Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0713

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2022.
    Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank u Y vs X u Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Centrale Raad van Beroep.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Persuna residenti fi Stat Membru u li teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor – Kuntratt(i) ta’ xogħol konkluż(i) ma’ aġenzija għal xogħol temporanju waħda – Missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Intervalli – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli matul l-intervalli bejn il-missjonijiet ta’ xogħol temporanju – Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.
    Kawża C-713/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:197

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fis‑17 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

    Kawża C‑713/20

    Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

    vs

    X u Y

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(a) u (e) – Persuna li tirrisjedi fi Stat Membru wieħed u li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor – Relazzjonijiet ta’ xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol temporanju – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-intervalli bejn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol”

    1.

    Fl-intervalli li waqthom il-ħaddiem ma jwettaqx l-attività ta’ xogħol tiegħu u ma jkun fis-seħħ ebda kuntratt ta’ xogħol, il-liġi applikabbli għal ħaddiem temporanju, residenti fi Stat Membru differenti minn dak li fih abitwalment iwettaq l-attività ta’ xogħol tiegħu, hija l-liġi tal-Istat ta’ impjieg, skont l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 2 ), jew inkella l-liġi tal-Istat ta’ residenza, skont l-Artikolu 11(3)(e) tal-imsemmi regolament?

    2.

    Din hija, essenzjalment, id-domanda li għandha tirrispondi l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, li għandha bħala suġġett tagħha talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-kuntest ta’ żewġ kawżi magħquda bejn, minn naħa, ir-Raad van Bestuur van de Sociale Verzekeringsbank (il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Assigurazzjoni Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“SVB”) u, min-naħa l-oħra, X u Y.

    3.

    Din il-kawża toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża t-tifsira tad-dispożizzjoni inkluża fl-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u sabiex tagħti kontribuzzjoni supplimentari għad-definizzjoni tal-istruttura tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet previsti fit-Titolu II tal-imsemmi regolament.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    4.

    Ir-Regolament Nru 883/2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”) ħassar, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2010, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) ( 3 ).

    5.

    L-Artikolu 1(a) u (b) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    ‘attività bħala persuna impjegata’ tfisser kwalunkwe attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti;

    (b)

    ‘attività bħala persuna li taħdem għal rasha’ tfisser kwalunkwe attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti”.

    6.

    It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 16.

    7.

    Bit-titolu “Regoli ġenerali”, l-Artikolu 11 tal-istess regolament jistabbilixxi s-segwenti:

    “1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

    2.   Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, persuni li qegħdin jirċievu benefiċċji fi flus minħabba jew bħala konsegwenza ta’ l-attività tagħhom bħala persuni impjegati jew bħala persuni impjegati għal rashom, għandhom jitqiesu bħallikieku qegħdin iwettqu din l-attività. Dan ma japplikax għal pensjonijiet marbuta ma’ l-invalidità, pensjonijiet ta’ l-età, pensjonijiet tas-superstiti jew għal pensjonijiet marbutin ma inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ma’ mard marbut max-xogħol jew għal benefiċċji fi flus marbutin ma’ mard li jkopru trattament għal perjodu mhux determinat.

    3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

    (a)

    persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    (b)

    persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

    (ċ)

    persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    (d)

    persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    (e)

    kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra”.

    8.

    L-Artikoli 12 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedu r-regoli speċifiċi applikabbli għall-persuni suġġetti għal kollokament (Artikolu 12), għall-persuni li jeżerċitaw attività ta’ xogħol f’żewġ Stati Membri jew iktar (Artikolu 13), għall-persuni li għażlu assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni fakultattiva kontinwata (Artikolu 14), għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-istituzzjonijiet Ewropej (Artikolu 15), kif ukoll id-derogi mill-Artikoli 11 sa 15 ta’ dan ir-regolament (Artikolu 16).

    B.   Id-dritt nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi

    9.

    L-Artikolu 6 tal-Algemene Ouderdomswet (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Ġenerali għax-Xjuħija, iktar ’il quddiem l-“AOW”), jipprevedi:

    “1.   Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, persuna għandha tkun assigurata jekk għadha ma għalqitx l-età pensjonabbli u:

    a)

    hija residenti;

    b)

    ma hijiex residenti iżda hija suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul għax-xogħol imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fuq il-blata kontinentali.

    […]

    3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, il-kategorija tal-persuni assigurati tista’ tiġi mwessgħa jew limitata minn miżura amministrattiva ġenerali.”

    10.

    L-Artikolu 6a tal-AOW jistabbilixxi:

    “Fil-każ ta’deroga mill-Artikolu 6 u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnu,

    a)

    għandha titqies bħala assigurata l-persuna li l-assigurazzjoni tagħha skont din il-liġi tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali;

    b)

    għandha titqies bħala mhux assigurata l-persuna li għaliha tapplika l-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor bis-saħħa ta’ trattat jew deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali”.

    11.

    L-Artikolu 13(1)(a) tal-AOW jipprevedi li jiġi applikat tnaqqis ta’ 2 % fuq l-ammont tal-pensjoni għal kull sena kalendarja li matulha l-persuna intitolata għall-pensjoni ma kinitx assigurata wara li tkun għalqet l-età ta’ 15‑il sena u qabel ma tagħlaq l-età ta’ 65 sena.

    12.

    L-Artikolu 6 tal-Algemene Kinderbijlagwet (il-Liġi dwar l-Iskema Ġenerali tal-Allowances tal-Familja, iktar ’il quddiem l-“AKW”) tirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tal-AOW f’termini identiċi.

    13.

    L-Artikolu 6a tal-AKW jistabbilixxi:

    “Fil-każ ta’deroga mill-Artikolu 6 u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnu,

    a)

    għandha titqies wkoll bħala assigurata l-persuna li l-assigurazzjoni tagħha skont din il-liġi tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali;

    b)

    għall-għanijiet tal-Kapitolu 3 ta’ din il-liġi, għandha titqies bħala ‘assigurata’ anki persuna li ma hijiex assigurata u li akkwistat dritt għall-allowances tal-familja skont ir-Regolament Nru 883/2004;

    c)

    ma għandhiex titqies bħala assigurata l-persuna li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor bis-saħħa ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali”.

    14.

    Skont l-Artikolu 11(1) tal-AKW:

    “Hija biss il-persuna li hija assigurata fl-ewwel jum ta’ trimestru kalendarju li għandha d-dritt għall-allowances tal-familja għal wild skont din il-liġi.”

    15.

    L-Artikolu 6 tal-Besluit uitbreiding en beperking kring van verzekerden volksverzekeringen 1999 tal‑24 ta’ Diċembru 1998 (id-Digriet tal‑1999 dwar l-Estensjoni u r-Restrizzjoni tal-Kategorija ta’ Persuni Assigurati Taħt l-Assigurazzjonijiet Soċjali, iktar ’il quddiem il-“BUB”), intitolat “Interruzzjoni temporanja tax-xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi”, jipprevedi:

    “Persuna li ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li taħdem esklużivament fil-Pajjiżi l-Baxxi u li x-xogħol tagħha huwa interrott temporanjament, tibqa’ assigurata taħt l-assigurazzjoni soċjali:

    a)

    għal mard, diżabbiltà, tqala, maternità jew qagħad; jew

    b)

    minħabba leave, strajk jew lock-out”.

    II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    A.   Il-kawża bejn SVB u X

    16.

    X, ċittadina Olandiża, ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fil-Ġermanja fl‑2012. Mingħajr qatt ma ħadmet fil-Ġermanja, X, sa mill‑2013, bdiet twettaq attività ta’ xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod intermittenti, permezz ta’ aġenzija tax-xogħol temporanju ( 4 ).

    17.

    B’mod partikolari, skont dak li jirriżulta mill-proċess, din l-attività twettqet fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju għal żmien determinat li kienu jinkludu “klawżola ta’ aġenzija” ( 5 ), jiġifieri klawżola li tgħid li r-relazzjoni ta’ xogħol mal-aġenzija tinbeda fil-punt li l-ħaddiem ikun beda jwettaq l-attività tiegħu mal-impriża utenti u tintemm mal-waqfien ta’ din l-attività.

    18.

    Matul l-intervalli bejn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol differenti – b’tul varjabbli, bejn sitt ijiem u ħames xhur – X baqgħet irreġistrata ma’ diversi aġenziji tax-xogħol temporanju tal-Pajjiżi l-Baxxi u wettqet hemmhekk attivitajiet ta’ volontarjat u attivitajiet ta’ xogħol tad-dar għat-tifel tagħha inkambju għal remunerazzjoni minima.

    19.

    Fis‑6 ta’ Lulju 2015, l-SVB ta lil X prospett tal-benefiċċji tal-irtirar dovuti lilha. Minn dan il-prospett irriżulta li l-pensjoni tagħha, permezz tal-AOW, kienet tnaqqset għal 82 % peress li X kienet meqjusa bħala assigurata skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar is-sigurtà soċjali biss fil-perijodi li fihom kienet effettivament wettqet ix-xogħol temporanju tagħha f’dan l-Istat. Bil-maqlub, fl-intervalli bejn xogħol u ieħor, billi ma kien hemm ebda relazzjoni ta’ xogħol u ebda attività effettiva, kellha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza, jiġifieri dik Ġermaniża.

    20.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta wkoll li X ma għandhiex dritt għal pensjoni tax-xjuħija fil-Ġermanja peress li ma għamlet ebda perijodu ta’ assigurazzjoni.

    21.

    Fl-ilment li hija ressqet, X talbet lis-SVB sabiex l-intervalli bejn l-attivitajiet imwettqa fir-rigward tar-relazzjoni ta’ xogħol temporanju jitqiesu bħala perijodi assigurati skont l-AOW.

    22.

    Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha, X ressqet l-istess talba quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li, b’sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2016, laqgħetha. B’mod partikolari, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), billi invokat insostenn tal-konklużjonijiet tagħha anki tas-sentenza Franzen et ( 6 ), iddikjarat li l-intervalli għandhom jitqiesu bħala perijodi ta’ leave jew ta’ qagħad skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tal-BUB, u għalhekk il-perijodi li matulhom X kienet assigurata skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    23.

    Is-SVB appella minn din is-sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju.

    B.   Il-kawża bejn is-SCB u Y

    24.

    Y jirrisjedi b’mod stabbli mal-familja tiegħu fil-Polonja u, sa mill‑2007, ħadem fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’ċerti interruzzjonijiet, permezz ta’ diversi kuntratti ta’ xogħol temporanju konklużi ma’ aġenzija tax-xogħol temporanju.

    25.

    Għal dak li jikkonċernana prinċipalment f’dan il-każ, Y ikkonkluda mal-aġenzija kuntratt ta’ xogħol temporanju għal żmien determinat għal perijodu ta’ tmien xhur, effettiv mid-data tal‑20 ta’ Lulju 2015. Y, madankollu, ma ħadimx fil-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u s‑7 ta’ Frar 2016 u kkonkluda mal-istess aġenzija tax-xogħol temporanju kuntratt ta’ xogħol ġdid li beda fit‑8 ta’ Frar 2016.

    26.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2016, is-SVB informa lil Y li, skont l-AKW, huwa ma kellux dritt għall-allowances tal-familja għax-xhur ta’ Jannar u Frar tal‑2016, peress li ma kien eżerċita ebda attività fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ dawn ix-xhur ( 7 ).

    27.

    Fl-ilment li huwa ressaq, Y talab lis-SVB sabiex jingħatawlu l-allowances tal-familja anki għax-xhur ta’ Jannar u Frar tal‑2016, billi ddikjara li f’dan il-perijodu huwa kien fuq leave u li għalhekk ir-relazzjoni ta’ xogħol kienet għadha fis-seħħ.

    28.

    Wara ċ-ċaħda tal-ilment, Y irrepeta t-talba tiegħu quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li, b’sentenza tal‑5 ta’ Jannar 2017, ċaħditha, billi kkonfermat l-evalwazzjonijiet magħmula mis-SVB.

    29.

    Y appella minn din is-sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju.

    C.   Id-deċiżjoni tar-rinviju

    30.

    Is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), wara li għaqdet iż-żewġ kawżi fis-seduta tad‑29 ta’ Mejju 2020, tat id-deċiżjoni tar-rinviju fis‑17 ta’ Diċembru 2020.

    31.

    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ X, il-qorti tar-rinviju ssostni li – peress li l-kuntratt ta’ xogħol kien ikkaratterizzat mill-preżenza tal-imsemmija klawżola ta’ aġenzija, li fuq il-bażi tagħha r-relazzjoni ta’ xogħol kellha tieqaf awtomatikament mat-tmiem tal-attività mwettqa għall-impriża utenti – fl-intervalli bejn attività ta’ xogħol u oħra ma kienet fis-seħħ ebda relazzjoni ta’ xogħol.

    32.

    Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li l-attivitajiet imwettqa minn X b’mod volontarju u f’kuntest familjari għal remunerazzjoni minima kienu lil hinn minn kuntest ekonomiku u ma kellhomx għanijiet ta’ dħul. Għalhekk, dawn ma setgħux jitqiesu bħala attivitajiet ta’ xogħol bħala persuna impjegata jew simili.

    33.

    Għal dak li jirrigwarda Y, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) tosserva li dan qatt ma kkontesta n-nuqqas ta’ ħlas tar-remunerazzjoni fil-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 sas‑7 ta’ Frar 2016 u li l-kuntratt ta’ xogħol il-ġdid ġie konkluż f’data li tippreċedi l-iskadenza prevista għall-kuntratt preċedenti. Dawn iċ-ċirkustanzi jwasslu sabiex jiġi deċiż li mill‑1 ta’ Jannar 2016 sas‑7 ta’ Frar 2016 ma kien hemm fis-seħħ ebda relazzjoni ta’ xogħol bejn Y u l-aġenzija tax-xogħol temporanju.

    34.

    Il-qorti tar-rinviju għalhekk issostni li ż-żewġ kontroversji jiddependu fuq il-kwistjoni jekk X u Y – persuni li b’mod abitwali jwettqu l-attività ta’ xogħol tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda jirrisjedu fi Stat Membru ieħor – kinux baqgħu assigurati skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar is-sigurtà soċjali u l-assistenza matul l-intervalli bejn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol temporanju deskritti.

    35.

    Id-domanda li tqum għalhekk hija jekk dawn l-intervalli jistgħux jikkostitwixxu sitwazzjonijiet simili għall-attivitajiet bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha skont l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u, għalhekk, jiġġustifikawx l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    36.

    Billi huwa stabbilit li l-każijiet inkwistjoni ma jaqgħux taħt is-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(3)(b), (ċ) u (d) tar-Regolament Nru 883/2004, tweġiba negattiva għall-imsemmija domanda tkun teħtieġ li jiġi konkluż li matul l-intervalli l-leġiżlazzjoni applikabbli kienet dik tal-Istat ta’ residenza, skont l-Artikolu 11(3)(e) tal-istess regolament, jiġifieri l-Ġermanja f’dak li jirrigwarda lil X u l-Polonja f’dak li jirrigwarda lil Y.

    37.

    Fl-enfasi tagħha fuq in-natura problematika tal-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju tfakkar is-sentenza diġà ċċitata tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et, li, minkejja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, hija meqjusa bħala trasponibbli anki għar-Regolament Nru 883/2004.

    38.

    Minn qari possibbli ta’ din is-sentenza – bbażat essenzjalment fuq is-sens letterali tal-punt 50 ( 8 ) tagħha – jirriżulta li l-persuni li b’mod abitwali jwettqu l-attività professjonali tagħhom fi Stat Membru jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 sakemm ma jkunux waqqfu din l-attività b’mod definittiv jew temporanju. Sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ dan it-twaqqif hija madankollu irrilevanti l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Għal dan il-għan, għandhom, għall-kuntrarju, jiġu ddefiniti kriterji differenti, marbuta mal-karatteristiċi tax-xogħol, mat-tul tal-perijodu li matulu l-persuni kkonċernati wettquh, mat-tul tal-intervalli, mal-orjentazzjoni lejn suq uniku tax-xogħol nazzjonali.

    39.

    Minn interpretazzjoni oħra possibbli tas-sentenza ċċitata jirriżulta minflok li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat ta’ impjieg, tkun neċessarja l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Għalhekk persuna ssir awtomatikament suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tkun twaqqfet anki biss temporanjament u irrispettivament mit-tul ta’ din l-interruzzjoni.

    40.

    Il-qorti tar-rinviju ssostni ukoll li s-soluzzjoni li tillimita l-applikabbiltà tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 biss għas-sitwazzjonijiet fejn tkun fis-seħħ relazzjoni ta’ xogħol, tippermetti li tiġi rrikonoxxuta l-leġiżlazzjoni applikabbli b’ċertezza fil-mument li fih iseħħu l-avvenimenti. Din is-soluzzjoni, madankollu, applikata għal kawżi bħal dawk inkwistjoni, tista’ tinvolvi tibdil frekwenti ħafna tal-leġiżlazzjoni applikabbli u kumplikazzjonijiet amministrattivi notevoli, u għalhekk tikkostitwixxi ostakolu potenzjali għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

    41.

    Skont il-qorti tar-rinviju, anki s-soluzzjoni li timponi l-verifika, irrispettivament mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, tal-effettività tal-interruzzjoni tal-attività – fuq il-bażi ta’ provi bħal dawk indikati fil-punt 38 preċedenti – twassal għal vantaġġi u żvantaġġi. Fir-rigward tal-vantaġġi, din tippermetti li jiġi evitat it-tibdil tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-każ fejn l-interruzzjonijiet bejn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ikunu ta’ natura żgħira. Fir-rigward tal-iżvantaġġi, din, ibbażata fuq evalwazzjoni retrospettiva tal-fatti li għandha titwettaq ex post, hija kkaratterizzata minn marġni ta’ inċertezza kbir.

    42.

    Fid-dawl ta’ dan, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) issospendiet il-proċedura quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiem li jirrisjedi fi Stat Membru u jaħdem fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol temporanju li jipprevedi li r-relazzjoni ta’ xogħol tintemm mat-tmiem tal-missjoni u hija sussegwentement stabbilita mill-ġdid, jibqa’ suġġett, fil-perijodi bejn wieħed u l-ieħor, għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru, sakemm ma jkunx waqaf temporanjament minn dan ix-xogħol?

    “2)

    Liema huma l-fatturi rilevanti sabiex jiġi evalwat, f’tali każijiet, jekk kienx hemm jew le waqfien temporanju mill-attività tiegħu?

    “3)

    Wara liema perijodu ta’ żmien ħaddiem li ma għadx għandu relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol għandu, ħlief meta jeżistu indikazzjonijiet kuntrarji konkreti, jitqies li jkun waqqaf temporanjament l-attività tiegħu fl-Istat ta’ impjieg?”

    III. Analiżi ġuridika

    43.

    Inqis li t-tliet domandi preliminari jistgħu jiġu ttrattati flimkien, peress li l-mistoqsija li tirriżulta minnhom hija essenzjalment waħda.

    44.

    Huwa stabbilit li, f’din il-kawża, kemm X kif ukoll Y jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004 u li l-għoti inkwistjoni – jiġifieri l-pensjoni tax-xjuħija u l-allowances tal-familja – jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-istess regolament.

    45.

    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ X, kif diġà ntwera iktar ’il fuq fil-punti 31 u 32, għandu jiġi osservat li l-kuntratti ta’ xogħol bħala persuna impjegata mal-aġenzija tax-xogħol temporanju huma kkaratterizzati bil-preżenza ta’ “klawżola ta’ aġenzija”, li fuq il-bażi tagħha r-relazzjoni tintemm awtomatikament mat-tmiem tal-attività mwettqa favur l-impriża utenti. Għal din ir-raġuni, skont dak sostnut mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ma kinux fis-seħħ fl-intervalli bejn attività ta’ xogħol u oħra. Il-qorti tar-rinviju eskludiet ukoll li l-attivitajiet imwettqa minn X b’mod volontarju u f’kuntest familjari għal remunerazzjoni minima setgħu jitqiesu bħala attivitajiet ta’ xogħol bħala persuna impjegata jew simili.

    46.

    Fir-rigward ta’ Y, bħalma diġà ġie speċifikat fil-punt 33, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li fil-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u s‑7 ta’ Frar 2016 ma kienet fis-seħħ ebda relazzjoni ta’ xogħol.

    47.

    Il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lil X u lil Y jistgħu għalhekk jiġu magħquda, peress li t-tnejn jagħmlu riferiment għal perijodi li fihom ma kienet fis-seħħ ebda relazzjoni ta’ xogħol u l-imsemmija persuni – residenti fi Stat Membru differenti minn dak tal-impjieg abitwali – ma kienu jwettqu ebda attività ta’ xogħol.

    48.

    Huwa possibbli għalhekk li jiġi sostnut li permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara jekk għal X u Y – persuni residenti fi Stat Membru differenti minn dak li fih, fuq il-bażi ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol temporanju, kienu jwettqu b’mod abitwali l-attività ta’ xogħol tagħhom – fil-perijodu ta’ intervall fejn ma twettqet ebda attività ta’ xogħol minnhom u fejn dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol kienu waqfu, tapplikax il-liġi tal-Istat ta’ impjieg skont l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri l-liġi tal-Istat ta’ residenza, skont l-Artikolu 11(3)(e) tal-istess regolament. Il-Kummissjoni Ewropea esprimiet ruħha favur l-ewwel soluzzjoni; SVB u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi min-naħa l-oħra sostnew it-tieni waħda.

    49.

    Sabiex inwieġeb għall-mistoqsija, inqis li huwa opportun li b’mod preliminari nagħti ftit kuntest għar-Regolament Nru 883/2004.

    50.

    L-għan ta’ dan ir-regolament – li mmodernizza u ssemplifika r-regoli inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li żamm l-istess għan – huwa li jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni ( 9 ).

    51.

    Huwa ma jistabbilixxix skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti ( 10 ), billi jistabbilixxi sensiela ta’ prinċipji komuni li l-leġiżlazzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri kollha għandhom josservaw. B’dan il-mod, l-għan huwa li jiġi żgurat li l-persuni li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fl-Unjoni ma jkunux ippreġudikati mid-diversi sistemi nazzjonali minħabba li jkunu użaw din il-libertà ( 11 ).

    52.

    F’dan il-kuntest, it-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 – intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika” – jinkludi fil-fatt regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet li jippermettu li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    53.

    Huma inkwistjoni regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet ibbażati fuq kriterji ta’ rabta simili għal dawk li jeżistu fid-dritt internazzjonali privat. L-għan tagħhom, fil-fatt, huwa d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal sitwazzjonijiet li jippreżentaw elementi ta’ rabta ma’ Stati Membri differenti, fejn dawn jirrigwardaw, appuntu, lil ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fit-territorju tal-Unjoni ( 12 )

    54.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat f’diversi okkażjonijiet li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet maħsuba sabiex tiġi ostakolata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġi prekluż li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom ( 13 ). Fi kliem ieħor, huwa intiż li jiġi evitat, minn naħa, li minħabba kunflitt negattiv bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali l-ħaddiema migranti jitħallew mingħajr protezzjoni soċjali u, min-naħa l-oħra, li minħabba kunflitt pożittiv dawn jakkumulaw benefiċċji identiċi jiġifieri jiġu suġġetti għal kontribuzzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri differenti.

    55.

    Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma għandhomx madankollu l-għan li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet essenzjali għar-reġistrazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali jew għall-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji korrispondenti. Bħala prinċipju, hija l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li għandha tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet ( 14 ).

    56.

    L-Istati Membri huma marbuta b’mod imperattiv mir-regoli dwar l-għażla tal-liġi previsti fir-Regolament Nru 883/2004 u għaldaqstant ma għandhomx il-possibbiltà jiddeterminaw sa fejn tapplika l-leġiżlazzjoni tagħhom stess jew dik ta’ Stat Membru ieħor ( 15 ). Ma jistgħux, għalhekk, jeskludu mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom lill-persuni li fil-konfront tagħhom għandha tapplika din il-leġiżlazzjoni permezz tar-regolament ( 16 ).

    57.

    Sabiex isolvu l-kunflitti potenzjali – pożittivi jew negattivi – ta’ liġijiet nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 huma intiżi li jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed.

    58.

    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004 – li huwa intitolat “Regoli ġenerali” u jikkostitwixxi l-“pedament” tas-sistema – jistabbilixxi fil-fatt il-prinċipju tal-uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

    59.

    Għalhekk, jekk persuna taqa’ fil-kamp ta’ “applikazzjoni ratione personae” tar-Regolament Nru 883/2004, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tiegħu, tapplika, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, iddeterminata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-istess regolament ( 17 ).

    60.

    Imbagħad għal dak li iktar jinteressa din il-kawża, l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi l-prinċipju tal-lex loci laboris, billi jistabbilixxi li “persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru” ( 18 ).

    61.

    It-termini “attività bħala persuna impjegata” u “attività bħala persuna li taħdem għal rasha” huma ddefiniti fl-Artikolu 1(a) u (b) tar-Regolament Nru 883/2004. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li, għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, “attività bħala persuna impjegata” u “attività bħala persuna li taħdem għal rasha” tfisser “kwalunkwe attività jew sitwazzjoni ekwivalenti meqjusa bħala attività għall-għanijiet tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru li fih teżisti din l-attività jew sitwazzjoni ekwivalenti”.

    62.

    Għalhekk, mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-applikazzjoni tal-lex loci laboris hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna tkun qiegħda twettaq attività meqjusa bħala “attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha” skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istat inkwistjoni ( 19 ). Inqis, għalhekk, li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol – ikkwalifikata bħala tali skont il-leġiżlazzjoni fejn din titwettaq – hija essenzjali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg.

    63.

    L-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol tkun irrilevanti biss fil-każ tal-possibbiltà, eċċezzjonali, ikkontemplata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li tqabbel lill-persuni li jwettqu attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha ma’ dawk li jirċievu benefiċċju fi flus għal jew bħala konsegwenza ta’ tali attività.

    64.

    Il-qorti tar-rinviju diġà ddikjarat espressament li s-sitwazzjoni ta’ X u ta’ Y matul il-perijodi bejn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol temporanju ma hijiex meqjusa, skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala attività ta’ xogħol bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha ( 20 ).

    65.

    Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-imsemmija persuni, fil-perijodi inkwistjoni, ma rċevewx il-benefiċċji kkontemplati fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 883/2004.

    66.

    Dak indikat fil-punti preċedenti jimponi l-esklużjoni f’din il-kawża tal-applikabbiltà tad-dritt tal-Istat ta’ impjieg, skont l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll l-Artikolu 11(2) tal-istess regolament.

    67.

    Din is-soluzzjoni jidher li hija l-iktar waħda idonea sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, billi l-kompetenza tal-Istat ta’ impjieg hija marbuta mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, huwa possibbli li tiġi identifikata l-liġi nazzjonali applikabbli b’mod immedjat, fil-mument li jseħħu l-avvenimenti, u bid-dovuta sigurtà.

    68.

    B’hekk tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali, li tikkostitwixxi valur essenzjali f’sistema li, kif imfakkar iktar ’il fuq, hija intiża li tippermetti l-koordinazzjoni u l-evitar ta’ kunflitti bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali skont il-mudelli tipiċi tad-dritt internazzjonali privat.

    69.

    Mill-bqija, kif diġà indikat, ir-regolament inkwistjoni ma jfittix l-għan li tiġi żgurata l-eżistenza tad-drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għall-assistenza, li r-regolamentazzjoni tagħhom titħalla f’idejn l-Istati Membri.

    70.

    Id-dritt tal-Unjoni ma jiżgurax lil ħaddiem li t-trasferiment fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jibqa’ newtrali mill-perspettiva tas-sigurtà soċjali: tali trasferiment, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn l-iskemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas favorevoli għall-persuna kkonċernata minn din il-perspettiva ( 21 ).

    71.

    Għalhekk, il-fatt li l-persuni kkonċernati ma għandhomx dritt għall-benefiċċju soċjali inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom huwa kompletament irrilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet previsti mit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004. Dan mingħajr preġudizzju għall-fatt li, b’mod astratt, id-dritt tal-Istat ta’ residenza jista’ jkun iktar favorevoli minn dak tal-Istat ta’ impjieg.

    72.

    Interpretazzjoni bbażata fuq kriterji – bħal dawk indikati mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha – relatati mal-karatteristiċi tar-relazzjoni ta’ xogħol, mat-tul tal-perijodu li matulu l-persuni kkonċernati jkunu wettqu dan ix-xogħol, mat-tul tal-intervalli, mal-orjentazzjoni lejn suq uniku, tirriżulta f’iktar kontestazzjonijiet u inċertezza u tirriskja li tinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ kunflitti bejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

    73.

    Barra minn hekk, it-tul tal-intervalli u l-possibbiltà ta’ ritorn fl-Istat ta’ impjieg preċedenti huma ċirkustanzi li jistgħu jiġu stabbiliti biss ex post, peress li matul dawn il-perijodi ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li jwassal għal problemi prattiċi, b’mod partikolari għall-għoti ta’ benefiċċji – bħalma huma pereżempju l-allowances tal-familja – li ma humiex suġġetti għat-tmiem normalment definittiv tal-attività ta’ xogħol.

    74.

    Fid-dawl ta’ dan, jidhirli li l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem wieħed ( 22 ) ma tiġix eċċessivament frammentata hija sekondarja għar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali li jifformaw il-bażi tas-sistema leġiżlattiva inkwistjoni.

    75.

    F’dan ir-rigward nosserva wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fejn xtaq jimpedixxi frammentazzjoni simili, għamel dan espressament.

    76.

    Qiegħed nirreferi hawnhekk għar-regola fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kwistjoni tal-kollokament, li tgħid li l-persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem prinċipal “liema prinċipal normalment iwettaq l-attivitajiet tiegħu hemmhekk, u li tintbagħat mill-prinċipal tagħha fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem il-prinċipal għandha tibqa’ suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna oħra”.

    77.

    Din id-dispożizzjoni – li għandha l-għan li tevita li impriża stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru tkun obbligata li taffilja lill-ħaddiema tagħha, normalment suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor fejn huma jintbagħtu sabiex iwettqu xogħlijiet għal perijodu limitat ta’ żmien ( 23 ) – evidentement għandha natura ta’ deroga u ta’ eċċezzjoni, u għalhekk ma tistax tiġi applikata b’mod analogu lil hinn mill-possibbiltajiet espressament previsti minnha. Hija, barra minn hekk, tagħmel riferiment għal possibbiltajiet li – kuntrarjament għall-kawżi inkwistjoni – huma kkaratterizzati bl-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol kontinwi.

    78.

    Ebda element ma jista’, fil-fehma tiegħi, jittieħed mis-sentenza ċċitata Franzen favur l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg anki wara l-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    79.

    Il-punt 50 tas-sentenza ċċitata jindika bħala prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg il-fatt li l-persuna kkonċernata twettaq “l-attività professjonali tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru”.

    80.

    Barra minn hekk, fil-punti 51 u 52 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwixxiet dik il-kawża minn dawk li kienu s-suġġett ta’ ċerti sentenzi preċedenti ( 24 ), fejn kien hemm waqfien, definittiv jew temporanju, tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    81.

    B’mod partikolari, il-punt 52 ċċitat jaqra li “l-perijodu li matulu l-attivitajiet fil-kuntest tax-xogħol okkażjonali ma humiex eżerċitati, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala waqfien temporanju tal-attività” peress li “jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-relazzjoni ta’ xogħol […] damet ħames snin mingħajr interruzzjoni”.

    82.

    Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala essenzjali l-eżistenza kontinwa ta’ relazzjoni ta’ xogħol, filwaqt li qieset li huma irrilevanti – bħal fis-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 1990, Kits van Hejningen ( 25 ) – il-modalitajiet konkreti għat-twettiq tax-xogħol, peress li l-liġi tal-Istat ta’ impjieg tista’ tapplika anki għal relazzjonijiet ta’ xogħol okkażjonali u part-time.

    83.

    Huwa għalhekk komprensibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din l-okkażjoni, qieset bħala applikabbli l-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, anki fil-ġranet li fihom ix-xogħol okkażjonali ma sarx, peress li l-kawża inkwistjoni, b’differenza minn din il-kawża, kienet ikkaratterizzata minn relazzjoni ta’ xogħol li dejjem baqgħet fis-seħħ.

    84.

    Konferma oħra tat-teżi proposta minni tinsab ukoll fis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, X ( 26 ) – li tirrigwarda wkoll ir-Regolament Nru 1408/71 iżda li tista’ tiġi trasposta, kif diġà ntqal, għar-Regolament Nru 883/2004 – dwar persuna li kienet taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, li kienet wasslet għal ftehim mal-persuna li timpjegaha dwar perijodu ta’ leave bla ħlas u li, matul dan il-leave, wettqet attività oħra ta’ xogħol fi Stat Membru ieħor.

    85.

    Fil-punt 24 ta’ din is-sentenza jinqara li “sa fejn persuna żżomm il-kwalità ta’ ħaddiem impjegat matul il-perijodu ta’ leave mingħajr ħlas li jingħatalha mill-persuna li timpjegaha, huwa possibbli li jitqies li din il-persuna teżerċita attività mħallsa fis-sens tat-Titolu II tar-Regolament Nru°1408/71 minkejja s-sospensjoni tal-obbligi prinċipali li jirriżultaw minn din ir-relazzjoni ta’ xogħol matul dan il-perijodu ddeterminat”.

    86.

    Din id-dikjarazzjoni, fil-fehma tiegħi, tikkonferma li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-lex loci laboris, hija dejjem neċessarja l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, irrispettivament mill-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-obbligi konkreti li jirriżultaw minnha ( 27 ).

    87.

    Inqis, bħala konklużjoni, li s-sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu X u Y matul l-intervalli ma tistax taqa’ fil-kuntest tal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 (jew dak tal-Artikolu 11(2) tal-istess regolament) u li għalhekk għandu jiġi eskluż li għal dawn is-sitwazzjonijiet għandha tapplika l-liġi tal-Istat ta’ impjieg.

    88.

    Huwa stabbilit, barra minn hekk, li l-persuni kkonċernati ma kinux jinsabu fis-sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 11(3)(b), (ċ) u (d) tar-Regolament Nru 883/2004, li jagħmlu riferiment għall-persuni impjegati maċ-ċivil, għall-persuni li jirċievu benefiċċji tal-qagħad u għall-persuni msejħa jew imsejħa mill-ġdid sabiex iservu fil-forzi armati jew għas-servizz ċivili.

    89.

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, għandu jiġi konkluż li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni reżidwali inkluża fl-Artikolu 11(3)(e) iċċitat, li tapplika għall-persuni kollha mhux ikkontemplati fl-Artikolu 11(3)(a) sa (d) ( 28 ) u, b’mod partikolari, kemm għall-persuni li jkunu definittivament waqfu minn kull attività professjonali kif ukoll għal dawk li jkunu waqfu biss temporanjament mill-attività tagħhom ( 29 ).

    90.

    Din il-konklużjoni, infakkar, hija konformi mal-għan tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ Stat Membru wieħed u mhux li jiżguraw l-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ assistenza, li minflok jibqa’ suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi previsti mill-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tkun applikabbli fil-kawża inkwistjoni.

    91.

    B’mod konkret, ovvjament, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika dawn il-prinċipji, billi tapplikahom għall-kawża inkwistjoni u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

    IV. Konklużjoni

    92.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

    “L-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem residenti fi Stat Membru, li jwettaq b’mod abitwali l-attività ta’ xogħol tiegħu fi Stat Membru ieħor, ma jibqax suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg matul il-perijodi li fihom, skont il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat, huwa ma għandux kuntratt ta’ xogħol fis-seħħ u ma jwettaq ebda attività ta’ xogħol, li tista’ titqies, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, bħala attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Matul l-imsemmija intervalli, konformement mal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, hija, minflok, applikabbli l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU 2019, L 186, p. 21).

    ( 3 ) Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 li jemenda u jaġġorna r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3).

    ( 4 ) Niddikjara minn issa li ż-żewġ kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jirrigwardaw relazzjonijiet ta’ xogħol temporanju. Kif huwa magħruf, il-kwistjoni tirrigwarda tip ta’ xogħol – irregolat fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fid-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija – li fih jipparteċipaw tliet persuni: l-aġenzija tax-xogħol temporanju, il-ħaddiem u l-impriża utenti. Tali relazzjonijiet huma distinti minn skema trijangolari, ibbażata fuq l-eżistenza simultanja ta’ żewġ kuntratti: kuntratt ta’ xogħol bħala persuna impjegata bejn l-aġenzija u l-ħaddiem; kuntratt li permezz tiegħu l-aġenzija tagħti lill-impriża utenti ħaddiem wieħed jew iktar. Dawn tal-aħħar, għalhekk, jibqgħu formalment impjegati u mħallsa mill-istess aġenzija, iżda jagħtu l-ħidma tagħhom lill-imprenditur utenti u taħt id-direzzjoni tiegħu. Il-kuntratt ta’ xogħol bħala persuna impjegata bejn aġenzija u ħaddiem jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat. Huwa biss fl-ewwel każ li l-ħaddiem għandu d-dritt jirċievi allowance tad-disponibbiltà, għall-perijodi li fihom jkun qiegħed jistenna li jintbagħat ma’ impriża utenti.

    ( 5 ) Din l-iskema kuntrattwali hija kkontemplata fl-Artikolu 7:691(2) tal-Burgerlijk Wetbook (il-Kodiċi Ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi).

    ( 6 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et (C‑382/13, EU:C:2015:261).

    ( 7 ) F’dan ir-rigward, kif osserva s-SVB fl-osservazzjonijiet tiegħu (punt 19), huwa rilevanti wkoll l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1), li jipprevedi li “[f]ejn il-leġislazzjoni u/jew il-kompetenza applikabbli biex jingħataw benefiċċji marbutin mal-familja tinbidel bejn l-Istati Membri matul xahar kalendarju, irrispettivament mid-dati tal-ħlas għal benefiċċji marbutin mal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri, l-istituzzjoni li ħallset il-benefiċċji marbutin mal-familja bis-saħħa tal-leġislazzjoni li taħtha ngħataw il-benefiċċji fil-bidu ta’ dak ix-xahar għandha tkompli tagħmel dan sal-aħħar tax-xahar kurrenti”.

    ( 8 ) Fil-punt 50 tas-sentenza Franzen, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg tibqa’ applikabbli sakemm il-persuna kkonċernata teżerċita l-attività professjonali tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol u t-tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol, bħal xogħol part-time jew xogħol okkażjonali, jew in-numru ta’ sigħat maħduma mill-ħaddiem, huma irrilevanti” (enfasi miżjud minni).

    ( 9 ) Ara l-premessi 1, 3, 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004. Ara, ukoll, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv) (C‑285/20, EU:C:2021:785, punt 42), is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija (C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 22) u s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 44).

    ( 10 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Finanzamt Österreich (Allowances tal-familja għall‑ħaddiema umanitarji) (C‑372/20, EU:C:2021:962, punt 71), sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 67) u s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 31).

    ( 11 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2015:666, punt 49), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SF (C‑631/17, EU:C:2019:10, punt 21).

    ( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Franzen et (C‑382/13, EU:C:2014:2190, punt 63).

    ( 13 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER EUROPE (C‑784/19, EU:C:2021:427, punt 32) u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB (C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika) (C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 29).

    ( 15 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika) (C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 48) u s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 48).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 30).

    ( 17 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER EUROPE (C‑784/19, EU:C:2021:427, punt 33) u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB (C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Dan il-prinċipju ġenerali huwa intiż li jiżgura li l-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-istess pajjiż jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali u jirċievu l-istess benefiċċji soċjali (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et, C‑527/16, EU:C:2018:669, punti 9798). Huwa hekk biss li jistgħu jiġu preklużi forom mhux mixtieqa ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-ispejjeż tas-salarji u, konsegwentement, pressjoni fuq is-sistemi ta’ benefiċċji nazzjonali. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża AFMB (C‑610/18, EU:C:2019:1010, punt 29).

    ( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, X (C‑569/15, EU:C:2017:673, punti 23 sa 26).

    ( 20 ) Ara l-punti 4.3 sa 4.7 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

    ( 21 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et (C‑95/18 u C‑96/18, EU:C:2019:767, punt 64). Minn din is-sentenza – li għandha bħala suġġett domanda preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), fil-kuntest tal-istess kawża, li waslet madankollu fl-istadju tal-istħarriġ tal-legalità, u li wasslet għall-imsemmija sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et – jista’ jiġi konkluż li l-Istat ta’ impjieg ma huwiex obbligat li jinkludi l-ħaddiem residenti fi Stat Membru ieħor fl-iskema tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-perijodi li matulhom il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tkun applikabbli permezz tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004.

    ( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Manpower (C‑35/70, EU:C:1970:120). Huwa minnu li din is-sentenza sostniet li huwa fl-interess tal-ħaddiema migranti li ma jkunux suġġetti għal perijodi qosra għal-leġiżlazzjonijiet ta’ pajjiżi differenti, peress li dawn sikwit ikunu ppreġudikati mill-fatt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ġeneralment jeskludu perijodi qosra għall-benefiċċju ta’ ċerti benefiċċji soċjali. Madankollu, din is-sentenza – li kellha bħala suġġett domanda preliminari bbażata fuq l-Artikolu 13(a) tar-Regolament Nru 3 tal-Kunsill KEE tal‑25 ta’ Settembru 1958 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – kienet tirrigwarda impjegat ta’ aġenzija tax-xogħol temporanju Franċiża li ntbagħat biex iwettaq l-attività ta’ xogħol tiegħu ma’ impriża Ġermaniża. Għalhekk kienet tittratta relazzjoni waħda ta’ xogħol bħala persuna impjegata , stabbli u kontinwa, stabbilita bejn il-ħaddiem u l-aġenzija tax-xogħol temporanju (ara l-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza), li – bil-maqlub ta’ dawn il-kawżi – ma kellhiex interruzzjonijiet. Huwa komprensibbli li, f’sitwazzjoni bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 13(a) tar-regolament iċċitat, li jagħmel riferiment espress biss għal possibbiltajiet ta’ kollokament, iddeċidiet li għandha tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn kienet tinsab l-aġenzija tax-xogħol temporanju.

    ( 23 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER EUROPE (C‑784/19, EU:C:2021:427, punt 60) u s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia (C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ir-riferiment kien għas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punti 3940) u għas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega (C‑372/02, EU:C:2004:705, punt 24).

    ( 25 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 1990, Kits van Heijningen (C‑2/89, EU:C:1990:183). Fil-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jiddistingwixxix “bejn l-attività b’impjieg imwettqa full-time u attività b’impjieg imwettqa part-time”. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, li twettaq attività b’impjieg full-time fit-territorju ta’ Stat Membru, hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat kemm matul il-ġranet li fihom twettaq din l-attività kif ukoll fil-ġranet li fihom ma twettaqhiex.

    ( 26 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, X (C‑569/15, EU:C:2017:673).

    ( 27 ) Ara, f’dan is-sens, anki l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża X (C‑569/15, EU:C:2017:181, punti 31 sa 36).

    ( 28 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, SF (C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 40).

    ( 29 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega (C‑372/02, EU:C:2004:705, punt 24).

    Top