EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0342

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021.
A SCPI.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Helsingin hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Artikoli 63 u 65 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi – Eżenzjoni tal-fondi ta’ investiment – Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni – Kundizzjoni dwar il-forma kuntrattwali tal-fond.
Kawża C-342/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:823

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )

Kawża C‑342/20

A SCPI

fil-presenza ta’:

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi – Fond ta’ investiment – Entità fiskalment trasparenti – Entità ibrida – Investimenti fi proprjetajiet immobbli u/jew kumpanniji ta’ proprjetà immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor – Mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali – Rekwiżit tal-forma kuntrattwali – Esklużjoni tal-fondi ta’ investiment ikkostitwiti fil-forma statutorja – Restrizzjoni – Komparabbiltà – Ġustifikazzjoni – Assenza”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 63 u 65 TFUE.

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn A SCPI, fond ta’ investiment stabbilit fi Franza u l-Verohallinto (l-amministrazzjoni fiskali, il-Finlandja) fir-rigward ta’ deċiżjoni preliminari mogħtija minn din tal-aħħar. F’din id-deċiżjoni, l-amministrazzjoni fiskali kkunsidrat li A SCPI ma kienx fiskalment trasparenti għas-sena fiskali 2020, u għalhekk, kellu jkun suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja.

3.

Din id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali hija bbażata fuq dispożizzjonijiet introdotti reċentement fil-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża, li jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ investiment ikkostitwiti taħt forma kuntrattwali, minn naħa, u statutorja, min-naħa l-oħra.

4.

Il-fondi ta’ investiment li għandhom il-forma kuntrattwali huma kkunsidrati bħala fiskalment trasparenti, u għalhekk huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul. Il-fondi kuntrattwali ma jgawdux mill-personalità ġuridika. Il-funzjonament tagħhom huwa suġġett għal dispożizzjonijiet kuntrattwali nnegozjati bejn l-investituri.

5.

Għall-kuntrarju, il-fondi ta’ investiment li għandhom forma statutorja, bħal A SCPI, huma kkunsidrati bħala fiskalment opaki. Għaldaqstant, dawn huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja. Il-forma “statutorja” timplika l-kostituzzjoni ta’ entità li l-funzjonament tagħha huwa rregolat minn “statuti”. Skont it-tip ta’ entità kkonċernata, din l-entità tgawdi jew ma tgawdix mill-personalità ġuridika u/jew mill-kapaċità ġuridika (jiġifieri l-kapaċità li twettaq atti ġuridiċi jew li jkollha locus standi in judicio).

6.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li d-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża, bejn fondi ta’ investiment kuntrattwali u fondi ta’ investiment statutorji, tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital kif iggarantit mill-Artikoli 63 u 65 TFUE.

7.

Essenzjalment, inqis li din id-distinzjoni hija arbitrarja peress li twassal sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti fondi ta’ investiment li huma oġġettivament komparabbli f’termini ta’ trasparenza, minkejja l-forma kuntrattwali jew statutorja tagħhom.

II. Id‑dritt Finlandiż

8.

Skont il-punt 4 tal-Artikolu 3 tat-tuloverolaki 1535/1992 (il-Liġi 1535/1992 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) tat‑30 ta’ Diċembru 1992, kif emendata bil-Liġi Nru 528/2019 (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul”), “entità” tfisser b’mod partikolari, il-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, il-fond ta’ investiment u l-fond ta’ investiment speċjali.

9.

Skont il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, il-persuni fiżiċi li ma kinux iddomiċiljati fil-Finlandja matul is-sena fiskali u l-entitajiet barranin għandhom iħallsu taxxa fuq id-dħul irċevut fil-Finlandja (tassazzjoni parzjali).

10.

L-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi diversi kategoriji ta’ dħul li huma kkunsidrati rċevuti fil-Finlandja. Fost dan id-dħul hemm b’mod partikolari:

id-dħul minn proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Finlandja jew minn binjiet miżmuma permezz ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ta’ akkomodazzjoni jew ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata oħra Finlandiża jew permezz ta’ affiljazzjoni ma’ koperattiva Finlandiża ta’ akkomodazzjoni jew oħrajn;

id-dividendi, il-bilanċi minn koperattiva u d-dħul ieħor simili minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, minn koperattiva jew minn entità Finlandiża oħra, kif ukoll is-sehem mill-profitt ta’ grupp Finlandiż;

il-profitt mit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li jinsab fil-Finlandja jew mit-trasferiment ta’ azzjonijiet jew ta’ ishma ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ta’ akkomodazzjoni jew minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata oħra jew koperattiva Finlandiża, li iktar minn 50 % tal-assi totali tagħhom huwa magħmul minn proprjetà immobbli waħda jew iktar li jinsabu fil-Finlandja.

11.

L-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul kien introdott bil-Liġi Nru 528/2019, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020 u bdiet tapplika mis-sena fiskali 2020.

12.

Skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul il-fondi ta’ investiment fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 1 tas-sijoitusrahastolaki 213/2009 (il-Liġi 213/2009 dwar il-Fondi ta’ Investiment) kif ukoll il-fondi miftuħa ta’ investiment barranin, stabbiliti b’kuntratt, komparabbli magħhom, li l-ishma tagħhom huma miżmuma minn tal-inqas 30 detentur.

13.

Skont it-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu, din l-eżenzjoni tapplika wkoll għall-fondi ta’ investiment speċjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-vaihtoehtorahastojen hoitajista annettu laki 162/2014 (il-Liġi 162/2014 dwar l-Amministraturi ta’ Fondi Alternattivi) u għall-fondi speċjali ta’ investiment barranin, stabbiliti b’kuntratt, komparabbli magħhom, bil-kundizzjoni li dawn ikunu fondi miftuħa, li l-ishma tagħhom huma miżmuma minn tal-inqas 30 detentur.

14.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, l-eżenzjoni ta’ fond ta’ investiment speċjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi 162/2014 dwar l-Amministraturi ta’ Fondi Alternattivi jew ta’ Fond Speċjali ta’ Investiment Barrani, stabbilit b’kuntratt, komparabbli miegħu, li jinvesti l-assi tiegħu prinċipalment fi proprjetà immobbli jew f’titoli ta’ proprjetà immobbli kif indikat fl-Artikolu 4 tal-Kapitolu 16 ta’ din il-liġi, hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan il-fond iqassam lid-detenturi tal-ishma tiegħu, fuq bażi annwali, tal-inqas tliet kwarti tal-profitti tas-sena, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni żidiet ta’ valur mhux realizzat.

III. Il‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

15.

A SCPI hija kumpannija ta’ investiment irregolata mid-dritt Franċiż li għandha l-forma ta’ kumpannija b’kapital varjabbli (kumpannija ċivili ta’ titoli ta’ proprjetà immobbli b’kapital varjabbli), tinvesti fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Franza u fil-pajjiżi taż-żona ewro. Il-proprjetajiet immobbli li huma suġġetti għall-investimenti huma mikrija lil impriżi. Fl-aħħar tal-2017, il-fond ta’ investiment kellu valur ta’ madwar EUR 32 miljun. Il-kumpannija kellha investimenti f’erba’ proprjetajiet immobbli li jinsabu f’erba’ pajjiżi differenti taż-żona ewro. Fl‑2017, il-kumpannija kellha 926 soċju.

16.

A SCPI hija rrappreżentata mill-kumpannija “A” SAS (“A” Asset Management, société par actions simplifiée, kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ssimplifikata). Skont il-liġi u l-istatuti tagħha, id-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw lil A SCPI jittieħdu minn A, li tamministra wkoll il-fond. A SCPI ma tistax twettaq, hija stess, att ġuridiku, u lanqas għandha locus standi in judicio. Barra minn hekk, hija suġġetta għall-kontroll tal-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji Franċiża (AMF)) u tikkostitwixxi fond alternattiv fis-sens tad-Direttiva 2011/61/UE ( 2 ).

17.

Ir-rendiment magħmul mill-ishma jitħallas lill-investituri fuq bażi annwali u jikkorrispondi għad-dħul mill-kera nett u għal dħul finanzjarju nett ieħor miġbur minn A SCPI. It-tqassim tal-profitti huwa deċiż mil-laqgħa ġenerali. Il-kumpannija hija responsabbli mill-obbligi favur terzi, iżda l-investituri għandhom responsabbiltà sekondarja għal dak li jirrigwarda l-obbligi tal-kumpannija.

18.

Fi Franza, A SCPI hija entità fiskalment trasparenti. Ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul. Huma l-investituri li huma taxxabbli fuq is-sehem mid-dħul li jitħallas lilhom skont l-ishma tagħhom fil-kumpannija. Dawn tal-aħħar huma taxxabbli wkoll fuq il-profitt li jagħmlu minn bejgħ jew rimbors tal-ishma.

19.

F’Ġunju 2019, A SCPI kienet ippjanat li tiffirma kuntratt dwar ix-xiri ta’ azzjonijiet ta’ żewġ kumpanniji pubbliċi ta’ proprjetà immobbli ta’ responsabbiltà limitata reċiproċi Finlandiżi, li huma proprjetarji ta’ immobbli użati minn stabbilimenti li jbigħu bl-imnut. Jekk A SCPI twettaq dan l-akkwist, hija teżerċita fil-Finlandja, l-attività ta’ kiri ta’ immobbli fir-rigward ta’ binjiet li hija tikkontrolla permezz ta’ azzjonijiet li hija għandha f’kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata ta’ proprjetà immobbli. Barra minn hekk, A SCPI tipprevedi l-possibbiltà li tagħmel investimenti ta’ proprjetà immobbli oħra fil-Finlandja, billi tixtri azzjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ proprjetà immobbli ta’ responsabbiltà limitata reċiproċi oħra jew billi twettaq investimenti ta’ proprjetà immobbli diretti.

20.

Fil-kuntest tal-proġetti ta’ investiment ta’ proprjetà immobbli tagħha fil-Finlandja, A SCPI talbet lill-amministrazzjoni fiskali tagħti deċiżjoni preliminari fir-rigward tas-snin fiskali 2019 u 2020.

21.

Għal dak li jirrigwarda s-sena fiskali 2019, l-amministrazzjoni fiskali kkunsidrat li A SCPI kienet eżentata mit-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali rilevanti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

22.

Mill-banda l-oħra, għal dak li jirrigwarda s-sena fiskali 2020, l-amministrazzjoni fiskali qieset li A SCPI ma kinitx eżentata mit-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja, b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

23.

Fil-parti tad-deċiżjoni preliminari relattiva għas-sena fiskali 2020, ikkontestata minn A SCPI, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li mill-prospett li jippreżenta l-fond, mehmuż mat-talba, jirriżulta li din hija ekwivalenti għal kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Finlandiża. Il-profitti tal-fond jitqassmu lis-soċji biss jekk ikun hemm deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali f’dan is-sens. A SCPI hija impriża ta’ investiment b’kapital varjabbli, b’tali mod li ma għandhiex il-forma ġuridika ta’ fond ta’ investiment speċjali, stabbilit b’kuntratt, kif jeħtieġ ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

24.

A SCPI ppreżentat quddiem il-Helsingin hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) rikors kontra d-deċiżjoni preliminari tal-amministrazzjoni fiskali għal dak li jirrigwarda s-sena fiskali 2020.

25.

A SCPI argumentat li l-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul imur kontra d-dritt tal-Unjoni sa fejn il-fondi stabbiliti b’kuntratt biss jistgħu jiġu kkunsidrati bħala fondi ta’ investiment speċjali eżentati mit-taxxa fuq id-dħul. A SCPI ssostni li hija minn kull aspett operatur komparabbli ma’ fond ta’ investiment Finlandiż. L-unika differenza tinsab fil-forma ġuridika, fis-sens li A SCPI għandha l-forma statutorja, skont ir-rekwiżiti tal-liġi Franċiża dwar il-fondi ta’ investiment, filwaqt li l-fondi ta’ investiment konformi mas-sijoitusrahastolaki (il-Liġi dwar il-Fondi ta’ Investiment) Finlandiża għandhom ikunu stabbiliti b’kuntratt.

26.

Il-qorti tar-rinviju esponiet il-motivi li wasslu għall-adozzjoni tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, kif jirriżultaw mix-xogħol preparatorju.

27.

Minn naħa, din l-emenda kellha l-għan li tagħti ċ-ċertezza legali. Fir-reġim eżistenti qabel l-adozzjoni tagħha, it-trattament fiskali ta’ fondi ta’ investiment barranin ma kienx formalment irregolat fid-dritt Finlandiż u kien suġġett għal deċiżjonijiet każ b’każ. Fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “fondi ta’ investiment” fil-leġiżlazzjoni fiskali, il-kriterji ta’ assimilazzjoni kellhom jiġu stabbiliti mill-prattika amministrattiva u mill-ġurisprudenza. In-natura pjuttost ġenerali tad-dispożizzjonijiet fiskali setgħet tiffaċilita l-assimilazzjoni ta’ fondi barranin għal fondi ta’ investiment Finlandiżi.

28.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-adozzjoni tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ma fissritx pawża fit-tassazzjoni tal-fondi ta’ investiment fil-Finlandja. It-trattament fiskali tagħhom baqa’ dejjem skont il-forma ġuridika tal-istrument ta’ investiment, u din id-dispożizzjoni ma ġabitx tibdil f’dan ir-rigward. Il-fondi ta’ investiment u l-fondi speċjali ta’ investiment Finlandiżi huma entitajiet stabbiliti b’kuntratt. Il-proposta ta’ emenda kellha l-għan li tippreċiża l-leġiżlazzjoni fiskali għall-fondi stabbiliti b’kuntratt biss, kemm Finlandiżi kif ukoll barranin.

29.

B’mod partikolari, mill-proposta ta’ emenda jirriżulta li l-għan imfittex ma kienx li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni għal forom ġuridiċi oħra ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli ta’ proprjetà immobbli barra mill-pajjiż. Fil-Finlandja, it-tassazzjoni hija bbażata fuq il-forma ġuridika tal-istrument ta’ investiment. Il-fondi ta’ investiment Finlandiżi huma entitajiet stabbiliti b’kuntratt, li ma humiex persuni ġuridiċi awtonomi iżda pjuttost mases ta’ assi, u li l-eżenzjoni tagħhom hija rregolata b’mod distint. Il-fondi ta’ investiment barranin jistgħu jkunu ekwivalenti għall-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata Finlandiżi abbażi tal-forma ġuridika tagħhom.

30.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li skont il-leġiżlazzjoni Finlandiża applikabbli għall-fondi ta’ investiment, il-fondi ta’ investiment jistgħu jiġu kkostitwiti biss permezz ta’ kuntratt.

31.

Din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mal-Artikoli 49, 63 u 65 TFUE peress li huma biss il-fondi miftuħa ta’ investiment barranin, stabbiliti b’kuntratt, li jistgħu jkunu ekwivalenti għall-fondi ta’ investiment Finlandiżi eżentati mit-taxxa fuq id-dħul, bl-esklużjoni ta’ fondi ta’ investiment stabbiliti fil-forma statutorja, bħal A SCPI.

32.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Helsingin hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 49, 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jipprovdu li huma biss fondi miftuħa ta’ investiment barranin stabbiliti f’forma kuntrattwali li jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti għal fondi ta’ investiment Finlandiżi eżentati mit-taxxa fuq id-dħul, b’tali mod li fondi ta’ investiment barranin li l-forma legali tagħhom ma hijiex stabbilita b’kuntratt huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn fil-Finlandja, minkejja li ma hemm ebda differenza oġġettiva sinjifikattiva oħra bejnhom u l-fondi ta’ investiment Finlandiżi?”

33.

It-talba għal deċiżjoni preliminari kienet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Lulju 2020. Ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Mejju 2021.

IV. Analiżi

34.

Il-problema mqajma minn din il-kawża taqa’ taħt dik, iktar ġenerali, tal-entitajiet fiskalment “ibridi”, jiġifieri l-entitajiet ikkunsidrati bħala fiskalment “trasparenti” fi Stat (fejn l-entità ma hijiex taxxabbli fiha nnifisha, huma taxxabbli biss is-soċji tagħha skont l-ishma tagħhom) u bħala fiskalment “opaki” fi Stat ieħor (fejn l-entità hija taxxabbli fiha nnifisha) ( 3 ).

35.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, A SCPI hija ttrattata bħala entità fiskalment trasparenti fl-Istat fejn hija kienet ikkostitwita (Franza) u bħala entità fiskalment opaka fl-Istat fejn hija tippjana ċerti investimenti ta’ proprjetà immobbli (il-Finlandja).

36.

Minkejja li l-entitajiet ibridi jqajmu problemi kumplessi ta’ koordinazzjoni fil-kuntest tal-konvenzjonijiet ta’ prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja ( 4 ), id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss il-problema iktar speċifika tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Finlandiża mal-moviment liberu tal-kapital u mal-libertà ta’ stabbiliment.

37.

B’mod iktar speċifiku, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk rekwiżit li jirrikjedi l-forma kuntrattwali, previst mil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru sabiex fond ta’ investment ikun jista’ jibbenefika mit-trasparenza fiskali, imurx kontra l-moviment liberu tal-kapital u/jew il-libertà ta’ stabbiliment, sa fejn iwassal għall-esklużjoni ta’ fondi ta’ investiment ikkostitwiti fil-forma statutorja fi Stati Membri oħra minkejja li dawn il-fondi huma oġġettivament komparabbli, f’termini ta’ trasparenza, mal-fondi kkostitwiti fil-forma kuntrattwali.

38.

Il-Gvern Finlandiż jipproponi risposta negattiva għal din id-domanda, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni.

39.

Nenfasizza li l-problema tal-entitajiet ibridi ma hijiex ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, is-sentenza Columbus Container Services kienet tirrigwarda kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan ikkunsidrata bħala fiskalment opaka fil-Belġju (fejn kienet suġġetta għall-iskema vantaġġuża ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni) u fiskalment trasparenti fil-Ġermanja, fejn kienu jirrisjedu s-soċji tagħha ( 5 ). Madankollu, din is-sentenza ma tinkludix tagħlim trasponibbli għal din il-kawża, peress li hija kienet tirrigwarda speċifikament it-taxxa addizzjonali miġbura fil-Ġermanja (mingħand is-soċji) minħabba r-rata baxxa ta’ tassazzjoni applikata fil-Belġju (fuq il-kumpannija) ( 6 ).

40.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, ninnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil entitajiet fiskalment trasparenti fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et ( 7 ).

A.   Fuq il‑libertà ta’ moviment applikabbli

41.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi għal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u għall-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE). Infakkar li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali ma humiex neċessarjament esklużivi ( 8 ). Madankollu, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkontestat li din il-kawża għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, kif ġustament sostnew il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni.

42.

L-investimenti previsti minn A SCPI fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali jikkonsistu, minn naħa, f’ishma f’kumpanniji ta’ proprjetà immobbli Finlandiżi, u min-naħa l-oħra, fl-investiment dirett fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Finlandja ( 9 ).

43.

Għal dak li jirrigwarda l-investimenti diretti fi proprjetajiet immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor, dawn jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth ( 10 ). Din il-klassifikazzjoni kienet ikkonfermata fil-ġurisprudenza sussegwenti għal dawn il-konklużjonijiet ( 11 ).

44.

Għal dak li jirrigwarda l-ishma f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha taqa’ fil-libertà ta’ stabbiliment. Mill-banda l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma adottati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm impatt fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża kkonċernata għandhom jiġu eżaminati b’mod esklużiv fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital ( 12 ).

45.

Issa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni Finlandiża ma hijiex intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet fiskali rilevanti huma intiżi sabiex japplikaw għad-dħul minn kull sehem f’kumpannija Finlandiża, indipendentement mid-daqs ta’ dan is-sehem ( 13 ).

46.

Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, it-trattament fiskali tal-ishma f’kumpanniji ta’ proprjetà immobbli Finlandiżi għandu jiġi eżaminat fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital biss.

47.

Madankollu, għal kwalunkwe fini, nispeċifika li r-raġunament żviluppat iktar ’il quddiem jibqa’ rilevanti fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment.

B.   Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu tal-kapital

48.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet tal-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra ( 14 ).

49.

Mill-banda l-oħra, l-eżistenza ta’ sempliċi diverġenzi bejn l-iskemi fiskali nazzjonali ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali ta’ Stati Membri differenti, sa fejn tali eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment ( 15 ).

50.

Fl-istess linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-moviment liberu ma jistax jinftiehem fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jaġġusta r-regoli fiskali tiegħu skont dawk tal-Istati Membri l-oħra sabiex jiżgura, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali, peress li d-deċiżjonijiet meħuda minn persuna taxxabbli fir-rigward tal-investiment fi Stat Membru ieħor jistgħu, skont il-każijiet, ikunu ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għal tali persuna taxxabbli ( 16 ).

51.

Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ sempliċi diverġenzi bejn il-politika fiskali tal-Istati Membri ma tistax, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-libertajiet ta’ moviment.

52.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dan kien ikun il-każ li kieku l-iskema fiskali Finlandiża ma tipprevedix mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali. F’tali każ, il-fatt li kumpannija stabbilita fi Franza, fejn tibbenefika mit-trasparenza fiskali, ma tistax tibbenefika minn mekkaniżmu simili fil-Finlandja meta tiddeċiedi li tagħmel investiment ta’ proprjetà immobbli hemmhekk, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni għall-moviment tal-kapital”.

53.

Madankollu, il-problema li għandna aħna hija ta’ natura differenti. Fil-kawża prinċipali, ir-reġim fiskali Finlandiża jipprevedi fil-fatt mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali. Il-fond ta’ investiment A SCPI, stabbilit fi Franza, ma jistax jibbenefika minnu għar-raġuni li ma jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti mil-leġiżlazzjoni Finlandiża.

54.

F’tali każ, il-problema li tqum ma hijiex iktar dik ta’ diverġenza bejn skemi fiskali nazzjonali, iżda dik tal-kompatibbiltà, mal-libertajiet ta’ moviment, tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti minn skema fiskali nazzjonali (f’dan il-każ, ir-reġim fiskali Finlandiża) ( 17 ).

55.

Fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, A SCPI kienet eskluża mill-mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali għar-raġuni li hija ma kinitx ikkostitwita fil-forma kuntrattwali. Huwa dwar il-leġittimità ta’ dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà li tistaqsi l-qorti tar-rinviju.

56.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemm l-ebda dubju, fil-fehma tiegħi, li rekwiżit tal-forma kuntrattwali sabiex jingħata l-benefiċċju tat-trasparenza fiskali, bħal dak previst fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jista’ jiddisswadi fondi ta’ investiment, ikkostitwiti fi Stati Membri oħra fil-forma statutorja, milli jagħmlu investimenti fil-Finlandja.

57.

F’dan ir-rigward, infakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi residenti u għall-operaturi mhux residenti tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li anki differenzazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi tista’, fil-fatt, tiżvantaġġa s-sitwazzjonijiet transkonfinali ( 18 ).

58.

Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-effett dissważiv jirriżulta mill-esklużjoni mill-mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali, u mill-obbligu korrelattiv tal-issuġġettar għat-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja, li taffettwa l-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-forma statutorja fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari meta dawn il-fondi jkunu jibbenefikaw mit-trasparenza fiskali fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

59.

Fil-fatt, tali diskrepanza fit-trattament fiskali ta’ fondi statutorji stabbiliti fi Stati Membri oħra (trasparenza fiskali fl-Istat Membru ta’ oriġini, opaċità fiskali fil-Finlandja) jista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi importanti fuq il-livell fiskali, u għalhekk, tiddisswadi lil dawn il-fondi milli jwettqu investimenti fil-Finlandja.

60.

B’mod iktar speċifiku, it-trasparenza fiskali hija, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għażla delibera mwettqa mill-investituri, li jibnu l-istrateġija ta’ investiment tagħhom skont din l-għażla. F’tali kuntest, l-esklużjoni mit-trasparenza fiskali fi Stat Membru jkollha effett dissważiv fir-rigward tal-investimenti f’dan l-Istat peress li din l-esklużjoni tkun inkompatibbli mal-istrateġija implimentata mill-investituri. Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa preċiżament dan l-effett dissważiv li wassal lil A SCPI tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni preliminari li permezz tagħha l-amministrazzjoni fiskali rrifjutatilha l-benefiċċju mit-trasparenza fiskali.

61.

Għall-kompletezza, nispeċifika wkoll li ma huwiex eskluż li r-rekwiżit tal-forma kuntrattwali, previst fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, ikun indirettament diskriminatorju abbażi tal-oriġini tal-fondi ta’ investiment, kif enfasizzat il-Kummissjoni.

62.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE jipprojbixxu, mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti (jew ċari) ibbażati fuq l-oriġini, iżda wkoll kull forma indiretta (jew moħbija) ta’ diskriminazzjoni, li minkejja li hija bbażata fuq kriterji li jidhru newtrali, twassal fil-fatt għall-istess riżultat ( 19 ).

63.

Issa, ir-rekwiżit tal-forma kuntrattwali jkollu effett indirettament diskriminatorju fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni Finlandiża (mhux fiskali) applikabbli għall-fondi ta’ investiment tirrikjedi li dawn ikunu kkostitwiti permezz ta’ kuntratt ( 20 ). Fil-fatt, f’dan il-każ, huma biss fondi ta’ investiment stabbiliti fi Stati Membri oħra (fil-forma statutorja) li jistgħu jiġu esklużi mill-mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali previst fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul. Dan l-effett indirettament diskriminatorju jista’ jissaħħaħ ukoll mill-eżistenza, fl-Istat Membru ta’ oriġini, ta’ obbligu li ċerti fondi ta’ investiment ikollhom forma statutorja ( 21 ).

64.

Bi tweġiba għal diversi mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, il-Gvern Finlandiż indika, madankollu, li l-leġiżlazzjoni Finlandiża tippermetti l-kostituzzjoni ta’ fondi ta’ investiment fil-forma statutorja, b’dan illi tali fondi huma mbagħad esklużi mill-mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali previst fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, bħall-fondi statutorji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Jekk dan huwa effettivament il-każ, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, inqis li l-klassifikazzjoni ta’ “diskriminazzjoni indiretta” għandha tiġi eskluża.

65.

Fi kwalunkwe każ, nenfasizza li l-klassifikazzjoni ta’ “diskriminazzjoni indiretta” ma hijiex determinanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, sa fejn l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ma jidhirlix li hija kontestabbli għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq.

C.   Fuq il‑komparabbiltà ta’ fondi ta’ investiment kuntrattwali u statutorji

66.

Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt tal-Istati Membri “li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

67.

Il-portata ta’ din id-deroga mill-moviment liberu tal-kapital, minħabba interpretazzjoni stretta, hija espressament ristretta mill-Artikolu 65(3) TFUE li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet”.

68.

Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 22 ).

69.

Dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ( 23 ).

70.

Skont din il-ġurisprudenza, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-fondi ta’ investiment ikkostitwiti fil-forma statutorja fi Stati Membri oħra (esklużi mill-mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali stabbilit fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) humiex f’sitwazzjoni komparabbli mal-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-forma kuntrattwali fil-Finlandja (li jibbenefikaw mill-imsemmi mekkaniżmu), fid-dawl tar-regoli fiskali nazzjonali.

71.

Qabel kollox, nenfasizza li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata espliċitament fuq il-premessa li fond ta’ investiment bħal A SCPI, minkejja li huwa kkostitwit fil-forma statutorja, jinsab effettivament f’sitwazzjoni komparabbli mal-fondi ta’ investiment stabbiliti fil-Finlandja fil-forma kuntrattwali. Fil-fatt, skont il-kliem stess ta’ din id-domanda, bl-eċċezzjoni tal-forma ġuridika tagħhom “ma hemm ebda differenza oġġettiva sinjifikattiva oħra bejn is-sitwazzjoni ta’ dawn il-fondi ta’ investiment u dik tal-fondi ta’ investiment Finlandiżi”.

72.

Inżid, li fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju, li ċerti fondi ta’ investiment statutorji huma effettivament komparabbli mal-fondi ta’ investiment kuntrattwali, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali bħal dak previst fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

73.

L-għan ta’ mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali huwa li jallinja t-trattament fiskali tal-entitajiet ikkonċernati għar-realtà ġuridika tagħhom. Fi kliem ieħor, l-għan huwa li jiġu ttrattati b’mod trasparenti fuq il-livell fiskali ċerti entitajiet li huma trasparenti fuq il-livell ġuridiku.

74.

Dan huwa preċiżament, l-għan tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul. Kif spjegat il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni teżenta ċerti entitajiet li ma humiex persuni ġuridiċi awtonomi iżda sempliċi mases ta’ assi, iffurmati għall-finijiet ta’ investiment kollettiv minn ċertu numru ta’ soċji ( 24 ).

75.

B’hekk, dan il-mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali huwa intiż sabiex jeżenta mit-taxxa fuq id-dħul ċerti strutturi ta’ koordinazzjoni li fil-prattika, ma jiffurmawx skrin reali bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-investituri. Kif spjega l-Gvern Finlandiż, l-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul għandu l-għan li jittratta l-investiment f’tali fondi bħala “investimenti diretti” min-naħa tas-soċji fl-assi sottostanti.

76.

L-oppost ta’ tali strutturi kuntrattwali trasparenti hija l-kumpannija kummerċjali pubblika ta’ responsabbiltà limitata. Normalment, tali kumpannija tingħata l-personalità ġuridika; ikollha il-kapaċità ġuridika; ikollha kapital proprju; tgawdi minn setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet kemm fl-investimenti tagħha kif ukoll fit-tqassim tal-profitti tagħha, u toffri lill-azzjonarji responsabbiltà limitata (skont l-investiment tagħhom).

77.

Għalhekk, bid-differenza għall-istrutturi ta’ investiment kuntrattwali, il-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata jiffurmaw skrin opak li jidħol bejn l-attivitajiet ekonomiċi u l-investituri. F’dan ir-rigward, il-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata huma normalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, b’dan illi t-tqassim tal-profitti fil-forma ta’ dividendi ser ikun suġġett għal tassazzjoni differenti fir-rigward tal-azzjonarji. Opaka fuq il-livell ġuridiku, il-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata hija ttrattata wkoll b’mod opak fuq il-livell fiskali.

78.

Bejn dawn iż-żewġ estremi (trasparenza ta’ arranġamenti kuntrattwali minn naħa, opaċità tal-kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata min-naħa l-oħra), jikkoeżistu diversi tipi ta’ strutturi u li għandhom trasparenza ftit jew wisq kbira.

79.

Issa, huwa preċiżament f’dan ir-rigward li r-rekwiżit tal-forma kuntrattwali, previst fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, jidhirli li huwa kritikabbli minħabba formaliżmu żejjed.

80.

Ċertament, ma hemm l-ebda dubju li ċerti entitajiet statutorji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala opaki, meta l-modalitajiet ta’ funzjonament tagħhom ikunu qrib għal dawk ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata klassika kif deskritti iktar ’il fuq (personalità ġuridika, kapaċità ġuridika, kapital proprju, setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investimenti u t-tqassim tal-profitti, responsabbiltà limitata).

81.

Madankollu, entitajiet oħra kkostitwiti fil-forma statutorja huma komparabbli, f’termini ta’ trasparenza, mal-entitajiet li għandhom forma kuntrattwali.

82.

Pereżempju, huwa suffiċjenti li jiġu invokati l-karatteristiċi tal-fond ta’ investiment inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, jiġifieri A SCPI, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju ( 25 ). Fil-fatt, minkejja li hija kkostitwita fil-forma statutorja, jidhirli li din l-entità hija kkaratterizzata minn grad għoli ta’ trasparenza. L-ewwel, A SCPI ma għandhiex il-kapaċità ġuridika (hija ma tistax twettaq att ġuridiku jew ikollha locus standi in judicio). It-tieni, il-profitti netti ta’ A SCPI jitħallsu kull sena lill-investituri. It-tielet, minkejja li A SCPI hija responsabbli għall-obbligi fir-rigward ta’ terzi, l-investituri għandhom responsabbiltà sekondarja f’dan ir-rigward.

83.

Fil-fehma tiegħi, minkejja l-forma statutorja tiegħu, fond ta’ investiment li għandu tali karatteristiċi huwa komparabbli, f’termini ta’ “trasparenza”, ma’ fond ta’ investiment li għandu l-forma kuntrattwali. Fil-fatt, tali entità tikkostitwixxi sempliċi struttura ta’ koordinazzjoni u ma tiffurmax skrin reali bejn l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa u l-investituri. Il-fatt li t-tqassim tal-profitti għandu jkun deċiż formalment mil-laqgħa ġenerali, ma jidhirlix li huwa determinanti f’dan ir-rigward ( 26 ), bil-kundizzjoni li l-parti l-kbira tal-profitti netti titħallas effettivament lill-investituri kull sena ( 27 ).

84.

Fi kliem ieħor, b’limitazzjoni għal kunċett formalistiku tat-“trasparenza”, iffukat fuq ir-rekwiżit tal-forma kuntrattwali, l-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jeskludi ċerti fondi ta’ investiment ikkostitwiti fil-forma statutorja, li fil-prattika huma “trasparenti” daqs fondi ta’ investiment ikkostitwiti fil-forma kuntrattwali. F’dan is-sens, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament arbitrarja bejn sitwazzjonijiet li huma komparabbli.

85.

Il-validità tar-raġunament espost iktar ’il fuq hija kkorroborata, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza reċenti Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS), kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni ( 28 ). Huwa minnu li din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda l-iskema fiskali applikabbli għall-fondi ta’ investiment, iżda t-trattament fiskali tad-dħul imqassam minn tali fondi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espliċitament, f’dan il-kuntest, li “l-forma statutorja ta’ [kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli (SICAV)] taħt id-dritt Lussemburgiż ma tpoġġix lil din l-impriża f’sitwazzjoni differenti meta mqabbla ma’ [impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli ta’ proprjetà immobbli (UCITS)] taħt id-dritt Finlandiż li għandha forma kuntrattwali fir-rigward tat-trattament fiskali tal-prodott imqassam” ( 29 ).

86.

Fi kliem ieħor u bħall-proposta tiegħi f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li distinzjoni bbażata fuq il-forma ġuridika tal-fond ta’ investiment tirrappreżenta, f’dan il-kuntest, differenza fit-trattament arbitrarja bejn sitwazzjonijiet komparabbli.

87.

Fi kwalunkwe każ, nispeċifika li Stat Membru xorta jista’, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jissuġġetta l-benefiċċju tat-trasparenza fiskali għal kriterji sostantivi ta’ trasparenza. F’dan ir-rigward, qiegħed naħseb, b’mod partikolari, dwar l-assenza ta’ kapaċità ġuridika tal-entità inkwistjoni, għall-obbligi ta’ tqassim tal-parti l-kbira tal-profitti netti annwali, jew anki għall-assenza ta’ responsabbiltà limitata tas-soċji.

88.

Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu li l-fondi ta’ investiment kuntrattwali u statutorji ma jinstabux f’sitwazzjonijiet komparabbli, il-Gvern Finlandiż iddikjara li l-fondi ta’ investiment kuntrattwali joffru ċertezza ikbar lill-investituri, b’mod partikolari f’każ ta’ falliment, billi jippermettilhom ikunu direttament proprjetarji tal-attiv sottostanti.

89.

Din id-dikjarazzjoni ma tikkonvinċinix. Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, il-Gvern Finlandiż ma indika ebda raġuni konkreta għaliex il-fatt li tkun direttament proprjetarju tal-attiv sottostanti, fil-kuntest ta’ fond kuntrattwali, joffri iktar ċertezza, f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji, mill-fatt li tkun proprjetarju ta’ ishma f’fond ta’ investiment statutorju. F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-fondi ta’ investiment kuntrattwali ma jippermettux il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-investituri f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji, għall-kuntrarju ta’ ċerti fondi statutorji (b’mod partikolari dawk ikkostitwiti fil-forma ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata).

90.

Fi kwalunkwe każ, u kif spjegajt iktar ’il fuq, il-Gvern Finlandiż jista’ jistabbilixxi kriterji sostantivi li għandhom jiġu osservati, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tal-investituri, mill-fondi ta’ investiment kollha (kuntrattwali jew statutorji) li jixtiequ jibbenefikaw mit-trasparenza fiskali. Naħseb, pereżempju, f’rekwiżit li jkunu suġġetti għall-kontroll tal-awtorità nazzjonali tas-swieq finanzjarji, bħal A SCPI fit-tilwima fil-kawża prinċipali ( 30 ).

D.   Fuq l‑assenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

91.

Ikkonstatajt li r-rekwiżit tal-forma kuntrattwali sabiex jingħata l-benefiċċju tat-trasparenza fiskali, kif previst fl-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Urejt ukoll li dan ir-rekwiżit jistabbilixxi differenza fit-trattament arbitrarja bejn sitwazzjonijiet li huma komparabbli, jiġifieri dawk ta’ fondi ta’ investiment li għandhom grad ta’ trasparenza simili minkejja l-forma kuntrattwali jew statutorja tagħhom.

92.

Jibqagħli neżamina l-eventwalità ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

93.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li miżuri nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital jistgħu jkunu ġġustifikati minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu adegwati sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l-għan imfittex minnhom u bil-kundizzjoni li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan ( 31 ).

94.

Ma iniex konvint minn ebda motiv ta’ ġustifikazzjoni invokat fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja.

95.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju indikat, li fost l-għanijiet imsemmija fil-proposta tal-Gvern li wasslet għall-adozzjoni tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, hemm ir-rieda li jiġu stabbiliti kriterji iktar speċifiċi għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ trasparenza fiskali għall-fondi ta’ investiment barranin. Din id-dispożizzjoni ġdida kellha għalhekk tippermetti li tingħata prevedibbiltà fit-tassazzjoni u ċertezza legali. Hija kellha twassal ukoll għall-projbizzjoni ta’ piżijiet amministrattivi.

96.

Fl-istess ordni ta’ ideat, il-Gvern Finlandiż argumenta, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ rabta bejn id-delimitazzjoni preċiża tal-eżenzjoni u l-garanzija tal-effikaċja tal-kontroll fiskali u tal-ġbir ta’ taxxi.

97.

Fil-fehma tiegħi, il-volontà li tingħata ċertezza legali fl-ebda każ ma tista’ tikkostitwixxi motiv leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet ta’ moviment. Li kieku dan kien il-każ, l-Istati Membri jkollhom kull possibbiltà li jimponu tali restrizzjonijiet bil-kundizzjoni li dawn ikunu previsti minn regoli li jiżguraw grad għoli ta’ ċertezza legali.

98.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li nuqqas ta’ ċertezza legali rigward regoli nazzjonali jista’ jirriżulta inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-regoli tad-dritt tal-Istati Membri għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod ċar u preċiż u lill-qrati nazzjonali li jiżguraw ir-rispett tagħhom ( 32 ).

99.

Madankollu, din il-ġurisprudenza mkien ma timplika li l-għan ta’ ċertezza legali jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment li tirriżulta minn aspetti oħra tar-regoli nazzjonali inkwistjoni.

100.

Barra minn hekk, u kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, diffikultajiet amministrattivi jew prattiċi lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw, waħedhom, il-preġudizzju lil libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat ( 33 ).

101.

Fit-tieni lok, il-Gvern Finlandiż invoka fil-qosor l-għan ta’ koerenza tal-iskema fiskali, billi enfasizza f’dan ir-rigward li l-eżenzjoni tirrigwarda l-fondi ta’ investiment li jistgħu jiġu stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni Finlandiża u l-fondi barranin kollha ekwivalenti.

102.

Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jirnexxi, għandha tkun stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni ta’ taxxa speċifika, fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 34 ).

103.

Issa, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-Gvern Finlandiż ma invokax l-eżistenza ta’ tali rabta diretta, neċessarja sabiex tali ġustifikazzjoni tista’ tirnexxi.

104.

Fl-aħħar u fit-tielet lok, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju il-fondi ta’ investiment Finlandiżi jistgħu jiġu suġġetti, fi Stati Membri oħra, għal leġiżlazzjoni iktar stretta minn dik applikabbli fil-Finlandja għall-fondi barranin, li tqajjem problema mill-perspettiva tan-newtralità tal-kompetizzjoni. Wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul huwa li l-fondi Finlandiżi u l-fondi barranin jitqiegħdu fuq l-istess livell.

105.

Madankollu, kif irrilevat essenzjalment il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li trattament fiskali sfavorevoli fi Stat Membru, li huwa kkonstatat li jmur kontra l-libertajiet fundamentali ta’ moviment, ma jistax jiġi kkunsidrat kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-eżistenza eventwali ta’ vantaġġi fiskali mogħtija fi Stat Membru ieħor ( 35 ).

106.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, nispeċifika wkoll li ebda motiv ta’ ġustifikazzjoni ma jista’ jiġi identifikat fil-punt 43 tas-sentenza Köln‑Aktienfonds Deka ( 36 ). Huwa minnu li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu, sabiex jinkoraġġixxu l-użu tal-impriżi ta’ investiment kollettiv, skema ta’ tassazzjoni partikolari applikabbli għal dawn l-impriżi.

107.

Madankollu, il-portata ta’ din l-ispeċifikazzjoni, li taqa’ f’serje ta’ kunsiderazzjonijiet introduttivi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma rrispondiet għad-domandi magħmula, għandha tinftiehem fid-dawl tal-punti sussegwenti ta’ din is-sentenza. Fihom, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw l-awtonomija fiskali tagħhom b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imposti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital ( 37 ).

108.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, konsegwentement, l-istabbiliment ta’ skema speċifika għall-impriżi ta’ investiment kollettiv, b’mod partikolari n-natura tal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex wieħed jibbenefika minnha u l-provi li għandhom jiġu prodotti għal dan il-għan, ma għandux jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ( 38 ).

109.

Fi kliem ieħor, l-istabbiliment ta’ tali skema ma jikkostitwixxix motiv validu li jippermetti l-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li tirriżulta mir-rekwiżit tal-forma kuntrattwali sabiex jingħata l-benefiċċju tat-trasparenza fiskali, ma hijiex iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

V. Konklużjoni

111.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Helsingin hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) kif ġej:

L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li rekwiżit tal-forma kuntrattwali, previst mil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru sabiex fond ta’ investiment ikun jista’ jibbenefika mit-trasparenza fiskali, imur kontra l-moviment liberu tal-kapital, sa fejn dan iwassal għall-esklużjoni ta’ fondi ta’ investiment ikkostitwiti fil-forma statutorja fi Stati Membri oħra minkejja li dawn il-fondi huma oġġettivament komparabbli, f’termini ta’ trasparenza, mal-fondi kkostitwiti fil-forma kuntrattwali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1).

( 3 ) Ara b’mod partikolari, Parada L., “Hybrid Entities and Conflicts of Allocation of Income Within Tax Treaties: Is New Article 1(2) of the OECD Model (Article 3(1) of the MLI) the Best Solution Available?”, British Tax Review, 2018, Nru 3, 335‑376, speċjalment p. 338 u 339: “Generally speaking a ‘hybrid entity’ is an entity that is considered to be a taxable or opaque entity in the country of its establishment, that is, it is an entity which is different from its owners and which is subject to corporate income taxation in its country of organisation. In the other country, however, the same entity is regarded as tax or fiscally transparent, that is, there will be no taxation at the level of the entity but rather there will be at the level of the partners. The same phenomenon of hybridity operates in the opposite direction also. That is to say, an entity can be treated as being tax transparent in the country of its establishment, but considered a taxable entity in the other country. These entities are known as ‘reserve hybrids entities’.” (“B’mod ġenerali, ‘entità ibrida’ hija entità li hija meqjusa bħala entità taxxabbli jew opaka fil-pajjiż tal-istabbiliment tagħha, jiġifieri, hija entità li hija differenti mis-sidien tagħha u li hija suġġetta għal taxxa fuq id-dħul fuq il-kumpanniji fil-pajjiż ta’ stabbiliment. Fil-pajjiż l-ieħor, madankollu, l-istess entità titqies bħala fiskalment trasparenti, jiġifieri, mhux ser ikun hemm tassazzjoni fil-livell tal-entità iżda pjuttost ser ikun hemm fil-livell tas-soċji. L-istess fenomenu ta’ ibridità fonzjonali jopera fid-direzzjoni opposta wkoll. Jiġifieri, entità tista’ tiġi ttrattata bħala fiskalment rasparenti fil-pajjiż tal-istabbiliment tagħha, iżda titqies bħala entità taxxabbli fil-pajjiż l-ieħor. Dawn l-entitajiet huma magħrufa bħala ‘entitajiet ibridi ta’ riżerva’.”

( 4 ) Ara b’mod partikolari, Parada, L., op. cit., u Brabazon, M., “Holding Proteus: Emerging Treaty Practice on Hybrid and Fiscally Transparent Entities”, British Tax Review, 2020, Nru 5, p. 670 sa 693.

( 5 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007 (C‑298/05, EU:C:2007:754, punti 13 sa 20). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:197, punti 19 sa 25).

( 6 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punti 35 sa 37).

( 7 ) C‑128/16 P, EU:C:2018:591.

( 8 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26, punti 23 sa 30) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutti fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2018:971, punti 47 sa 49).

( 9 ) Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) C‑52/16 u C‑113/16 (EU:C:2017:410, punti 50 sa 57).

( 11 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2018, Jahin (C‑45/17, EU:C:2018:18, punt 22); tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punti 52 sa 60), kif ukoll tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 5455).

( 12 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑35/11, EU:C:2012:707, punti 9192); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding (C‑504/16 u C‑613/16, EU:C:2017:1009, punt 78) kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vivendi (C‑719/18, EU:C:2020:627, punti 4041).

( 13 ) Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, Bouanich (C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 43); tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Damseaux (C‑128/08, EU:C:2009:471, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑157/10, EU:C:2011:813, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑21 ta’ Novembru 2013, X (C‑302/12, EU:C:2013:756, punt 28) u tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, K (C‑322/11, EU:C:2013:716, punt 80); tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka (C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 72) u tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale (C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 35).

( 17 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka (C‑156/17, EU:C:2020:51, punti 4546).

( 18 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, EU:C:2002:327, punti 39 sa 42); tat‑13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑98/01, EU:C:2003:273, punt 47); tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑543/08, EU:C:2010:669, punti 68 sa 72) u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka (C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 55).

( 19 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152-73, EU:C:1974:13, punt 11); tat‑3 ta’ Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral (62/81 u 63/81, EU:C:1982:34, punt 8); tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Sea‑Land Service u Nedlloyd Lijnen (C‑430/99 u C‑431/99, EU:C:2002:364, punt 36), kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2021, Novo Banco (C‑712/19, EU:C:2021:137, punt 31).

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju kif miġbura fil-qosor fil-punti 28 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jidher li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, A SCPI kienet marbuta li jkollha l-forma statutorja permezz tal-leġiżlazzjoni Franċiża. Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 48); kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale (C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 24).

( 23 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C‑650/16, EU:C:2018:424, punt 32); tal‑4 ta’ Lulju 2018, NN (C‑28/17, EU:C:2018:526, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara l-punti 16 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara l-punti 17 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Dan ir-rekwiżit huwa effettivament previst, għal ċerti fondi ta’ investiment ta’ proprjetà immobbli, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

( 28 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2021 (C‑480/19, EU:C:2021:334).

( 29 ) Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Dħul imħallas minn UCITS) (C‑480/19, EU:C:2021:334, punt 54), korsiv miżjud minni.

( 30 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 25); tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 74); tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 50), kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et (C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 105).

( 32 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1985, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (143/83, EU:C:1985:34, punt 10); tas‑26 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑120/88, EU:C:1991:74, punt 11); tas‑6 ta’ Marzu 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑478/01, EU:C:2003:134, punt 20), u tal‑15 ta’ April 2021, Finanzamt für Körperschaften Berlin (C‑868/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:285, punt 50).

( 33 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (124/85, EU:C:1986:490, punt 12); tat‑12 ta’ Lulju 1990, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑128/89, EU:C:1990:311, punt 22); tas‑27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659, punt 54), u tat‑3 ta’ Lulju 2019, Delfarma (C‑387/18, EU:C:2019:556, punt 30).

( 34 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C‑204/90, EU:C:1992:35, punt 21); tal‑14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, EU:C:2006:568, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C‑650/16, EU:C:2018:424, punt 45), kif ukoll tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 87).

( 35 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza (270/83, EU:C:1986:37, punt 21); tas‑26 ta’ Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr (C‑294/97, EU:C:1999:524, punt 44); tal‑15 ta’ Lulju 2004, Lenz (C‑315/02, EU:C:2004:446, punt 43); tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 49), kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C‑379/05, EU:C:2007:655, punti 7578).

( 36 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020 (C‑156/17, EU:C:2020:51).

( 37 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka (C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 45).

( 38 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln‑Aktienfonds Deka (C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 46).

Top