Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0451

    Kawża T-451/20: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2020 – Facebook Ireland vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 287, 31.8.2020, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 287/39


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2020 – Facebook Ireland vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-451/20)

    (2020/C 287/59)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Facebook Ireland Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: D. Jowell, QC, D. Bailey, Barrister, J. Aitken, D. Das, S. Malhi, R. Haria, M. Quayle, Solicitors u T. Oeyen, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 3011 final tal-4 ta’ Mejju 2020, u nnotifikata lir-rikorrenti fil-5 ta’ Mejju 2019, konformement mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 fil-kors ta’ investigazzjoni fil-Każ AT.40628 – Prattiki relatati mad-data minn Facebook;

    sussidjarjament: (i) tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data safejn hija illegalment titlob dokumenti interni li huma irrilevanti għall-investigazzjoni; u/jew (ii) tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data sabiex avukati indipendenti kkwalifikati fiż-ŻEE jkunu jistgħu jwettqu reviżjoni manwali tad-dokumenti li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data sabiex jiġu esklużi mill-produzzjoni dokumenti li huma manifestament irrilevanti għall-investigazzjoni u/jew dokumenti personali; u/jew (iii) tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data safejn illegalment tirrikjedi il-produzzjoni ta’ dokumenti irrilevanti li huma ta’ natura personali u/jew privata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data tonqos milli tindika s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’termini ċari jew konsistenti biżżejjed, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 296 TFUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, u tikser kemm id-drittijiet tad-difiża ta’ Facebook kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li peress li d-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data teħtieġ produzzjoni ta’ dokumenti li tikkonsisti f’maġġoranza ċara ta’ dokumenti kompletament irrilevanti u/jew personali, din tikser il-prinċipju ta’ neċessità rifless fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u/jew tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ Facebook u/jew tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data, peress li tirrikjedi l-produzzjoni ta’ daqstant dokumenti irrilevanti u personali (pereżempju: korrispondenza rigward kwistjonijiet mediċi relatati mal-impjegati u l-familji tagħhom; korrispondenza f’sitwazzjonijiet ta’ mewt; dokumenti relatati ma’ testmenti personali, tutela, kura tat-tfal u investimenti finanzjarji personali; applikazzjonijiet għal xogħol u referenzi; evalwazzjonijiet interni; u dokumenti li jevalwaw ir-riskji ta’ sigurtà għall-kampus ta’ Facebook u għall-persunal), tikser id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba. Għalhekk, id-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data tikser id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, kif protetti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data tikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-għanijiet tagħha huma eċċessivament wiesa’ u ma humiex intiżi biżżejjed għas-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata dwar id-data tonqos milli tispjega għaliex it-termini ta’ tfittxija tagħha jidentifikaw biss dokumenti li huma meħtieġa u rilevanti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni jew tonqos milli tispjega għaliex kwalunkwe reviżjoni ta’ rilevanza minn avukati esterni li huma kkwalifikati fiż-ŻEE ma hijiex permessa jew tonqos milli tispjega jew tipprovdi għal kwalunkwe post li fih tinżamm maħżuna d-data, li huwa legalment vinkolanti, għal dokumenti personali u/jew kompletament irrilevanti u li għalhekk hija bbażata fuq raġunament insuffiċjenti, kuntrarju għall-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u għall-Artikolu 296 TFUE.


    Top