Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0376

Kawża C-376/20 P: Appell ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fit-28 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-399/16, CK Telecoms UK Investments Ltd vs Il-Kummissjoni

ĠU C 390, 16.11.2020, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 390/20


Appell ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fit-28 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-399/16, CK Telecoms UK Investments Ltd vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-376/20 P)

(2020/C 390/30)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Conte, C. Urraca Caviedes, J. Szczodrowski, M. Farley, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: CK Telecoms UK Investments Ltd, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, EE Ltd

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2020 fil-Kawża T-399/16, CK Telecoms UK Investments Ltd vs Il-Kummissjoni;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell; u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju tal-appell: is-sentenza appellata tapplika oneru tal-prova għall-eżistenza ta’ tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva (“probabbiltà serja”) li huwa iktar strett mit-test stabbilit fil-ġurisprudenza u fir-Regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (1), li jirrikjedi lill-Kummissjoni tidentifika l-eżitu “l-iktar probabbli”.

It-tieni aggravju tal-appell: billi tirrikjedi li, sabiex jinstab tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva, il-Kummissjoni għandha tipprova li konċentrazzjoni tagħti lill-entità fuża s-setgħa li tiddetermina, waħedha, il-parametri tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali tapplika test legali li ma huwiex sostnut mir-Regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u jimmina l-għan stess tar-riforma tal-2004. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tagħmel żball ta’ liġi meta tistabbilixxi test ta’ żewġ kriterji sabiex tistabbilixxi tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva bbażat fuq effetti mhux ikkoordinati.

It-tielet aggravju tal-appell: billi tirrikjedi li “setgħa kompetittiva importanti” (“SKI”) jeħtieġ li tispikka mill-kompetituri tagħha fir-rigward tal-impatt fuq il-kompetizzjoni u wkoll li l-partijiet f’konċentrazzjoni jridu jkunu “kompetituri mill-qrib”, il-Qorti Ġenerali teċċedi l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, tonqos milli tqis il-valur tal-linji gwida u toħloq distorsjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (2); jew, alternattivament, tikser il-prinċipju ta’ stħarriġ ġudizzjarju, tonqos milli tipprovdi motivazzjoni adegwata u tikser l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

Ir-raba’ aggravju tal-appell: billi qieset li ż-żieda imbassra fil-prezz ma kinitx sinjifikanti u billi qalet li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni ta’ “[s]tandards ta’ żidiet fl-effikaċja”, il-Qorti Ġenerali titlaq mir-Regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, teċċedi l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, tonqos milli tipprovdi motivazzjoni xierqa u toħloq distorsjoni tal-evidenza.

Il-ħames aggravju tal-appell: billi tillimita l-istħarriġ għal uħud biss mill-konklużjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata u billi teżamina dawn il-konklużjonijiet b’mod iżolat, mingħajr ma teżamina l-evidenza kollha flimkien, il-Qorti Ġenerali toħloq distorsjoni tad-deċiżjoni kkontestata, teċċedi l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, tikser ir-regoli applikabbli dwar l-evidenza, tapplika b’mod ħażin it-test legali u tonqos milli tipprovdi motivazzjoni xierqa.

Is-sitt aggravju tal-appell: il-Qorti Ġenerali toħloq distorsjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi tqis li din ma teżaminax degradazzjoni tal-kwalità tan-netwerk tal-entità fuża bħala parti mit-tieni teorija ta’ dannu. Il-Qorti Ġenerali tikser ukoll id-dmir tagħha ta’ motivazzjoni meta tikkonkludi li l-Kummissjoni żbaljat fil-liġi meta kklassifikat l-effett ta’ iktar trasparenza fuq investimenti ġenerali tan-netwerk bħala effett mhux ikkoordinat.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2796 final tal-11 ta’ Mejju 2016 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern (Każ M.7612 – Hutchison 3G UK/Telefónica UK) (ĠU 2016, C 357, p. 15).


Top