Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0609

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2022 (Estratti).
    LA International Cooperation Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Strument ta’ għajnuna qabel l-adeżjoni – Investigazzjoni tal-OLAF – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni amministrattiva – Esklużjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal perijodu ta’ erba’ snin – Inklużjoni fid-database tas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni – Regolament finanzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Proporzjonalità tas-sanzjoni.
    Kawża T-609/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:407

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

    29 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

    “Strument ta’ għajnuna qabel l-adeżjoni – Investigazzjoni tal-OLAF – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni amministrattiva – Esklużjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal perijodu ta’ erba’ snin – Inklużjoni fid-database tas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni – Regolament finanzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Proporzjonalità tas-sanzjoni”

    Fil-Kawża T‑609/20,

    LA International Cooperation Srl, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn B. O’Connor u M. Hommé, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Pethke, bħala aġent,

    konvenuta,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

    komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg u G. Hesse (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 )

    [omissis]

    Fid‑dritt

    [omissis]

    Fuq in‑natura xierqa tas-sanzjoni

    151

    Ir-rikorrenti ssostni li l-kooperazzjoni tajba tagħha matul l-investigazzjoni tal-OLAF kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-korp għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa li kellha tiġi applikata f’dan il-każ. Hija żżid li, skont id-dritt Taljan, f’April 2016 hija adottat mudell ta’ organizzazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll flimkien ma’ kodiċi tal-etika u sistema dixxiplinari relatata miegħu. Hija wkoll neħħiet lil A u B mill-funzjonijiet tagħhom fl‑2019.

    152

    Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-obbligi kuntrattwali tagħha u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal‑11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303), ir-rikorrenti kienet obbligata tikkoopera u tippermetti l-aċċess għall-bini tagħha sabiex tiffaċilita l-verifiki u l-ispezzjonijiet tal-OLAF f’isimha. L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kooperazzjoni tajba tagħha kellu jkollha effett fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-korp tas-sanzjoni xierqa għandu, fil-fehma tagħha, jiġi miċħud. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-korp kellu aċċess għar-rapporti li jirrapportaw il-kontrolli fuq il-post, li fihom issemma li r-rikorrenti u r-rappreżentanti tagħha kienu kkooperaw mal-OLAF.

    153

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għall-fatti preċedenti għall‑1 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni rrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 133a(2)(b) tar-Regolament tagħha (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) kif emendat, u l-Artikolu 145(1) tar-Regolament ta’ Delega tagħha (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1) qabel l-emenda mir-Regolament Delegat tagħha (UE) 2015/2462 tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 342, p. 7) kien jipprevedi li t-tul massimu ta’ esklużjoni ta’ entità kienet ta’ ħames snin.

    154

    Għall-fatti mwettqa wara l‑1 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni rrilevat li l-Artikolu 106(14)(c) tar-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929, kien jipprevedi li t-tul tal-esklużjoni ma setax jaqbeż it-tliet snin fil-każ ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità msemmija fl-Artikolu 106(1)(c) tal-imsemmi regolament u ħames snin fil-każijiet ta’ korruzzjoni msemmija fl-Artikolu 106(1)(d) tal-istess regolament.

    155

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni eskludiet lir-rikorrenti abbażi ta’ klassifikazzjoni ġuridika preliminari tal-aġir tagħha, fid-dawl tal-fatti stabbiliti u tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-korp, konformement mal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929. Hija qieset li l-gravità tal-aġir illeċitu, in-natura intenzjonali ta’ dan l-aġir, it-tul tiegħu u l-ammonti għolja inkwistjoni kienu jiġġustifikaw esklużjoni ta’ perijodu ta’ erba’ snin.

    156

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Artikolu 133a(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 tal-Kummissjoni, tat‑23 ta’ April 2007 (ĠU L 56M, p. 337), u l-Artikolu 106(3) tar-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1929, jeżiġu mill-awtorità kontraenti li teskludi operatur ekonomiku li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, l-imsemmi Artikolu 106(3) jipprevedi li d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tas-sitwazzjoni, inkluż l-effett fuq l-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Unjoni, taż-żmien li għadda wara l-konstatazzjoni tal-aġir inkwistjoni, tat-tul tiegħu u tar-repetizzjoni eventwali tiegħu, tal-intenzjoni jew tal-grad ta’ negliġenza, jew ta’ kull ċirkustanza attenwanti oħra, bħall-kooperazzjoni tal-operatur ekonomiku mal-awtorità kompetenti kkonċernata u l-kontribuzzjoni tiegħu fl-investigazzjoni, kif iċċertifikati mill-awtorità kontraenti.

    157

    Skont l-Artikolu 108(11) tar-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/1929, il-Qorti Ġenerali “għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu biex tirrieżamina deċiżjoni li biha l-awtorità kontraenti teskludi operatur ekonomiku u/jew timponi fuqu penali finanzjarja, inkluż it-tnaqqis jew iż-żieda fit-tul ta’ żmien tal-esklużjoni u/jew tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-penali finanzjarja imposta”. Lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, din il-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lill-Qorti Ġenerali tirriforma l-att ikkontestat, anki fl-assenza ta’ annullament, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex, pereżempju, tbiddel it-tul tal-esklużjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel evalwazzjonijiet differenti minn dawk użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda t-tul tal-esklużjoni.

    158

    F’dan il-każ, l-argument li bih ir-rikorrenti ssostni li l-kooperazzjoni tajba li hija wriet waqt l-investigazzjoni u l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni li hija adottat kellhom ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni tas-sanzjoni xierqa li kellha tiġi applikata lilha għandu jiġi interpretat bħala li jistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, it-tul tal-esklużjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti invokati.

    159

    Fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti wettqet l-atti ta’ korruzzjoni u ta’ nuqqas professjonali gravi esposti fil-punti 121 sa 123, 126, 127 u 129 sa 134 iktar ’il fuq. Dawn il-fatti huma serji ħafna min-natura tagħhom stess, peress li l-aġir tar-rikorrenti kellu bħala għan it-tixħim ta’ uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Maċedonja tat-Tramuntana sabiex tikseb vantaġġ kompetittiv fuq l-offerenti l-oħra. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fittxet intenzjonalment li tikkorrompi uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Dan l-aġir dam ftit iktar minn erba’ snin, li matulhom kienu involuti diversi persuni interni u esterni għar-rikorrenti.

    160

    Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-gravità tal-effett ta’ dawn il-fatti fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, sa fejn jikkonċernaw somma li taqbeż EUR 1.7 miljun.

    161

    Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-elementi invokati mir-rikorrenti, huwa minnu li r-rapporti li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kontrolli fuq il-post jirreferu għall-kooperazzjoni “sħiħa” u “tajba ħafna” tagħha matul dawn il-kontrolli. Madankollu, huwa wkoll veru li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kellha l-obbligu legali li tikkoopera mal-OLAF. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-aġir tar-rikorrenti fil-mument tal-investigazzjoni jista’ jkollu biss effett dgħajjef fuq il-livell ta’ severità tas-sanzjoni fid-dawl tal-gravità tal-fatti inkwistjoni.

    162

    Fir-rigward tal-mudell organizzattiv adottat mir-rikorrenti fl‑2016, il-Qorti Ġenerali taqbel mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, dan il-mudell ġie adottat f’April 2016, iżda madankollu ma waqqafx l-aġir żbaljat tar-rikorrenti, li kompla sa Jannar 2017. Min-naħa l-oħra, għalkemm dan il-mudell il-ġdid jista’ eventwalment ikollu effett fuq l-aġir tar-rikorrenti fil-futur, dan ma kellu ebda effett matul il-perijodu rilevanti. Bl-istess mod, l-esklużjoni ta’ A u ta’ B fl‑2019 jista’ jkollha effett biss fuq l-aġir futur tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li dan jittieħed inkunsiderazzjoni.

    163

    Fl-aħħar, jista’ jiġi enfasizzat li l-perijodu ta’ esklużjoni massimu previst mil-leġiżlatur kien, qabel l‑1 ta’ Jannar 2016, ta’ ħames snin għall-iżbalji professjonali serji u, wara l‑1 ta’ Jannar 2016, ta’ tliet snin għan-nuqqasijiet professjonali serji u ta’ ħames snin għall-fatti ta’ korruzzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 121 sa 123, 126, 127 u 129 sa 134 iktar ’il fuq, li l-aġir tar-rikorrenti kien jikkostitwixxi kemm fatti ta’ mġiba professjonali gravi kif ukoll fatti ta’ korruzzjoni.

    [omissis]

     

    Għal dawn ir-raġunijiet,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    LA International Cooperation Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Kornezov

    Buttigieg

    Hesse

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Ġunju 2022.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    ( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

    Top