Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0034

    Kawża C-34/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Jannar 2020 – Telekom Deutschland GmbH vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    ĠU C 137, 27.4.2020, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 137/34


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Jannar 2020 – Telekom Deutschland GmbH vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    (Kawża C-34/20)

    (2020/C 137/47)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Verwaltungsgericht Köln

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Telekom Deutschland GmbH

    Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    Domandi preliminari

    1.

    a)

    Meta tariffa ta’ komunikazzjonijiet mobbli li tinkludi, għat-traffiku tad-data mobbli, volum mensili ta’ data li l-eżawriment tiegħu jwassal għal tnaqqis fil-veloċità ta’ trażmissjoni, u li tista’ tinkludi għażla ta’ tariffa bla ħlas li tippermetti li ċerti servizzi ta’ “sieħba tal-kontenut” tal-impriża ta’ telekomunikazzjoni jintużaw mingħajr ma l-volum ta’ data kkonsmat bl-użu ta’ dawn is-servizzi jiġi paċut mal-volum mensili ta’ data inkluż fit-tariffa ta’ telefonija mobbli inkwistjoni, filwaqt li madankollu l-klijent finali jaċċetta li l-bandwidth tkun limitata għal veloċità massima ta’ 1,7 Mbits/s għal vidjo-streaming, irrispettivament minn jekk dawn il-vidjos jixxandru minn sieħba tal-kontenut jew minn fornituri oħra, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet dwar il-karatteristiċi tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandhom josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120?

    b)

    Jekk il-punt (a) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjoni tal-bandwidth inkwistjoni għandha titqies bħala tnaqqis fil-veloċità ta’ kategorija ta’ servizzi?

    c)

    Jekk il-punt b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: il-kunċett ta’ konġestjoni imminenti tan-netwerk fis-sens tal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri unikament il-konġestjonijiet eċċezzjonali jew temporanji (imminenti)?

    d)

    Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: il-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kategoriji ekwivalenti ta’ traffiku jipprekludi limitazzjoni tal-bandwidth, li hija applikabbli unikament f’każ ta’ għażla komplementari u mhux fil-każ ta’ tariffi ta’ telefonija mobbli oħra u, minbarra dan, unikament għall-vidjo-streaming?

    e)

    Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitazzjoni tal-bandwidth, li l-applikazzjoni tagħha tiddependi mill-attivazzjoni tal-għażla komplementari, u li barra minn hekk il-klijent finali jista’ jiddiżattiva fi kwalunkwe mument għal tul massimu ta’ 24 siegħa, tosserva r-rekwiżit li kategorija ta’ servizzi ma tistax titwettaq iktar bil-mod ħlief sa fejn ikun neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-punti (a) sa (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3)?

    2.

    a)

    Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fin-negattiv: it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjoni tal-bandwidth unikament għall-vidjo-streaming hija bbażata fuq rekwiżiti dwar il-kwalità tas-servizz tekniċi li huma oġġettivament differenti minn ċerti kategoriji speċifiċi ta’ traffiku?

    b)

    Jekk il-punt (a) tat-tieni domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandha tiġi interpretata fis-sens li identifikazzjoni tat-traffiku ta’ data ġġenerat mill-vidjo-streaming permezz tal-indirizzi IP, protokolli, URL u SNI kif ukoll permezz tal-hekk imsejjaħ “pattern matching”, li jippermetti li ċerta informazzjoni tal-header tiġi pparagunata mal-valuri tipiċi tal-vidjo-streaming, tikkostitwixxi sorveljanza tal-kontenut partikolari tat-traffiku?

    3.

    Jekk il-punt (a) tal-ewwel domanda jingħata risposta fin-negattiv: l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitazzjoni tal-bandwidth unikament għall-vidjo-streaming tirrestrinġi d-dritt tal-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120?


    (1)  Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1).


    Top