risposta għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

Fuq l-ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv, previst fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru anness mal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, ma tmurx kontra l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fil-konfront ta’ sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona tal-gżira effettivament kkontrollata mill-Gvern Ċiprijott, iżda li tikkonċerna proprjetà li tinsab f’dawn iż-żoni.

 

2)

L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax lil qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-aħħar Stat li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv.

 

3)

Il-fatt li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru dwar proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat Membru li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà ma jikkostitwix raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u dan l-anqas ma jimplika nuqqas ta’ natura eżekuttiva ta’ tali sentenza skont l-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament.

 

4)

Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija inkontumaċja ma jistgħux jiġu rrifjutati skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 meta l-konvenut ikun jista’ jippreżenta rikors kontra s-sentenza mogħtija inkontumaċja u meta permezz ta’ dan ir-rikors huwa jkun jista’ jsostni li l-att promotur jew l-att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lilu fil-ħin u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.