Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0568

    Kawża C-568/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-2 ta’ Novembru 2020 – J vs H Limited

    ĠU C 28, 25.1.2021, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.1.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 28/23


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-2 ta’ Novembru 2020 – J vs H Limited

    (Kawża C-568/20)

    (2021/C 28/37)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Oberster Gerichtshof

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: J

    Konvenut: H Limited

    Domandi preliminari

    1)

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (1), b’mod partikolari l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm deċiżjoni eżegwibbli anki meta, wara eżami sommarju fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja li madankollu jikkonċerna biss in-natura ta’ res judicata ta’ sentenza mogħtija kontra l-parti indikata bħala debitur skont titolu eżekuttiv, din tal-aħħar tkun obbligata tħallas lill-parti li tirbaħ il-kawża mressqa fl-Istat terz id-dejn irrikonoxxut f’dan l-Istat terz permezz ta’ sentenza li tkun saret definittiva, f’sitwazzjoni fejn l-iskop tal-proċedura fl-Istat Membru jkun limitat għal eżami tal-eżistenza ta’ dritt mislut minn sentenza li tkun saret definittiva fil-konfront tal-parti li tkun qiegħda toġġezzjona għall-eżekuzzjoni?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 39, l-Artikolu 45, l-Artikolu 46 u l-Artikolu 52, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżekuzzjoni għandha tiġi miċħuda, irrispettivament mill-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1215/2012, meta d-deċiżjoni li jkollha tiġi eżaminata ma tkunx deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a), jew tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, jew meta l-pretensjoni li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda u ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda:

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 39, l-Artikolu 42(1)(b), l-Artikolu 46 u l-Artikolu 53, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura dwar it-talba sabiex tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni, il-qorti tal-Istat Membru indirizzat għandha, anki fuq il-bażi tad-data kkomunikata mill-qorti tal-oriġini fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, tikkunsidra neċessarjament li hemm deċiżjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u li għandha tiġi eżegwita?


    (1)  ĠU 2012, L 351, p. 1.


    Top