EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0185

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta' Frar 2009.
Allianz SpA u Generali Assicurazioni Generali SpA vs West Tankers Inc.
Talba għal deċiżjoni preliminari: House of Lords - ir-Renju Unit.
Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin -Regolament (KE) Nru 44/2001- Kamp ta’ applikazzjoni - Ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru sabiex tagħti deċiżjoni dwar inġunzjoni li tipprojbixxi lil parti milli tibda jew tkompli proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ - Konvenzjoni ta’ New York.
Kawża C-185/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:69

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Frar 2009 ( *1 )

“Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tagħti deċiżjoni dwar ordni intiża li tipprojbixxi lil parti milli tibda jew tkompli proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ — Konvenzjoni ta’ New York”

Fil-Kawża C-185/07,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mill-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2007, fil-proċedura

Allianz SpA, li qabel kienet Riunione Adriatica di Sicurtà SpA,

Generali Assicurazioni Generali SpA,

vs

West Tankers Inc.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Ó Caoimh, Presidenti tal-Awla, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Klučka (Relatur), E. Levits u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Allianz SpA, li qabel kienet Riunione Adriatica di Sicurta SpA, u Generali Assicurazioni Generali SpA, minn S. Males, QC, assistit minn S. Masters, barrister,

għal West Tankers Inc., minn I. Chetwood, solicitor, assistit minn T. Brenton, u D. Bailey, barristers,

għall-Gvern tar-Renju Unit minn V. Jackson u S. Behzadi-Spencer, bħala aġenti, assistiti minn V. Veeder u A. Layton, QC,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42-64).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Allianz SpA, li qabel kienet Riunione Adriatica Di Sicurtà SpA u Generali Assicurazioni Generali SpA, (iktar ’il quddiem, flimkien, “Allianz u Generali”) u West Tankers Inc. (iktar ’il quddiem “West Tankers”) dwar obbligi li jirriżultaw minn delitt ta’ West Tankers.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, iffirmata fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 (Ġabra tat-Trattati tal-Ġnus Magħquda, Volum 330, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ New York”), tistipula fl-Artikolu II(3):

“Il-qorti tal-Istat kontraenti, meta quddiemha titressaq kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet ikunu kkonkludew konvenzjoni fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan l-artikolu, għandha, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tirrinvija l-partijiet għall-arbitraġġ, sakemm ma ssibx li l-imsemmija konvenzjoni hija nulla u bla effett, mhux operattiva jew li ma tistax tiġi applikata.”

Id-dritt Komunitarju

4

Skont id-dispożizzjonijiet tal-ħamsa u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 44/2001:

“Ir-rispett għall-impennji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa konvenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materji speċifiċi li għalihom huma partijiet l-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament jistipula:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

d)

arbitraġġ.”

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

Id-dritt nazzjonali

7

L-Artikolu 37(1) tal-Att dwar il-Qorti Suprema 1981 (Supreme Court Act 1981) jipprovdi:

“Il-High Court tista’, permezz ta’ digriet interlokutorju jew finali toħroġ ordni fil-każijiet kollha fejn jidher għall-qorti li huwa ġust u xieraq li jsir hekk […].”

8

Il-liġi tal-1996 dwar l-Arbitraġġ (Arbitration Act 1996), tipprovdi fl-Artikolu 44 tagħha, intitolat “Setgħat ġurisdizzjonali li jistgħu jiġu eżerċitati insostenn tal-proċeduri ta’ arbitraġġ”:

“1)

Sakemm ma jkunx hemm ftehim differenti bejn il-partijiet, il-qorti għandha, għall-għanijiet u inkonnessjoni mal-proċedura ta’ arbitraġġ,, l-istess setgħa ta’ ordni, fil-materji elenkati hawn taħt, bħal kif għandha għall-għanjiet u inkonnessjoni mal-proċeduri ġudizzjarji.

2)

Dawn il-materji huma dawn li ġejjin:

[…]

e)

il-ħruġ ta’ ordni provviżorja […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

F’Awwissu 2000, il-Front Comor, bastiment li huwa proprjetà ta’ West Tankers u li nkera lil Erg Petroli SpA (iktar ’il quddiem “Erg”), ħabat ma’ moll proprjetà ta’ Erg ġewwa Siracusa (l-Italja) u kkaġuna ħsarat. Il-kuntratt ta’ kera kien taħt il-liġi Ingliża u kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ arbitraġġ”) ġewwa Londra (ir-Renju Unit).

10

Erg għamlet talba lill-assiguraturi tagħha, Allianz u Generali, sabiex tingħata kumpens sal-limitu ta’ koperatura tal-assigurazzjoni tagħha, u bdiet, f’Londra, proċedura ta’ arbitraġġ kontra West Tankers għall-bqija. West Tankers ikkontestat ir-responsabbiltà tagħha għad-danni kkawżati mill-kolliżjoni.

11

Wara li ħallsu lil Erg, skont il-poloz ta’ assigurazzjoni, il-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet, Allianz u Generali ippreżentaw, fit-30 ta’ Lulju 2003, rikors kontra West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa (l-Italja) sabiex jirkupraw l-ammonti li huma ħallsu lil Erg. Huma bbażaw ruħhom fuq id-dritt legali tagħhom ta’ surroga fid-drittijiet ta’ Erg, skont l-Artikolu 1916 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. West Tankers qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti bbażata fuq l-eżistenza tal-ftehim ta’ arbitraġġ.

12

Parallelament, West Tankers bdiet, fl-10 ta’ Settembru 2004, proċedura quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (ir-Renju Unit), sabiex titlob li jiġi deċiż li l-kawża bejnha stess, minn naħa, u Allianz u Generali, min-naħa l-oħra, tiġi suġġetta għall-arbitraġġ skont l-imsemmi ftehim ta’ arbitraġġ. West Tankers talbet ukoll li jingħata ordni li tipprojbixxi lil Allianz u Generali milli jirrikorru għal proċedura li mhijiex dik ta’ arbitraġġ u sabiex titkompla l-proċedura li nfetħet quddiem it-Tribunale di Siracusa (iktar ’il quddiem l-“anti-suit injunction”).

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2005, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) laqgħet it-talbiet ta’ West Tankers u qatgħet l-“anti-suit injunction” mitluba kontra Allianz u Generali. Dawn tal-aħħar ippreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-House of Lords. Huma sostnew li l-għoti ta’ din id-deċiżjoni jmur kontra r-Regolament Nru 44/2001.

14

Il-House of Lords l-ewwel nett irreferiet għas-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C-116/02, Ġabra p. I-14693), u tas-27 ta’ April 2004, Turner (C-159/02, Ġabra p. I-3565), li kienu, fis-sustanza, iddeċidew li ordni li tipprojbixxi lil parti milli tibda jew tkompli proċeduri quddiem qorti ta’ Stat Membru ma tistax tkun kompatibbli mas-sistema stabilita mir-Regolament Nru 44/2001, anki meta din tingħata mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament. Dan peress li l-imsemmi regolament jagħti ġabra kompluta ta’ regoli uniformi fuq l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri, li għandhom jagħtu fiduċja reċiproka fl-implementazzjoni korretta tal-imsemmija regoli.

15

Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax, skont il-House of Lords, jiġi estiż għall-arbitraġġ, li huwa kompletament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, skont l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu. F’dan il-qasam, m’hemmx ġabra ta’ regoli Komunitarji uniformi, kundizzjoni li hija meħtieġa sabiex il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri tista’ tiġi stabbilita u applikata. Barra minn hekk, mis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Rich (C-190/89, Ġabra p. I-3855) jirriżulta li l-esklużjoni fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Nru 44/2001 ma japplikax biss għall-proċeduri ta’ arbitraġġ fihom infushom, iżda wkoll għall-proċeduri ġudizzjarji li s-suġġett tagħhom huwa l-arbitraġġ. Is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C-391/95, Ġabra p. I-7091) spjegat li l-arbitraġġ ikun is-suġġett ta’ proċedura meta hija tkun intiża li tipproteġi d-dritt ta’ soluzzjoni tal-kawża permezz ta’ arbitraġġ, kif inhuwa l-każ fil-kawża prinċipali.

16

Il-House of Lords tkompli tgħid li, peress li s-suġġetti kollha ta’ arbitraġġ huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, l-ordni li saret lil Allianz u Generali, li tipprojbixxihom milli jirrikorru għal proċedura li mhijiex dik ta’ arbitraġġ, u li jkomplu l-proċeduri quddiem it-Tribunale di Siracusa, ma tistax tikser l-imsemmi regolament.

17

Fl-aħħar nett, il-House of Lords irrilevat li l-qrati tar-Renju Unit għamlu użu mill-“anti-suit injunctions” għal diversi snin. Din il-prattika hija fil-fehma tagħhom mezz effettiv għall-qorti li jkollha s-sede tal-arbitraġġ, li teżerċita l-kontroll tagħha fuqu, peress li tippromwovi ċ-ċertezza legali billi tnaqqas il-possibbiltajiet ta’ kunflitt bejn id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali. Barra minn hekk, kieku l-imsemmija prattika kienet adottata wkoll mill-qrati tal-Istati Membri oħra, hija tgħin il-kompetittività tal-Komunità Ewropea fir-rigward ta’ ċentri dinjija ta’ arbitraġġ bħal New York, Bermuda u Singapore.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt, għal qorti ta’ Stat Membru, li tadotta deċiżjoni li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew tkompli proċedura legali fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-proċedura tikser ftehim ta’ arbitraġġ, huwa kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 44/2001?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-House of Lords titlob, essenzjalment, jekk l-adozzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ ordni intiża li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew issegwi proċedura quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ, hijiex inkompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001, għalkemm l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament jeskludi l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

20

“Anti-suit injunction”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi indirizzata lejn awtur attwali jew potenzjali ta’ rikors barra mill-pajjiż. Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 14 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ fejn id-destinatarju ta’ din l-ordni ma jkunx konformi magħha, huwa jkun jista’ jiġi suġġett għal proċeduri ta’ disprezz tal-qorti, u jista’ jiġi ppenalizzat permezz tar-restrizzjoni tal-libertà tiegħu jew tal-qbid tal-beni tiegħu.

21

Kemm West Tankers kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li din l-ordni ma tistax tkun inkompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu jeskludi l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li sabiex jiġi deċiż jekk kawża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-proċedura biss (sentenza Rich, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). B’mod iktar preċiż, l-appartenenza għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 44/2001 hija ddeterminata min-natura tad-drittijiet li l-proċedura inkwistjoni tiżgura l-protezzjoni (sentenza Van Uden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

23

Proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għall-adozzjoni ta’ “anti-suit injunction”, ma tistax għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

24

Madankollu, għalkemm proċedura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, xorta jista’ jkollha konsegwenzi li jikkawżaw ħsara għall-effett utli tiegħu, jiġifieri li timpedixxi t-twettiq tal-għanijiet tal-unifikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet f’din l-istess materja. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta din il-proċedura timpedixxi lil qorti ta’ Stat Membru milli teżerċita l-ġurisdizzjoni li ġiet assenjata lilha taħt ir-Regolament Nru 44/2001.

25

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-proċeduri li saru minn Allianz u Generali kontra West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa jaqgħux ukoll taħt ir-Regolament Nru 44/2001 u wara, liema huma l-effetti tal-“anti-suit injunction” fuq dawn il-proċeduri.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, li, jekk, minħabba s-suġġett tal-kawża, jiġifieri n-natura tad-drittijiet li għandhom jiġu protetti fi proċedura, bħal ma hija talba għad-danni, din il-proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, kwistjoni preliminari dwar l-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, inkluż b’mod partikolari dwar il-validità tiegħu, taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-punt 35 tar-Rapport dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għall-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), ippreżentat minn Evrigenis u Kerameus (ĠU 1986, C 298, p. 1, punt 35). Dan jindika li l-verifika inċidentali tal-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, mitluba minn parti, sabiex tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha qed titressaq, għandha titqies, skont il-Konvenzjoni ta’ Brussell, li taqa’ fl-ambitu tal-iskop tagħha.

27

Isegwi li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, imqajma minn West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa u bbażata fuq l-eżistenza ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, inkluża l-kwistjoni tal-validità ta’ dan tal-aħħar, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u li għalhekk hija din il-qorti biss li għandha tiddeċiedi fuq din l-eċċezzjoni kif ukoll fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess skont l-Artikoli 1(2)(d) u 5(3) ta’ dan ir-regolament.

28

Għalhekk il-fatt li, permezz ta “anti-suit injunction”, qorti ta’ Stat Membru, li normalment għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawża skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tiġi prekluża milli tiddeċiedi kawża skont l-Artikolu 1(2)(d) ta’ dan ir-regolament, dwar l-applikabbiltà stess ta’ dan ir-regolament għall-kawża li titressaq quddiemha, ifisser neċessarjament li tkun tneħħiet is-setgħa lil din il-qorti li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha stess skont ir-Regolament Nru 44/2001.

29

Isegwi li, l-ewwel nett, “anti-suit injunction”, bħal dik fil-kawża prinċipali, ma tosservax, kif ukoll irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prinċipju ġenerali li huwa dedott mill-ġurispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jgħid li kull qorti li quddiemha titressaq il-kawża tiddeċiedi hija stess, skont ir-regoli applikabbli għaliha, jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża li titressaq quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax, minbarra xi eċċezzjonijiet limitati, li mhumiex rilevanti f’din il-kawża prinċipali, ir-reviżjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et, C-351/89, Ġabra p. I-3317, punt 24, kif ukoll Turner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Din il-ġurisdizzjoni hija stabbilita direttament mir-regoli li jinsabu f’dan ir-regolament, fosthom dawk li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Qorti ta’ Stat Membru għalhekk qatt ma tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Overseas Union Insurance et, punt 23, u Gasser, punt 48).

30

Għalhekk, meta l-qorti ta’ Stat Membru ieħor tiġi ostakolata fl-eżerċizzju tas-setgħat li r-Regolament Nru 44/2001 jagħtiha, jiġifieri, li tiddeċiedi, skont ir-regoli li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, fosthom l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, jekk l-imsemmi regolament huwiex applikabbli, din l-“anti-suit injunction” fl-istess ħin tmur kontra l-fiduċja li l-Istati Membri jagħtu reċiprokament lis-sistemi legali tagħhom kif ukoll lill-istituzzjonijiet ġuridiċi tagħhom, u li fuqhom hija bbażata s-sistema ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Turner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

31

Fl-aħħar nett, jekk, permezz ta’ “anti-suit injunction”, it-Tribunale di Siracusa kien prekluż milli jeżamina huwa stess il-kwistjoni preliminari dwar il-validità jew l-applikazzjoni tal-ftehim ta’ arbitraġġ, parti tista’ tevita l-proċeduri sempliċement billi teċċepixxi l-imsemmija konvenzjoni u r-rikorrent, li jikkunsidra li din tal-aħħar hija nulla u bla effett, mhux operattiva jew li ma tistax tiġi applikata, isib ruħu mingħajr aċċess għall-qorti tal-Istat li jkun ippreżenta rikors quddiemha skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 44/2001 u b’hekk jiġi mċaħħad mill-protezzjoni ġuridika li għandu dritt għaliha.

32

Għalhekk, “anti-suit injunction”, bħal dik fil-kawża prinċipali, mhijiex kompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001.

33

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu II(3) tal-Konvenzjoni ta’ New York, li jgħid li hija l-qorti ta’ Stat kontraenti, li quddiemha titressaq kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet ikkonkludew ftehim ta’ arbitraġġ, li tirrinvija lill-partijiet għall-arbitraġġ, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, sakemm ma tistabbilixxix li l-imsemmi ftehim huwa null u bla effett, mhux operattiv jew li ma jistax jiġi applikat.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, id-domanda għandha tingħatalha r-risposta li l-adozzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ ordni intiża li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew tkompli proċedura quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ, hija inkompatibbli mar-Regolament Nru 44/2001.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-adozzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru, ta’ ordni intiża li tipprojbixxi lil persuna milli tibda jew tkompli proċedura quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni li din il-proċedura tmur kontra ftehim ta’ arbitraġġ, hija inkompatibbli mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top