This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TJ0150
Judgment of the General Court (Third Chamber) of 13 July 2022.#Tartu Agro AS v European Commission.#State aid – Agriculture – Lease contract for agricultural land in Estonia – Decision declaring the aid incompatible with the internal market and ordering its recovery – Advantage – Determination of the market price – Private operator principle – Complex economic assessments – Judicial review – Taking into account of all relevant factors – Duty of diligence.#Case T-150/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Lulju 2022.
Tartu Agro AS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Agrikoltura – Kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda artijiet agrikoli fl-Estonja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Vantaġġ – Determinazzjoni tal-prezz tas-suq – Prinċipju ta’ operatur privat – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Stħarriġ ġudizzjarju – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha – Obbligu ta’ diliġenza.
Kawża T-150/20.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Lulju 2022.
Tartu Agro AS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Agrikoltura – Kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda artijiet agrikoli fl-Estonja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Vantaġġ – Determinazzjoni tal-prezz tas-suq – Prinċipju ta’ operatur privat – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Stħarriġ ġudizzjarju – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha – Obbligu ta’ diliġenza.
Kawża T-150/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:443
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
13 ta’ Lulju 2022 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat – Agrikoltura – Kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda artijiet agrikoli fl-Estonja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Vantaġġ – Determinazzjoni tal-prezz tas-suq – Prinċipju ta’ operatur privat – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Stħarriġ ġudizzjarju – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha – Obbligu ta’ diliġenza”
Fil-Kawża T‑150/20,
Tartu Agro AS, stabbilita f’Tartu (l-Estonja), irrappreżentata minn T. Järviste, T. Kaurov, M. Valberg u M. Peetsalu, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka u E. Randvere, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn G. De Baere, President, V. Kreuschitz (Relatur) u K. Kecsmár, Imħallfin,
Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Tartu Agro AS, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 252 final tal‑24 ta’ Jannar 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39182 (2017/C) (ex 2017/NN) (ex 2014/CP) – Għoti ta’ għajnuna allegatament illegali lil AS Tartu Agro (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
Fuq ir‑rikorrenti u fuq il‑lokazzjoni ta’ artijiet agrikoli
2 |
Ir-rikorrenti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li, fl‑1997, issuċċediet lil Tartu Riigimajand, impriża agrikola tal-Istat li tipproduċi l-ħalib, il-laħam u ċ-ċereali. Fit‑2 ta’ Ottubru 2001, ir-Repubblika tal-Estonja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta, biegħet l-azzjonijiet kollha tar-rikorrenti lil OÜ Tartland, li ġiet amalgamata mar-rikorrenti fl‑2002. |
3 |
Fis‑16 ta’ Novembru 2000, ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata mill-Ministeru tal-Agrikoltura tagħha, u r-rikorrenti, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”), ikkonkludew kuntratt ta’ kiri (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kiri”) għal perijodu ta’ 25 sena dwar porzjonijiet ta’ artijiet agrikoli b’superfiċji totali ta’ 3 089.17 ettari, li jinsabu fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Tähtvere, fil-Kontea ta’ Tartu, u li tagħhom ir-Repubblika tal-Estonja hija l-proprjetarja (iktar ’il quddiem il-“lokazzjoni kontenzjuża”). |
4 |
Il-kuntratt ta’ kiri kien jipprevedi kera ta’ 10000 krooni Estonjani (EEK) (madwar EUR 639) fis-sena, jiġifieri 3.24 EEK/ettaru (0.20 EUR/ettaru), u l-ħlas, mir-rikorrenti, tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ titjib tal-porzjonijiet, b’mod partikolari tal-investimenti annwali f’sistemi ta’ dranaġġ ta’ ammont minimu ta’ EEK 400000 (madwar EUR 25565, jiġifieri 8.28 EUR/ettaru), l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tal-artijiet u ta’ titjib tal-kwalità tal-ħamrija ta’ ammont minimu totali ta’ EEK 3981000 (madwar EUR 254432), inklużi l-ispejjeż marbuta mal-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’ (EEK 820000), mal-fertilizzanti minerali u organiċi (EEK 3100000), mat-taħlit tal-ġir mal-ħamrija (EEK 20000) u mal-manutenzjoni tal-mogħdijiet tal-ġenb (EEK 41000), u kif ukoll il-ħlas tat-taxxi kollha. |
5 |
Il-kuntratt ta’ kiri kien jipprovdi wkoll klawżola għall-emendi u ġie emendat diversi drabi. Tlieta minn dawn l-emendi kienu jirrigwardaw iż-żieda tal-kera annwali, li saret EEK 80000 (madwar EUR 5113) fl‑14 ta’ Jannar 2005, EEK 250000 (EUR 15978) fil‑21 ta’ Marzu 2007, u EEK 416000 (EUR 26626), jiġifieri 136 EEK/ettaru (8.69 EUR/ettaru), fit‑12 ta’ Mejju 2009. Dawn iż-żidiet tal-kera kellhom effett retroattiv, fl‑1 ta’ Jannar 2005, fl‑1 ta’ Jannar 2007 u fl‑1 ta’ Jannar 2009, rispettivament. |
Fuq il‑proċedura amministrattiva quddiem il‑Kummissjoni
6 |
Fit‑28 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea rreġistrat ilment ippreżentat fl‑24 ta’ Lulju 2014 u li jallega li l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali Estonjan (li qabel kien il-Ministeru għall-Agrikoltura Estonjan) kien ta għajnuna mill-Istat illegali lir-rikorrenti. |
7 |
Il-Kummissjoni bagħtet l-ilment lill-awtoritajiet Estonjani fl‑14 ta’ Awwissu 2014, fejn stednithom jipprovdu informazzjoni u jippreżentaw osservazzjonijiet. L-awtoritajiet Estonjani pprovdew l-informazzjoni mitluba fit‑3 ta’ Ottubru 2014. |
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tal-lokazzjoni kontenzjuża (ĠU 2017, C 103, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”), u stiednet lit-terzi interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. |
9 |
Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni rrilevat li hija ma setgħetx teskludi li l-lokazzjoni kontenzjuża kkostitwixxiet għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-ewwel lok, huwa possibbli li r-rikorrenti rċeviet vantaġġ, b’mod partikolari, fil-forma ta’ kera inqas mill-prezz tas-suq, u dan jidher li jirriżulta minn rapport indipendenti ppreżentat mill-awtoritajiet Estonjani. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qiegħdet f’dubju wkoll in-natura trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata tas-sejħa għal offerti. Fit-tieni lok, il-vantaġġ huwa selettiv sa fejn l-artijiet agrikoli inkwistjoni kienu mikrija biss lir-rikorrenti. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li kien jidher ukoll li l-kundizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 107(1) TFUE kienu ssodisfatti. |
10 |
Fil‑21 ta’ April 2017, l-awtoritajiet Estonjani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll osservazzjonijiet mingħand żewġ partijiet terzi interessati, jiġifieri dawk tal-lanjant u dawk tar-rikorrenti, li sussegwentement ġew trażmessi lill-awtoritajiet Estonjani fl‑10 u fit‑12 ta’ Mejju 2017, rispettivament. L-awtoritajiet Estonjani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawk tal-lanjant fit‑28 ta’ Ġunju 2018. |
11 |
Fil‑11 u fid‑19 ta’ Ġunju 2017, il-lanjant ippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali flimkien ma’ ħames annessi. Il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lill-awtoritajiet Estonjani fit‑3 ta’ Lulju 2017, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil‑21 ta’ Lulju 2017. |
12 |
Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti kkuntattjat lill-Kummissjoni, li wieġbet fil‑11 ta’ Settembru 2017. Il-lanjant ikkuntattja lill-Kummissjoni b’ittri tad‑9 ta’ Jannar 2018, tat‑30 ta’ Jannar u tal‑14 ta’ Lulju 2019, li għalihom din tal-aħħar wieġbet fis‑7 ta’ Frar 2018, fl‑1 ta’ Marzu u fis‑17 ta’ Lulju 2019, rispettivament. |
13 |
Fis‑7 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni organizzat telekonferenza mal-awtoritajiet Estonjani u bagħtitilhom, fil‑15 ta’ Frar 2019, talba għal informazzjoni addizzjonali, li għaliha dawn wieġbu fis‑17 ta’ April 2019. |
14 |
Fl‑24 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, billi kkonkludiet li l-lokazzjoni kontenzjuża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE u kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat (punt 153 tad-deċiżjoni kkontestata). |
Talbiet tal‑partijiet
15 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
16 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Fid‑dritt
17 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tressaq formalment tmien motivi. Peress li l-ewwel motiv formalment imressaq jikkonċerna biss kunsiderazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà, għandhom jiġu eżaminati s-seba’ motivi l-oħra mressqa formalment. |
18 |
Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji (“manifesti”) ta’ dritt, ta’ proċedura u ta’ fatt li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tagħha dwar, l-ewwel, il-konformità tas-sejħa għal offerti mar-rekwiżiti li jiggarantixxu l-kundizzjonijiet tas-suq, it-tieni, il-konformità tal-kera tal-kuntratt ta’ kiri ma’ prezz tas-suq, it-tielet, id-determinazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ, ir-raba’, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida, il-ħames, l-obbligu ta’ ħlas lura ta’ parti mill-għajnuna, is-sitt, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mir-Repubblika tal-Estonja u, is-seba’, l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern. |
19 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tistħarreġ fl-ewwel lok il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni dwar il-konformità tal-kera prevista mill-kuntratt ta’ kiri mal-prezz tas-suq u d-determinazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ. |
20 |
Permezz tat-tielet u r-raba’ motiv imressqa formalment, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, kif prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, hija ssodisfatta f’dan il-każ. B’mod iktar speċifiku, hija ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, fil-punti 131 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-lokazzjoni kontenzjuża kienet tagħti vantaġġ lir-rikorrenti minħabba li l-kera mħallsa minn din tal-aħħar kienet inqas minn prezz tas-suq matul il-perijodu bejn l-2000 u l-2017 u, fil-punti 154 sa 165 tal-imsemmija deċiżjoni, li dan il-vantaġġ kien jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont medju li jirriżulta mill-estimi annwali tar-rata tas-suq għall-kiri tal-artijiet inkwistjoni u l-ammont tal-kera reali mħallas għal dawn l-artijiet, miżjud b’nofs l-ammont tal-investimenti annwali li saru fis-sistema ta’ dranaġġ u t-taxxa tal-proprjetà mħallsa għan-nom tal-proprjetarju. |
21 |
B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti tqis li r-rapport Uus Maa, li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni għall-perijodu bejn l-2000 u l-2014, ma huwiex affidabbli sa fejn, minn naħa, huwa għandu marġnijiet ta’ prezzijiet għall-kera skont il-perijodi, li fi ħdanhom l-ammont massimu huwa xi drabi iktar minn darbtejn ogħla mill-ammont minimu, u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet reali jistgħu jvarjaw b’20 % meta mqabbla ma’ dak indikat fih. Hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ddeterminat il-prezz tas-suq abbażi tal-medja aritmetika tal-valuri minimi u massimi ta’ dawn il-marġnijiet ta’ prezzijiet. Fil-fehma tagħha, jistgħu jitqiesu li huma konformi mal-prezz tas-suq kemm l-ammont minimu kif ukoll l-ammont massimu inkluż f’marġni u anki kera li tvarja b’20 % ta’ tali ammont. Billi bbażat ruħha fuq il-medja aritmetika ta’ din il-perizja impreċiża, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ analiżi u ta’ motivazzjoni. Id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, użata bħala bażi ta’ paragun għall-perijodu bejn l-2015 u l-2017, ma tikkostitwixxix perizja u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-artijiet inkwistjoni. |
22 |
Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex jiġi stabbilit jekk l-Istat Estonjan adottax jew le l-aġir ta’ operatur privat, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest u l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi prevalenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri fis-sena 2000. F’dan l-istadju, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni Ewropea kienet inċerta, is-suq tal-artijiet agrikoli kien dgħajjef u l-valur tal-artijiet u l-prezz tal-kera kienu baxxi. |
23 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-investimenti fit-titjib tal-artijiet kif ukoll l-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-artijiet u ta’ titjib kwalitattiv ieħor, kif previsti mill-kuntratt ta’ kiri, għandhom jiġu integrati kollha kemm huma fil-prezz tal-kera. Mir-rapport Uus Maa jirriżulta li, fis-sena 2000, la l-impożizzjoni ta’ tali obbligi u lanqas il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kiri għal żmien twil fir-rigward ta’ superfiċji daqshekk kbira ma kienu jaqgħu taħt prassi kurrenti. Għalhekk ma jeżistux kuntratti paragunabbli u l-prezz tal-kera jinkludi neċessarjament il-valur ta’ dawn l-obbligi. |
24 |
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni la ssodisfat l-obbligi taħt l-oneru tal-prova u lanqas ir-rekwiżiti proċedurali imposti fuqha. B’mod partikolari, hija tqis li l-Kummissjoni ma interpretatx b’mod korrett il-fatti kif ukoll id-data ta’ natura ekonomika u evalwat il-provi b’mod selettiv. Mir-rapport Uus Maa jirriżulta li l-artijiet fin-nofsinhar ta’ Tartu kienu jeħtieġu sistemi ta’ titjib ta’ artijiet li jirrappreżentaw spiża addizzjonali, li l-kostruzzjoni ta’ tali sistemi kienet investiment fil-beni tal-proprjetarju, li l-obbligi marbuta mal-fertilizzazzjoni tal-ħamrija ma kinux prassi kurrenti, li ebda kuntratt ġdid ta’ kiri konkluż fis-suq ma kien daqstant favorevoli għall-proprjetarju meta mqabbel ma’ dak inkwistjoni, li l-proprjetarji privati li jikru kienu jirċievu dħul nett reali annwali iktar baxx minħabba t-taxxi fuq id-dħul u t-taxxa tal-proprjetà u li l-kuntratt ta’ kiri ma kienx paragunabbli ma’ kuntratt ta’ kiri ordinarju. |
25 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont id-data indikata fir-rapport Uus Maa, is-superfiċji li tista’ tintuża tal-artijiet inkwistjoni tirrappreżenta biss 2 833.596 ettaru, jiġifieri 83 % tas-superfiċji totali ta’ dawn l-artijiet. Fil-fehma tagħha, il-kera effettiva li hija ħallset hija għalhekk 16.7 % ogħla minn dik prevista mill-kuntratt ta’ kiri. Barra minn hekk, l-artijiet inkwistjoni jinkludu, f’parti sinjifikattiva, mogħdijiet u artijiet oħra li ma jistgħux jinħadmu. |
26 |
Ir-rikorrenti żżid li l-analiżi ta’ AS Pindi Kinnisvara (iktar ’il quddiem l-“analiżi Pindi Kinnisvara”), li ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Estonjani fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, turi wkoll il-konformità tal-kera mal-kundizzjonijiet tas-suq. |
27 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
28 |
Il-Kummissjoni tfakkar li hija qabblet, qabel ma għamlet aġġustamenti, il-kera mħallsa mir-rikorrenti fis-snin inkwistjoni mal-kera annwali medja li tirriżulta mir-rapport Uus Maa u mid-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan. L-imsemmi rapport ipprovda stimi plawżibbli tal-kirjiet li saru fil-Kontea ta’ Tartu matul il-perijodu bejn l-2000 u l-2014. Il-Kummissjoni tippreċiża li hija bbażat ruħha fuq l-istima medja tal-kera indikata f’dan ir-rapport u li huwa normali li jintużaw tali stimi u marġnijiet ta’ prezzijiet sabiex isiru paraguni. L-artijiet inkwistjoni ma humiex differenti mill-artijiet medji fl-Estonja u paragun mal-iktar prezz baxx ta’ dawn il-marġnijiet ta’ prezzijiet, kif propost mir-rikorrenti, kien jissottovaluta l-vantaġġ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li hija adottat approċċ prudenti u bbilanċjat billi bbażat ruħha fuq l-ammonti medji tal-kera u tad-data oġġettivi. Barra minn hekk, dan ir-rapport ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Estonjani u r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta provi iktar affidabbli. |
29 |
Il-Kummissjoni tqis li d-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, kif użata għall-perijodu bejn l-2015 u l-2017, tikkostitwixxi prova affidabbli. Hija tindika li fid-deċiżjoni kkontestata hija esponiet li l-imsemmija data ma kinitx tikkostitwixxi r-riżultat ta’ evalwazzjoni peritali tal-prezz tal-lokazzjoni tal-artijiet, iżda kienet tirrifletti l-prezzijiet medji tal-kera irrapportati matul dan il-perijodu. Hija tirrileva li din id-data kienet l-unika informazzjoni affidabbli li kellha għad-dispożizzjoni tagħha u li r-riżultati miksuba kienu konsistenti ma’ dawk għall-perijodu bejn l-2000 u l-2014. La r-rikorrenti u lanqas l-awtoritajiet Estonjani ma wrew li l-artijiet inkwistjoni kellhom valur iktar baxx meta mqabbel mal-valur medju tal-artijiet agrikoli fl-Estonja. Is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti lanqas ma tindika valur iktar baxx. Il-Kummissjoni żżid li l-fatt li d-data statistika ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari kollha ta’ porzjon partikolari ma jfissirx li hija użathom b’mod żbaljat. |
30 |
Il-Kummissjoni tqis li ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri u rrimarkat li r-rikorrenti ma sabet ebda lakuna f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tippreċiża li, anki jekk il-prezzijiet tas-suq kienu inizjalment baxxi, hija wriet, fl-imsemmija deċiżjoni, li l-kera tar-rikorrenti baqgħet iktar baxxa minn dawn il-prezzijiet matul il-perijodu kollu bejn l-2000 u l-2017, u dan minkejja ż-żidiet li saru. |
31 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-kera kellha tinkludi l-investimenti kollha magħmula għall-artijiet inkwistjoni. L-investimenti li jikkonċernaw it-titjib u l-manutenzjoni tal-artijiet kif ukoll it-titjib tal-kwalità tal-art huma spejjeż operattivi li saru, fl-ambitu taċ-ċiklu annwali tal-produzzjoni agrikola, fl-interess tal-operatur. Il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni speċifika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-karatteristiċi kienu riflessi fil-prezzijiet tas-suq tal-kiri u, min-naħa l-oħra, l-artijiet agrikoli kollha fl-Estonja kienu jeħtieġu investimenti kbar matul il-perijodu inkwistjoni. Hija ssostni li t-titjib tal-fertilità, fl-ewwel lok, huwa inerenti għan-natura tal-attività agrikola, fit-tieni lok, ma jurix li l-valur tal-artijiet inkwistjoni kien kunsiderevolment differenti minn dak tal-artijiet agrikoli medji fl-Estonja, u, fit-tielet lok, ma jispjegax ir-raġunijiet għaliex il-kera kienet iktar baxxa mill-prezz tas-suq. Skont il-Kummissjoni, kera iktar baxxa kienet tkun iġġustifikata biss kieku l-fertilità tal-ħamrija kienet inqas mill-fertilità medja jew kieku din iddeterjorat. Fir-rigward tal-investimenti fis-sistema ta’ dranaġġ, hija ssostni li rrikonoxxiet li l-Istat Estonjan kien, bħala proprjetarju, inħeles minn ċerti spejjeż ta’ manutenzjoni u bbenefika minn żieda fil-valur tal-artijiet. Peress li dawn l-investimenti jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali u huma ta’ benefiċċju wkoll għar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li t-teħid inkunsiderazzjoni tan-nofs tagħhom jirrappreżenta stima prudenti. Fil-fehma tagħha, dan juri wkoll li hija ħadet inkunsiderazzjoni t-titjib tal-artijiet, b’mod partikolari l-fertilità tagħhom. |
32 |
Il-Kummissjoni tqis li l-argument dwar l-oneru tal-prova huwa bbażat fuq allegazzjonijiet infondati u huwa, għaldaqstant, ineffettiv. Hija ssostni li l-analiżi Pindi Kinnisvara tikkostitwixxi perizja ex post li ma ġietx ippreżentata fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u ma tistax iddgħajjef il-valur probatorju tar-rapport Uus Maa, kif ippreżentat mill-awtoritajiet Estonjani matul din l-istess proċedura u bbażat fuq informazzjoni dwar il-perijodu rilevanti. B’mod kontrastanti, fil-kontroreplika, hija tirrileva li ma kinitx ir-rikorrenti, iżda dawn l-awtoritajiet li kienu pprovdewha matul din il-proċedura. Hija tindika li, peress li l-imsemmija analiżi ġiet inkarigata mir-rikorrenti, l-imsemmija awtoritajiet kienu ntalbu jipprovdu evalwazzjoni indipendenti, jiġifieri r-rapport Uus Maa. Għaldaqstant, ma kienx iktar neċessarju li tittieħed pożizzjoni dwar din l-analiżi parzjali, meqjusa bħala rtirata mill-awtoritajiet Estonjani. Fis-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ittra tal-awtoritajiet Estonjani tas‑7 ta’ Ottubru 2015 u l-iskambji sussegwenti ma’ dawn l-awtoritajiet ippermettew lill-Kummissjoni tqis li l-analiżi inkwistjoni kienet ġiet irtirata. Skont il-Kummissjoni, l-istess analiżi għalhekk ma kinitx għadha tifforma parti mill-fajl amministrattiv fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ma kienx neċessarju li din tissemma f’din id-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali vverbalizzat dawn l-ispjegazzjonijiet fil-verbal tas-seduta. |
33 |
Il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li l-evalwazzjoni tal-vantaġġ tikkostitwixxi evalwazzjoni ekonomika kumplessa, hija għandha setgħa diskrezzjonali dwar l-użu tal-provi u tal-metodu ta’ analiżi l-iktar xierqa. Fir-rigward tal-aġġustamenti applikati għar-riżultati inizjali tal-paragun, hija ssostni li hija spjegat l-approċċ tagħha u bbażat ruħha fuq il-provi sabiex tagħmel biss l-adattamenti neċessarji. Ir-rikorrenti la pprovat li wieħed minn dawn il-passi ma kienx xieraq u lanqas ma wriet l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
34 |
Il-Kummissjoni żżid li, fis-sena 2000, ir-rikorrenti bbenefikat minn għajnuna agrikola li tkopri 2 912.76 ettaru, li juri s-superfiċji kbira tal-art li tinkludi diversi tipi ta’ porzjonijiet ta’ art differenti li għandhom valuri differenti. Għal tali art, prezz medju huwa għalhekk rappreżentattiv. |
35 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Compagnie des pêches de Saint-Malo,C‑212/19, EU:C:2020:726, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi b’kundizzjonijiet prefenzjali tista’ tikkostitwixxi għanjuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat‑28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland vs Il‑Kummissjoni, T‑268/08 u T‑281/08, EU:T:2012:90, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fil-każ tal-lokazzjoni ta’ art bi prezz allegatament preferenzjali, tranżazzjoni li hija paragunabbli mal-bejgħ ta’ art minn awtorità pubblika lil impriża, għandu jiġi vverifikat jekk il-prezz imħallas mill-benefiċjarju preżunt tal-għajnuna jikkorrispondix għal prezz li ma setax jikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont tal-għajnuna huwa ugwali għad-differenza bejn dak li l-benefiċjarju realment ħallas u dak li huwa kien ikollu jħallas dak iż-żmien f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja u Ellinikos Chrysos vs Il‑Kummissjoni, T‑233/11 u T‑262/11, EU:T:2015:948, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Il-Kummissjoni kellha għalhekk teżamina jekk il-kera mħallsa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lokazzjoni kontenzjuża kinitx tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. |
39 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57, u tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, point 66; ara, ukoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni huwa ristrett, sa fejn huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Ellinikos Chrysos vs Il‑Kummissjoni, C‑100/16 P, EU:C:2017:194, punti 18 u 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Madankollu, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, l-imsemmija qorti għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-konsistenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punti 56 u 57; tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punti 64 u 65; u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C 160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 115). Barra minn hekk, fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 58). |
41 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti. |
42 |
F’dan il-każ, sabiex tiddetermina jekk il-lokazzjoni kontenzjuża kinitx konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni wettqet eżami f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, hija vverifikat jekk l-ammont tal-kera waħdu kienx iktar baxx mill-prezz tas-suq (punti 132 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni stadju, hija eżaminat jekk dan l-ammont miżjud b’obbligi kuntrattwali addizzjonali, sa fejn dawn jagħmlu parti mid-dħul minn kiri tal-Istat, kienx baqa’ iktar baxx mill-imsemmi prezz tas-suq (punti 141 sa 146 tal-imsemmija deċiżjoni). |
Fuq il‑konformità tal‑ammont tal‑kera mal‑prezz tas‑suq
43 |
Sabiex tqabbel l-ammont tal-kera mal-prezz tas-suq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapport Uus Maa u d-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, it-tnejn li huma ppreżentati mill-awtoritajiet Estonjani fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Fuq din il-bażi, hija eżaminat jekk l-ammont tal-kera mħallsa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lokazzjoni kontenzjuża kienx jikkorrispondi, waħdu, għal-livell tal-ammont medju tal-kera tal-artijiet agrikoli fl-Estonja matul il-perijodu kollu ta’ kiri (punt 131 tad-deċiżjoni kkontestata). |
44 |
B’mod iktar speċifiku, minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punti 134 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-rapport Uus Maa, l-ammont tal-kera tal-artijiet agrikoli fil-Kontea ta’ Tartu kien ivarja, matul il-perijodu bejn l-2000 u l-2004, bejn 6 u 10 EUR/ettaru, matul il-perijodu bejn l-2005 u l-2009, bejn 10 u 20 EUR/ettaru, u, matul il-perijodu bejn l-2010 u l-2014, bejn 25 u 60 EUR/ettaru. B’mod kontrastanti, f’dan l-ewwel perijodu, ir-rikorrenti ħallset ammont ta’ kera ta’ 0.20 EUR/ettaru, f’dan it-tieni perijodu, il-kera tagħha ġiet miżjuda, fl‑14 ta’ Jannar 2005 u fil‑21 ta’ Marzu 2007, għal 1.66 EUR/ettaru u 5.21 EUR/ettaru, rispettivament, u, f’dan it-tielet perijodu, din il-kera ġiet miżjuda, fit‑12 ta’ Mejju 2009, għal 8.68 EUR/ettaru. |
45 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat, fil-punti 137 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, fl‑2015, l-ammont medju tal-kera tal-artijiet agrikoli u tal-artijiet li jinħartu kien, fl-Estonja, 52 EUR/ettaru u 55 EUR/ettaru, rispettivament, u, fil-Kontea ta’ Tartu, 63 EUR/ettaru u 65 EUR/ettaru, rispettivament. Fl‑2016, dawn l-ammonti kienu, rispettivament, 52 EUR/ettaru u 54 EUR/ettaru fl-Estonja u 61 EUR/ettaru u 61 EUR/ettaru fl-imsemmija kontea. Fl‑2017, l-imsemmija ammonti fl-Estonja kienu 58 EUR/ettaru u 60 EUR/ettaru, rispettivament. Għal din is-sena, ma hemmx data dwar din il-kontea. B’mod kontrastanti, ir-rikorrenti kienet ħallset ammont ta’ kera ta’ 26.86 EUR/ettaru fl‑2015, ta’ 27.30 EUR/ettaru fl‑2016 u ta’ 27.28 EUR/ettaru fl‑2017. |
46 |
Abbażi ta’ dan il-paragun, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 140 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-kera waħdu kien iktar baxx mill-prezz tas-suq matul il-perijodu kollu bejn l‑2000 u l‑2017. Hija applikat approċċ simili, fil-punti 154 sa 156 tal-imsemmija deċiżjoni, għall-kalkolu tal-vantaġġ, li fir-rigward tiegħu hija indikat li kellu jiġi pparagunat l-ammont annwali tal-kera mħallsa mir-rikorrenti mal-ammonti medji annwali li jirriżultaw mill-marġnijiet ta’ prezzijiet adottati fir-rapport Uus Maa u mid-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan. Hija qieset, minn naħa, li dan il-vantaġġ kien jikkonsisti fid-differenza bejn dawn l-ammonti medji u l-imsemmija kera u, min-naħa l-oħra, li n-numru ta’ ettari li għalih ingħatat għajnuna agrikola kellu jservi bħala bażi ta’ kalkolu (punti 140 u 165 ta’ din id-deċiżjoni). |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rapporti peritali stabbiliti minn esperti indipendenti wara t-tranżazzjoni inkwistjoni, bħar-rapport Uus Maa li jirrigwarda l-perizja dwar l-artijiet u l-porzjonijiet koperti mill-kuntratt ta’ kiri (ara l-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata), jistgħu, ċertament, jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kera mħallsa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lokazzjoni kontenzjuża tvarjax mill-kera tas-suq sal-punt li jkun hemm lok li jiġi konkluż li ngħata vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 45). Bl-istess mod, ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni prezzijiet medji ta’ kera rraportati mill-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan ibbażati fuq metodoloġija approvata mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) (ara l-punt 39 tal-imsemmija deċiżjoni), ladarba metodi oħra għajr l-evalwazzjonijiet peritali jistgħu ukoll jipprovdu prezzijiet li jikkorrispondu għall-valuri reali tas-suq, sakemm dawn jipprevedu l-aġġornament tal-prezzijiet fil-każ li dawn jogħlew ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C‑239/09, EU:C:2010:778, punti 39 u 54), li huwa neċessarjament il-każ għad-data tal-istatistika. |
48 |
Madankollu, il-paragun tal-kera mħallsa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lokazzjoni kontenzjuża ma’ ammonti medji tar-rapport Uus Maa u tad-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, kif imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa wisq ġenerali u insuffiċjentement iddifferenzat sabiex jintwera li l-prezz ta’ din il-kera ma kienx jikkorrispondi għal dak li r-rikorrenti kienet tikseb taħt il-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara l-punti 37 u 38 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, l-imsemmi paragun ma ppermettilhiex, sa fejn injora l-marġni ta’ varjazzjoni li kellu neċessarjament ikun ittollerat, issostni, b’mod suffiċjentement plawżibbli u konsistenti, il-prezz l-iktar qrib possibbli tal-valur tas-suq, skont kif meħtieġ mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C‑239/09, EU:C:2010:778, punti 35 u 54). Barra minn hekk, fl-ambitu ta’ dan il-paragun, il-Kummissjoni ma ħadetx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti li hija kellha jew setgħet ikollha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 91; tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 70; u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 41 u 42). |
49 |
Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-elementi li ġejjin. |
50 |
Fl-ewwel lok, ir-rapport Uus Maa jesponi l-prezzijiet tas-suq f’marġnijiet ta’ prezzijiet. Fil-fatt, skont il-paġni 101 u 107 tal-imsemmi rapport, l-ammont tal-kera tal-artijiet li jinħartu ta’ kwalità medja li jinsabu fil-Kontea ta’ Tartu kien ivarja, matul il-perijodu bejn l-2000 u l‑2004, bejn 6 u 10 EUR/ettaru u, matul il-perijodu bejn l-2005 u l‑2009, bejn 10 u 20 EUR/ettaru (ara l-punti 31, 32, 134 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punt 44 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-perijodu bejn l-2010 u l-2014, dan ir-rapport jindika, fil-paġna 101 tiegħu, l-ewwel marġni bejn 25 u 60 EUR/ettaru, filwaqt li jesponi, fit-tabella li tinsab fil-paġna 107 tiegħu, it-tieni marġni li jesponi ammonti li jvarjaw bejn 30 u 50 EUR/ettaru. Il-Kummissjoni adottat l-ewwel marġni bejn 25 u 60 EUR/ettaru (ara l-punti 33, 136 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punt 44 iktar ’il fuq), li l-ammont minimu tiegħu ta’ 25 EUR/ettaru huwa iktar baxx minn dak tat-tieni marġni li huwa ta’ 30 EUR/ettaru. |
51 |
Il-Kummissjoni qieset, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet iktar iddettaljati f’dan ir-rigward, li l-medji aritmetiċi tal-ammonti inklużi fil-marġnijiet ta’ prezzijiet inkwistjoni kellhom iservu bħala bażi ta’ paragun mal-kera mħallsa mir-rikorrenti fl-ambitu tal-lokazzjoni kontenzjuża, u dan kemm fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ kif ukoll f’dak tal-kwantifikazzjoni tiegħu (ara l-punti 131 u 154 sa 156 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punti 43 u 46 iktar ’il fuq). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u fis-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet ibbażat ruħha fuq din il-medja aritmetika. |
52 |
Issa, kif issostni r-rikorrenti, ġustament, il-fatt li r-rapport Uus Maa esprima l-prezz tas-suq fil-forma ta’ marġnijiet ta’ prezzijiet jimplika neċessarjament li kera li tikkorrispondi għall-ammonti minimi ta’ dawn il-marġnijiet ta’ prezzijiet tikkostitwixxi kera li hija wkoll konformi mal-prezz tas-suq. Dan huwa a fortiori l-każ sa fejn il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li, għall-proprjetajiet immobbli u artijiet, huwa komuni li jintużaw stimi espressi f’marġnijiet ta’ prezzijiet bħala bażi ta’ evalwazzjoni, raġuni għalfejn hija bbażat ruħha fuq iċ-ċifri użati fl-imsemmi rapport. B’dan il-mod, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni partikolari sabiex tidderoga minnhom, il-Kummissjoni kellha, bħala prinċipju, tqis li kera li tikkorrispondi għall-ammonti minimi tal-marġnijiet ta’ prezzijiet adottati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri 6, 10 u 25 EUR/ettaru (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), matul il-perijodi rilevanti rispettivi kienet konformi ma’ tali prezz tas-suq. |
53 |
Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet magħmula fl-atti tagħha u fis-seduta, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-medja aritmetika tal-ammonti inklużi fil-marġnijiet ta’ prezzijiet inkwistjoni kienet tikkostitwixxi l-iktar valur rappreżentattiv u l-metodu ta’ kalkolu l-iktar adegwat sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq u li l-użu tal-imsemmija medja kien neċessarju sabiex jiġu bbilanċjati r-riżultati miksuba fuq diversi snin u sabiex dawn isiru iktar affidabbli, sabiex tiġi evitata l-istima baxxa tal-imsemmi prezz, jew sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwalità medja tal-artijiet inkwistjoni. |
54 |
Fil-fatt, kif huwa indikat fil-punti 28 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rapport Uus Maa jieħu inkunsiderazzjoni l-perizja tal-artijiet u tal-porzjonijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt ta’ kiri u huwa bbażat fuq metodu li jikkonsisti fit-tqabbil tagħhom ma’ beni oħra li għandhom karatteristiċi simili. Dan il-metodu komparattiv joriġina, kif espost fil-paġna 106 ta’ dan ir-rapport, minn prassi mifruxa għall-evalwazzjoni tal-prezz tas-suq u jippermetti li jinkiseb il-prezz tas-suq l-iktar affidabbli. Il-marġnijiet ta’ prezzijiet inkwistjoni jesprimu l-ammonti tal-kera tas-suq tal-artijiet li jinħartu li, bħall-artijiet inkwistjoni, huma ta’ kwalità medja u jinsabu fil-Kontea ta’ Tartu (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, jista’ għalhekk jiġi kkunsidrat li dawn il-marġnijiet ta’ prezzijiet jipprovdu l-istimi l-iktar kredibbli u l-iktar adegwati tal-kera tas-suq tal-artijiet inkwistjoni, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-punt 133 tad-deċiżjoni kkontestata billi rrilevat li “ir-rapport Uus Maa jipprovdi stimi plawżibbli, minkejja li prudenti, tal-ammont tal-kera fil-Kontea ta’ Tartu matul il-perijodu bejn l-2000 u l-2014”. |
55 |
Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-marġnijiet ta’ prezzijiet inkwistjoni, minn naħa, jieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalità medja tal-artijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, huma diġà r-riżultat ta’ bbilanċjar sa fejn dawn jikkonċernaw perijodi ta’ erba’ snin u għalhekk jinkludu biss data aggregata, ma huwiex ipprovat li l-użu tal-medja aritmetika tal-imsemmija marġnijiet ta’ prezzijiet huwa ta’ natura li jipprovdi riżultati iktar affidabbli u li jwassal għall-eqreb prezz possibbli ta’ dak tas-suq. Għall-kuntrarju, tali użu jista’ jagħti lok għal riżultati impreċiżi u għal stima eċċessiva sinjifikattiva tal-prezz tas-suq. |
56 |
Għall-istess raġunijiet, il-marġni ta’ żball wiesa’ tar-rapport Uus Maa, kif indikat fil-paġna 107 ta’ dan ir-rapport u adottat fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontu l-kera reali fis-suq tista’ tvarja b’madwar 20 % meta mqabbla ma’ dik indikata fl-imsemmi rapport, lanqas ma seta’ jiġġustifika l-użu ta’ din il-medja aritmetika, ħaġa li l-Kummissjoni ma sostnietx, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas matul il-kawża. Fil-fatt, ma jirriżulta mill-ebda element tal-analiżi dwar il-konformità tal-ammont tal-kera mal-prezz tas-suq, kif jidher fil-punti 131 sa 140 u 154 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dan il-marġni ta’ żball wiesa’ minkejja l-portata tiegħu u l-impatt eventwali tiegħu fuq l-evalwazzjoni tagħha. Issa, kif issostni r-rikorrenti, ma huwiex eskluż li kera li hija sa 20 %, bħala massimu, iktar baxxa mill-marġnijiet ta’ prezzijiet l-iktar baxxi tar-rapport Uus Maa, tista’ wkoll tikkostitwixxi prezz tas-suq. |
57 |
L-użu tal-medja aritmetika lanqas ma jippermetti li tiġi rrimedjata l-problema marbuta mal-fatt li l-marġnijiet ta’ prezzijiet tar-rapport Uus Maa huma partikolarment wisgħin, kif issostni ġustament ir-rikorrenti. Fil-fatt, id-differenza bejn l-ammonti minimi u massimi ta’ marġni ta’ prezzijiet tikkorrispondi, għall-perijodu bejn l-2000 u l-2004 u għal dak ta’ bejn l-2005 u l-2009, għal madwar 67 % u 100 %, rispettivament. Fir-rigward tal-perijodu bejn l-2010 u l-2014, li għalih ir-rapport Uus Maa jinkludi marġnijiet ta’ prezzijiet diverġenti (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), id-differenza tikkorrispondi, skont il-marġni ta’ prezzijiet għal madwar 67 % u 140 %, rispettivament. Minn dan jirriżulta li l-użu tal-medja aritmetika ta’ dawn il-marġnijiet ta’ prezzijiet jagħti neċessarjament lok għal impreċiżjonijiet kunsiderevoli, jew saħansitra stima eċċessiva sinjifikattiva tal-prezz tas-suq. |
58 |
Ċertament, il-Kummissjoni ppreċiżat fis-seduta, billi rreferiet għall-punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li użat id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan għall-perijodu bejn l-2010 u l-2014 sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-marġnijiet ta’ prezzijiet wisgħin ikkunsidrati fir-rapport Uus Maa, fatt li ġie nnotat fil-verbal tas-seduta. Madankollu, minbarra l-fatt li dan jidher li huwa biss il-każ għall-kwantifikazzjoni tal-vantaġġ fl-imsemmi punt u mhux għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fil-punt 136 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-kuntest tagħha hija pparagunat il-kera mħallsa mir-rikorrenti mal-ammonti medji inklużi f’dawn il-marġnijiet ta’ prezzijiet, hija għalhekk ma pprovatx tirrimedja l-problema tal-marġnijiet ta’ prezzijiet partikolarment wisgħin għall-perijodi bejn l-2000 u l-2004 u bejn l-2005 u l-2009. |
59 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wrietx li l-medji aritmetiċi tal-marġnijiet ta’ prezzijiet adottati fir-rapport Uus Maa li fuqhom hija bbażat ruħha setgħu jiddeterminaw il-prezz li huwa l-iktar qrib possibbli għal dak tas-suq, u lanqas ma ħadet suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ żball u l-marġnijiet ta’ prezzijiet partikolarment wisgħin ta’ dan ir-rapport. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-approċċ kellu neċessarjament iwassal għal stima eċċessiva ta’ dan il-prezz. |
60 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri, ir-rapport Uus Maa jindika, fil-paġna 101 tiegħu, li, qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni fl‑2004, “kien hemm ftit kiri tal-artijiet li jinħartu”, “[i]l-lokazzjoni tal-artijiet ma kinitx wisq komuni, il-kuntratti ta’ kiri kienu rarament konklużi”, “[l]-artijiet kienu jiġu pprovduti mingħajr ħlas sabiex jiġi evitat li dawn ma jinħadmux”, u “[i]l-valur tal-artijiet kien baxx u l-kera kienet ukoll baxxa ħafna u kuntratti ta’ kiri kienu konklużi biss ma’ proprjetarji ta’ artijiet relattivament kbar” (ara wkoll il-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-elementi fl-ambitu tal-eżami tagħha. |
61 |
Issa, fid-dawl tal-imsemmi kuntest eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri, ma huwiex eskluż li, fis-sena 2000, kera ta’ 0.20 EUR/ettaru, bħal dik prevista mill-imsemmi kuntratt (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), kienet konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan huwa, a fortiori, il-każ sa fejn dan il-kuntratt ifittex, kif jirriżulta mill-paġna 106 tar-rapport Uus Maa u fid-dawl tal-obbligi addizzjonali vasti li huwa jipprevedi, b’mod partikolari għall-manutenzjoni tal-artijiet u t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), l-għan li jikkonserva użu tal-artijiet konformi mad-destinazzjoni tagħhom u li jippriżerva l‑fertilità tagħhom. |
62 |
Mir-rapport Uus Maa jirriżulta wkoll, kif espost fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-perijodu bejn l-2000 u l-2004, li matulu l-kuntratt ta’ kiri ġie konkluż (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-kuntratti ta’ lokazzjoni kienu fformulati f’termini ġenerali u ma kinux jinkludu klawżola għaż-żieda tal-kera. Dan jindika li, fil-mument tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, operatur privat, li jaġixxi taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali, li l-aġir tiegħu jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni kienet marbuta tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma kienx, f’sitwazzjoni simili, neċessarjament jeżiġi dispożizzjoni kuntrattwali li tipprevedi żieda awtomatika jew unilaterali tal-kera. |
63 |
B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ kiri, il-Kummissjoni ma evalwatx, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk dan il-kuntratt kienx jipprevedi tali dispożizzjoni. Hija lanqas ma evalwat l-emendi sussegwenti tal-imsemmi kuntratt, iżda sempliċement irrilevat, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“ammont tal-kera ġie adattat tliet darbiet”. Għaldaqstant, hija ma stabbilixxietx li l-Istat Estonjan kellu, skont l-istess kuntratt fil-verżjoni inizjali tiegħu u l-emendi sussegwenti tiegħu, il-possibbiltà li jżid, b’mod awtomatiku jew unilaterali, il-kera kull sena sabiex jadattah għal dak tas-suq. |
64 |
Issa, fl-assenza ta’ tali possibbiltà kuntrattwali, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha għat-tqabbil tal-kera mħallsa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lokazzjoni kontenzjuża mal-prezz tas-suq għall-perijodu kollu bejn l‑2000 u l‑2017, iżda kellha teżamina jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri, jiġifieri fis-sena 2000 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) kif ukoll fil-mument ta’ kull emenda ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri fl‑2005, fl‑2007 u fl‑2009 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), il-kera kienet iktar baxxa minn prezz li r-rikorrenti kienet tikseb taħt il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Minn dan jirriżulta li, għal din ir-raġuni wkoll, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tirrikorri għall-medji aritmetiċi tal-ammonti inklużi fil-marġnijiet ta’ prezzijiet adottati fir-rapport Uus Maa, li kienu espressi għal perijodu ta’ erba’ snin u ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq f’sena partikolari. Barra minn hekk, għalkemm hija indikat korrettament, fil-punti 135 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żidiet tal-kera kienu seħħew fl‑14 ta’ Jannar 2005, fil‑21 ta’ Marzu 2007 u fit‑12 ta’ Mejju 2009, rispettivament, hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija żidiet daħlu fis-seħħ, b’mod retroattiv, fl‑1 ta’ Jannar 2005, fl‑1 ta’ Jannar 2007 u fl‑1 ta’ Jannar 2009, rispettivament (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). |
65 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tad-daqs u tal-użu tal-artijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni rrilevat li l-kuntratt ta’ kiri ma kienx jispeċifika li ċerti partijiet tal-artijiet ma kinux adatti għall-agrikoltura (punt 157 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset li l-artijiet li ma jinħartux setgħu jintużaw b’mod differenti, li kien diffiċli li jinstabu indikazzjonijiet affidabbli tal-prezz tas-suq tal-lokazzjoni ta’ artijiet bis-siġar, tal-mergħat u ta’ artijiet oħra u li, konsegwentement, in-numru ta’ ettari li kienu s-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna agrikola mal-Unjoni, li kien jirrappreżenta bejn 95 % u 97 % tal-artijiet inkwistjoni matul il-perijodu bejn l-2004 u l-2018, kellu jservi bħala bażi ta’ kalkolu (punt 158 tad-deċiżjoni kkontestata). |
66 |
F’dan ir-rigward, ir-rapport Uus Maa fih, minn naħa, fil-paġni 9 u 10 tiegħu, tabella li tiġbor fil-qosor l-emendi tal-kuntratt ta’ kiri, inklużi dawk dwar is-superfiċji tal-artijiet inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, fil-paġni 12 sa 99 tiegħu, parti relatata mad-deskrizzjoni ddettaljata ta’ kull proprjetà u ta’ kull porzjon li huma s-suġġett tal-kuntratt ta’ kiri, li minnhom jirriżultaw b’mod partikolari s-superfiċji tagħhom, it-tqassim tagħhom skont il-kwalità, l-użu tagħhom, il-karatteristiċi tagħhom, il-fertilità tagħhom, ir-restrizzjonijiet u l-possibbiltajiet ta’ aċċess. Din it-tabella u din id-deskrizzjoni ddettaljata kienu intiżi sabiex jippermettu li jiġi ddeterminat il-prezz tal-kera l-iktar qrib għal dak tas-suq skont id-daqs u l-karatteristiċi speċifiċi tal-artijiet inkwistjoni. |
67 |
B’hekk, dan ippermetta lir-rikorrenti tikkalkola, fit-tabella prodotta bħala Anness A.22.12 tar-rikors, il-proporzjon eżatt tal-artijiet li jinħartu, li kien jammonta, kif hija ssostni ġustament, għal superfiċji ta’ 2 833.596 ettaru, li jikkorrispondi għal madwar 83 % tal-artijiet inkwistjoni. |
68 |
Għall-parti rimanenti ta’ dawn l-artijiet, dan jippermetti li jiġu kkalkolati l-proporzjonijiet eżatti tal-mergħat naturali, tal-foresti, tal-artijiet residenzjali, tal-irziezet, tal-artijiet sommersi jew ta’ artijiet oħra u li jiġu evalwati fid-dawl tal-informazzjoni tar-rapport Uus Maa dwar l-iżvilupp tas-suq tal-kiri fil-Kontea ta’ Tartu. B’hekk, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, espost fil-paġna 101 ta’ dan ir-rapport, li ebda kera ma ġiet rċevuta għall-“artijiet l-oħra” komposti minn peat bogs, polders u żoni inondabbli, fil-perijodi bejn l‑2000 u l‑2004 u bejn l-2005 u l-2009 u li kien biss matul il-perijodu bejn l-2010 u l-2014 li deher suq tal-kiri għal dawn l-artijiet l-oħra, li għalihom il-kera kienet ferm iktar baxxa minn dik tal-artijiet li jinħartu sa fejn din kienet tammonta għal madwar 10 EUR/ettaru. Hija kellha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni il-fatt li, fl‑2013, kif indikat fil-paġna 102 tal-imsemmi rapport insostenn tad-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, “bħala regola ġenerali l-prezz tal-għelieqi kultivabbli [kien] ogħla minn dak tal-mergħat permanenti”. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni ddettaljata tal-artijiet inkwistjoni fl-istess rapport kienet tippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni li, għall-porzjonijiet iż-żgħar, il-kera iktar baxxa kienet titħallas matul il-perijodu bejn l-2005 u l-2009 (paġna 101 tar-rapport inkwistjoni). |
69 |
B’mod kontrastanti, fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-daqs u tal-użu tal-artijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni informazzjoni rilevanti li toħroġ mir-rapport Uus Maa, li fuqu hija madankollu bbażat parti sinjifikattiva tal-evalwazzjoni tagħha dwar il-konformità tal-kera mħallsa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lokazzjoni kontenzjuża mal-prezz tas-suq għall-perijodu kollu bejn l-2000 u l-2017 (ara l-punti 131 sa 136 u 154 sa 156 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punt 44 iktar ’il fuq) u li għalih ir-rikorrenti espliċitament irreferiet matul il-proċedura amministrattiva sabiex tipprova li 16.7 % tal-artijiet inkwistjoni ma setgħux jintużaw għal skopijiet ta’ produzzjoni agrikola (punt 84 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl tal-importanza tal-imsemmi rapport għad-determinazzjoni tad-daqs u tal-karatteristiċi speċifiċi tal-artijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kinitx eżentata milli tevalwa l-valur probatorju tal-imsemmija informazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 53) u milli tieħu dan inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-eżami tagħha. Għaldaqstant, hija ma setgħetx sempliċement, kif donnha tqis, tirrikorri għal prezz medju għall-porzjonijiet kollha u għall-karatteristiċi partikolari tagħhom miġbura flimkien. Il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tillimita ruħha li tuża l-informazzjoni li tirriżulta mill-għajnuna agrikola, li fir-rigward tagħha hija la ppreċiżat il-metodi tal-kalkolu u lanqas il-kundizzjonijiet tal-għoti. Għaldaqstant, sa fejn injorat il-karatteristiċi speċifiċi tal-artijiet inkwistjoni u l-fatt li l-artijiet li jinħartu kellhom biss 83 % ta’ dawn l-artijiet, hija neċessarjament stmat b’mod eċċessiv il-prezz tas-suq tal-imsemmija artijiet. |
70 |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan sabiex tiddetermina l-prezz tas-suq fil-perijodu bejn l-2015 u l-2017 (ara l-punti 137 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll, fi kliemha, għall-perijodu bejn l-2010 u l-2014, sabiex tikkoreġi l-“marġni wiesa’ tal-ammonti inklużi fir-rapport Uus Maa” (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). |
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif tammetti l-Kummissjoni stess, id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan ma hijiex ir-riżultat ta’ evalwazzjoni peritali tal-prezz tal-lokazzjoni tal-artijiet, iżda tikkostitwixxi prezzijiet medji tal-kera tal-artijiet agrikoli li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-artijiet inkwistjoni (punt 133 tad-deċiżjoni kkontestata). |
72 |
Issa, fl-assenza ta’ marġnijiet ta’ prezzijiet, bħal dawk adottati fir-rapport Uus Maa, ma huwiex, b’mod partikolari, possibbli li jsir magħruf il-prezz tas-suq l-iktar baxx u li jiġi vverifikat jekk il-kera mħallsa mir-rikorrenti fl-ambitu tal-lokazzjoni kontenzjuża titbegħidx minnu. Lanqas ma huwa possibbli li din il-kera titqabbel mal-prezz tas-suq fil-Kontea ta’ Tartu fis-snin 2010 sa 2012 u 2017, peress li, għal dawn is-snin, teżisti biss data għall-Estonja fl-intier tagħha (ara l-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma’ dan jiżdiedu l-impreċiżjonijiet marbuta mal-fatt li, għall-perijodu bejn l-2015 u l-2017, il-Kummissjoni qabblet, fil-punti 137 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija kera biss mal-ammonti medji tal-kera tal-artijiet agrikoli u tal-artijiet li jinħartu, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni il-fatt li, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni ddettaljata tal-imsemmi rapport (ara wkoll il-punti 66 sa 69 iktar ’il fuq), parti mill-artijiet inkwistjoni kienet komposta minn mergħat, li għalihom id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan turi ġeneralment ammonti iktar baxxi (ara l-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata). |
73 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wrietx li d-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan li fuqha hija bbażat ruħha kienet tippermetti li jiġi kkalkolat il-prezz l-iktar qrib possibbli tal-valur tas-suq u li jiġi stabbilit li r-rikorrenti ħallset, fl-ambitu tal-lokazzjoni kontenzjuża, kera iktar baxxa minn dan il-prezz matul il-perijodi bejn l-2010 u l-2014 u bejn l-2015 u l-2017. |
74 |
Anki jekk il-Kummissjoni ma kellhiex, kif jidher li ssostni, informazzjoni aħjar, hija ma setgħetx sempliċement tibbaża ruħha fuq id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan sabiex issostni l-konklużjonijiet tagħha. |
75 |
Abbażi tar-responsabbiltà ċentrali u esklużiva tagħha li tiżgura, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni, l-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE u tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika, b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, bl-għajnuna ta’ esperti, jekk miżura statali tinvolvix vantaġġ li ma jikkorrispondix għall-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja u Ellinikos Chrysos vs Il‑Kummissjoni, T‑233/11 u T‑262/11, EU:T:2015:948, punt 91; u tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punti 164 sa 179). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la rrikorriet għal għajnuna ta’ esperti u lanqas talbet informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-awtoritajiet Estonjani għall-perijodi li għalihom, fil-fehma tagħha, ir-rapport Uus Maa ma setax iservi bħala bażi esklużiva għall-paragun. |
76 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-kontestazzjoni ddettaljata min-naħa tar-rikorrenti u tal-imsemmija awtoritajiet, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, għaldaqstant, li tipprova wkoll li l-kundizzjoni tal-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji hija ssodisfatta (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ġiet ikkonfrontata minn Stat Membru li, b’nuqqas tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tiegħu, naqas milli jipprovdilha l-informazzjoni kollha li hija ordnatlu jikkomunika, hija għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq provi ta’ ċerta affidabbiltà u konsistenza li jipprovdu bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li impriża ibbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li huma, għaldaqstant, ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li hija tasal għalihom. Fil-fatt, peress li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarju tagħha huwa intiż li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn vantaġġ kompetittiv speċifiku u sabiex b’hekk tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta’ din l-għajnuna, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża ruħha sempliċement fuq preżunzjoni negattiva, ibbażata fuq l-assenza ta’ informazzjoni li tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja, fl-assenza ta’ provi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-impreċiżjonijiet tad-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan għas-sempliċi raġuni li r-rikorrenti u l-awtoritajiet Estonjani ma wrewx li l-artijiet inkwistjoni kienu juru valur iktar baxx minn dawk tal-artijiet agrikoli medji fl-Estonja. |
77 |
Fil-ħames lok, għandu jitfakkar li, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Estonjani mhux biss ippreżentaw ir-rapport Uus Maa u d-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, iżda wkoll, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ottubru 2014, l-analiżi Pindi Kinnisvara li madankollu ma tissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata. |
78 |
Skont l-analiżi Pindi Kinnisvara, li għandha d-data tat‑12 ta’ April 2013 u li tikkonsisti biss f’paġna waħda, it-tariffa tal-lokazzjoni fil-Kontea ta’ Tartu f’din id-data kienet prinċipalment bejn 30 u 50 EUR/ettaru għall-kuntratti eżistenti, bejn 50 u 100 EUR/ettaru għall-kuntratti ġodda jew estiżi, u setgħet tkun ogħla minn 100 EUR/ettaru fiż-żoni li jinsabu fil-livell loġistiku u f’ambjent b’iktar kompetizzjoni. Dawn iċ-ċifri jaqblu ma’ dawk li joriġinaw mir-rapport Uus Maa li juri għall-perijodu bejn l-2010 u l-2014, skont il-marġnijiet ta’ prezzijiet rispettivi indikati, ammonti bejn 25 u 60 EUR/ettaru u bejn 30 u 50 EUR/ettaru (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), kif ukoll mad-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan, li skontha l-ammont medju tal-kera tal-artijiet agrikoli fl-imsemmija kontea kien jammonta għal 50 EUR/ettaru fl‑2013 (ara l-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata). |
79 |
Issa, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi Pindi Kinnisvara fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-risposta, il-Kummissjoni ddikjarat li din kienet “perizja ex post, li ma [kinitx] ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva”. Huwa biss fl-istadju tal-kontroreplika li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-imsemmija analiżi kienet ġiet ippreżentata lilha mill-awtoritajiet Estonjani matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li sostniet li ma kienx meħtieġ li tieħu pożizzjoni fuq din l-istess analiżi minħabba li “l-awtoritajiet Estonjani [kienu] qisu li din kienet ġiet irtirata u ssostitwita mir-rapport Uus Maa”. Fis-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija orali magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreċiżat, billi rreferiet għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-kontroreplika, li, minħabba l-ittra tal-awtoritajiet Estonjani tas‑7 ta’ Ottubru 2015 u minħabba l-iskambji sussegwenti ma’ dawn l-awtoritajiet, hija kienet qieset din l-analiżi rtirata. Għaldaqstant, din ma kinitx għadha tifforma parti mill-fajl amministrattiv fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-affermazzjonijiet ġew inklużi fil-verbal tas-seduta (ara wkoll il-punt 32 iktar ’il fuq). |
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Settembru 2015, bir-referenza agri.ddg4.i.2(2015)4096993, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Estonjani, inter alia, sabiex jipproduċu evalwazzjoni, minn espert indipendenti, tal-prezzijiet tal-lokazzjoni għal artijiet paragunabbli mal-artijiet inkwistjoni. L-imsemmija awtoritajiet wieġbu għal din it-talba permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ottubru 2015, li minnha l-parti rilevanti, kif riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-kontroreplika, taqra’ kif ġej: “nenfasizzaw li sabiex inneħħu kull dubju dwar l-espert, ħriġna sejħa għal offerti, bin-Numru ta’ referenza 167431, u, fit-tmiem l-għoti u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, inkunu probabbilment f’pożizzjoni li nipprovdulkom ir-rapport tal-espert mitlub.” Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Diċembru 2015, ir-Repubblika tal-Estonja bagħtet lill-Kummissjoni r-rapport Uus Maa. Din l-ittra ġiet akkumpanjata bil-kumment li ġej, kif riprodott fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tal-kontroreplika: “Permezz tal-preżenti qegħdin nippreżentaw il-perizja (annessa) mitluba fil-punt 5 tal-ittra tagħkom bir-referenza agri.ddg4.i.2(2015)4096993.” |
81 |
Minn dan jirriżulta li la l-ittra tal-awtoritajiet Estonjani tas‑7 ta’ Ottubru 2015 u lanqas dik tal-istess awtoritajiet tas‑16 ta’ Diċembru 2015 ma jsemmu l-analiżi Pindi Kinnisvara, iżda sempliċement iwieġbu għat-talba tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Settembru 2015 sabiex jipprovdu evalwazzjoni mwettqa minn espert indipendenti tal-kera tal-artijiet paragunabbli ma’ dawk użati mir-rikorrenti, talba li ġiet issodisfatta permezz tal-preżentazzjoni tar-rapport Uus Maa. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, mill-imsemmija ittri ma jistax jiġi dedott li din l-analiżi ġiet irtirata minn dawn l-awtoritajiet, iżda biss li l-imsemmija analiżi ġiet ikkompletata b’dan ir-rapport. |
82 |
Konsegwentement, anki jekk il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq ir-rapport Uus Maa minħabba li l-analiżi Pindi Kinnisvara kienet ġiet mitluba mir-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li hija kellha din l-analiżi fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx eżentata milli tevalwa l-valur probatorju tal-imsemmija analiżi u, jekk ikun il-każ, teħodha inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-eżami tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il‑Kummissjoni, T‑274/01, EU:T:2004:266, punt 53). |
83 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija meħtieġa, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali sabiex hija jkollha, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, il-provi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli għal dan il-għan (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90, u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 67). B’mod partikolari hija obbligata teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ppreżentati quddiemha. Fid-dawl ta’ dan l-obbligu ta’ diliġenza, li jikkostitwixxi, konformement mal-imsemmija ġurisprudenca, rekwiżit indispensabbli sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom huwa dipendenti l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni, kinux issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tal‑20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:293, punt 90; u tas‑16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il‑Kummissjoni, T‑333/10, EU:T:2013:451, punt 84), il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-analiżi Pindi Kinnisvara, li r-rilevanza tagħha tfakkret fil-punt 78 iktar ’il fuq, fl-ambitu tal-eżami tagħha. |
84 |
Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest tal-paragun tal-ammont tal-kera mal-prezz tas-suq u tal-kalkolu tal-vantaġġ, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari, l-ammonti minimi inklużi fil-marġnijiet ta’ prezzijiet adottati fir-rapport Uus Maa u l-marġni ta’ żball tagħhom, il-kuntest eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri, li jinkludi l-assenza inizjali ta’ klawżoli ta’ żieda fil-prezz tal-kera, l-informazzjoni ta’ dan ir-rapport dwar id-daqs u l-użu tal-artijiet inkwistjoni kif ukoll l-impreċiżjonijiet tad-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Estonjan. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, hija żbaljat meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi Pindi Kinnisvara, li ġiet ippreżentata lilha mill-awtoritajiet Estonjani matul il-proċedura amministrattiva. |
85 |
Għaldaqstant, l-eżami dwar il-konformità tal-ammont tal-kera, waħdu, mal-kundizzjonijiet tas-suq (punti 132 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll il-parti tal-evalwazzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-vantaġġ li jikkonċerna dan l-ammont u s-superfiċji tal-artijiet inkwistjoni (punti 154 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata) huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza li l-Kummissjoni kellha. |
Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑obbligi kuntrattwali addizzjonali
86 |
Għandu jitfakkar li l-kuntratt ta’ kiri kien jipprevedi, minbarra l-ħlas tal-kera, l-obbligi kuntrattwali addizzjonali li kienu jikkonċernaw, l-ewwel, investimenti annwali f’sistemi ta’ dranaġġ, it-tieni, l-ispejjeż li għandhom isiru għall-manutenzjoni tal-artijiet u t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija, inklużi spejjeż bħal dawk intiżi għall-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’, għall-fertilizzanti minerali u organiċi, għas-sħana u għall-manutenzjoni tal-mogħdijiet tal-ġenb u, it-tielet, il-ħlas tat-taxxi kollha (ara l-punt 4 iktar ’il fuq; ara wkoll il-punt 141 tad-deċiżjoni kkontestata). |
87 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aċċettat li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala dħul tal-Istat Estonjan, biss nofs l-investimenti annwali fis-sistemi ta’ dranaġġ u l-ammonti annwali tat-taxxa tal-proprjetà mħallsa mir-rikorrenti (ara l-punti 147 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata). |
88 |
Essenzjalment, fir-rigward tal-investimenti annwali fis-sistemi ta’ dranaġġ, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-Istat Estonjan kien meħlus minn ċerti spejjeż ta’ manutenzjoni li huwa kien ikollu jsostni bħala proprjetarju tal-artijiet. Min-naħa l-oħra, fid-dawl taż-żmien twil tal-kuntratt ta’ kiri ta’ 25 sena, ir-rikorrenti, bħala utenti ta’ artijiet, ibbenefikat ukoll minn dawn l-investimenti li kkontribwixxew għal użu aħjar tal-artijiet u li l-ammont medju tagħhom ta’ EUR 91163 fis-sena la kien legalment meħtieġ u lanqas impost mill-Istat (punti 143, 144 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-manutenzjoni tal-artijiet u t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija, li jammontaw għal madwar EUR 255444, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-ispejjeż kienu fl-interess tar-rikorrenti bħala kerrej (punti 145 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tat-taxxi, hija kkonstatat li r-rikorrenti kienet ħallset it-taxxi f’isem l-Istat Estonjan bħala proprjetarju tal-artijiet, b’tali mod li dan tal-aħħar ma sostniex spejjeż għal din l-entrata (punti 146 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata). |
89 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk l-ammont tal-kera kien miżjud b’nofs l-investimenti fis-sistemi ta’ dranaġġ u t-taxxi mħallsa mir-rikorrenti, id-dħul mill-kera tal-Istat Estonjan baqa’ inqas mill-prezz tas-suq matul il-perijodu kollu bejn l-2000 u l-2017. |
90 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma bbażat l-analiżi tagħha dwar l-obbligi kuntrattwali addizzjonali, b’mod kuntrarju għal dik dwar il-konformità tal-ammont tal-kera mal-prezz tas-suq (ara l-punti 131 sa 136 u 154 sa 156 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punti 43 sa 46 iktar ’il fuq), fuq ebda perizja esterna. B’mod partikolari, hija ma għamlitx riferiment la għall-analiżi Pindi Kinnisvara u lanqas għar-rapport Uus Maa, li ġew ippreżentati lilha mill-awtoritajiet Estonjani matul il-proċedura amministrattiva (ara l-punt 77 iktar ’il fuq). |
91 |
Minn naħa, fir-rigward tal-analiżi Pindi Kinnisvara, fiha hemm indikat li ma huwiex komuni, fil-kuntratti ta’ lokazzjoni konklużi għall-finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ artijiet agrikoli, li jiġi impost fuq il-kerrej obbligi li jwettaq investimenti speċifiċi, b’tali mod li tali obbligu kuntrattwali eżorbitanti jaffettwa r-rata tal-kera netta fi proporzjon invers tal-ammont tal-obbligu kuntrattwali għal kull unità ta’ superfiċji ta’ art mikrija. |
92 |
Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna r-rapport Uus Maa, huwa indikat, fil-paġna 106 tiegħu, li dan kellu b’mod partikolari l-għan li “jistabbilixxi jekk, f’kuntratti ta’ kiri ta’ artijiet agrikoli, [kienx] normali li jiġi impost fuq il-kerrej obbligi dwar il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta’ sistemi ta’ titjib tal-artijiet kif ukoll diversi miżuri ta’ fertilizzazzjoni”. Għalhekk, fl-istess paġna, l-imsemmi rapport jinkludi evalwazzjoni tal-obbligi addizzjonali abitwali fil-kuntratti ta’ lokazzjoni u jqabbilhom ma’ dawk tal-kuntratt ta’ kiri, evalwazzjoni li r-riżultati tagħha huma ppreżentati fil-punti 34 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma l-Kummissjoni ħadithom inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-evalwazzjoni tagħha tal-obbligi addizzjonali li jinsabu fl-imsemmi kuntratt, kif imwettqa fil-punti 143 sa 146 u 161 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata. |
93 |
Minn din l-evalwazzjoni tar-rapport Uus Maa jirriżulta li, fil-bidu tas-snin 2000, il-kuntratti ta’ lokazzjoni kienu pjuttost rudimentali, kienu fformulati f’termini ġenerali, u ma kienu jimponu ebda obbligu partikolari fuq il-kerrej (ara wkoll il-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Iktar tard, essenzjalment mill-2005, l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa tal-proprjetà u t-taxxi l-oħra marbuta mal-kera, prinċipalment l-obbligu li titħallas it-taxxa fuq id-dħul, kien ikun inkluż fl-imsemmija kuntratti. It-titjib tal-artijiet u l-manutenzjoni tal-mogħdijiet tal-ġenb kienu, f’dawn il-kuntratti, obbligu tal-kerrej (ara wkoll il-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont l-imsemmija evalwazzjoni, il-kostruzzjoni jew is-sostituzzjoni tas-sistemi ta’ dranaġġ hija investiment fil-patrimonju tal-proprjetarju li tirrappreżenta spiża kbira li tiżdied mal-ħlas tal-kera. Mal-iżvilupp tal-kiri ta’ artijiet agrikoli, il-klawżoli marbuta mal-użu razzjonali tal-artijiet u ma’ aġir agronomiku prudenti ġew inklużi fil-kuntratti inkwistjoni sa mis-snin 2010 u 2011 (ara wkoll il-punt 36 tal-imsemmija deċiżjoni). |
94 |
Fir-rigward tal-kuntratt ta’ kiri, ir-rapport Uus Maa jirrileva li ma kienx normali li fil-kuntratti ta’ lokazzjoni jiġu inklużi obbligi bħal dawk imposti fuq ir-rikorrenti, b’mod partikolari taħt forma finanzjarja li tista’ titkejjel. It-tul u n-numru ta’ ettari tal-lokazzjoni kontenzjuża lanqas ma huma komuni. Minn dan huwa dedott li kien partikolarment importanti li jiġi kkonservat użu tal-artijiet konformi mad-destinazzjoni tagħhom kif ukoll li tinżamm il-fertilità tagħhom, filwaqt li jiġi nnotat li ċerti klawżoli tal-imsemmi kuntratt jirrestrinġu l-libertà tar-rikorrenti li tagħżel l-uċuħ tar-raba’ li hija tkabbar (ara wkoll il-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata). |
95 |
Issa, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi ta’ informazzjoni rilevanti li rriżultaw mill-analiżi Pindi Kinnisvara u mir-rapport Uus Maa, u dan minkejja l-fatt li dawn kienu għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u kienu jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-valur tal-obbligi kuntrattwali addizzjonali. Sa fejn hija ma kinitx, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 82 u 83 iktar ’il fuq, eżentata milli tevalwa l-valur probatorju ta’ din l-informazzjoni u milli teżaminaha b’mod diliġenti u imparzjali, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet ta’ esperti biss b’mod selettiv. |
96 |
B’mod partikolari, għall-finijiet tal-kalkolu tal-vantaġġ, il-Kummissjoni naqset milli teżamina b’mod iktar serju, fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni rilevanti li jirriżultaw mill-analiżi Pindi Kinnisvara u mir-rapport Uus Maa, il-valur tal-investimenti magħmula mir-rikorrenti u s-sehem tagħhom fil-kera totali. F’dan il-kuntest, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-investiment fis-sistemi ta’ dranaġġ, li għalihom l-imsemmi rapport jirrileva, minn naħa, li dan jikkostitwixxi investiment fil-patrimonju tal-proprjetarju, u, min-naħa l-oħra, li huwa jippreżenta oneru sinjifikattiv għall-kerrej li jiżdied mal-ħlas tal-kera (ara l-punt 93 iktar ’il fuq). |
97 |
Fit-tieni lok, il-konklużjoni, li tinsab fil-punti 144 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha nofs l-investimenti fis-sistemi ta’ dranaġġ kellhom jiżdiedu fid-dħul tal-Istat, ma hija bbażata fuq ebda operazzjoni ċċifrata espliċita u verifikabbli, iżda tidher li hija bbażata fuq stima vaga min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-investimenti kienu jeċċedu r-rekwiżiti kuntrattwali jew legali (punti 143 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata), hija naqset milli tindika l-parti li kienet konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u dik li kienet tmur lil hinn minnhom. Bl-istess mod, hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet tibbenefika wkoll mill-imsemmija investimenti minħabba ż-żmien twil tal-kuntratt ta’ kiri ta’ 25 sena (punt 144 tad-deċiżjoni kkontestata) mingħajr ma tindika l-perijodu li kien jaqbeż dak li għalih dawn l-investimenti setgħu jiġu aċċettati. |
98 |
Għalhekk, l-istima tal-Kummissjoni ma kinitx adatta sabiex tipprovdi, bi preċiżjoni suffiċjenti, il-valur tal-obbligi kuntrattwali addizzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja u Ellinikos Chrysos vs Il‑Kummissjoni, T‑233/11 u T‑262/11, EU:T:2015:948, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata), u ma kinitx tippermetti, konsegwentement, li jiġi ddeterminat il-prezz l-iktar qrib possibbli tal-valur tas-suq, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq. |
99 |
Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti għamlet investimenti ikbar minn dawk meħtieġa mill-kuntratt ta’ kiri jew mil-liġi ma jurix, bħala tali, li dawn l-investimenti ma kinux ta’ benefiċċju għall-patrimonju tal-proprjetarju tal-artijiet inkwistjoni. Għall-kuntrarju, sa fejn l-imsemmi kuntratt jipprevedi espressament ammonti minimi għall-obbligi kuntrattwali addizzjonali (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), l-investimenti li jaqbżu dawn ir-rekwiżiti minimi jistgħu wkoll jkunu fl-interess ta’ sid il-kera, jiġifieri, l-Istat Estonjan. |
100 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma eżaminatx, fil-kuntest tal-analiżi tagħha dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi addizzjonali (punti 141 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata), jekk operatur privat, li jaġixxi f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat Estonjan, kienx jimponi l-obbligi kuntrattwali addizzjonali inkwistjoni. Issa, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova, kienet obbligata twettaq tali eżami, kif kien il-każ f’kawżi simili, jiġifieri dawk li wasslu għas-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland vs Il‑Kummissjoni (T‑268/08 u T‑281/08, EU:T:2012:90), tat‑28 ta’ Frar 2012, Grazer Wechselseitige Versicherung vs Il-Kummissjoni (T‑282/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:91, punt 126), u tat‑22 ta’ Mejju 2019, Real Madrid Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑791/16, EU:T:2019:346), li fihom il-Kummissjoni eżaminat jekk operatur privat kienx adotta l-aġir tal-Istat Membru inkwistjoni. |
101 |
Ladarba operatur privat huwa ggwidat minn perspettiva ta’ profitabbiltà fuq medda ta’ żmien twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑296/97, EU:T:2000:289, punt 84, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/16, EU:T:2018:952, punt 249 u l-ġurisprudenza ċċitata), u mir-rapport Uus Maa jirriżulta, minn naħa, li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri, l-artijiet kienu ġeneralment ipprovduti mingħajr ħlas sabiex jiġi evitat li dawn ma jinħadmux (ara l-punt 60 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratt ta’ kiri kien intiż sabiex jiġi kkonservat l-użu tal-artijiet skont id-destinazzjoni tagħhom u sabiex il-fertilità tagħhom tiġi ppreservata (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), ma huwiex eskluż li tali operatur jipprevedi, kif tinvoka r-rikorrenti, obbligi kuntrattwali addizzjonali sabiex ma jkollux jagħmel hu stess l-investimenti meħtieġa, bħal dawk fis-sistemi ta’ dranaġġ, fil-manutenzjoni tal-artijiet u fit-titjib tal-kwalità tal-ħamrija, li jippermettu, barra minn hekk, li l-valur tal-art jiżdied fuq medda ta’ żmien twil. |
102 |
Fl-assenza ta’ eżami ta’ dawn l-elementi u ta’ paragun tar-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat Estonjan ma’ dik ta’ operatur privat f’ċirkustanzi simili, il-Kummissjoni ma setgħetx raġonevolment tqis, fil-punti 147 u 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-kera li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kellu jiżdied biss bin-nofs tal-investimenti fis-sistemi ta’ dranaġġ u tat-taxxi mħallsa mir-rikorrenti. |
103 |
Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-investimenti kollha fis-sistemi ta’ dranaġġ bħala parti integrali mid-dħul mill-kiri tal-Istat Estonjan. |
104 |
Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-mumenti rilevanti, jiġifieri, fis-sena 2000, is-sena tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri, u fl‑2005, fl‑2007 u fl‑2009, snin li matulhom l-imsemmi kuntratt ġie emendat sabiex tiżdied il-kera (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet marbuta tevalwa jekk dan id-dħul mill-kiri kienx konformi mal-prezz tas-suq, b’mod partikolari fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti li toriġina mir-rapport Uus Maa. |
105 |
Għaldaqstant, l-analiżi dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi addizzjonali tal-kuntratt ta’ kiri fil-kera (punti 141 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll il-parti tal-evalwazzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-vantaġġ li jikkonċerna dawn l-obbligi (punti 161 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata) huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza li l-Kummissjoni kellha. |
Konklużjoni
106 |
Għandu jiġi konkluż li, minn naħa, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ diliġenza tagħha u, min-naħa l-oħra, kemm l-eżami dwar il-konformità tal-ammont tal-kera waħdu mal-kundizzjonijiet tas-suq (punti 132 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll dak dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi kuntrattwali addizzjonali fil-kera (punti 141 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata) huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jaffettwaw ukoll l-evalwazzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-vantaġġ (punti 154 sa 165 tad-deċiżjoni kkontestata). |
107 |
Konsegwentement, it-tielet u r-raba’ motiv imqajma formalment għandhom jiġu milqugħa u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma formalment mir-rikorrenti. |
Fuq l‑ispejjeż
108 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tar-rikorrenti. |
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
De Baere Kreuschitz Kecsmár Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Lulju 2022. Firem |
Werrej
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
Fuq ir‑rikorrenti u fuq il‑lokazzjoni ta’ artijiet agrikoli |
|
Fuq il‑proċedura amministrattiva quddiem il‑Kummissjoni |
|
Talbiet tal‑partijiet |
|
Fid‑dritt |
|
Fuq il‑konformità tal‑ammont tal‑kera mal‑prezz tas‑suq |
|
Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑obbligi kuntrattwali addizzjonali |
|
Konklużjoni |
|
Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.